Brussell, 31.8.2023

COM(2023) 500 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport Annwali dwar l-operazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja tal-Unjoni Ewropea ffinanzjati fl-2022


Werrej

Introduzzjoni

Il-kuntest globali li fih tingħata l-assistenza

Twassil ta’ għajnuna umanitarja adegwata u effettiva lill-popolazzjonijiet milquta

Rieżami ta’ kwalunkwe valutazzjoni esterna mwettqa fuq operazzjonijiet speċifiċi

LINKS RILEVANTI

   



Introduzzjoni

Dan ir-rapport jippreżenta l-attivitajiet ewlenin tal-Unjoni u l-eżiti tal-politika fl-2022 fil-qasam tal-għajnuna umanitarja, imwettqa mid-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja (DĠ ECHO) tal-Kummissjoni Ewropea. Dan huwa mħejji skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta’ Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja, li jirrikjedi li l-Kummissjoni tressaq rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’sommarju tal-operazzjonijiet iffinanzjati tul is-sena ta’ qabel.

Il-mandat tad-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej (DĠ ECHO) huwa li jgħin biex isalva u jippreserva l-ħajja, jipprevjeni u jtaffi t-tbatija umana u jissalvagwardja l-integrità u d-dinjità tal-bniedem tal-popolazzjonijiet milquta minn perikli naturali jew diżastri kkawżati mill-bniedem li jseħħu ġewwa jew barra l-UE. Skont dan l-objettiv ġenerali komuni, id-DĠ ECHO jaġixxi kemm bħala d-donatur tal-għajnuna umanitarja tal-UE u r-rispondent għall-emerġenza kif ukoll bħala koordinatur u faċilitatur tal-operazzjonijiet tal-protezzjoni ċivili fil-livell tal-UE permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM).

L-UE - permezz tad-DĠ ECHO - tipprovdi assistenza umanitarja lil persuni fil-bżonn madwar id-dinja, abbażi tal-prinċipji umanitarji tal-umanità, l-imparzjalità, l-indipendenza u n-newtralità - ankrati fl-Artikolu 214 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea( 1 ) - kif ukoll fil-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja( 2 ). L-għajnuna umanitarja tal-UE titqassam mingħajr kunsiderazzjoni għal kwalunkwe aġendi politiċi u tfittex mingħajr eċċezzjoni li tgħin lil dawk l-aktar fil-bżonn, irrispettivament min-nazzjonalità, ir-reliġjon, is-sess, l-oriġini etnika jew l-affiljazzjoni politika tagħhom.

Il-kuntest globali li fih tingħata l-assistenza

Is-sena 2022 kienet fil-biċċa l-kbira kkaratterizzata mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, li kkawżat katastrofi umanitarja mingħajr preċedent fit-territorju Ewropew. B’konsegwenza ta’ dan, l-UE organizzat operazzjoni ewlenija ta’ għajnuna umanitarja u l-akbar, l-itwal u l-aktar operazzjoni kumplessa ta’ rispons tal-protezzjoni ċivili mill-ħolqien tal-UCPM. Dan irrappreżenta bidla sinifikanti fil-mod kif jintrikkbu l-assistenza umanitarja u r-rispons tal-protezzjoni ċivili, bis-saħħa tar-rispons bla preċedent mis-27  Stat Membru tal-UE u erba’ stati parteċipanti tal-UCPM( 3 ) għall-mekkaniżmu.

