|
23.3.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 84/18 |
DEĊIŻJONI (UE) 2023/672 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-10 ta’ Marzu 2023
dwar id-delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet relatati ma’ spezzjonijiet fuq il-post u investigazzjonijiet ta’ mudelli interni (BĊE/2023/5)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 99 tagħha,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(11) u (12) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (3), u b'mod partikolari l-Artikoli 143, 144, 145 u146 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2017/933 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Novembru 2016 dwar qafas ġenerali għad-delegazzjoni ta' setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet għal strumenti legali relatati ma' kompiti superviżorji (BĊE/2016/40) (4) u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,
Billi:
|
(1) |
Fil-qafas tal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iwettaq il-kompitu esklussiv li jissorvelja l-istituzzjonijiet ta’ kreditu bil-għan li jiżgura applikazzjoni konsistenti tal-istandards superviżorji, sabiex titrawwem l-istabbiltà finanzjarja u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi. |
|
(2) |
Bis-saħħa tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE, sabiex iwettaq il-kompiti kkonferiti lilu b’dak ir-Regolament, jista’ jwettaq l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa fuq il-post fil-bini tan-negozju tal-persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 10(1) ta’ dak ir-Regolament u kwalunkwe impriża oħra inkluża fis-superviżjoni fuq bażi konsolidata fejn il-BĊE jkun is-superviżur konsolidanti skont il-punt (g) tal-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(3) |
Bis-saħħa tal-Artikolu 99(1) tad-Direttiva 2013/36/UE, il-BĊE, bħala awtorità kompetenti, jadotta kull sena deċiżjoni tal-BĊE dwar programm ta’ eżami superviżorju (SEP) (minn hawn ’il quddiem “deċiżjoni SEP”) li tinkludi, fost l-oħrajn, il-pjan għall-ispezzjonijiet fil-bini użat minn istituzzjoni, inklużi l-friegħi u s-sussidjarji tagħha stabbiliti fi Stati Membri oħra skont l-Artikoli 52, 119 u 122 tad-Direttiva 2013/36/UE. B’mod partikolari, l-SEP huwa relatat ma’ spezzjonijiet fuq il-post tar-riskju ta’ istituzzjoni, kontrolli tar-riskju u governanza, u spezzjonijiet fuq il-post li jikkonċernaw valutazzjonijiet fil-fond ta’ mudelli interni użati minn istituzzjoni għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji, b’mod partikolari fir-rigward tal-metodoloġiji, l-adegwatezza ekonomika, ir-riskji, il-kontrolli tar-riskju u l-governanza. |
|
(4) |
Deċiżjoni dwar l-SEP tista’ tiġi emendata matul is-sena sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet operattivi tan-negozju tal-BĊE, il-bidliet fis-sitwazzjoni tal-entitajiet taħt superviżjoni jew it-talbiet tal-entitajiet taħt superviżjoni, u sabiex jiġi żgurat it-twettiq effettiv tal-ispezzjonijiet ippjanati. L-emendi għal deċiżjoni SEP għandhom isiru permezz ta’ deċiżjoni adottata mill-BĊE. Tali deċiżjoni emendatorja tista’ tipprevedi l-kanċellazzjoni ta’ spezzjonijiet approvati, emenda tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ispezzjonijiet ippjanati jew l-inklużjoni ta’ spezzjonijiet addizzjonali fl-SEP għal sena partikolari. Bis-saħħa tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, l-entità legali spezzjonata tiġi nnotifikata bid-deċiżjoni tal-BĊE li jwettaq spezzjoni fuq il-post jew investigazzjoni tal-mudell intern qabel il-bidu tal-ispezzjoni. |
|
(5) |
Sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-BĊE jkun jista’ jirreaġixxi b’mod effiċjenti għal bidliet fis-sitwazzjoni tal-entitajiet taħt superviżjoni li jaffettwaw it-twettiq u l-ambitu tal-ispezzjonijiet ippjanati, hija meħtieġa deċiżjoni ta’ delega fir-rigward tal-adozzjoni ta’ tali deċiżjonijiet li jemendaw id-deċiżjonijiet tal-SEP. Tali deċiżjoni ta’ delega għandha tippermetti każijiet fejn deċiżjoni ddelegata waħda tinkludi emendi għal aktar minn spezzjoni ppjanata waħda. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet li d-delega tas-setgħat tista’ tkun meħtieġa biex tippermetti lil istituzzjoni li tkun meħtieġa tadotta numru konsiderevoli ta' deċiżjonijiet biex twettaq dmirijietha. Bl-istess mod, hija rrikonoxxiet il-ħtieġa li tiżgura li l-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jaħdmu bħala prinċipju inerenti għas-sistemi istituzzjonali kollha (5). |
