Brussell, 4.10.2021

COM(2021) 624 final

2021/0317(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru r-reżiljenza għall-Finlandja

{SWD(2021) 284 final}


2021/0317 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru r-reżiljenza għall-Finlandja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 1 , u b’mod partikulari l-Artikolu 20 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)It-tifqigħa tal-COVID-19 kellha impatt ta’ tfixkil fuq l-ekonomija tal-Finlandja. Fl-2019, il-prodott domestiku gross (PDG) per capita tal-Finlandja kien ta’ 139 % tal-medja tal-Unjoni. Skont it-tbassir tas-Sajf tal-2021 tal-Kummissjoni, il-PDG reali tal-Finlandja naqas bi 2,8 % fl-2020 u huwa mistenni li jonqos b’0,1 % b’mod kumulattiv fl-2020 u l-2021. Fost l-aspetti fit-tul b’impatt fuq il-prestazzjoni ekonomika fuq terminu medju, hemm it-tkabbir bil-mod fil-produttività, il-ħtiġijiet kbar ta’ investiment fit-tranżizzjoni ekoloġika u fir-riċerka u l-iżvilupp, il-livelli dejjem jogħlew ta’ dejn tal-unitajiet domestiċi u l-prestazzjoni tas-sistema soċjali u tal-kura tas-saħħa.

(2)Fid-9 ta’ Lulju 2019 u fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill indirizza r-rakkomandazzjonijiet lill-Finlandja fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. B’mod partikolari, il-Kunsill irrakkomanda lill-Finlandja biex ittejjeb il-kosteffettività tas-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa u l-aċċess ugwali għalihom, tindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, ittejjeb l-inċentivi għax-xogħol, ittejjeb il-ħiliet u l-inklużjoni attiva, tappoġġa l-impjiegi u ssaħħaħ il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, tiffoka l-politika relatata mal-investiment fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, issaħħaħ il-monitoraġġ tad-dejn tal-unitajiet domestiċi u tiżgura superviżjoni u infurzar effettivi tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus. Wara li vvalutat il-progress fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fiż-żmien tal-preżentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza (“RRP”), il-Kummissjoni ssib li r-rakkomandazzjonijiet dwar it-teħid tal-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, biex tiġi indirizzata b’mod effettiv il-pandemija, tiġi sostnuta l-ekonomija u jiġi appoġġat l-irkupru, ġew implimentati bis-sħiħ. Inkiseb progress sostanzjali fir-rigward tar-rakkomandazzjoni dwar it-teħid ta’ miżuri biex tiġi pprovduta likwidità lill-ekonomija reali, b’mod partikolari lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

(3)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro kienet tirrakkomanda lill-Istati Membri taż-żona tal-euro biex jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-RRPs tagħhom, sabiex fost l-oħrajn, jiżguraw pożizzjoni ta’ politika li tappoġġa l-irkupru u li tkompli ttejjeb il-konverġenza, ir-reżiljenza u t-tkabbir sostennibbli u inklużiv. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill irrakkomandat ukoll lill-Istati Membri taż-żona tal-euro biex isaħħu l-oqfsa istituzzjonali nazzjonali, jiżguraw l-istabbiltà makrofinanzjarja u jikkompletaw l-unjoni ekonomika u monetarja u jsaħħu r-rwol internazzjonali tal-euro.

(4)Fis-27 ta’ Mejju 2021, il-Finlandja ppreżentat l-RRP lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Din il-preżentazzjoni segwiet proċess ta’ konsultazzjoni, imwettaq f’konformità mal-qafas legali nazzjonali, li jinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħrajn. Is-sjieda nazzjonali tal-RRPs tirfed l-implimentazzjoni b’suċċess tagħhom u l-impatt dejjiemi tagħhom fil-livell nazzjonali u l-kredibbiltà fil-livell Ewropew. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-RRP, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stabbiliti fl-Anness V ta’ dak ir-Regolament.

(5)Jenħtieġ li l-RRPs isegwu l-objettivi ġenerali tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/241 (“il-Faċilità”) u tal-Istrument ta’ Rkupru tal-Unjoni Ewropea stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 2 sabiex jiġi appoġġat l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19. Jenħtieġ li huma jippromwovu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni billi jikkontribwixxu għas-sitt pilastri msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(6)L-implimentazzjoni tal-RRPs tal-Istati Membri se tikkostitwixxi sforz ikkoordinat li jinvolvi riformi u investimenti fl-Unjoni kollha. Permezz tal-implimentazzjoni kkoordinata u simultanja tal-implimentazzjoni ta’ proġetti transfruntiera u multinazzjonali, riformi u investimenti bħal dawn se jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku u se jiġġeneraw effetti konsegwenzjali pożittivi fl-Unjoni. Għalhekk, madwar terz tal-impatt tal-Faċilità fuq it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi se jiġi minn effetti konsegwenzjali minn Stati Membri oħra.

Rispons ibbilanċjat li jikkontribwixxi għas-sitt pilastri

(7)F’konformità mal-Artikolu 19(3) il-punt (a) u l-Anness V, il-kriterju 2.1 tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP jirrappreżenta fil-parti l-kbira (Klassifikazzjoni A) rispons komprensiv u bbilanċjat b’mod adegwat għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali, u b’hekk jikkontribwixxi b’mod xieraq għas-sitt pilastri kollha msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu l-isfidi speċifiċi li jiffaċċja l-Istat Membru kkonċernat u l-allokazzjoni finanzjarja li ngħatat lilu.

(8)L-RRP jinkludi miżuri li jikkontribwixxu għas-sitt pilastri kollha, b’għadd sinifikanti tal-komponenti tal-RRP li jindirizzaw diversi pilastri simultanjament. Approċċ bħal dan jgħin biex jiżgura li kull pilastru jiġi indirizzat b’mod komprensiv u koerenti. Barra minn hekk, minħabba l-isfidi speċifiċi tal-Finlandja, l-enfasi partikolari fuq it-tranżizzjoni ekoloġika kif ukoll fuq it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, flimkien mal-ponderazzjoni globali bejn il-pilastri, l-RRP jipprovdi fil-biċċa l-kbira rispons komprensiv u bbilanċjat b’mod adegwat għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali.