Is-sitwazzjoni umanitarja kompliet tiddeterjora drastikament anke f’ħafna partijiet oħra tad-dinja, minħabba kunflitt u nuqqas ta’ sigurtà persistenti, l-impatt tat-tibdil fil-klima, il-governanza falluta, l-impatt persistenti tal-COVID-19 u tifqigħat epidemjoloġiċi oħra, kif ukoll l-impatt indirett tal-gwerra ta’ aggressjoni Russja kontra l-Ukrajna, li rriżultaw f’livelli bla preċedent ta’ ħtiġijiet umanitarji. L-aħħar Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) Global Humanitarian Overview 2022( 4 ) qies li 326 miljun persuna kienu jeħtieġu assistenza u protezzjoni umanitarja fi tmiem l-2022, żieda ta’ 30,4 % meta mqabbla mal-2021. Id-deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni umanitarja fl-Afganistan, l-Etjopja u s-Sudan, jew id-diżastri fuq skala kbira li seħħew matul ix-xhur tas-sajf, bħall-għargħar devastanti fil-Burkina Faso, iċ-Chad, il-Honduras jew il-Pakistan, huma biss ftit mill-ħafna eżempji viżibbli taż-żieda sostnuta fil-ħtiġijiet umanitarji. Ir-riżorsi disponibbli biex jappoġġaw l-azzjoni umanitarja ma laħqux ma’ dawn il-ħtiġijiet li qed jespandu b’mod rapidu – fil-fatt id-distakk bejn il-ħtiġijiet u l-finanzjament umanitarju globali kompla jikber fl-2022, u żdied minn differenza ta’ USD 11,3 biljun bejn ir-rekwiżiti u l-fondi mobilizzati fi tmiem l-2021, għal diskrepanza ta’ USD 18,3 biljun fi tmiem l-2022( 5 ).

Barra minn hekk, l-għajnuna umanitarja spiss tingħata f’ċirkostanzi diffiċli ħafna, ikkaratterizzati minn imprevedibbiltà, volatilità u insigurtà. Iż-żoni ta’ kunflitt jidhru u jisparixxu, u jinsabu fi trasformazzjoni kostanti, u joħolqu riskju sinifikanti għas-sigurtà tan-netwerk fuq il-post tad-DĠ ECHO (50 uffiċċju, 160 persunal internazzjonali u 300 persunal nazzjonali) u l-persunal fuq missjoni, u jxekklu l-għoti ta’ għajnuna umanitarja minħabba aċċess ristrett jew miċħud lill-persuni fil-bżonn ta’ għajnuna umanitarja. Dan għandu impatt ukoll fuq il-kontrolli li għandhom jitwettqu (jiġifieri l-monitoraġġ fuq il-post tal-azzjonijiet iffinanzjati u l-awditi fuq il-post) kif ukoll il-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet umanitarji. Il-ksur dejjem jikber tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali (IHL) għamel it-twassil tal-assistenza umanitarja saħansitra aktar diffiċli u perikoluż.

Minkejja dawn l-isfidi, id-DĠ ECHO rnexxielu jilħaq l-objettivi tiegħu, f’konformità mal-prijoritajiet u l-azzjonijiet ewlenin deskritti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Azzjoni Umanitarja tal-UE “Sfidi ġodda, l-istess prinċipji” adottata f’Marzu 2021( 6 ). L-UE baqgħet donatur umanitarju globali ewlieni, billi pprovdiet għajnuna umanitarja f’ 83 pajjiż, b’mod ibbażat fuq il-prinċipji u l-ħtiġijiet, li jkopri sehem ta’ 8,2 % tal-finanzjament totali mmobilizzat fis-sistema umanitarja globali( 7 ). L-UE għandha l-għan li tiżgura li l-finanzjament ikun disponibbli biex jassisti kemm jista’ jkun nies fil-bżonn fl-akbar numru ta’ pajjiżi, u li jiġi pprovdut rispons rapidu, effiċjenti u komprensiv.

Il-baġit umanitarju finali tal-2022 ammonta għal EUR 2,6 biljun, li jippermetti lid-DĠ ECHO jintervjeni mhux biss fi kriżijiet umanitarji fuq skala kbira – bħall-Ukrajna, is-Sirja, l-Afganistan jew l-Etjopja – iżda wkoll fi kriżijiet minsija / traskurati, jiġifieri dawk ta’ natura severa u fit-tul li ma jattirawx l-attenzjoni tal-midja, u fejn il-livell ta’ għajnuna internazzjonali lill-popolazzjonijiet milquta mhuwiex biżżejjed, bħal f’Haiti jew il-kriżi Rohingya.

