Brussell, 17.6.2025

COM(2025) 314 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-QORTI TAL-AWDITURI








Rapport annwali lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-awditi interni mwettqa fl-2024

{SWD(2025) 159 final}


Werrej

1.Objettivi u ambitu tar-rapport

2.Missjoni tas-Servizz tal-Awditjar Intern: akkontabbiltà, indipendenza u oġġettività

3.Ħarsa ġenerali lejn il-ħidma tal-awditjar

3.1.Implimentazzjoni tal-pjan tal-awditu tal-2024

3.2.Data statistika dwar ir-rakkomandazzjonijiet tas-Servizz tal-Awditjar Intern

4.Riżultati bbażati fuq il-ħidma tal-awditjar imwettqa fl-2024

4.1.Riżultati ġenerali tal-awditi dwar il-prestazzjoni

4.1.1.Proċessi finanzjarji

4.1.2.Proċessi operazzjonali

4.1.3.Proċessi ta’ appoġġ

4.2.Konklużjonijiet limitati tas-Servizz tal-Awditjar Intern

4.3.Konklużjoni ġenerali dwar il-ġestjoni finanzjarja tal-Kummissjoni

5.Konsultazzjoni mal-grupp speċjalizzat tal-Kummissjoni dwar l-irregolaritajiet finanzjarji

1.Objettivi u ambitu tar-rapport

Dan ir-rapport jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-awditi interni mwettqa fl-2024 mis-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS, Internal Audit Service) tal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorati Ġenerali, is-servizzi u l-aġenziji eżekuttivi tagħha ( 1 ). Huwa parti mill-proċedura ta’ kwittanza. Fih: (i) sommarju tal-għadd u tat-tip ta’ awditi interni li twettqu; (ii) sinteżi tar-rakkomandazzjonijiet prinċipali magħmula; u (iii) l-azzjoni meħuda fuq dawk ir-rakkomandazzjonijiet. F’konformità mal-Artikoli 118(8) u 253 tar-Regolament Finanzjarju ( 2 ), il-Kummissjoni tgħaddi r-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Huwa bbażat fuq ir-rapport imħejji f’konformità mal-Artikolu 118(4) tar-Regolament Finanzjarju mill-Awditur Intern tal-Kummissjoni dwar l-awditi tas-Servizz tal-Awditjar Intern u rapporti ta’ inkarigu oħrajn li tlestew fl-2024 ( 3 ).

Barra minn hekk, kif meħtieġ mill-Artikolu 118(5) tar-Regolament Finanzjarju, ir-rapport jiffoka fuq il-konformità ġenerali mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja u prestazzjoni tajba billi jipprovdi r-riżultati ġenerali dwar il-prestazzjoni u konklużjoni ġenerali dwar il-ġestjoni finanzjarja (it-Taqsima 4) ( 4 ).

2.Missjoni tas-Servizz tal-Awditjar Intern: akkontabbiltà, indipendenza u oġġettività

Il-missjoni tas-Servizz tal-Awditjar Intern hija li jtejjeb u jipproteġi l-valur organizzazzjonali billi jipprovdi lill-Kummissjoni b’aċċertament, b’pariri, b’intuwitu u bi prospettiva oġġettivi u bbażati fuq ir-riskju. Għal dan il-għan, is-Servizz tal-Awditjar Intern, bħala parti mill-pjan tal-awditu tiegħu:

•iwettaq valutazzjoni indipendenti tal-effettività tal-governanza, tal-ġestjoni tar-riskju, u tal-proċessi ta’ kontroll għall-operazzjonijiet, l-attivitajiet u t-tranżazzjonijiet finanzjarji (“servizzi ta’ aċċertament”); u

•jipprovdi pariri, intuwitu u prospettiva (“servizzi mhux ta’ aċċertament”).

Is-servizzi ta’ aċċertament jitwettqu biex jiġi kkonfermat jew ivverifikat li:

a.ir-riskji jiġu identifikati, ivvalutati u ġestiti b’mod xieraq u kontinwu;

b.informazzjoni finanzjarja, maniġerjali u operazzjonali sinifikanti tkun akkurata, affidabbli u f’waqtha;

c.il-politiki, il-proċeduri u l-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tal-Kummissjoni jiġu rrispettati;

d.l-objettivi tal-Kummissjoni jintlaħqu b’mod effettiv u effiċjenti; u

e.l-iżvilupp u ż-żamma ta’ proċessi ta’ kontroll ta’ kwalità għolja jkunu promossi fil-Kummissjoni kollha.

L-indipendenza tas-Servizz tal-Awditjar Intern hija minquxa fir-Regolament Finanzjarju u fil-karta tal-missjoni tiegħu ( 5 ) kif adottata mill-Kummissjoni. Din il-karta tistabbilixxi li, biex tiġi żgurata l-oġġettività fil-ġudizzju tagħhom u biex jiġi evitat kunflitt ta’ interess, il-maniġment u l-awdituri tagħha jridu jippreżervaw l-indipendenza tagħhom fir-rigward tal-attivitajiet u tal-operazzjonijiet li huma jkunu qegħdin iwettqu rieżami tagħhom. Jekk l-oġġettività tagħhom tkun imfixkla fil-fatti jew fid-dehra, id-dettalji tat-tfixkil għandhom jiġu ddivulgati. L-Awditur Intern tista’ tindirizza direttament lill-President tal-Kummissjoni u/jew lill-Kulleġġ tal-Kummissarji jekk tqis li dan ikun meħtieġ.