(9)Fir-rigward tal-pilastru tat-tranżizzjoni ekoloġika, għadd kbir ta’ miżuri fl-RRP kollu kemm hu jikkontribwixxu għall-objettiv tal-Finlandja li tilħaq in-newtralità karbonika sal-2035. Miżuri bħal dawn jinkludu b’mod partikolari riformi u investimenti li jagħtu spinta lis-sehem ta’ sorsi rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija, id-dekarbonizzjoni tal-industrija, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-bini pubbliku u privat, u l-promozzjoni ta’ forom ta’ trasport b’emissjonijiet baxxi.

(10)Biex jippromwovi tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, l-RRP jipprevedi miżuri biex tiżdied ir-rata tal-impjiegi, biex jiġi attirat it-talent internazzjonali u biex tiżdied il-produttività. Biex itaffi x-xokkijiet avversi u jirrispondi aħjar għall-kriżijiet, l-RRP jinkludi azzjonijiet biex jiġu indirizzati kwistjonijiet li ilhom jeżistu ta’ aċċess ugwali u kosteffettività tas-sistema soċjali u tal-kura tas-saħħa. L-RRP ikopri b’mod komprensiv il-pilastru tat-trasformazzjoni diġitali fid-dimensjonijiet differenti tiegħu, b’diversi komponenti mmirati lejn it-trasformazzjoni diġitali direttament jew indirettament. Filwaqt li l-Finlandja hija mexxejja dinjija fil-qasam diġitali, l-RRP huwa mistenni li jindirizza l-lakuni li fadal fl-infrastruttura diġitali billi jtejjeb u jestendi n-networks tal-broadband b’veloċità għolja. Barra minn hekk, ir-riformi u l-investimenti huma mistennija li jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni tan-negozji u tas-settur pubbliku, inkluż fil-qasam tal-kura soċjali u tas-saħħa, itejbu l-ħiliet diġitali, irawmu r-riċerka u l-innovazzjoni fit-teknoloġiji diġitali, jappoġġaw l-iżvilupp taċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-informazzjoni u jinvestu fid-diġitalizzazzjoni tas-servizzi ferrovjarji.

(11)L-RRP huwa mistenni li jikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-koeżjoni u l-konverġenza billi jindirizza d-differenzi reġjonali eżistenti fil-provvista tas-servizzi pubbliċi kif ukoll il-lakuni li fadal fl-aċċess għall-broadband. Fir-rigward tal-politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss, ir-riformi u l-investimenti għandhom l-għan li jappoġġaw it-tagħlim kontinwu, inkluż permezz ta’ pjattaformi diġitali u servizzi online aktar integrati, u jżidu l-postijiet ta’ studju tal-edukazzjoni għolja relatati mas-setturi affettwati min-nuqqas ta’ ħaddiema.

L-indirizzar tal-isfidi kollha, jew subsett sinfikanti minnhom, identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż

(12)Skont l-Artikolu 19(3) il-punt (b) tal-Anness V, il-kriterju 2.2, tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP huwa mistenni li jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinfikanti minnhom (Klassifikazzjoni A) identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Finlandja, inklużi l-aspetti fiskali tagħhom, jew l-isfidi identifikati f’dokumenti rilevanti oħra adottati uffiċjalment mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

(13)L-RRP jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku u li jikkontribwixxu biex jindirizzaw b’mod effettiv subsett sinifikanti tal-isfidi ekonomiċi u soċjali kollha deskritti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Finlandja mill-Kunsill fis-Semestru Ewropew fl-2019 u fl-2020, b’mod partikolari fl-oqsma tal-ħiliet, l-inklużjoni attiva, is-servizzi integrati għall-persuni qiegħda u dawk inattivi, ir-riċerka u l-innovazzjoni, it-tranżizzjoni lejn livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u t-tranżizzjoni enerġetika u l-monitoraġġ tad-dejn tal-unitajiet domestiċi. Ir-riformi u l-investimenti fl-RRP għandhom ukoll l-għan li jikkontribwixxu għall-kosteffettività u l-aċċess ugwali għas-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa. Barra minn hekk, huma inklużi miżuri li jsaħħu s-superviżjoni u l-infurzar effikaċji tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus.

(14)L-RRP fih diversi riformi u investimenti mmirati biex jappoġġaw l-impjiegi u jżidu r-rata tal-impjiegi billi jtejbu s-servizzi integrati għall-persuni qiegħda u l-politiki mhux attivi kif ukoll dawk attivi tas-suq tax-xogħol, b’enfasi speċifika fuq iż-żgħażagħ u persuni b’kapaċità parzjali ta’ xogħol. Huma inklużi miżuri biex jissaħħu l-ħiliet għas-suq tax-xogħol, speċjalment fil-kuntest tat-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika, inkluż għal dawk fi gruppi sottorappreżentati b’ħiliet baxxi.

(15)L-RRP huwa mistenni jikkontribwixxi għar-reżiljenza tas-sistema soċjali u tal-kura tas-saħħa. Ir-riforma strutturali li tindirizza l-garanzija tal-kura bħala parti mir-riforma soċjali u tal-kura tas-saħħa flimkien ma’ investimenti sostanzjali huma mistennija jtejbu l-aċċess ugwali għas-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa u l-kosteffettività tagħhom. L-enfasi hija primarjament fuq xejriet li qed jinbidlu tal-kura tas-saħħa, il-provvista ta’ soluzzjonijiet ġodda, b’mod partikolari dawk diġitali, l-identifikazzjoni bikrija tal-problema, u l-iżvilupp ta’ servizzi soċjali u tas-saħħa bi threshold baxx. Dan huwa akkumpanjat b’miżuri biex titjieb il-kosteffettività permezz ta’ sforzi ta’ diġitalizzazzjoni fil-mira, inkluż disponibbiltà mtejba tad-data u teħid ta’ deċiżjonijiet bbażat fuq l-evidenza, kif ukoll l-użu ta’ soluzzjonijiet eletroniċi tas-saħħa. L-RRP għandha l-għan ukoll li żżid l-għadd ta’ postijiet ta’ studju tal-edukazzjoni għolja relatati mas-setturi affettwati min-nuqqas ta’ ħaddiema. Dan huwa mistenni li jikkontribwixxi biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħaddiema tas-saħħa fit-terminu medju.