Il-baġit umanitarju inizjali tal-2022 ġie stabbilit għal EUR 1 794,4 miljun( 8 ) (inkluż il-forniment minn qabel mir-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza (SEAR) ta’ EUR 211 miljun). Matul is-sena waslu diversi żidiet fil-baġit, li joriġinaw mis-sorsi li ġejjin:

·Ir-SEAR biex tkopri diversi kriżijiet, inkluż l-Ukrajna u d-deterjorament dinji tan-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel (EUR 539 miljun)( 9 );

·Ir-riallokazzjonijiet mill-istrumenti tal-Intestatura VI biex ikopru għall-ħtiġijiet minħabba l-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u l-effetti kaskata tagħha (EUR 134,8 miljun);

·Virement Aide Humanitaire (VAH - Art 30(2) FR); allokat għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) (EUR 2,3 miljun);

·Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EUR 145,5 miljun)( 10 ); Dħul assenjat mill-ġdid (EUR 3,8 miljun).

L-Anness I jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-baġit allokat għall-kriżijiet ewlenin koperti mill-azzjonijiet tad-DĠ ECHO fl-2022. L-azzjonijiet ewlenin fir-reġjuni differenti tad-dinja jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

·Il-Punent tal-Afrika u l-Afrika Ċentrali: f’kuntest ta’ ħtiġijiet li qed jiżdiedu, id-DĠ ECHO alloka aktar minn EUR 175 miljun mill-baġit inizjali tiegħu biex jindirizza n-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel u l-malnutrizzjoni, jiżgura t-twassil ta’ servizzi soċjali bażiċi (is-saħħa, l-edukazzjoni, l-ilma u s-sanità) u jappoġġa t-tħejjija għad-diżastri fis-Saħel Ċentrali, il-Baċir tal-Lag Chad, il-Majjistral u l-Lbiċ tal-Kamerun, il-Majjistral tan-Niġerja, u r-Repubblika Ċentru-Afrikana. Id-DĠ ECHO fittex ukoll li jippromwovi l-konformità mal-IHL u jiżgura l-protezzjoni tal-popolazzjonijiet ċivili u tal-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja. Ġew mobilizzati rinforzi, speċjalment biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel, li rriżultaw f’baġit finali għar-reġjun ta’ aktar minn EUR 330 miljun.

·Il-Lvant u n-Nofsinhar tal-Afrika: Ir-reġjun kien ikkaratterizzat minn kunflitti u sitwazzjoni umanitarja li qed tiddeterjora b’mod sinifikanti, prinċipalment fis-Sudan, ir-RDK, il-Qarn tal-Afrika (is-Somalja, l-Etjopja, il-Kenja), is-Sudan t’Isfel u l-Mozambique. Ħafna żoni kienu milquta wkoll minn nixfiet severi jew l-istaġun ċikloniku intens b’mod partikolari fir-reġjun tal-Afrika tan-Nofsinhar u tal-Oċean Indjan (Madagascar / Mozambique), li rriżultaw f’sitwazzjoni ġeneralizzata ta’insigurtà tal-ikel u f’telf ta’ għajxien. Il-baġit inizjali ta’ EUR 294 miljun żdied għal aktar minn EUR 540 miljun, li ppermetta lid-DĠ ECHO jindirizza dawn il-ħtiġijiet umanitarji urġenti fir-reġjun.

·L-Afrika ta’ Fuq, l-Iraq u l-Peniżola Għarbija: Id-DĠ ECHO impenja EUR 128 miljun biex jindirizza l-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet spostati fl-Afrika ta’ Fuq u fl-Iraq, u ta’ dawk milquta mill-kunflitt fil-Jemen, li jkopru oqsma bħall-ilma, is-sanità u l-iġjene, l-ikel u n-nutrizzjoni, l-edukazzjoni u s-saħħa. Il-finanzjament addizzjonali, prinċipalment it-tisħiħ tar-rispons għall-kunflitt fil-Jemen, ippermetta li tintlaħaq allokazzjoni finali ta’ EUR 215 miljun għal dan ir-reġjun.

·Il-Lvant Nofsani: Id-DĠ ECHO alloka baġit inizjali ta’ EUR 197 miljun biex jipprovdi għajnuna li ssalva l-ħajjiet lil miljuni ta’ persuni milquta minn kunflitti fis-Sirja u biex ikopri l-ħtiġijiet bażiċi tal-popolazzjonijiet spostati u tar-refuġjati fil-Ġordan u l-Libanu, kif ukoll Libaniżi vulnerabbli, u laħaq baġit finali ta’ EUR 240 miljun fi tmiem l-2022. Fil-Palestina( 11 ), id-DĠ ECHO kompla jwieġeb għall-ħtiġijiet umanitarji li rriżultaw mill-okkupazzjoni kontinwa u l-għeluq impost fuq l-Istrixxa ta’ Gaża. Il-baġit għal tali kriżi żdied minn EUR 25 miljun għal EUR 26,5 miljun matul l-2022.