Is-Servizz tal-Awditjar Intern iwettaq il-ħidma tiegħu f’konformità mar-Regolament Finanzjarju, l-Istandards Internazzjonali għall-Prattika Professjonali tal-Awditjar Intern( 6 ), u l-Kodiċi ta’ Etika tal-Istitut tal-Awdituri Interni.

Ir-rwol tal-Kumitat tal-Progress tal-Awditu stabbilit skont l-Artikolu 123 tar-Regolament Finanzjarju huwa li jiżgura l-indipendenza tal-IAS, jimmonitorja l-kwalità tax-xogħol tal-awditjar intern u jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet jiġu kkunsidrati mis-servizzi tal-Kummissjoni, l-aġenziji eżekuttivi tagħha u korpi oħra.  Is-Servizz tal-Awditjar Intern: (i) jirrapporta kwistjonijiet sinifikanti li jirriżultaw mill-awditi tiegħu u titjib potenzjali fil-proċessi awditjati; (ii) jipprovdi konklużjoni ġenerali annwali dwar l-istat tal-ġestjoni finanzjarja fil-Kummissjoni; u (iii) jirrapporta (tal-anqas darba fis-sena) dwar il-missjoni u l-prestazzjoni tiegħu, kif stabbilit fil-pjan tal-awditu annwali tiegħu. Dan ir-rapportar jinkludi skoperturi sinifikanti għar-riskju, kwistjonijiet ta’ kontroll, kwistjonijiet ta’ governanza korporattiva u kwistjonijiet oħrajn.

Il-Kumitat tal-Progress tal-Awditu jassisti lill-Kulleġġ fil-qadi tal-obbligi tiegħu skont it-Trattati, ir-Regolament Finanzjarju u skont strumenti statutorji oħrajn. Jagħmel dan billi: (i) jiżgura l-indipendenza tas-Servizz tal-Awditjar Intern; (ii) jimmonitorja l-kwalità tax-xogħol tal-awditjar intern; (iii) jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar intern u estern jitqiesu b’mod xieraq mis-servizzi tal-Kummissjoni; u (iv) jiżgura li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jirċievu s-segwitu xieraq. B’dan il-mod, il-Kumitat tal-Progress tal-Awditu jgħin lill-Kummissjoni ttejjeb l-effettività u l-effiċjenza tagħha fl-ilħuq tal-għanijiet tagħha. Jiffaċilita wkoll is-sorveljanza min-naħa tal-Kulleġġ tal-governanza, il-ġestjoni tar-riskju, u l-prattiki ta’ kontroll intern tal-Kummissjoni ( 7 ).

Is-Servizz tal-Awditjar Intern ma jagħmilx awditjar tas-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri fuq il-fondi tal-UE. Dawn l-awditi jilħqu sal-livell tal-benefiċjarji individwali, u jitwettqu mill-awdituri interni tal-Istati Membri, mill-awtoritajiet nazzjonali tal-awditjar, minn Direttorati Ġenerali oħrajn tal-Kummissjoni u mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Madankollu, is-Servizz tal-Awditjar Intern jagħmel awditu tal-miżuri meħuda mill-Kummissjoni għas-superviżjoni u għall-awditjar ta’: (i) korpi fl-Istati Membri; u (ii) korpi oħra li huma responsabbli għall-iżborż tal-fondi tal-UE. F’konformità mal-Artikolu 118(2) tar-Regolament Finanzjarju, is-Servizz tal-Awditjar Intern igawdi minn aċċess sħiħ u bla limitu għall-informazzjoni kollha meħtieġa biex iwettaq dmirijietu inkluż, jekk ikun meħtieġ, aċċess fuq il-post fl-Istati Membri u f’pajjiżi mhux tal-UE.

3.Ħarsa ġenerali lejn il-ħidma tal-awditjar

3.1.Implimentazzjoni tal-pjan tal-awditu tal-2024

Is-Servizz tal-Awditjar Intern implimenta l-pjan tal-awditu tal-2024 fl-isfond ta’ pressjoni dejjem tikber fuq ir-riżorsi f’xi wħud mid-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni u sfidi usa’ relatati mal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u kriżijiet ġeopolitiċi emerġenti oħra. Sad-data ta’ skadenza tal-31 ta’ Jannar 2025, is-Servizz tal-Awditjar Intern kien lesta( 8 ) total ta’ 26 inkarigu (awditi, rieżamijiet limitati u oħrajn) fid-Direttorati Ġenerali u s-servizzi tal-Kummissjoni( 9 ). Dan jirrappreżenta rata ta’ tlestija ta’ 93 % tal-pjan tal-awditu aġġornat tal-2024. Barra minn hekk, rapport tal-awditjar wieħed ġie ffinalizzat f’Marzu 2025 u huwa inkluż b’mod eċċezzjonali fir-rapport annwali tal-awditjar intern għall-2024( 10 ).

F’konformità mal-karta tiegħu u mal-istandards internazzjonali tal-awditjar, is-Servizz tal-Awditjar Intern jippjana l-ħidma tal-awditu tiegħu abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju u analiżi tal-kapaċità. L-għan huwa li jitfassal pjan tal-awditu li jkopri l-oqsma bl-ogħla riskju, u b’hekk jiġi massimizzat il-valur miżjud tiegħu, u jgħin biex jiġi żgurat l-aħjar użu tar-riżorsi u l-implimentazzjoni effiċjenti u effettiva tal-pjan tal-awditu. Is-Servizz tal-Awditjar Intern jimmonitorja regolarment l-implimentazzjoni tal-pjan tal-awditu u jaġġustah kif meħtieġ.