(16)L-RRP għandu enfasi qawwija fuq l-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni, it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u t-tranżizzjoni enerġetika, u infrastruttura sostenibbli u effiċjenti. L-iskemi ta’ sussidju għandhom l-għan li jagħtu spinta lill-investimenti f’teknoloġiji ġodda tal-enerġija nadifa, filwaqt li jippromwovu l-użu ta’emissjonijiet baxxi jew żero u d-dekarbonizzazzjoni tal-industriji. Miżuri mmirati jappoġġaw l-investimenti diġitali, inkluż fl-infrastruttura diġitali, il-mikroelettronika, is-6G, l-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku.

(17)Ir-rakkomandazzjonijiet relatati mar-rispons immedjat tal-politika fiskali għall-pandemija jistgħu jitqiesu li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-RRP tal-Finlandja, minkejja l-fatt li l-Finlandja ġeneralment wieġbet b’mod adegwat u suffiċjenti għall-ħtieġa immedjata li l-ekonomija tiġi appoġġata permezz ta’ mezzi fiskali fl-2020 u fl-2021, f’konformità mal-klawsola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjoni biex isir progress suffiċjenti lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fl-2020 ma għadhiex rilevanti, kemm minħabba l-iskadenza tal-perjodu baġitarju korrispondenti kif ukoll minħabba l-attivazzjoni f’Marzu 2020 tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19.

Kontribut lejn il-potenzjal tat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali

(18)F’konformità mal-Artikolu 19(3) il-punt (c) u l-Anness V, il-kriterju 2.3 tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP huwa mistenni li jkollu impatt qawwi (Klassifikazzjoni A) fuq it-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi, u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali tal-Finlandja, filwaqt li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ politiki għat-tfal u ż-żgħażagħ, u fuq it-taffija tal-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi tal-COVID-19, u b’hekk isaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u l-konverġenza fl-Unjoni.

(19)Is-simulazzjonijiet mis-servizzi tal-Kummissjoni juru li l-RRP, flimkien mal-bqija tal-miżuri tal-Istrument għall-Irkupru tal-Unjoni Ewropea, għandu l-potenzjal li jżid il-PDG tal-Finlandja b’0,4 % sa 0,6 % sal-2026, bl-esklużjoni tal-impatt pożittiv possibbli tar-riformi strutturali, li jista’ jkun sostanzjali. L-RRP jinkludi għadd sinifikanti ta’ riformi u investimenti li huma mistennija jippromwovu tkabbir intelliġenti u sostenibbli, f’konformità mal-Istrateġija Industrijali Ewropea, biex jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi filwaqt li tiżdied il-kompetittività u l-potenzjal tat-tkabbir tal-Finlandja. Il-miżuri huma mistennija wkoll jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa, jindirizzaw il-qgħad strutturali u jappoġġaw l-investiment privat u t-tkabbir tal-SMEs. Jenħtieġ li l-enfasi sostanzjali tal-RRP fuq id-diġitalizzazzjoni tagħti spinta lit-tkabbir tal-produttività u l-investiment fl-innovazzjoni.

(20)L-RRP jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inklużi l-prinċipji dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-opportunitajiet indaqs, l-appoġġ attiv għall-impjiegi, l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabbiltà, u l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll inizjattivi oħra tal-UE, bħall-Aġenda għall-Ħiliet tal-UE, l-inizjattiva ewlenija tal-UE għat-Taħriġ mill-Ġdid u t-Titjib tal-Ħiliet, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (VET) u l-Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet, u r-Rakkomandazzjoni tal-Appoġġ Attiv Effettiv għall-Impjieg (EASE, Effective Active Support to Employment). L-RRP huwa konformi mal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. B’mod partikolari, l-appoġġ previst ta’ servizzi integrati tal-impjiegi, tas-saħħa, soċjali u tal-edukazzjoni għaż-żgħażagħ huwa mistenni li jgħin fil-prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali taż-żgħażagħ u jtejjeb il-prospetti ta’ impjieg tagħhom.

(21)L-RRP għandu wkoll l-għan li jtaffi x-xogħol b’lura ta’ servizzi ta’ kura kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 u jtejjeb ir-reżiljenza tas-sistema soċjali u tal-kura tas-saħħa, u b’hekk isaħħaħ r-reżiljenza istituzzjonali, inaqqas il-vulnerabbiltajiet għax-xokkijiet u jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(22)L-RRP huwa mistenni jikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-koeżjoni u l-konverġenza billi jindirizza d-differenzi reġjonali eżistenti fil-forniment tas-servizzi. Il-koeżjoni mtejba għandha tinkiseb prinċipalment permezz ta’ servizzi pubbliċi tal-impjiegi aktar integrati, l-estensjoni tal-kapaċità tax-xogħol integrata u s-servizzi tas-saħħa mentali għal reġjuni ġodda, u t-tisħiħ ta’ servizzi integrati għaż-żgħażagħ b’punt uniku ta’ servizz fil-muniċipalitajiet.