·Ix-Xlokk tal-Ewropa, il-Viċinat tal-Lvant u t-Turkija: L-azzjoni umanitarja fir-reġjun kienet ikkaratterizzata b’mod qawwi mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li bdiet fl-24 ta’ Frar 2022. Il-finanzjament inizjali ta’ EUR 27 miljun allokat lill-Ukrajna, lill-Balkani tal-Punent u lir-reġjun tal-Viċinat tal-Lvant issaħħaħ biex jilħaq aktar minn EUR 529 miljun. Minn dak l-ammont, EUR 485 miljun ikkontribwew biex jilħqu kważi 16 mis-17,7 miljun Ukren li jeħtieġu għajnuna umanitarja, filwaqt li EUR 38 miljun ġew allokati biex jgħinu lir-refuġjati Ukreni li ħarbu lejn ir-Repubblika tal-Moldova; ingħatat ukoll għajnuna lill-familji ospitanti tal-Moldova. Fit-Turkija, il-Kummissjoni kompliet tappoġġa lir-refuġjati vulnerabbli li jeħtieġu appoġġ umanitarju b’finanzjament li jammonta għal EUR 125 miljun. Barra minn hekk, f’Ottubru 2022 il-Programm emblematiku ta’ Trasferiment Kondizzjonali ta’ Flus għall-Edukazzjoni (Conditional Cash Transfer for Education, CCTE) ġie mgħoddi b’suċċess lid-DĠ NEAR, f’konformità mal-istrateġija tar-rabta bejn l-aspett umanitarju u l-iżvilupp.

·L-Asja u l-Paċifiku: Id-DĠ ECHO inizjalment alloka aktar minn EUR 114 miljun għar-reġjun fl-2022, prinċipalment immirat lejn il-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet spostati minħabba t-teħid tal-kontroll tal-Afganistan fl-2021 mit-Taliban, kif ukoll il-ħtiġijiet tal-persuni milquta mill-kolp ta’ stat fl-2021 fil-Myanmar, inklużi r-Rohingyas, u l-ħtiġijiet tar-refuġjati Rohingya fil-Bangladesh. L-UE u l-Istati Membri tagħha appoġġaw sostanzjalment lill-Pakistan wara l-għargħar devastanti f’Ġunju 2022 kif ukoll fl-abbozzar tal-qafas ta’ valutazzjoni u rkupru tal-ħtiġijiet ta’ wara d-diżastru. Il-Kummissjoni indirizzat ukoll il-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-kunflitt ta’ Mindanao u minn diżastri naturali fil-Filippini. Il-baġit finali għal dan ir-reġjun fi tmiem l-2022 ammonta għal EUR 313 miljun.

·Il-kontinent Amerikan u l-Karibew: L-azzjonijiet tal-Kummissjoni ffukaw fuq l-għoti ta’ għajnuna lil persuni milquta mill-kriżi interna u reġjonali fil-Venezwela, il-kunflitt armat fil-Kolombja kif ukoll il-vjolenza organizzata mifruxa f’Haiti, l-Amerika Ċentrali u l-Messiku. Huma wieġbu wkoll għall-ħtiġijiet umanitarji tal-persuni spostati madwar il-kontinent u appoġġaw it-tħejjija għad-diżastri. Il-Kummissjoni inizjalment allokat aktar minn EUR 74 miljun għar-reġjun li żdiedu biex laħqu EUR 155 miljun fl-aħħar tas-sena.