Is-Servizz tal-Awditjar Intern ta segwitu għal 56 inkarigu ta’ awditjar preċedenti biex jirrieżamina l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u ħareġ 75 ( 11 ) nota ta’ segwitu lid-Direttorati Ġenerali u s-servizzi rispettivi. B’riżultat ta’ dan, ingħalqu 21 inkarigu ( 12 ). Is-Servizz tal-Awditjar Intern ikkonkluda li r-rakkomandazzjonijiet kollha ġew implimentati b’mod effettiv, filwaqt li 35 baqgħu pendenti bl-implimentazzjoni tagħhom għaddejja sad-data ta’ skadenza.

L-għadd globali u t-tqassim skont it-tipi ta’ inkarigu li tlestew sad-data ta’ skadenza tal-31 ta’ Jannar 2025 jidhru fiċ-ċarts ta’ hawn taħt.

Inkarigi skont it-tip

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Fl-2024, is-Servizz tal-Awditjar Intern ħareġ 43 rapport (rapporti finali tal-awditjar u noti ta’ għarfien). L-għadd ta’ rapporti huwa akbar mill-għadd ta’ inkarigi minħabba li, għal xi inkarigi li kienu jinvolvu diversi entitajiet awditjati ( 13 ), is-Servizz tal-Awditjar Intern ħareġ diversi rapporti għall-entitajiet awditjati differenti fl-ambitu tal-awditu. Fl-2024, huwa wettaq seba’ awditi b’diversi Direttorati Ġenerali jew b’diversi entitajiet (u ħareġ 21 rapport finali marbuta ma’ dawn l-awditi).

3.2.Data statistika dwar ir-rakkomandazzjonijiet tas-Servizz tal-Awditjar Intern

Rakkomandazzjonijiet maħruġa fl-2024 ( 14 )

Is-Servizz tal-Awditjar Intern ħareġ 176 rakkomandazzjoni li rriżultaw mill-ħidma tiegħu tal-awditjar tal-2024. Kif muri hawn taħt, 58 % ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew ikklassifikati bħala importanti u 42 % bħala importanti ħafna, filwaqt li ma kien hemm ebda rakkomandazzjoni kritika. Għar-rakkomandazzjonijiet (parzjalment) aċċettati kollha, l-entitajiet awditjati abbozzaw pjanijiet ta’ azzjoni.

Rakkomandazzjonijiet skont il-klassifikazzjoni

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz tal-Awditjar Intern

Fl-2024, l-entitajiet awditjati aċċettaw 174 rakkomandazzjoni u aċċettaw parzjalment żewġ rakkomandazzjonijiet. Għar-rakkomandazzjonijiet (parzjalment aċċettati) kollha, l-entitajiet awditjati abbozzaw pjanijiet ta’ azzjoni. Dawn ġew sottomessi lis-Servizz tal-Awditjar Intern, li mbagħad ivvalutahom bħala sodisfaċenti jew talab pjan ta’ azzjoni rivedut.

RAKKOMANDAZZJONIJIET MAĦRUĠA BEJN L-2020 U L-2024 ( 15 )

Is-Servizz tal-Awditjar Intern ħejja ħarsa ġenerali komprensiva tas-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet li kienu ilhom biex jiġu implimentati aktar minn 6 xhur. Din il-ħarsa ġenerali ġiet indirizzata lill-Kumitat tal-Progress tal-Awditu.

Kif muri hawn taħt, fid-data ta’ skadenza tal-31 ta’ Jannar 2025, minn total ta’ 831 rakkomandazzjoni (parzjalment) aċċettati ( 16 ) magħmula mis-Servizz tal-Awditjar Intern fl-2020–2024, 544 (65 %) ġew ivvalutati mill-entitajiet awditjati bħala implimentati ( 17 ). Dan iħalli total ta’ 287 rakkomandazzjoni (35 %) li għadhom pendenti.

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz tal-Awditjar Intern

Mill-287 rakkomandazzjoni li baqgħu pendenti fid-data ta’ skadenza, l-ebda waħda ma kienet ikklassifikata bħala kritika, 99 (34 %) kienu kklassifikati bħala importanti ħafna, u 188 (66 %) kienu kklassifikati bħala importanti.

Mir-rakkomandazzjonijiet pendenti, 71 kienu ilhom li suppost ġew implimentati (mhux implimentati sad-data miftiehma oriġinarjament). Dawn ir-rakkomandazzjonijiet li ilhom li suppost ġew implimentati jirrappreżentaw 8,5 % tar-rakkomandazzjonijiet aċċettati (parzjalment). Minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet li ilhom li suppost ġew implimentati, sitt rakkomandazzjonijiet importanti ħafna huma kklassifikati bħala li ilhom ħafna biex jiġu implimentati (jiġifieri ilhom pendenti aktar minn 6 xhur mid-data ta’ implimentazzjoni oriġinali). Dan huwa iktar mit-tliet rakkomandazzjonijiet fis-sena preċedenti, iżda xorta waħda jixhed il-politika stretta ta’ segwitu tas-Servizz tal-Awditjar Intern fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet importanti ħafna li ilhom li suppost ġew implimentati jirrappreżentaw 0,7 % tal-għadd totali ta’ rakkomandazzjonijiet aċċettati (parzjalment) fil-perjodu 2020–2024 (meta mqabbla ma’ 0,4 % fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti). Ma hemm l-ebda rakkomandazzjoni importanti ħafna li ilha li suppost ġiet implimentata maħruġa qabel l-2020.

Dewmien ta’ rakkomandazzjonijiet li ilhom li suppost ġew implimentati skont il-klassifikazzjoni

(Maħruġa fl-2020–2024)

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz tal-Awditjar Intern

B’mod ġenerali, is-Servizz tal-Awditjar Intern iqis li l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu hija sodisfaċenti u simili għall-perjodi ta’ rapportar preċedenti. Din is-sitwazzjoni attwali turi li s-servizzi tal-Kummissjoni huma diliġenti fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet kritiċi u importanti ħafna, u b’hekk itaffu r-riskji identifikati mis-Servizz tal-Awditjar Intern.

Il-Parti 3 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal għal dan ir-rapport tiġbor fil-qosor dawn ir-rakkomandazzjonijiet importanti ħafna u li ilhom li suppost ġew implimentati.

4.Riżultati bbażati fuq il-ħidma tal-awditjar imwettqa fl-2024

4.1.Riżultati ġenerali tal-awditi dwar il-prestazzjoni

Sabiex jappoġġa l-kultura bbażata fuq il-prestazzjoni tal-Kummissjoni u l-enfasi fuq il-valur għall-flus, is-Servizz tal-Awditjar Intern iffinalizza 23 inkarigu ffokati fuq il-prestazzjoni. Għal madwar 80 % ta’ dawn l-inkarigi, is-Servizz tal-Awditjar Intern identifika riskji residwi għoljin fl-oqsma jew fil-proċessi awditjati li wasslu għal rakkomandazzjonijiet importanti ħafna. Ġew innotati wkoll diversi punti ta’ saħħa u prattiki tajbin (għal aktar dettalji ara t-Taqsima 1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal).

F’konformità mal-metodoloġija u l-prattiki tajbin tiegħu, is-Servizz tal-Awditjar Intern jagħmel awditu tal-prestazzjoni b’mod indirett. Huwa jivvaluta l-prestazzjoni tad-dipartimenti tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta’ politiki, programmi u azzjonijiet b’referenza għar-riskji assoċjati magħhom. B’dan l-approċċ, għandu l-għan li jiżgura li d-Direttorati Ġenerali u s-servizzi jkunu żviluppaw oqfsa ta’ prestazzjoni robusti, għodod adegwati għall-kejl tal-prestazzjoni, u sistemi ta’ monitoraġġ komprensivi.

It-taqsimiet ta’ hawn taħt jippreżentaw il-konklużjonijiet tas-Servizz tal-Awditjar Intern dwar id-diversi aspetti tal-prestazzjoni vvalutati fl-awditi tiegħu tal-2024 ( 18 ).

4.1.1.Proċessi finanzjarji

Il-biċċa l-kbira tal-awditi tas-Servizz tal-Awditjar Intern servew biex jaċċertaw lill-Kulleġġ, kif ukoll lid-Direttorati Ġenerali u lis-servizzi, dwar l-implimentazzjoni effiċjenti u effettiva tal-kontrolli interni fuq il-ġestjoni finanzjarja (ara wkoll il-konklużjoni ġenerali dwar il-ġestjoni finanzjarja fit-Taqsima 4.3).

Erba’ awditi ma żvelawx dgħufijiet kritiċi jew importanti ħafna fis-sistemi ta’ kontroll, jiġifieri: (1) l-awditu dwar l-istrateġiji kontra l-frodi fil-familja tal-azzjoni esterna; (2) l-awditu dwar il-fażi IV tal-ġestjoni tal-għotjiet ta’ Orizzont 2020 fl-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Kunsill Ewropew tar-Riċerka; (3) l-awditu dwar il-prestazzjoni tal-ġestjoni tal-esperti għall-evalwazzjoni tal-proposti fl-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura; u (4) l-awditu dwar l-akkwist fid-Direttorat Ġenerali għall-Interpretazzjoni.

Id-disa’ awditi l-oħra wrew il-ħtieġa għal titjib u wasslu għall-ħruġ ta’ għadd ta’ rakkomandazzjonijiet importanti ħafna ( 19 ).

Id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali kien għamel progress fil-preparatezza tiegħu għat-tfassil tal-mudell tal-bini tal-aċċertament skont il-pjanijiet strateġiċi l-ġodda tal-Politika Agrikola Komuni. Madankollu, kien għad fadal għadd ta’ elementi li kienu jeħtieġu li jiġu żviluppati biex jiġi żgurat li l-qafas ta’ kontroll stabbilit ikun robust biżżejjed biex jipprovdi aċċertament li n-nefqa tal-Politika Agrikola Komuni skont il-mudell il-ġdid ta’ implimentazzjoni tiġi implimentata f’konformità mal-qafas legali tal-Politika Agrikola Komuni.

Id-Direttorati Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana, għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni u għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fasslu b’mod ġenerali proċessi adegwati għall-bini tal-aċċertament għall-fondi implimentati taħt ġestjoni kondiviża biex itaffu r-riskji ewlenin u jindirizzaw l-elementi prinċipali ġodda introdotti mil-leġiżlazzjoni tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2021–2027. Madankollu, l-istrateġija ta’ awditu uniku tad-Direttorati Ġenerali se jkollha bżonn tiġi aġġornata peress li ċerti elementi ma kinux ċari biżżejjed jew ma ġewx żviluppati biżżejjed f’dan l-istadju tal-perjodu ta’ programmazzjoni. Id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana jimplimenta wkoll il-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE taħt ġestjoni kondiviża u indiretta. Id-dipartiment stabbilixxa proċessi ta’ kontroll għall-ġestjoni tal-Fond iżda hemm bżonn ta’ aktar titjib f’dak li jirrigwarda t-tfassil u l-ġestjoni effettiva tiegħu.

Id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji fassal b’mod adegwat u effiċjenti u implimenta b’mod effettiv il-proċessi ta’ governanza għall-fażi ta’ preparatezza tal-operazzjonijiet ta’ Assistenza Makrofinanzjarja. Madankollu, hemm bżonn ta’ aktar titjib fit-tfassil u fl-implimentazzjoni effiċjenti u effettiva tal-proċessi tal-ġestjoni u tal-kontroll tar-riskju kif ukoll fl-immarkar u fil-protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata.

Fil-ġestjoni indiretta, l-awditu dwar il-kontrolli fuq il-ġestjoni finanzjarja tal-missjonijiet ċivili tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni, implimentati mis-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija, sab li għalkemm is-Servizz fassal u implimenta qafas ta’ kontroll apposta għall-ispeċifiċitajiet tal-missjonijiet, hemm bżonn ta’ aktar titjib fir-rigward tat-tfassil tiegħu li jaffettwa l-implimentazzjoni effettiva tiegħu.

Għalkemm id-Direttorat Ġenerali għas-Sħubijiet Internazzjonali stabbilixxa sistema ta’ kontroll li tinkludi gwida, mudelli, listi ta’ kontroll u taħriġ biex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-proċessi tal-għoti ta’ għotjiet u tal-akkwist taħt ġestjoni indiretta ma’ pajjiżi sħab, u t-twettiq tal-kontrolli ex ante relatati mid-Delegazzjonijiet tal-UE, it-tfassil tagħhom jeħtieġ li jittejjeb ulterjorment biex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli u l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tagħhom.

Għalkemm id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għamel investimenti kbar biex ifassal strateġija ta’ kontroll adegwata u innovattiva ta’ Orizzont Ewropa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni legali u regolari, kif ukoll il-ġestjoni finanzjarja soda tal-programm, huwa meħtieġ titjib ulterjuri fil-komponenti ewlenin tal-istrateġija ta’ kontroll biex jintlaħaq bis-sħiħ l-objettiv fit-tul li jkun hemm livell ta’ żball taħt il-limitu ta’ materjalità ta’ 2 % għal Orizzont Ewropa.

L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Klima, għall-Infrastruttura u għall-Ambjent hija waħda mill-ħames aġenziji eżekuttivi li jimplimentaw Orizzont Ewropa. Għalkemm l-Aġenzija fasslet u stabbiliet kontrolli adegwati għall-proċessi ta’ ġestjoni tal-għotjiet ta’ Orizzont Ewropa, hemm bżonn ta’ aktar titjib relatat mal-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u tal-proċessi ta’ evalwazzjoni li jistgħu jxekklu l-effettività u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni.

Fl-aħħar nett, l-awditu dwar il-bini tal-aċċertament għan-nefqa taħt ġestjoni diretta fid-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd sab li għalkemm id-dipartiment fassal u implimenta b’mod adegwat il-proċessi tal-bini tal-aċċertament tiegħu fir-rigward tan-nefqa taħt ġestjoni diretta, hemm bżonn ta’ aktar titjib fit-tfassil u fl-implimentazzjoni finanzjarja tal-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli.

4.1.2.Proċessi operazzjonali

Is-Servizz tal-Awditjar Intern wettaq tliet awditi li jiffukaw fuq programmi jew strumenti speċifiċi. L-awditu dwar il-Programm tas-Suq Uniku ta riżultati pożittivi, mingħajr ma ġiet identifikata ebda dgħufija kritika jew importanti ħafna.

L-awditu dwar l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tas-sistema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet u l-awditu dwar il-programm il-ġdid għad-dekummissjonar nukleari u l-ġestjoni tal-iskart fiċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka rriżultaw rispettivament f’għaxar u f’erba’ rakkomandazzjonijiet importanti ħafna. Fl-awditu dwar is-sistema tal-UE għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet, il-proċessi għall-ġestjoni tal-irkantijiet tas-sistema tal-UE għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet qed jiffunzjonaw tajjeb, iżda hemm bżonn ta’ aktar titjib fit-tfassil u fl-implimentazzjoni effettiva tal-proċessi l-oħrajn tad-Direttorat Ġenerali għall-Azzjoni Klimatika għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tas-sistema tal-UE għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet. Għall-programm ta’ dekummissjonar u ta’ ġestjoni tal-iskart nukleari, hemm bżonn ta’ aktar titjib fis-sistemi ta’ governanza, ta’ ġestjoni u ta’ kontroll biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sostenibbli, effiċjenti u effettiva tal-programm fis-siti nukleari kollha taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka.

4.1.3.Proċessi ta’ appoġġ

Ġestjoni tar-riżorsi umani

Il-Kummissjoni hija mitluba tagħmel aktar mingħajr ma tkun tista’ żżid id-daqs tal-forza tax-xogħol ġenerali tagħha, peress li hija meħtieġa żżomm persunal stabbli. Konsegwentement, għadd dejjem jikber ta’ dipartimenti tal-Kummissjoni ma jingħatawx il-persunal ġdid li jitolbu, u dan jirriżulta fi pressjoni għolja fuq ir-riżorsi. Din il-ħaġa ġiet irrapportata mill-Kummissjoni bħala riskju kritiku trasversali. F’dan il-kuntest, is-Servizz tal-Awditjar Intern wettaq tliet awditi biex jivvaluta diversi aspetti tal-ġestjoni tar-riżorsi umani fil-Kummissjoni.

L-awditu dwar il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tar-riżorsi umani fil-Kummissjoni fil-livell korporattiv ikkonkluda li l-proċessi eżistenti għall-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tar-riżorsi umani fil-kuntest leġiżlattiv u dak baġitarju għamlu progress iżda jirrikjedu titjib ewlieni. Ġew identifikati żewġ kwistjonijiet ewlenin dwar: (1) l-appoġġ mis-servizzi ċentrali għall-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tar-riżorsi umani fil-livell tad-dipartimenti lokali; u (2) il-kontrolli tal-kwalità fuq il-ħtiġijiet tar-riżorsi umani mis-servizzi ċentrali. L-indirizzar ta’ dawn il-kwistjonijiet huwa kruċjali biex jiġi żgurat l-aħjar użu tar-riżorsi limitati tal-Kummissjoni u biex jiġu ssodisfati l-prijoritajiet u l-obbligi ewlenin tagħha.

L-awditu b’diversi entitajiet dwar l-allokazzjoni tar-riżorsi umani fid-Delegazzjonijiet tal-UE kkonkluda li l-proċess tal-Kummissjoni għall-allokazzjoni tar-riżorsi umani fid-Delegazzjonijiet tal-UE kien konformi mar-regoli, iżda hemm bżonn li jittejbu t-tfassil u l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tiegħu biex jintlaħaq l-objettiv li tiġi pprovduta perspettiva globali tal-ammont ta’ xogħol tad-Delegazzjoni tal-UE.

Fil-livell ta’ dipartiment individwali, awditu dwar il-ġestjoni tar-riżorsi umani fid-Direttorat Ġenerali għall-Istabilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali kkonkluda li għalkemm id-dipartiment stabbilixxa sistema interna adegwata għall-ġestjoni tar-riżorsi umani tiegħu, hemm bżonn ta’ titjib ulterjuri fir-rigward tat-tfassil tal-qafas strateġiku tar-riżorsi umani tad-dipartiment li jista’ jaffettwa l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tiegħu.

Ġestjoni tal-IT

L-awditu b’diversi Direttorati Ġenerali dwar il-ġestjoni tar-riskju għas-sigurtà tal-IT li jkopri kemm il-livell korporattiv kif ukoll dak lokali, sab li għalkemm il-Kummissjoni fasslet qafas u proċessi adegwati għall-ġestjoni tar-riskju għas-sigurtà tal-IT, f’konformità mal-qafas tas-sigurtà tal-IT tal-Kummissjoni, hemm bżonn li l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tal-proċessi fl-oqsma li ġejjin tittejjeb ulterjorment: (1) il-metodoloġija tal-ġestjoni tar-riskju għas-sigurtà tal-IT u l-għodod relatati; (2) il-kriterji għall-aċċettazzjoni tar-riskju; (3) il-monitoraġġ u r-rapportar tar-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju; u (4) il-kompletezza u l-akkuratezza tal-informazzjoni dwar is-sigurtà tal-IT. Ġew identifikati oqsma għal titjib kemm fil-livell tal-Kummissjoni kif ukoll fil-livell deċentralizzat.

Rieżami limitat tas-SUMMA ( 20 ), bi tħejjija għall-varar tagħha, iffoka fuq il-kontrolli stabbiliti mid-Direttorat Ġenerali għall-Baġit biex itaffi r-riskji ewlenin fir-rigward tat-tranżizzjoni tas-sistema ċentrali tal-kontabilità, tal-baġit u tat-teżor tal-Kummissjoni. Fiż-żmien meta sar ir-rieżami limitat kien għad fadal oqsma importanti ħafna li kienu jeħtieġu aktar titjib. Barra minn hekk, ġew identifikati oqsma addizzjonali għat-titjib, li potenzjalment ikollhom impatt fuq l-użu effiċjenti u effettiv sussegwenti tas-sistema fil-prattika.

Proċessi oħra ta’ appoġġ

L-awditu dwar il-qafas ta’ finanzjament tal-IT ikkonkluda li d-Direttorat Ġenerali għas-Servizzi Diġitali għamel sforzi biex ifassal u biex jimplimenta qafas ta’ kontroll adegwat għall-ġestjoni tas-servizzi bażi tal-IT u tal-proċessi ta’ ritrasferiment. Madankollu, minkejja l-fatt li l-qafas kurrenti ta’ finanzjament tal-IT ġab miegħu xi elementi pożittivi, hemm bżonn ta’ titjib ulterjuri fit-tfassil tiegħu fir-rigward tal-kunċett ta’ servizzi bażi tal-IT u fl-adegwatezza tal-qafas kurrenti ta’ finanzjament tal-IT biex jiġu pprovduti servizzi korporattivi sostenibbli tal-IT fil-futur.

L-awditu tas-Servizz tal-Awditjar Intern dwar il-protezzjoni tad-data personali fl-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali kkonkluda li s-sistema ta’ kontroll stabbilita mill-Uffiċċju għall-proċessi ewlenin tan-negozju li jittrattaw id-data personali ma hijiex imfassla b’mod adegwat u ma hijiex implimentata b’mod effettiv biex tiżgura l-konformità mal-bażi legali rilevanti. Filwaqt li s-Servizz tal-Awditjar Intern jinnota l-passi importanti li ħa l-Uffiċċju fl-2024 (wara t-tmiem tax-xogħol tal-awditjar fuq il-post) biex jindirizza n-nuqqasijiet ewlenin, għad irid isir progress sinifikanti (1) fl-akkontabbiltà, fir-rwoli u fir-responsabbiltajiet; (2) fl-arranġamenti fil-każ ta’ pproċessar konġunt, it-trasferimenti internazzjonali ta’ data personali u l-ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz, (3) fil-konformità mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data u (4) fil-kontrolli tal-IT biex jiġu żgurati l-integrità, il-kunfidenzjalità u d-disponibbiltà tad-data personali.

4.2.Konklużjonijiet limitati tas-Servizz tal-Awditjar Intern

Is-Servizz tal-Awditjar Intern ħareġ konklużjonijiet limitati dwar l-istat ta’ kontroll intern lil kull Direttorat Ġenerali u servizz tal-Kummissjoni fi Frar 2025 ( 21 ). Dawn il-konklużjonijiet limitati kkontribwew għar-rapporti annwali tal-attività tal-2024 tad-Direttorati Ġenerali u tas-servizzi kkonċernati. Abbażi tal-ħidma tal-awditjar imwettqa f’dawn l-aħħar 5 snin, dawn ikopru r-rakkomandazzjonijiet pendenti kollha maħruġa. Il-konklużjoni tas-Servizz tal-Awditjar Intern dwar l-istat tal-kontroll intern hija limitata għas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li ġew awditjati. Ma tkoprix dawk is-sistemi li ma ġewx awditjati mis-Servizz tal-Awditjar Intern f’dawn l-aħħar 5 snin.

4.3.Konklużjoni ġenerali dwar il-ġestjoni finanzjarja tal-Kummissjoni

Kif meħtieġ mill-karta tal-missjoni tiegħu, is-Servizz tal-Awditjar Intern joħroġ konklużjoni ġenerali annwali dwar il-ġestjoni finanzjarja tal-Kummissjoni. Din tkun ibbażata fuq il-ħidma tal-awditjar fil-qasam tal-ġestjoni finanzjarja fil-Kummissjoni mwettqa mis-Servizz tal-Awditjar Intern fl-aħħar 3 snin (bejn l-2022 u l-2024). Tqis ukoll l-informazzjoni minn sorsi oħrajn, jiġifieri r-rapporti mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Il-konklużjoni ġenerali tinħareġ fl-istess ħin ta’ dan ir-rapport u tkopri l-istess sena.

Abbażi ta’ din l-informazzjoni tal-awditjar, l-awditur intern qies li, fl-2024, il-Kummissjoni implimentat proċeduri ta’ governanza, ta’ ġestjoni tar-riskji u ta’ kontroll intern li, meħudin flimkien, huma adegwati sabiex jagħtu aċċertament raġonevoli dwar l-ilħuq tal-objettivi finanzjarji tagħha, bl-eċċezzjoni ta’ dawk l-oqsma ta’ ġestjoni finanzjarja li dwarhom, l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni b’delega esprimew riżervi fid-dikjarazzjoni tal-aċċertament tagħhom.

Mingħajr ma kkwalifika ulterjorment il-konklużjoni ġenerali għall-2024, is-Servizz tal-Awditjar Intern ġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq il-ħtieġa li tindirizza r-riskji trasversali għoljin għall-istituzzjoni u għall-baġit tal-UE billi tibni fuq it-tagħlimiet meħuda mill-ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji tagħha f’kuntest diffiċli.

Dan huwa marbut b’mod partikolari mal-kumplessità tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament (innovattivi) u l-isfidi relatati mal-implimentazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni, li fl-aħħar mill-aħħar hija responsabbli biex tiżgura l-legalità u r-regolarità tan-nefqa u ġestjoni finanzjarja tajba, se jkollha għalhekk tkompli tieħu azzjonijiet biex ittaffi r-riskji għoljin ġodda identifikati.

Hekk kif il-Kummissjoni qiegħda tibda tfassil mill-ġdid ambizzjuż tal-baġit tal-UE, bl-għan li tagħmlu aktar sempliċi, aktar iffukat u aktar effettiv, il-qafas tradizzjonali ta’ governanza, kontroll u aċċertament jeħtieġ li jiġi adattat biex jibqa’ rilevanti għal finanzjament innovattiv u kumpless u għal mudelli ta’ implimentazzjoni ġodda, inklużi approċċi bbażati fuq il-prestazzjoni.

Sabiex jibqa’ effettiv, il-qafas ta’ aċċertament u kontroll fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss irid ikun proporzjonali għar-riskji assoċjati. Il-livell u l-intensità tal-kontrolli għandhom jiġu aġġustati għall-mudell ta’ implimentazzjoni tal-istrument(i) futur(i), biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-kontrolli u tal-awditi, u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv.