La tagħmilx ħsara sinifikanti

(23)F’konformità mal-Artikolu 19(3) il-punt (d) u l-Anness V, il-kriterju 2.4 tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP huwa mistenni jiżgura li l-ebda miżura (Klassifikazzjoni A) għall-implimentazzjoni ta’ riformi u proġetti ta’ investiment inkluża fl-RRP ma tagħmel ħsara sinifikanti lill-objettivi ambjentali fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 (il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”).

(24)L-RRP jiżgura għal kull riforma u kull investiment li ma ssir l-ebda ħsara sinifikanti lil xi wieħed mis-sitt objettivi ambjentali skont it-tifsira tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852, jiġifieri l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament għat-tibdil fil-klima, l-użu sostenibbli u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma u tal-baħar, l-ekonomija ċirkolari, il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis, u l-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi. Il-Finlandja pprovdiet ġustifikazzjonijiet skont il-gwida teknika “tagħmilx ħsara sinifikanti” tal-Kummissjoni Ewropea (2021/C 58/01) għall-miżuri kollha inklużi fl-RRP. Fejn meħtieġ, il-Finlandja pproponiet miżuri ta’ mitigazzjoni jew inkludiet elementi speċifiċi fit-tfassil tal-miżuri biex tiġi evitata ħsara sinifikanti, li jenħtieġ li tiġi żgurata permezz ta’ stadji importanti rilevanti.

(25)Ingħatat attenzjoni partikolari lill-miżuri li l-impatt tagħhom fuq l-objettivi ambjentali jeħtieġ skrutinju mill-qrib. L-RRP tal-Finlandja jinkludi diversi skemi ta’ investiment wesgħin, li l-konformità tagħhom mal-prinċipju ta’ “tagħmilx ħsara sinifikanti” ma tistax tiġi stabbilita qabel il-fażi ta’ implimentazzjoni tagħhom. Dan huwa partikolarment il-każ għal skemi ta’ appoġġ strateġiku li jkopru installazzjonijiet fl-ambitu tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet kif ukoll skemi oħra ta’ appoġġ wiesa’ inklużi investimenti fl-infrastruttura tal-enerġija, appoġġ għall-qbid u l-użu tal-idroġenu u tad-diossidu tal-karbonju, u l-investimenti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni b’appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika. Il-kriterji ta’ eliġibbiltà għal sejħiet futuri għal proġetti għandhom jeskludu attivitajiet dannużi u jirrikjedu li jistgħu jintgħażlu biss dawk l-attivitajiet li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ambjentali nazzjonali u tal-UE. Il-verifika tal-konformità tal-investimenti skont il-prinċipju “tagħmilx ħsara sinifikanti” tal-investimenti jenħtieġ li ssir vinkolanti permezz ta’ stadju importanti marbut mat-tnedija ta’ kull sejħa għal proġetti.

Kontribut għat-tranżizzjoni ekoloġika inkluża l-bijodiversità

(26)F’konformità mal-Artikolu 19(3) il-punt (e) u l-Anness V, il-kriterju 2.5, tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP jinkludi miżuri li fil-parti l-kbira (Klassifikazzjoni A) jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità, jew jindirizzaw l-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi jammontaw għal ammont li jirrappreżenta 50,1 % tal-allokazzjoni totali tal-RRP ikkalkulata skont il-metodoloġija stabbilita fl-Anness VI tal-istess Regolament. F’konformità mal-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament, l-RRP huwa konsistenti mal-informazzjoni inkluża fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima 2021-2030.

(27)Ir-riformi u l-investimenti huma mistennija jagħtu kontribut sinifikanti għall-avvanz tal-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni u tat-tranżizzjoni enerġetika tal-Finlandja kif stabbiliti fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima 2030 (NECP 2030), u b’hekk jikkontribwixxu għall-mira klimatika tal-Unjoni. Għadd sinifikanti ta’ miżuri inklużi fl-RRP jappoġġaw l-objettiv klimatiku filwaqt li għadd kbir ta’ miżuri għandhom ukoll l-għan li jikkontribwixxu għall-objettiv ambjentali, inkluża l-bijodiversità. Barra minn hekk, uħud mill-miżuri li jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jistgħu jkunu wkoll ta’ benefiċċju għall-preservazzjoni tal-bijodiversità, peress li t-tibdil fil-klima huwa wieħed mit-theddidiet ewlenin għall-bijodiversità. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri hija mistennija li jkollha impatt dejjiemi, b’mod partikolari billi tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni ekoloġika, it-titjib tal-bijodiversità, u l-protezzjoni ambjentali.

(28)L-investiment fit-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli jikkostitwixxi parti kbira mill-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi. Miżuri sinifikanti oħra li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi jew ambjentali huma pprovduti mill-investimenti fid-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-istokk tal-bini, it-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-settur tat-trasport u ż-żieda fir-rati tar-riċiklaġġ u tal-użu mill-ġdid. Pakkett ta’ investimenti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni biex jappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika huwa inkluż ukoll fl-RRP.

Kontribut għat-tranżizzjoni diġitali

(29)F’konformità mal-Artikolu 19(3) il-punt (f) u l-Anness V, il-kriterju 2.6, tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP fih miżuri li fil-parti l-kbira jikkontribwixxu (Klassifikazzjoni A) għat-tranżizzjoni diġitali jew għall-indirizzar tal-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi diġitali jammontaw għal ammont li jirrappreżenta 27,0 % tal-allokazzjoni totali tal-RRP, ikkalkulata skont il-metodoloġija stabbilita fl-Anness VII ta’ dak ir-Regolament.