B’mod ġenerali, id-DĠ ECHO ma jwassalx l-għajnuna umanitarja tiegħu direttament iżda jwettaq il-mandat tiegħu billi jipprovdi finanzjament lil madwar 200 sieħeb (lista sħiħa inkluża fl-Anness II). Fl-2022, il-finanzjament tqassam fost l-isħab tad-DĠ ECHO kif ġej: 38,6 % għall-Organizzazzjonijiet Nongovernattivi (NGOs), 49,6 % għall-aġenziji tan-NU, 11,2 % għall-organizzazzjonijiet internazzjonali u 0,6 % għall-organizzazzjonijiet governattivi.

Twassil ta’ għajnuna umanitarja adegwata u effettiva lill-popolazzjonijiet milquta

Fl-2022, id-DĠ ECHO kkontribwixxa b’mod sinifikanti għat-twassil ta’ għajnuna umanitarja dinjija adegwata u effettiva. Sabiex jippromwovi l-multilateraliżmu u ordni globali bbażat fuq ir-regoli permezz ta’ rwol aktar attiv u vuċi aktar b’saħħitha għall-UE fid-dinja, id-DĠ ECHO pparteċipa b’mod attiv fit-tfassil tal-promozzjoni umanitarja u tal-politika fil-livelli Ewropej u globali. Sar progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-impenji meħuda taħt il-Grand Bargain( 12 ), b’mod partikolari dwar il-finanzjament flessibbli, il-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet konġunti u imparzjali, u s-simplifikazzjoni tar-rappurtar, bl-għan aħħari li jittejbu l-effiċjenza u l-effettività tar-rispons umanitarju.

Id-DĠ ECHO kompla jikkontribwixxi għal Fondi Kollettivi Abbażi tal-Pajjiżi( 13 ), biex jippromwovi aktar il-lokalizzazzjoni u l-użu ta’ finanzjament mhux allokat. Barra minn hekk, id-DĠ ECHO żied il-promozzjoni u ħidma tiegħu biex jintlaħqu n-nies tiegħu għal sforz ta’ finanzjament umanitarju sostanzjalment imsaħħaħ u kondiviżjoni aħjar tar-responsabbiltà fost id-donaturi, inklużi l-Istati Membri. Huwa kompla jsaħħaħ is-Sħubijiet Programmatiċi( 14 ) fit-tul ma’ organizzazzjonijiet tan-NU u internazzjonali magħżula, biex jiġu ttestjati modi ta’ ħidma aktar effiċjenti u effettivi, filwaqt li jħejji għall-introduzzjoni tal-mudell fl-2023. Eżempji ta’ Sħubijiet Programmatiċi innovattivi huma dawk li jappoġġaw il-prevenzjoni tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA) kontra l-programm ta’ ksur tal-IHL (tliet snin, allokati b’mod ħafif, EUR 10 miljun fis-sena), u dak b’appoġġ għall-Federazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar (IFRC) u l-aġenda ta’ lokalizzazzjoni (programm ambizzjuż ta’ tliet snin b’diversi pajjiżi u multisettorjali, EUR 67 miljun fis-sena).

Il-Politika tal-Loġistika Umanitarja( 15 ) tnediet fi Frar 2022, bl-objettiv primarju li jiġu salvati l-ħajjiet permezz ta’ effiċjenza, effettività u impatt akbar tal-operazzjonijiet umanitarji. Bħala parti minn din il-politika, il-Kapaċità ta’ Rispons Umanitarju Ewropew (European Humanitarian Response Capacity, EHRC),( 16 ) li tnediet f’Marzu 2022, fiha għodod operazzjonali mfassla biex jipprovdu appoġġ rapidu iżda temporanju lis-sħab biex jimlew il-lakuni fir-rispons umanitarju, filwaqt li jiżguraw effettività u kosteffiċjenza akbar fit-twassil tal-għajnuna. L-istrumenti jinkludu l-forniment ta’ servizzi loġistiċi komuni lis-sħab umanitarji fil-forma ta’ operazzjonijiet ta’ trasport internazzjonali u fil-pajjiż (f’diversi modi ta’ trasport, inkluż il-Pont Umanitarju bl-Ajru tal-UE (PUA) u t-Titjir tal-Għajnuna Umanitarja), kapaċitajiet ta’ ħżin, ħażniet ta’ emerġenza, u sostenn u koordinazzjoni loġistiċi oħra, kif ukoll għarfien espert mediku. Fl-2022, il-Kummissjoni skjerat disa’ operazzjonijiet tal-EHRC fil-Madagascar (darbtejn), fl-Ukrajna, fil-Moldova, fis-Somalja, fl-Afganistan, fil-Mozambique, fl-Uganda u fil-Burkina Faso. Barra minn hekk, l-operazzjonijiet tat-Titjir tal-Għajnuna Umanitarja komplew fil-Kenja, fir-RDK u fil-Mali. Ġew organizzati 60 titjira tal-UE HAB, li jappoġġaw 24 sieħeb f’ erba’ pajjiżi (l-Afganistan, is-Somalja, il-Madagascar u r-Repubblika tal-Moldova), li jittrasportaw 842 tunnellata ta’ materjal umanitarju. Fl-aħħar nett, fl-Ukrajna u fir-Repubblika tal-Moldova, ġew organizzati 660 operazzjoni tat-trasport bit-triq u nfetħu tlett imħażen, b’sostenn għal 49 sieħeb umanitarju. Fl-2022 kienu allokati EUR 23,5 miljun għal dawn l-attivitajiet.