|
(6) |
Id-delega tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandha tkun limitata u proporzjonata, u l-ambitu tad-delegazzjoni għandu jkun definit b'mod ċar. |
|
(7) |
Fl-24 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-BĊE u r-Repubblika tal-Bulgarija (6). L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jipprevedi li biex iwettaq ċerti kompiti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro fejn tkun ġiet stabbilita kooperazzjoni mill-qrib skont dak l-Artikolu, il-BĊE jista’ jindirizza struzzjonijiet lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru rilevanti. Huwa għalhekk xieraq li dawn l-istruzzjonijiet jiġu inklużi fost l-atti li l-BĊE jista’ jadotta permezz ta’ delega lill-kapijiet tal-unitajiet ta’ ħidma bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
(8) |
Id-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40) tispeċifika l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet superviżorji u l-persuni li lilhom jistgħu jiġu ddelegati setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet. Dik id-Deċiżjoni ma taffettwax l-eżerċizzju tal-kompiti superviżorji tal-BĊE u hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Bord ta' Sorveljanza li jipproponi abbozzi ta' deċiżjonijiet kompleti lill-Kunsill Governattiv. |
|
(9) |
Fejn il-kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjoni delegata, kif stabbilit f'din id-Deċiżjoni, ma jintlaħqux, għandhom jiġu adottati deċiżjonijiet skont il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni stabbilita fl-Artikolu 26(8) Nru 1024/2013 u l-Artikolu 13g tad-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew (7). Barra minn hekk, il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni jenħtieġ li tintuża wkoll meta l-kapijiet tal-unitajiet tax-xogħol ikollhom tħassib dwar l-issodisfar tal-kriterji ta’ valutazzjoni għal deċiżjonijiet dwar skadenzi minħabba l-kumplessità tal-valutazzjoni jew is-sensittività tal-kwistjoni u meta l-eżitu tal-valutazzjoni rilevanti jkollu impatt dirett fuq deċiżjoni oħra u għalhekk id-deċiżjonijiet jenħtieġ li jitqiesu simultanjament mill-istess persuna li tieħu d-deċiżjonijiet sabiex jiġu evitati eżiti konfliġġenti. |
|
(10) |
Id-deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE jistgħu jkunu suġġetti għal rieżami amministrattiv skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u kif speċifikat aktar fid-Deċiżjoni BĊE/2014/16 tal-Bank Ċentrali Ewropew (8). Fil-każ ta' tali rieżami amministrattiv, il-Bord Superviżorju għandu jqis l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta' Reviżjoni u jissottometti abbozz ta' deċiżjoni ġdida lill-Kunsill Governattiv għal adozzjoni taħt il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni. |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“programm ta’ eżami superviżorju” jew “SEP” għandha l-istess tifsira bħal fl-Artikolu 99(1) tad-Direttiva 2013/36/UE; |
|
(2) |
“deċiżjoni SEP” tfisser deċiżjoni tal-BĊE dwar programm ta’ eżami superviżorju; |
|
(3) |
“spezzjoni fuq il-post” tfisser spezzjoni mwettqa fil-bini tan-negozju ta’ kwalunkwe waħda mill-persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u kwalunkwe impriża oħra inkluża fis-superviżjoni fuq bażi konsolidata fejn il-BĊE jkun is-superviżur konsolidanti skont il-punt (g) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013; |
|
(4) |
“investigazzjoni tal-mudell intern” tfisser spezzjoni fuq il-post b’rabta mal-użu ta’ mudelli interni għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9)għall-fini tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-mudelli interni; |
|
(5) |
“spezzjoni” tfisser spezzjoni fuq il-post jew mudell ta’ investigazzjoni interna; |
|
(6) |
“deċiżjoni superviżorja tal-BĊE” tfisser deċiżjoni superviżorja tal-BĊE kif definita fil-punt (26) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (ECB/2014/17); |
|
(7) |
“entità sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser entità sinifikanti taħt superviżjoni kif definita fil-punt (16) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17); |