(30)Il-miżuri fl-RRP jikkontribwixxu biex jindirizzaw l-isfidi tal-Finlandja relatati mat-tranżizzjoni diġitali. B’mod partikolari, filwaqt li l-konnettività diġitali tal-Finlandja hija ġeneralment avvanzata sew, l-infrastruttura diġitali hija nieqsa fiż-żoni rurali. Jenħtieġ li l-appoġġ għall-konnettività tal-broadband b’veloċità għolja jgħin biex jitjieb l-aċċess għal konnessjonijiet b’veloċità għolja f’żoni b’popolazzjoni baxxa, fl-interess tal-produttività u taż-żamma tal-attività ekonomika f’dawk ir-reġjuni. Biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa fis-settur tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT), minkejja l-livell għoli ġenerali ta’ ħiliet diġitali fost il-popolazzjoni Finlandiża, l-RRP fih miżuri biex tiżdied id-disponibbiltà tal-postijiet ta’ studju fl-oqsma rilevanti għas-settur tal-ICT u biex jiġi riformat il-qafas ta’ tagħlim kontinwu, kif ukoll biex tissaħħaħ il-promozzjoni tal-ħiliet diġitali.

(31)Ir-riformi u l-investimenti fl-RRP huma mistennija jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni diġitali fil-Finlandja f’diversi oqsma, billi jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni tan-negozji, b’mod partikolari l-SMEs, u tas-settur pubbliku, irawmu ċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-informazzjoni, u jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni fit-teknoloġiji ewlenin, inklużi s-semikondutturi, l-intelliġenza artifiċjali u s-6G. Id-diġitalizzazzjoni hija indirizzata wkoll bħala tema trasversali billi jintużaw soluzzjonijiet diġitali bħala parti minn miżuri oħra biex jgħinu sabiex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi u ambjentali, inkluża d-diġitalizzazzjoni tal-infrastruttura tat-trasport u tal-enerġija. Bl-istess mod, hemm enfasi qawwija fuq soluzzjonijiet diġitali tas-saħħa, li jvarjaw mill-użu tal-analitika tad-data għat-titjib tad-dijanjostika għall-investimenti fis-servizzi elettroniċi tas-saħħa biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-kura.

Impatt fit-tul

(32)F’konformità mal-Artikolu 19(3) il-punt (g) tal-Anness V, il-kriterju 2.7 tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP huwa mistenni li jkollu impatt fil-biċċa l-kbira tiegħu fit-tul fuq il-Finlandja (Klassifikazzjoni A).

(33)L-implimentazzjoni tal-miżuri inklużi fl-RRP hija mistennija li ġġib magħha bidliet strutturali għall-amministrazzjoni pubblika li għandhom itejbu l-effettività u l-effiċjenza tagħha. Riforma tat-tassazzjoni fuq l-enerġija hija mistennija li tikkontribwixxi għall-ekoloġizzazzjoni strutturali tal-politika fiskali fil-Finlandja. Jenħtieġ li r-riformi fil-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, f’konformità mal-mudell Nordiku tas-servizzi tal-impjiegi jikkontribwixxu biex iżidu l-provvista tax-xogħol u jtejbu l-impjegabbiltà ta’ dawk li qed ifittxu impjieg u tal-gruppi sottorappreżentati fis-suq tax-xogħol. Ir-riforma tas-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa hija mistennija żżid ir-reżiljenza tal-Finlandja fit-tul.

(34)L-appoġġ qawwi ta’ investiment inkluż fl-RRP għandu jkompli jagħti spinta lil soluzzjonijiet ġodda u innovattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju għall-ekonomija. Dan għandu jaċċellera t-tkabbir ta’ setturi emerġenti, filwaqt li joħloq aktar opportunitajiet għat-tkabbir ekonomiku. L-enfasi tal-pjan fuq l-investimenti fid-diġitalizzazzjoni f’ħafna setturi hija mistennija żżid il-produttività fit-tul. L-impatt fit-tul tal-RRP jista’ jissaħħaħ ukoll permezz ta’ sinerġiji bejn l-RRP u programmi oħra, inkluż dawk iffinanzjati mill-fondi ta’ politika ta’ koeżjoni, b’mod partikolari billi jindirizza sfidi territorjali b’mod sostantiv u jippromwovi żvilupp ibbilanċjat.

Monitoraġġ u implimentazzjoni

(35)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (h), u l-Anness V, il-kriterju 2.8 tar-Regolament (UE) 2021/241, l-arranġamenti proposti fl-RRP huma adegwati (Klassifikazzjoni A) biex jiżguraw monitoraġġ u implimentazzjoni effettivi tal-RRP, inklużi l-iskeda ta’ żmien prevista, l-istadji importanti u l-miri, u l-indikaturi relatati.

(36)Il-Ministeru għall-Finanzi tar-Repubblika tal-Finlandja se jkun responsabbli għall-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-pjan. Għandu responsabbiltajiet assenjati b’mod ċar u struttura adegwata għall-implimentazzjoni tal-pjan, il-monitoraġġ tal-progress u r-rappurtar.

(37)L-istadji importanti u l-miri proposti ddefiniti fl-RRP tal-Finlandja huma realistiċi u l-indikaturi proposti għall-istadji importanti u l-miri huma rilevanti, aċċettabbli u robusti. Dawn huma ċari u komprensivi biżżejjed biex jiżguraw li t-tlestija tagħhom tkun tista’ tiġi traċċata u vverifikata. Barra minn hekk, it-tqassim tal-istadji importanti u l-miri f’fażijiet differenti jippermetti monitoraġġ xieraq tal-progress biex jinkisbu l-objettivi tal-pjan u għall-iskedar tal-pagamenti. L-istadji importanti u l-miri huma rilevanti wkoll għall-miżuri li diġà tlestew li huma eliġibbli skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) 2021/241. It-twettiq sodisfaċenti ta’ dawn l-istadji importanti u l-miri maż-żmien huwa meħtieġ biex tiġi ġġustifikata talba ta’ żborż.

(38)L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-appoġġ finanzjarju fl-ambitu tal-Faċilità jiġi kkomunikat u rikonoxxut f’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2021/241. L-appoġġ tekniku jista’ jintalab fl-ambitu tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 biex jassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-RRPs tagħhom.