L-istrateġija ta’ aċċertament u kontroll għandha tkun inkorporata mill-bidu nett, żviluppata b’mod parallel mat-tfassil tal-politika u l-ippjanar tal-implimentazzjoni, u b’hekk tiżgura kemm it-twettiq effettiv u effiċjenti tal-programmi, kif ukoll tappoġġa objettivi usa’ ta’ ġestjoni finanzjarja u governanza.

Huwa essenzjali li jinżamm il-livell xieraq ta’ kontrolli matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-programm, speċjalment jekk id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-fondi joħloq pressjoni. Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni kontinwa u affidabbli tal-istrateġiji l-ġodda ta’ kontroll u aċċertament, ir-riżorsi umani meħtieġa għandhom jiġu ddefiniti u allokati mill-bidu sal-għeluq, kemm fil-kapaċità kif ukoll fil-ħiliet.

5.Konsultazzjoni mal-grupp speċjalizzat tal-Kummissjoni dwar l-irregolaritajiet finanzjarji 

Ma ġiet irrapportata l-ebda problema sistemika fl-2024 mill-grupp speċjalizzat stabbilit skont l-Artikolu 145 tar-Regolament Finanzjarju, fejn jagħti l-opinjoni msemmija fl-Artikolu 93 tar-Regolament Finanzjarju.

(1)
(2)
(3)
(4) ()    Sommarju tal-aċċertament ipprovdut mis-Servizz tal-Awditjar Intern huwa ppubblikat b’mod parallel ma’ dan ir-rapport fir-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni għall-Baġit tal-UE.
(5)
(6)
(7)
(8)
(9) ()    L-univers tal-awditjar tal-Kummissjoni tas-Servizz tal-Awditjar Intern ikopri 50 entità organizzazzjonali (dipartimenti) b’kollox. Għal xi wħud minn dawn l-entitajiet, fl-2024 inħareġ aktar minn rapport finali wieħed tal-awditjar jew tar-rieżami. Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal għal dan ir-rapport għal ħarsa ġenerali dettaljata tal-entitajiet li għalihom inħarġu rapporti finali tal-awditjar u ta’ rieżami.
(10) ()    Awditu dwar il-ġestjoni tar-Riżorsi Umani fid-Direttorat Ġenerali għall-Istabilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali li għalih l-abbozz tar-rapport inħareġ fid-19 ta’ Diċembru 2024 u r-rapport tal-awditjar finali nħareġ fl-10 ta’ Marzu 2025.     
(11) ()    Xi inkarigi tal-awditjar ingħataw segwitu aktar minn darba u xi noti ta’ segwitu koprew aktar minn inkarigu tal-awditjar wieħed.
(12) ()    Il-lista ta’ awditi li ngħalqu wara segwitu hija inkluża fit-Taqsima 2.2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.
(13) ()    Dan jirreferi għal awditi li jkopru diversi Direttorati Ġenerali u/jew servizzi tal-Kummissjoni (awditi b’diversi Direttorati Ġenerali) jew awditi mwettqa fid-dipartimenti u fl-aġenziji deċentralizzati tal-Kummissjoni jew korpi awtonomi oħra (awditi b’diversi entitajiet).
(14) ()    Inklużi erba’ rakkomandazzjonijiet (waħda importanti ħafna u tlieta importanti) mill-awditu dwar il-ġestjoni tar-Riżorsi Umani fid-Direttorat Ġenerali għall-Istabilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, li ġie ffinalizzat fl-10 ta’ Marzu 2025. Madankollu, dan l-awditu u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu ma kinux inklużi fir-Rapport ta’ Sinteżi finali tal-2024 indirizzat lill-Kumitat tal-Progress tal-Awditu.
(15) ()    Esklużi erba’ rakkomandazzjonijiet maħruġa wara d-data ta’ skadenza tal-31 ta’ Jannar 2025, kif spjegat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti. 
(16) () Minn 831 rakkomandazzjoni maħruġa fl-2020–2024, 823 rakkomandazzjoni ġew aċċettati kompletament, erbgħa ġew aċċettati parzjalment u erbgħa ġew irrifjutati.
(17) () Iċ-ċart turi l-klassifikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fid-data ta’ skadenza. Din tista’ tvarja mill-klassifikazzjoni fir-rapport tal-awditjar oriġinali minħabba li, f’awditu ta’ segwitu, is-Servizz tal-Awditjar Intern jista’ jivvaluta li l-azzjonijiet meħuda mill-entità awditjata jkunu taffew parzjalment ir-riskji identifikati inizjalment u għalhekk jista’ jbaxxi l-klassifikazzjoni tar-rakkomandazzjoni.
(18) ()    B’kollox, is-Servizz tal-Awditjar Intern wettaq 23 inkarigu ta’ awditjar b’enfasi fuq il-prestazzjoni (20 awditu komprensiv u tal-prestazzjoni) jew inkarigi li jinvolvu xi aspetti tal-prestazzjoni (2 awditi tal-IT u rieżami limitat tal-IT). Għal aktar dettalji ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.
(19) () 19 minn total ta’ 74 rakkomandazzjoni importanti ħafna maħruġa fl-2024 (26 %).
(20) ()    Għodda għall-kontabilità fuq il-bażi tad-dovuti u dik baġitarja.
(21) ()    Matul il-perjodu 2020-2024, ma sar l-ebda awditu fis-servizz konsultattiv Ispira, iddibatti, involvi ruħek u aċċellera l-azzjoni, peress li ma ġie individwat l-ebda riskju għoli u għalhekk ma ġiet ipprovduta l-ebda konklużjoni limitata.