|
(8) |
“entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser entità sinifikanti taħt superviżjoni kif definita fil-punt (7) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17); |
|
(9) |
“entità spezzjonata” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
|
|
(10) |
“riżorsi tal-MSU” tfisser il-membri tal-persunal tal-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jiffurmaw it-tim ta’ spezzjoni fuq il-post f’konformità mal-Artikolu 144 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (ECB/2014/17); |
|
(11) |
“deċiżjoni dwar spezzjonijiet fuq il-post” tfisser kwalunkwe deċiżjoni tal-BĊE li temenda d-deċiżjoni tal-SEP approvata fir-rigward ta’ spezzjoni waħda jew aktar ippjanati fuq il-post; |
|
(12) |
“deċiżjoni dwar investigazzjonijiet ta’ mudelli interni” tfisser kwalunkwe deċiżjoni tal-BĊE li temenda d-deċiżjoni tal-SEP approvata fir-rigward ta’ investigazzjoni waħda jew aktar ippjanati dwar mudell intern; |
|
(13) |
“deċiżjoni ta’ delegazzjoni” tfisser deċiżjoni ta’ delegazzjoni kif iddefinita fil-punt (2) tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/933 (BĊE/2015/40); |
|
(14) |
“deċiżjoni ta’ delegazzjoni” tfisser deċiżjoni delegata kif iddefinita fil-punt (4) tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/933 (BĊE/2015/40); |
|
(15) |
“kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol” tfisser il-kapijiet ta' unitajiet tax-xogħol tal-BĊE li lilhom tiġi delegata s-setgħa li jadottaw deċiżjonijiet dwar spezzjonijiet fuq il-post u deċiżjonijiet dwar investigazzjonijiet tal-mudell intern; |
|
(16) |
“proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni” tfisser il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, u speċifikata ulterjorment fl-Artikolu 13g tad-Deċiżjoni BĊE/2004/2; |
|
(17) |
“deċiżjoni negattiva” tfisser deċiżjoni li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ spezzjoni fuq il-post ippjanata jew ta’ investigazzjoni ta’ mudell intern ippjanata, sakemm dik id-deċiżjoni ma titteħidx skont talba mill-entità taħt superviżjoni. Deċiżjoni b'dispożizzjonijiet anċillari bħal kundizzjonijiet, obbligi jew limitazzjonijiet għandha titqies bħala deċiżjoni negattiva sakemm tali dispożizzjonijiet anċillari (a) jiżguraw li l-entità taħt superviżjoni tissodisfa r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni relevanti u ġew miftiehma bil-miktub jew (b) sempliċiment tiddikjara mill-ġdid wieħed jew aktar mir-rekwiżiti eżistenti li l-entità taħt superviżjoni trid tikkonforma magħhom skont id-dritt tal-Unjoni jew jeħtieġu informazzjoni dwar it-twettiq ta' wieħed jew aktar minn dawk ir-rekwiżiti. |
|
(18) |
“sensittività” tfisser karatteristika jew fattur li jista’ jkollu impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni tal-BĊE u/jew fuq il-funzjonament effettiv u konsistenti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, inkluż iżda mhux limitat għal kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin: (a) fejn l-entità sorveljata rilevanti kienet preċedentement, jew bħalissa, tkun soġġetta għal miżuri superviżorji severi bħal miżuri ta' intervent bikri; (b) l-abbozz ta' deċiżjoni ladarba jiġi adottat se jistabbilixxi preċedent ġdid li jista' jorbot lill-BĊE fil-futur; (c) l-abbozz tad-deċiżjoni ladarba jiġi adottat jista' jattira attenzjoni negattiva tal-midja jew tal-pubbliku; jew (d) awtorità nazzjonali kompetenti li tkun daħlet f'kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE tikkomunika n-nuqqas ta' qbil tagħha mal-abbozz ta’ istruzzjonijiet propost lill-BĊE. |
Artikolu 2
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
1. Din id-Deċiżjoni tispeċifika l-kriterji għad-delega tas-setgħat tat-teħid ta’ deċiżjonijiet lill-kapijiet tal-unitajiet tax-xogħol tal-BĊE għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar spezzjonijiet fuq il-post u deċiżjonijiet dwar investigazzjonijiet ta’ mudelli interni.
2. Id-delega tas-setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni superviżorja li għandha titwettaq għall-finijiet tat-teħid ta’ deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE wara l-ispezzjoni fuq il-post u l-investigazzjoni tal-mudell intern.
Artikolu 3
Delega ta’ deċiżjonijiet dwar spezzjonijiet fuq il-post u deċiżjonijiet dwar investigazzjonijiet ta’ mudelli interni
1. Skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40), il-Kunsill Governattiv bil-preżenti jiddelega lill-kapijiet tal-unitajiet ta' ħidma nnominati mill-Bord Eżekuttiv skont l-Artikolu 5 ta' dik id-Deċiżjoni, is-setgħa li jadottaw deċiżjonijiet dwar:
|
(a) |
spezzjonijiet fuq il-post skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013; |
|
(b) |
investigazzjonijiet ta’ mudelli interni skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013. |
2. Id-delega tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet skont il-paragrafu 1 għandha tapplika għal:
|
(a) |
l-adozzjoni mill-BĊE ta’ deċiżjonijiet; |
|
(b) |
l-adozzjoni ta’ struzzjonijiet mill-BĊE indirizzati, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li magħhom il-BĊE stabbilixxa kooperazzjoni mill-qrib. |
3. Deċiżjonijiet dwar spezzjonijiet fuq il-post kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni delegata jekk jiġu sodisfatti l-kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet delegati, kif stabbilit fl-Artikolu 4.
4. Deċiżjonijiet dwar investigazzjonijiet ta’ mudelli interni kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni delegata jekk jiġu sodisfatti l-kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet delegati, kif stabbilit fl-Artikolu 5.
5. Deċiżjonijiet dwar spezzjonijiet fuq il-post u deċiżjonijiet dwar mudelli ta’ investigazzjonijiet interni ma għandhomx jiġu adottati permezz ta’ deċiżjoni ddelegata jekk il-kumplessità tal-valutazzjoni jew is-sensittività tal-kwistjoni jirrikjedu li jiġu adottati skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni jew jekk il-valutazzjoni superviżorja ta’ dawk id-deċiżjonijiet ikollha impatt dirett fuq il-valutazzjoni superviżorja ta’ deċiżjoni oħra li għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni.
6. Deċiżjonijiet negattivi dwar spezzjonijiet fuq il-post u deċiżjonijiet negattivi dwar investigazzjonijiet ta’ mudell intern ma għandhomx jiġu adottati permezz ta’ deċiżjoni delegata.
Artikolu 4
Kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet delegati relatati ma’ spezzjonijiet fuq il-post
1. Id-deċiżjonijiet dwar l-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni ddelegata biss jekk ikunu jappartjenu għal waħda jew aktar mill-kategoriji li ġejjin u jiġu ssodisfati wieħed jew aktar mill-kriterji rilevanti speċifikati għal dik il-kategorija.
|
(a) |
Deċiżjonijiet li jikkanċellaw spezzjoni fuq il-post: tali deċiżjonijiet għandhom jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni ddelegata jekk l-ispezzjoni fuq il-post ippjanata ma tkunx tista’ titwettaq jew tkun saret mingħajr skop minħabba waħda jew aktar minn dawn li ġejjin: (i) bidla fl-organizzazzjoni interna jew fil-proprjetà tal-entità ġuridika spezzjonata li tagħmilha impossibbli li titwettaq l-ispezzjoni fuq il-post, (ii) in-nuqqas ta’ tħejjija tal-entità ġuridika spezzjonata għall-ispezzjoni fuq il-post fil-perjodu ta’ żmien ippjanat, skont id-dikjarazzjonijiet tal-entità ġuridika spezzjonata stess; |
|
(b) |
Deċiżjonijiet li jbiddlu l-isem ta’ entitajiet legali inklużi fl-ambitu ta’ spezzjonijiet fuq il-post: tali deċiżjonijiet għandhom jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni delegata jekk id-deċiżjoni speċifika trid tittieħed wara l-komunikazzjoni lill-BĊE ta’ (i) bidla fil-prpprjetà ta' entità legali spezzjonata, jew (ii) bidla fl-isem ta' entità legali spezzjonata; |
|
(c) |
Deċiżjonijiet li jnaqqsu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ispezzjonijiet fuq il-post ippjanati: tali deċiżjonijiet għandhom jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni ddelegata jekk l-ispezzjoni fuq il-post ippjanata ma tkunx tista’ titwettaq jew tkun saret mingħajr skop minħabba waħda jew aktar minn dawn li ġejjin: (i) in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ riżorsi MSU biex jitwettqu l-ispezzjonijiet fuq il-post (ii) bidla fl-organizzazzjoni interna jew fil-proprjetà tal-entità ġuridika spezzjonata li tagħmilha impossibbli li titwettaq l-ispezzjoni fuq il-post, (iii) in-nuqqas ta’ tħejjija tal-entità ġuridika spezzjonata għall-ispezzjoni fuq il-post fil-perijodu ta’ żmien ippjanat, skont id-dikjarazzjonijiet tal-entità ġuridika spezzjonata stess; |
|
(d) |
Deċiżjonijiet li jirrettifikaw żbalji klerikali u ineżattezzi oħra ovvji fid-deċiżjoni SEP: deċiżjonijiet bħal dawn għandhom jittieħdu permezz ta' deċiżjoni delegata jekk ir-rettifika ma jaffettwax l-ambitu tal-investigazzjoni fil-post tal-mudell intern ippjanata. |
2. Il-kapijiet tal-unitajiet ta’ ħidma għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-emendi għad-deċiżjoni tal-SEP għall-ispezzjonijiet fuq il-post b’kont meħud tal-iskop superviżorju tal-ispezzjoni fuq il-post, il-ħtieġa ta’ twettiq effettiv u effiċjenti tal-ispezzjonijiet fuq il-post, id-disponibbiltà tar-riżorsi tal-MSU u kwalunkwe żvilupp rilevanti li jaffettwa l-entità legali spezzjonata.
Artikolu 5
Kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet delegati relatati ma’ investigazzjonijiet ta’ mudelli interni
1. Id-deċiżjonijiet dwar l-investigazzjonijiet ta’ mudell intern għandhom jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni ddelegata biss jekk ikunu jappartjenu għal waħda jew aktar mill-kategoriji li ġejjin u jiġu ssodisfati wieħed jew aktar mill-kriterji rilevanti speċifikati għal dik il-kategorija.
|
(a) |
Deċiżjonijiet li jikkanċellaw investigazzjonijiet ta’ mudelli interni ppjanati: deċiżjonijiet bħal dawn għandhom jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni delegata jekk id-deċiżjoni speċifika għandha tittieħed skont (i) ir-revoka ta’ entità legali spezzjonata ta’ applikazzjoni għall-użu inizjali jew għal bidla materjali jew estensjoni. ta' mudelli interni (minn hawn 'il quddiem imsejħa 'applikazzjoni'), (ii) emenda ta' applikazzjoni, (iii) talba għal posponiment tad-deċiżjoni dwar applikazzjoni; jew jekk l-investigazzjoni tal-mudell intern ippjanat ma tistax titwettaq minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tar-riżorsi tal-MSU biex titwettaq l-investigazzjoni; |
|
(b) |
Deċiżjonijiet li jbiddlu l-isem ta’ entitajiet legali inklużi fl-ambitu ta’ investigazzjoni ta’ mudell intern: tali deċiżjonijiet għandhom jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni delegata jekk id-deċiżjoni speċifika trid tittieħed wara l-komunikazzjoni lill-BĊE ta’ (i) bidla fil-proprjetà ta' entità legali spezzjonata, jew (ii) bidla fl-isem ta' entità legali spezzjonata; |
|
(c) |
Deċiżjonijiet li jemendaw l-ambitu tal-investigazzjonijiet tal-mudell interni ppjanati: tali deċiżjonijiet għandhom jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni delegata jekk id-deċiżjoni speċifika tittieħed skont ir-revoka jew l-emenda ta’ applikazzjoni ta’ entità legali spezzjonata; |
|
(d) |
Deċiżjonijiet li jirrettifikaw żbalji klerikali u ineżattezzi oħra ovvji fid-deċiżjoni SEP: deċiżjonijiet bħal dawn għandhom jittieħdu permezz ta' deċiżjoni delegata jekk ir-rettifika ma jaffettwax l-ambitu tal-ispezzjoni fil-post ippjanata. |
2. Il-kapijiet tal-unitajiet tax-xogħol għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-emendi għad-deċiżjoni SEP għal investigazzjonijiet ta’ mudell intern b’kont meħud tal-applikazzjoni sottomessa mill-entità legali spezzjonata li tagħti bidu għall-investigazzjonijiet, il-ħtieġa għal kondotta effettiva u effiċjenti tal-investigazzjonijiet, id-disponibbiltà tar-riżorsi tal-MSU u kwalunkwe żvilupp rilevanti li jaffettwa l-entità legali spezzjonata.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Gurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Frankfurt am Main, l-10 ta’ Marzu 2023.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.
(2) ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.
(3) ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1.
(4) ĠU L 141, 1.6.2017, p. 14.
(5) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Europea tat-23 ta’ Settembru 1986, AKZO Chemie vs Il-Kummissjoni, 5/85, ECLI:EU:C:1986:328, punt 37; u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Mejju 2005, Carmine Salvatore Tralli vs Il-BĊE, C-301/02 P, ECLI:EU:C:2005:306, punt 59.
(6) Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1015 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u Българска народна банка (Bank Nazzjonali Bulgaru) (BĊE/2020/30) (ĠU L 224I, 13.7.2020, p. 1).
(7) Id-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33).
(8) Id-Deċiżjoni BĊE/2014/16 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-14 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' Bord Amministrattiv ta' Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (ĠU L 175, 14.6.2014, p. 47).
(9) Ir-Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).