Spejjeż

(39)F’konformità mal-Artikolu 19(3) il-punt (i) u l-Anness V, il-kriterju 2.9, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-ġustifikazzjoni mogħtija fl-RRP dwar l-ammont tal-ispejjeż totali stmati tal-RRP hija moderatament (Klassifikazzjoni B) raġonevoli u plawżibbli, hija konformi mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza u hija proporzjonata għall-impatt ekonomiku u soċjali nazzjonali mistenni.

(40)Il-Finlandja pprovdiet stimi tal-ispejjeż individwali għall-komponenti kollha tal-RRP, filwaqt li tibbaża fuq għadd ta’ sorsi biex tiġġustifika l-kostijiet tal-investimenti u r-riformi. Dawn jinkludu sejħiet ta’ interess għal proġetti f’setturi simili jew b’karatteristiċi simili, kuntratti ta’ akkwist pubbliku li jirreferu għal servizzi simili jew investimenti tal-passat, valutazzjonijiet tal-impatt tal-gvern, studji akkademiċi u referenzi esterni oħra, inkluż dwar ħtiġijiet ta’ investiment settorjali, ipprovduti minn organizzazzjonijiet internazzjonali. Abbażi tad-dokumentazzjoni pprovduta, il-metodoloġiji użati għall-kalkolu tal-kostijiet tal-biċċa l-kbira tal-miżuri fil-pjan huma meqjusa affidabbli u jikkostitwixxu raġunijiet suffiċjenti għal valutazzjoni pożittiva tar-raġonevolezza u l-plawżibbiltà tagħhom. Madankollu, l-evidenza ppreżentata biex tirfed il-metodoloġiji tista’ f’xi każijiet tkun aktar granulari u tipprovdi informazzjoni aktar komprensiva dwar l-ispejjeż, b’mod partikolari fir-rigward ta’ xi skemi ta’ investiment orizzontali. Fl-aħħar nett, l-ispiża totali stmata tal-RRP hija konformi mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza u hija proporzjonata mal-impatt ekonomiku u soċjali nazzjonali mistenni.

Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

(41)Skont l-Artikolu 19(3), il-punt (j), u l-Anness V, il-kriterju 2.10, tar-Regolament (UE) 2021/241, l-arranġamenti proposti fl-RRP u l-miżuri addizzjonali li jinsabu f’din id-Deċiżjoni huma adegwati (Klassifikazzjoni A) biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitti ta’ interess meta jintużaw il-fondi previsti skont dak ir-Regolament, u l-arranġamenti huma mistennija li jevitaw b’mod effettiv il-finanzjament doppju fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament u ta’ programmi oħra tal-Unjoni. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ strumenti u għodod oħra li jippromwovu u jinfurzaw il-konformità mad-dritt tal-Unjoni, inkluż għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-korruzzjoni, tal-frodi u tal-kunflitti ta’ interess, u għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 .

(42)Il-pjan jiddeskrivi b’mod xieraq is-sistema stabbilita għall-implimentazzjoni, il-kontroll u l-awditu. Is-sistema ta’ kontroll u ta’ awditu hija bbażata fuq proċessi u strutturi robusti. Parti mill-istruttura għadha kif ġiet stabbilita. Jenħtieġ li l-Ministeru tal-Finanzi jkollu r-responsabbiltà ġenerali għall-implimentazzjoni tal-pjan u jenħtieġ li jiddependi fuq ministeri u korpi oħra ta’ implimentazzjoni għal aspetti operazzjonali u amministrattivi. Jenħtieġ li l-Ministru tal-Finanzi jiġi appoġġat mis-Segretarjat Tekniku inkarigat li jiżgura l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-pjan. Id-diviżjoni tal-kompiti bejn il-Ministeru tal-Finanzi u ministeri rilevanti oħra huwa ċar u r-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom huma delineati b’mod adegwat. Pass importanti għandu jirrikjedi d-dħul fis-seħħ ta’ liġi nazzjonali li tistabbilixxi l-mandati legali għall-korpi involuti fil-koordinazzjoni, il-monitoraġġ, il-kontroll u l-awditjar tal-implimentazzjoni tal-RRP Finlandiża. Jenħtieġ li l-istadju importanti jintlaħaq qabel ma titressaq l-ewwel talba għall-ħlas lill-Kummissjoni.

(43)Jenħtieġ li l-Ministeru tal-Finanzi jiżgura t-twettiq tal-obbligi ta’ kontroll u awditjar li jirriżultaw mir-Regolament (UE) 2021/241. Il-funzjoni ta’ kontroll u ta’ awditu tinkludi segregazzjoni ċara u xierqa tal-kompiti fil-Ministeru. Jenħtieġ li l-atturi responsabbli għall-kontrolli jkollhom is-setgħa legali u l-kapaċità amministrattiva biex jeżerċitaw ir-rwoli u l-kompiti previsti tagħhom. B’mod ġenerali, is-sistema ta’ kontroll u arranġamenti rilevanti oħra, inkluż it-twaqqif ta’ sistema ta’ repożitorju ġdida għall-ġbir, il-ħżin u d-disponibbiltà ta’data dwar ir-riċevituri finali, huma vvalutati bħala adegwati fir-rigward tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u r-rettifika tal-korruzzjoni, il-frodi, il-kunflitti ta’ interess meta jintużaw il-fondi fl-ambitu tal-Faċilità u biex jiġi evitat il-finanzjament doppju ma’ programmi oħra tal-Unjoni.

(44)Jenħtieġ li stadju importanti jiżgura li sistema ta’ repożitorju għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-pjan tkun fis-seħħ u operattiva qabel is-sottomissjoni tal-ewwel talba għal pagament lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li s-sistema tinkludi, bħala minimu, il-funzjonalitajiet li ġejjin: (a) il-ġbir tad-data u l-monitoraġġ tal-kisba tal-istadji importanti u l-miri; (b) tiġbor, taħżen u tiżgura l-aċċess għad-data meħtieġa mill-Artikolu 22(2), il-punt (d) tar-Regolament (UE) 2021/241. Jenħtieġ li jsir rapport tal-awditjar iddedikat rigward is-sistema biex jiġu kkonfermati l-funzjonalitajiet tas-sistema ta’ repożitorju.