Id-DĠ ECHO għamel użu sħiħ mis-Sett ta’ Għodod ta’ Emerġenza tiegħu, magħmul mill-Għodda għal Rispons ta’ Emerġenza Kbira Akuta (ALERT), l-għodda tal-Epidemiji, l-għodda fuq skala żgħira u l-Fond ta’ Emerġenza għar-Rispons għad-Diżastri (FERD), li jipprovdi assistenza umanitarja ta’ emerġenza tal-ewwel linja li tammonta għal EUR 36,5 miljun għal kriżijiet li jibdew f’daqqa u li ma setgħux jiġu previsti fil-pjanijiet ta’ implimentazzjoni umanitarja tiegħu. Xi eżempji tal-allokazzjoni tal-fondi huma: l-għodda fuq skala żgħira u aktar tard ALERT intużat għar-rispons immedjat għall-għargħar li laqat il-Pakistan; għaċ-ċikluni tropikali fil-Filippini, il-Madagascar, il-Mozambique u Kuba, kif ukoll għat-terremoti fl-Afganistan u l-Filippini; l-għodda tal-Epidemiji appoġġat ir-rispons għall-marda tal-virus tal-Ebola fl-Uganda u r-rispons għall-kolera fil-Libanu, is-Sirja, Haiti, in-Niġerja u l-Malawi. Id-DĠ ECHO rrikostitwixxa 67 operazzjoni tad-FERD implimentati mill-IFRC f’ 52 pajjiż, inkluż b’rabta mal-kriżi tal-ġuħ fl-Afrika, u mal-għargħar u t-terremoti fl-Asja tax-Xlokk u l-Amerika t’Isfel.

Barra minn hekk, fl-2022 id-DĠ ECHO kompla jaħdem fuq politiki u gwida li jiddeskrivu l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ewlenin, filwaqt li pprovda rakkomandazzjonijiet konkreti lis-sħab ta’ implimentazzjoni tiegħu, biex jiżgura l-kwalità, il-koerenza u r-responsabbiltà tal-operazzjonijiet umanitarji ffinanzjati mill-UE.

Fir-rigward tal-assistenza alimentari, in-nutrizzjoni u l-prevenzjoni tal-karestija, oqsma fejn is-sitwazzjoni kompliet tiggrava minħabba l-effetti diretti tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel, l-enerġija u l-fertilizzanti, id-DĠ ECHO żied b’mod sinifikanti l-assistenza tiegħu għal aktar minn biljun (jiġifieri aktar minn 75 % milli fl-2021). Id-DĠ ECHO kien strumentali wkoll fit-twaqqif u l-iffaċilitar ta’ strateġija komprensiva ta’ Rispons ta’ Tim Ewropa adottata mill-UE u l-Istati Membri tagħha f’Ġunju 2022. Barra minn hekk, ir-rappurtar skont il-Qafas għall-Kontabilità tan-Nutrizzjoni għat-Tkabbir( 17 ) jikkonferma li d-DĠ ECHO u l-UE jinsabu fit-triq it-tajba biex jissodisfaw il-wegħda ta’ Tim Ewropa tal-2021 li jsostnu l-objettivi tan-nutrizzjoni b’baġit ta’ mill-inqas EUR 4,2 biljun sal-2024.

Fl-2022, il-proġetti mmirati lejn is-saħħa bħala s-settur primarju ġew sostnuti bi kważi EUR 300 miljun. Minħabba l-kumplessità akbar tal-kriżijiet umanitarji, ħafna minnhom b’natura mtawla, l-objettiv ewlieni tal-assistenza baqa’ li jiġi żgurat li l-ħtiġijiet bażiċi tas-saħħa jiġu indirizzati b’mod adegwat permezz ta’ approċċ li huwa bbażat fuq il-ħtiġijiet, multisettorjali u f’konformità mas-Saħħa fil-Politiki Kollha. Id-DĠ ECHO pprijoritizza wkoll il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-epidemiji / pandemiji, xprunat mit-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19, b’enfażi partikolari fuq l-aċċess ekwu għal kura ta’ kwalità u kontromiżuri mediċi f’pajjiżi b’introjtu baxx u ambjenti umanitarji. Barra minn hekk, id-DĠ ECHO appoġġa l-aspetti transsettorjali tal-politika tas-saħħa globali, biex jipprovdi approċċ olistiku b’mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa mentali u l-appoġġ psikosoċjali, is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, kif ukoll is-saħħa u l-ispostament.

Fl-2022, id-DĠ ECHO kompla l-promozzjoni pubblika sistematika tiegħu permezz ta’ dikjarazzjonijiet pubbliċi u interventi dwar l-IHL f’fora multilaterali. Id-DĠ ECHO organizza b’mod konġunt avveniment sekondarju ta’ livell għoli fil-marġini tal-Ġimgħa Ministerjali tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-promozzjoni tal-kontabilità għall-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, speċjalment il-vjolenza sesswali u sessista. L-IHL kien ukoll prominenti fl-ewwel Forum Umanitarju Ewropew f’Marzu 2022. Id-DĠ ECHO kompla jsostni u jippromwovi l-protezzjoni tal-ħaddiema umanitarji u fil-kura tas-saħħa u s-settur tal-edukazzjoni minn attakki u azzjonijiet implimentati għat-tfal assoċjati mal-konflitt armat. Id-DĠ ECHO ffaċilita l-koordinazzjoni tal-atturi rilevanti tal-UE, b’mod partikolari permezz tal-Grupp Interservizzi dwar l-IHL, u sostna diplomazija umanitarja tal-UE aktar b’saħħitha. Id-DĠ ECHO għamel ukoll finanzjament disponibbli għal proġetti relatati mal-IHL, b’mod partikolari billi sostna l-programm għall-Prevenzjoni tal-ksur tal-IHL tal-ICRC permezz tal-ewwel Sħubija Programmatika tematika tiegħu. 

F’kuntest ta’ ksur kontinwu tad-dritt umanitarju internazzjonali u r-riskji mifruxa u l-każijiet ta’ vjolenza, privazzjoni u abbuż fil-kriżijiet tal-lum, id-DĠ ECHO żamm il-protezzjoni bħala prijorità, l-integrazzjoni tal-ġeneru u l-età fis-setturi kollha tal-interventi, filwaqt li ddeskriva l-approċċ għall-ġeneru u għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru fi kriżijiet umanitarji fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Gender: Different Needs, Adapted Assistance”( 18 ). Id-DĠ ECHO baqa’ membru attiv tas-Appell għal Azzjoni dwar il-Protezzjoni mill-Vjolenza Sessista f’Emerġenzi( 19 ) u rrapporta dwar l-impenji li saru għall-Pjan Direzzjonali 2021-2025( 20 ). Barra minn hekk, id-DĠ ECHO żied l-enfażi tiegħu fuq il-vjolenza sesswali f’konflitti b’reazzjoni għall-osservazzjonijiet f’diversi kriżijiet reċenti u li għadhom għaddejjin. F’konformità mal-Istrateġija tal-2021 dwar id-Drittijiet tat-Tfal( 21 ), id-DĠ ECHO saħħaħ l-attivitajiet tiegħu għall-protezzjoni tat-tfal, inkluż b’attivitajiet ta’ promozzjoni. Id-DĠ ECHO ta wkoll attenzjoni speċifika biex jindirizza l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità, f’konformità mal-Gwida dwar l-Inklużjoni ta’ Persuni b’Diżabilità f’Operazzjonijiet ta’ Għajnuna Umanitarja ffinanzjati mill-UE u mal-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030.

Id-DĠ ECHO kompla jagħmel enfażi fuq l-edukazzjoni f’emerġenzi (EfE), filwaqt li żamm l-impenn tiegħu li jinvesti fl-edukazzjoni fil-livell ambizzjuż ta’ 10 % tal-baġit inizjali annwali tal-UE għall-għajnuna umanitarja. Fl-2022, l-investiment totali fl-EfE ammonta għal aktar minn EUR 220 miljun, bl-għan li jilħaq aktar minn sitt miljun tifel u tifla u adolexxenti żgħażagħ b’appoġġ dirett jew indirett għall-edukazzjoni.

Fir-rigward tat-trasferimenti umanitarji ta’ flus( 22 ), id-DĠ ECHO ppubblika l-politika tiegħu f’Marzu 2022, u xerred b’mod wiesa’ l-kwalità u l-effiċjenza tal-programmi ta’ flus kontanti. Din il-politika timmarka bidla gradwali fir-rabta tat-trasferimenti tal-flus u l-protezzjoni soċjali kif ukoll tippermetti sinerġiji ma’ żviluppi ewlenin fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni u l-ekoloġizzazzjoni tal-għajnuna umanitarja. Flimkien mal-Istati Uniti (Bureau for Humanitarian Assistance and Bureau of Population, Refugees and Migration), id-DĠ ECHO rrappreżenta l-Forum tal-Flus mid-Donaturi fil-caucus dwar il-koordinazzjoni tal-flus kontanti taħt il-Grand Bargain 2.0. Il-mudell il-ġdid ġie approvat mill-Kumitat Permanenti Interaġenziji (Inter Agency Standing Committee, IASC), li rrappreżenta pass ewlieni fl-arkitettura ta’ koordinazzjoni umanitarja, inkluża parteċipazzjoni qawwija mill-atturi lokali.

Dwar it-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, id-DĠ ECHO kompla jadatta r-rispons umanitarju tiegħu għall-ħtiġijiet dejjem jikbru u li qed jinbidlu. Ir-riskji klimatiċi issa huma kkunsidrati f’operazzjonijiet umanitarji. Ir-Rekwiżiti Ambjentali Minimi u l-gwida assoċjata ġew ippubblikati fl-2022( 23 ) biex titnaqqas l-impronta tal-karbonju u l-ħsara ambjentali tal-għajnuna umanitarja. Ġew ipprovduti assistenza teknika u sostenn lis-sħab u lill-persunal tad-DĠ ECHO, sabiex jiġu integrati l-kunsiderazzjonijiet ambjentali fl-operazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja tad-DĠ ECHO u dawk tas-sħab tiegħu. Barra minn hekk, id-DĠ ECHO kompla jsaħħaħ is-sostenn tiegħu għat-tħejjija għad-diżastri( 24 ), li tippromwovi t-tħejjija għal perikli multipli u l-azzjoni antiċipatorja. Fl-2022, kienu allokati EUR 77 miljun għal attivitajiet ta’ tħejjija mmirati (ara l-Anness I għal aktar dettalji) u 32 % tal-operazzjonijiet umanitarji ffinanzjati mill-UE kienu jinkludu elementi ta’ tħejjija għad-diżastri( 25 ).

Id-DĠ ECHO żviluppa taħlita ta’ attivitajiet ta’ komunikazzjoni li kellhom l-għan li jżommu livell għoli ta’ sostenn pubbliku u sostenn politiku għall-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili tal-UE, abbażi tan-narrattiva tas-solidarjetà tal-UE. Pereżempju, id-DĠ ECHO ppubblika sensiela ta’ stqarrijiet għall-istampa ċentrali u lokali u reġa’ beda s-serje ta’ żjarat fuq il-post b’suċċess ma’ ġurnalisti Ewropej, kif ukoll vjaġġi għal ġurnalisti li jakkumpanjaw lill-Kummissarju Lenarčič. