52007PC0734

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut applikabbli fil-Baħar l-Iswed għall-2008 /* KUMM/2007/0734 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 20.11.2007

KUMM(2007) 734 finali

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut applikabbli fil-Baħar l-Iswed għall-2008

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Kuntest tal-proposta

110

- L-għanijiet tal-proposta

Wara li l-Bulgarija u r-Rumanija ssieħbu ma' l-UE fl-1 ta' Jannar 2007, l-għan ta' din il-proposta huwa li jiġu stabbiliti għall-2008 l-opportunitajiet tas-sajd għall-Istati Membri fir-rigward ta' l-iktar stokkijiet kummerċjalment importanti fil-Baħar l-Iswed.

120

- Kuntest ġenerali

Skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd, il-Politika Komuni dwar is-Sajd għandha tiżgura sfruttar tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin li jipprovdi kundizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli. Għodda importanti biex jintlaħqu dawn l-għanijiet huwa l-istabbiliment annwali ta’ l-opportunitajiet tas-sajd fl-għamla ta’ qabdiet totali permessi (TACs - total allowable catches), kwoti u limitazzjonijiet fuq l-isforzi tas-sajd.

L-istabbiliment ta' l-opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar l-Iswed se jiġi implimentat għall-ewwel darba minn Regolament Separat għall-2008. Il-ħsieb huwa li dan ir-Regolament jiġi adottat f'Novembru 2007. Fil-ġejjieni, jistgħu jiġu inklużi aktar stokkijiet f'dan ir-reġim ta' ġestjoni u jistgħu jiżdiedu aktar miżuri tekniċi.

Il-parir xjentifiku dwar l-opportunitajiet ta’ sajd fl-2008 fil-Baħar l-Iswed ngħata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) f’Ottubru 2007.

Il-proposta fiha żewġ settijiet ta' miżuri ta' ġestjoni, wieħed li jiffissa t-TACs u l-kwoti u l-ieħor li jistipula l-miżuri tekniċi assoċjati.

- Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Xejn. Din hija l-ewwel proposta ta' dan it-tip għall-Baħar l-Iswed.

- Koerenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħra ta’ l-Unjoni

Il-miżuri proposti huma mfassla skond l-għanjiet tal-Politika Komuni dwar is-Sajd u huma konsistenti mal-politika tal-Komunità dwar l-iżvilupp sostenibbli.

2. Konsultazzjoni mal-partijiet interessati u valutazzjoni ta’ l-impatt

- Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Matul ir-Rebbiegħa u l-Ħarifa ta' l-2007, saru bosta laqgħat ta' konsultazzjoni ma' l-amministrazzjonijiet nazzjonali u x-xjenzjati fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati.

- Ġbir u użu ta’ għarfien espert

Grupp ta' ħidma ta' xjenzjati tlaqqa' fir-Rumanija f'Settembru 2007. Il-grupp ħejja rapport li jiddeskrivi s-sitwazzjoni ta' l-istokkijet tal-laċċa kaħla u l-barbun imperjali fl-ilmijiet Komunitarji tal-Baħar l-Iswed. Din l-informazzjoni tressqet lill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF), li min-naħa tiegħu ta l-parir tiegħu lill-Kummissjoni.

It-TACs proposti huma f'konformità mal-parir ta' l-STECF.

- Valutazzjoni ta’ l-impatt

L-impatt probabbli ta' din il-proposta fuq is-settur tas-sajd ġie eżaminat flimkien ma' l-amministrazzjonijiet nazzjonali, kif ukoll l-esperti u x-xjenzjati taż-żewġ Stati Membri kkonċernati.

Peress li l-proposta attwali hija konformi mal-miżuri nazzjonali li kienu fis-seħħ qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, l-impatt probabbli fuq is-settur tas-sajd ta' dawn iż-żewġ Stati Membri mhuwiex se jwassal għal tibdil sinifikanti gaħs-settur tas-sajd ikkonċerna. Peress li l-proposta attwali hija bbażata fuq il-parir xjentifiku, l-impatt fuq l-istokkijiet ikkonċernati se jkun fir-raġġ ta' sostenibbiltà. Il-proposta għandha titqies bħala l-ewwel pass biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-isfruttar sostenibbli taż-żona fuq medda twila, biex b'hekk tittejjeb l-istabbiltà fit-tul tas-settur tas-sajd f'dawn iż-żewġ Stati Membri.

3. L-elementi ġuridiċi tal-proposta

- Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002, u b’mod partikulari l-Artikolu 20 tiegħu.

4. L-Implikazzjonijiet għall-baġit

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-Komunità.

5. Tagħrif addizzjonali

- Spjegazzjoni Dettaljata

Il-proposta tistipula għall-2008 l-opportunitajiet tas-sajd għall-Istati Membri li jistadu fil-Baħar l-Iswed. It-TACs u l-kwoti allokati lill-Istati Membri jinsabu fl-Anness I. Iċ-ċifri proposti jirriflettu l-parir xjentifiku.

Il-miżuri tekniċi fl-Anness II jirrappreżentaw miżuri addizzjonali għall-ġestjoni tas-sajd għall-barbun imperjali.

Il-Kummissjoni qed tippromwovi wkoll kooperazzjoni fil-ġestjoni tas-sajd ma' pajjiżi terzi b'konfini mal-Baħar l-Iswed. Il-possibbiltà li tiġi stabbilita Organizzazzjoni Reġjonali tas-Sajd bħalissa qed tiġi esplorata.

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut applikabbli fil-Baħar l-Iswed għall-2008

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd[1], u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/1996 tas-6 ta’ Mejju 1996 li jintroduċi kondizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tat-TACs u l-kwoti[2], u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1) L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 jesiġi li l-Kunsill jadotta l-miżuri meħtieġa biex ikun żgurat l-aċċess għall-ilmijiet u r-riżorsi u sabiex l-attivitajiet tas-sajd jibqgħu jsiru b’mod sostenibbli, billi jitqies il-parir xjentifiku disponibbli u, b’mod partikolari, ir-rapport imħejji mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd.

(2) Skond l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, huwa obbligu tal-Kunsill li jistabbilixxi ll-opportunitajiet ta’ sajd skond it-tip ta’ sajd jew gruppi ta’ tipi ta’ sajd u l-allokazzjoni ta’ dawk l-opportunitajiet lill-Istati Membri.

(3) Sabiex tkun żgurata l-ġestjoni effettiva ta' l-opportunitajiet ta' sajd, għandhom jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-operazzjonijiet ta' sajd.

(4) L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 jistabbilixxi d-definizzjonijiet rilevanti dwar l-allokazzjoni ta' l-opportunitajiet ta' sajd.

(5) Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 huwa meħtieġ li jiġu identifikati l-istokkijiet li huma suġġetti għal miżuri varji msemmija fih.

(6) Biex jikkontribwixxu għall-konservazzjoni ta’ l-istokkijiet tal-ħut, ċerti kundizzjonijiet tekniċi supplimentari għas-sajd għandhom jiġu implimentati fl-2008.

(7) L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jintużaw skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-suġġett, u b'mod partikolari mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta' Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni (il-politika komuni tas-sajd)[3] u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta' Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta' żgħar ta' organiżmi tal-baħar[4].

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I Ambitu u definizzjonijiet

Artikolu 1 Suġġett

Ir-Regolament jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għas-sena 2008 għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut fil-Baħar l-Iswed u l-kondizzjonijiet assoċjati li taħthom tali opportunitajiet ta' sajd jistgħu jintużaw.

Artikolu 2 Ambitu

1. Dan ir-Regolament għandu japplika għal bastimenti tas-sajd Komunitarji (bastimenti Komunitarji) li joperaw fil-Baħar l-Iswed.

2. B'deroga mill-paragrafu 1, dan ir-Regolament m'għandux japplika għal operazzjonijiet tas-sajd imwettqa biss għal skopijiet ta' investigazzjoni xjentifika u li jsiru bil-permess u taħt l-awtorità ta' l-Istat Membru kkonċernat u li ġew infurmati bihom bil-quddiem il-Kummissjoni u l-Istat Membru li fl-ilmijiet tiegħu tkun qed issir ir-riċerka.

Artikolu 3 Definizzjonijiet

B'żieda mad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) "GFCM" tfisser il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran.

(b) "Il-Baħar l-Iswed" tfisser is-subżona ġeografika tal-GFCM kif definita fir-reżoluzzjoni GFCM/31/2007/2[5];

(c) “qabda totali permessa” (TAC) tfisser il-kwantità li tista’ tinqabad u tinħatt l-art minn kull stokk kull sena;

(d) “kwota” tfisser proporzjon mit-TAC li tkun allokata lill-Komunità, lil Stat Membru jew lil pajjiż terz.

KAPITOLU IIOpportunitajiet ta’ sajd u kundizzjonijiet assoċjati

Artikolu 4 Limiti ta' qbid u allokazzjonijiet

Il-limiti tal-qbid, l-allokazzjoni ta’ dawk il-limiti fost l-Istati Membri, u kundizzjonijiet addizzjonali skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 huma stipulati fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

Artikolu 5 Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjonijiet

L-allokazzjoni tal-limiti tal-qbid fost l-Istati Membri kif stipulati fl-Anness I għandha tkun mingħajr preġudizzju għal:

(1) skambji magħmula f'konformità ma' l-Artikolu 20(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002;

(2) allokazzjonijiet mill-ġdid magħmula skond l-Artikoli 21(4), 23(1) u 32(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 23(4) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002;

(3) ħatt l-art addizzjonali permess skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96;

(4) tnaqqis magħmul skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 847/96, u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 23(4) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

Artikolu 6 Kondizzjonijiet għal qabdiet u qabdiet inċidentali

1. Ħut minn stokkijiet li għalihom hemm stabbiliti limiti ta’ qbid għandu jinżamm abbord jew jinħatt l-art biss jekk jinqabad minn bastimenti tas-sajd ta’ Stat Membru li għandu kwota u dik il-kwota ma tkunx ġiet eżawrita;

2. Il-qabdiet kollha għandhom jittieħdu mill-kwota jew, jekk is-sehem Komunitarju ma jkunx tqassam fost l-Istati Membri permezz tal-kwoti, mis-sehem Komunitarju.

Artikolu 7 Miżuri tekniċi tranżitorji

Miżuri tekniċi tranżitorji għandhom ikunu kif inhu mniżżel fl-Anness II.

KAPITOLU IIIDispożizzjonijiet finali

Artikolu 8 Trażmissjoni ta' data

Meta l-Istati Membri jibagħtu data lill-Kummissjoni dwar il-ħatt l-art ta’ kwantitajiet ta’ stokkijiet maqbuda skond Artikolu 15(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, għandhom jużaw il-kodiċijiet ta’ l-istokkijiet stipulati fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

Artikolu 9 Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Dan għandu japplika mit-1 ta' Jannar 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS I

Il-limiti tal-qbid u l-kundizzjonijiet assoċjati għall-ġestjoni minn sena għall-oħra tal-limiti fuq il-qabdiet applikabbli għall-bastimenti tal-Komunità f’żoni fejn jeżistu l-limiti fuq il-qabdiet skond l-ispeċi u skond iż-żona

It-tabelli li ġejjin jistipulaw it-TACs u l-kwoti (f’tunnellati ta’ piż ħaj, ħlief fejn speċifikat mod ieħor) skond l-istokk, l-allokazzjoni lill-Istati Membri u l-kundizzjonijiet assoċjati għall-immaniġjar tal-kwoti minn sena għall-oħra.

F'kull żona, l-istokkijiet tal-ħut huma msemmija fl-ordni alfabetiku li ġej ta' l-ismijiet ta' l-ispeċi bil-Latin. Għall-iskopijiet ta' dawn it-tabelli il-kodiċijiet użati għall-ispeċijiet differenti huma dawn:

Isem Xjentifiku | Kodiċi Alpha-3 | Isem komuni |

Psetta maxima | TUR | Barbun imperjali |

Sprattus sprattus | SPR | Laċċa kaħla |

Speċi: | Barbun imperjali | Żona: | Il-Baħar l-Iswed |

Psetta maxima |

Il-Bulgarija Ir-Rumanija | 45 45 | TAC Prekawzjonali L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika. |

KE | 90 |

TAC | Mhux rilevanti |

Speċi: | Laċċa kaħla | Żona: | Il-Baħar l-Iswed |

Sprattus sprattus |

TAC Prekawzjonali L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika. L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika. |

KE | 15000(1) |

TAC | Mhux rilevanti |

(1) Jistgħu jinqabdu biss minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Bulgarija jew ir-Rumanija.

ANNESS II

MIŻURI TEKNIĊI TRANŻITORJI

1. M'għandha titħalla l-ebda attività tas-sajd għall-barbun imperjali mill-15 ta' April sal-15 ta' Ġunju fl-ilmijiet tal-Komunità Ewropea tal-Baħar l-Iswed.

2. Id-daqs minimu tal-malji ta' l-għeżula tat-tisqif għall-barbun imperjali m'għandux ikun ta' inqas minn 200mm. Madankollu, id-daqs minimu tal-malji ta' l-għeżula tat-tisqif li jintużaw minn bastimenti tas-sajd Bulgari biex jaqbdu l-barbun imperjali m'għandux ikun ta' inqas minn 180 mm.

3. Id-daqs minimu ta' barbun imperjali li jista' jinħatt l-art m'għandux ikun inqas minn 45cm tul, imkejjel skond l-Artikolu 18 tar-Regolament 850/98.

[1] ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59

[2] ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3.

[3] ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1954/2003 (ĠU L 289, 7.11.2003, p. 1).

[4] ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2166/2005 (ĠU L 345, 28.12.2005, p. 5).

[5] Referenza....