Koerenza tal-RRP

(45)F’konformità mal-Artikolu 19(3) il-punt (k) u l-Anness V, il-kriterju 2.11 tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP jinkludi fil-parti l-kbira (Klassifikazzjoni A) miżuri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u proġetti ta’ investiment pubbliku li jirrappreżentaw azzjonijiet koerenti.

(46)L-RRP tal-Finlandja jippreżenta pakkett komprensiv u bbilanċjat ta’ riformi u investimenti. Il-miżuri fi ħdan il-komponenti jsaħħu lil xulxin u l-komponenti kollha jinkludu sett ta’ riformi ta’ investimenti bbilanċjati tajjeb. Barra minn hekk, ir-rabta bejn ir-riformi u l-investimenti hija stabbilita sew u l-miżuri jsaħħu u jikkomplementaw lil xulxin u jgħinu biex jindirizzaw l-isfidi identifikati. Il-miżuri huma konsistenti mal-oqfsa u l-istrateġiji ta’ politika nazzjonali rilevanti, bħall-programm tal-gvern u l-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima. Il-miżuri proposti fil-komponenti ma jikkontradixxux jew jimminaw l-effettività ta’ xulxin, u lanqas ma ġew identifikati xi inkonsistenzi jew kontradizzjonijiet bejn komponenti differenti.

Ugwaljanza

(47)Il-pjan fih sensiela ta’ miżuri li huma mistennija jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-isfidi fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd. Dawn jinkludu riformi tal-impjiegi u tas-suq tax-xogħol iddedikati għall-iżvilupp ta’ servizzi aktar integrati, li huma disponibbli u aċċessibbli għal kulħadd u jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ gruppi żvantaġġati, inklużi persuni b’kapaċità parzjali ta’ xogħol, persuni li huma diffiċli biex jiġu impjegati u migranti. Isiru wkoll dispożizzjonijiet għal gruppi vulnerabbli fil-kuntest tar-riforma tas-sistema soċjali u tal-kura tas-saħħa. Miżuri li jindirizzaw il-kapaċità parzjali tax-xogħol, speċjalment miżuri li jappoġġaw il-benesseri mentali, huma mistennija li jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Miżuri oħra, inkluż l-aċċellerazzjoni tad-diġitalizzazzjoni u t-titjib tad-disponibbiltà reġjonali ta’ konnessjonijiet broadband b’veloċità għolja, għandhom l-għan li jiffaċilitaw xogħol indipendenti li jagħmilha aktar faċli għan-nisa u l-irġiel biex jirrikonċiljaw ix-xogħol u l-ħajja tal-familja.

Awtovalutazzjoni tas-sigurtà

(48)F’konformità mal-Artikolu 18(4), il-punt (g) tar-Regolament (UE) 2021/241 għal investimenti fl-infrastruttura tal-konnettività, l-ambjenti tal-iżvilupp għas-6G, l-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku, kif ukoll investimenti f’eżerċizzji u taħriġ dwar iċ-ċibersigurtà, il-pjan jindika li valutazzjoni tar-riskju u pjan ta’ ġestjoni tar-riskju huma mħejjija għal kull proġett u li r-riskji tas-sigurtà huma indirizzati matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett. Il-pjan jindika wkoll li se jiġi żgurat it-twettiq tar-rekwiżiti tas-sigurtà ċibernetika għall-prodotti u s-servizzi assoċjati mal-proġett, u li se jintużaw sistemi ta’ ċertifikazzjoni eventwali, jekk ikun meħtieġ. Ir-rekwiżiti tas-sigurtà se jiġu żgurati fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti u, fejn meħtieġ, se jiġu applikati l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni tas-sigurtà tal-persunal u tal-kumpanija. Għal investimenti tal-konnettività, il-pjan jiddeskrivi l-qafas leġiżlattiv nazzjonali, li jqis is-sett ta’ għodod tal-UE għal networks sikuri tal-5G. Pereżempju, l-apparat li jista’ jipperikola s-sigurtà nazzjonali ma jistax jintuża f’partijiet kritiċi tan-networks tal-komunikazzjoni.

Proġetti transfruntiera u li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed

(49)L-RRP jinkludi miżuri li jippermettu lill-kumpaniji Finlandiżi jipparteċipaw fi Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEI) fl-oqsma tal-mikroelettronika u tal-idroġenu rinnovabbli. L-objettiv tal-investiment fir-riċerka dwar iċ-ċibersigurtà huwa li tinħoloq pjattaforma multilingwi għall-iżvilupp u t-tagħlim tal-ħiliet taċ-ċibersigurtà li jistgħu jintużaw fl-Istati Membri kollha.

Proċess ta’ konsultazzjoni

(50)Sabiex tiżdied is-sjieda nazzjonali tal-pjan, il-Finlandja kkonsultat firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati u ta’ gruppi ta’ interess oħrajn matul il-fażi preparatorja tal-RRP. Il-konsultazzjonijiet ġew imwettqa f’diversi formati, inklużi avvenimenti reġjonali u tematiċi biex il-parteċipanti jiġu infurmati dwar it-tħajjija tal-pjan u biex jinġabru l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati rigward il-prijoritajiet ta’ finanzjament u l-kontenut tal-pjan. Ġew mistiedna firxa wiesgħa ta’ atturi għall-avvenimenti inklużi rappreżentanti ta’ kunsilli reġjonali, bliet, sħab soċjali, industrija u organizzazzjonijiet kummerċjali, organizzazzjonijiet nongovernattivi u istituzzjonijiet edukattivi.

(51)Sabiex tiġi żgurata s-sjieda mill-atturi rilevanti, huwa kruċjali li jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u l-partijiet interessati kkonċernati, inklużi s-sħab soċjali, matul l-implimentazzjoni tal-investimenti u r-riformi inklużi fl-RRP.

Valutazzjoni pożittiva

(52)Wara l-valutazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni dwar l-RRP Finlandiż fejn insab li l-RRP jikkonferma b’mod sodisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/241, f’konformità mal-Artikolu 20(2) u mal-Anness V ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-riformi u l-proġetti ta’ investiment meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-RRP, l-istadji importanti rilevanti, il-miri u l-indikaturi, u l-ammont disponibbli mill-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-RRP fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli.

Kontribuzzjoni finanzjarja

(53)L-ispiża totali stmata tal-RRP tal-Finlandja hija ta’ EUR 2 094 687 000. Billi l-RRP jikkonforma b’mod sodisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE)2021/241 u, barra minn hekk, billi l-ammont tal-ispejjeż totali stmati tal-RRP huwa ogħla mill-kontribuzzjoni finanzjarja massima disponibbli għall-Finlandja, jenħtieġ li l-kontribuzzjoni finanzjarja allokata għall-RRP tal-Finlandja tkun ugwali għall-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja disponibbli għall-Finlandja.

(54)F’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241, il-kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima għall-Finlandja jrid jiġi aġġornat sat-30 ta’ Ġunju 2022. Bħala tali, f’konformità mal-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li issa jkun hemm ammont disponibbli għall-Finlandja li ma jaqbiżx il-kontribuzzjoni finanzjarja massima msemmija fl-Artikolu 11(1), il-punt (a) ta’ dan ir-Regolament, għal impenn legali sal-31 ta’ Diċembru 2022. Jekk meħtieġ wara l-aġġornament tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata, jenħtieġ li l-Kunsill, bi proposta mill-Kummissjoni, jemenda din id-Deċiżjoni biex jinkludi l-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata, ikkalkulata skont l-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-Regolament, mingħajr dewmien żejjed.

(55)L-appoġġ li għandu jingħata jrid jiġi ffinanzjat mis-self mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 6 . L-appoġġ jenħtieġ li jitħallas fi ħlasijiet parzjali ladarba l-Finlandja tkun wettqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti rilevanti u l-miri identifikati b’rabta mal-implimentazzjoni tal-RRP.

(56)Il-Finlandja talbet għal prefinanzjament ta’ 13 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja. Dan l-ammont jenħtieġ li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Finlandja soġġett għad-dħul fis-seħħ u f’konformità mal-ftehim previst fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2021/241 (“il-ftehim ta’ finanzjament”).

(57)Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kull proċedura marbuta mal-għoti ta’ fondi tal-Unjoni skont kull programm tal-Unjoni minbarra l-Faċilità jew għall-proċeduri marbuta ma’ distorsjonijiet tal-operazzjoni tas-suq intern li jistgħu jitwettqu, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Din ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1
Approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRP

Il-valutazzjoni tal-RRP tal-Finlandja fuq il-bażi tal-kriterji previsti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241 hija approvata. Ir-riformi u l-proġetti ta’ investiment skont l-RRP, l-arranġamenti u l-iskeda ta’ żmien għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-RRP, inklużi l-istadji importanti u l-miri rilevanti, l-indikaturi rilevanti marbuta mal-issodisfar tal-istadji importanti u l-miri previsti, u l-arranġamenti biex il-Kummissjoni tagħti aċċess sħiħ għad-data rilevanti sottostanti huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2
Kontribuzzjoni finanzjarja

1.L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Finlandja kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma ta’ appoġġ mhux ripagabbli li jammota għal EUR 2 085 341 084 7 . Ammont ta’ EUR 1 660 743 618 għandu jkun disponibbli biex jiġi impenjat legalment sal-31 ta’ Diċembru 2022. Jekk l-aġġornament previst fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 jirriżulta f’kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata għall-Finlandja li tkun ugwali għal dan l-ammont jew aktar minn EUR 2 085 341 084, ammont ieħor ta’ EUR 424 597 466 għandu jkun disponibbli biex jiġi impenjat legalment mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023. Jekk l-aġġornament previst fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 jirriżulta f’kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata għall-Finlandja li tkun inqas minn EUR 2 085 341 084, id-differenza bejn il-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata u l-ammont ta’ EUR 1 660 743 618 għandha tkun disponibbli biex tiġi impenjata legalment skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(8) tar-Regolament (UE) 2021/241 mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

2.Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni disponibbli għall-Finlandja fi ħlasijiet parzjali f’konformità mal-Anness. Ammont ta’ EUR 271 094 341 għandu jkun disponibbli bħala pagament ta’ prefinanzjament, ugwali għal 13 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja. Il-Kummissjoni tista’ tiżborża l-prefinanzjament u ħlasijiet parzjali f’segment wieħed jew f’diversi segmenti. Id-daqs tas-segmenti għandu jkun soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament.

3.Il-prefinanzjament għandu jkun rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ u f’konformità mal-ftehim ta’ finanzjament. Il-prefinanzjament għandu jitħallas billi jitnaqqas proporzjonalment mill-pagament tal-ħlasijiet parzjali.

4.Ir-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali skont il-ftehim ta’ finanzjament għandu jkun kondizzjonali għall-finanzjament disponibbli u deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Finlandja tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti identifikati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-RRP. Sabiex tkun eliġibbli għall-pagament, il-Finlandja għandha tilħaq l-istadji importanti u l-miri sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2026, soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-impenji legali msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 3
Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Finlandja.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17-75
(2)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433I , 22.12.2020, p. 23).
(3)    Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).
(4)    Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 1).
(5)    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU L 433, I, 22.12.2020, p. 1).
(6)    ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1.
(7)    Dan l-ammont jikkorrispondi għall-allokazzjoni finanzjarja wara t-tnaqqis tas-sehem proporzjonali tal-ispejjeż tal-Finlandja tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2021/241, ikkalkulat skont il-metodoloġija tal-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament.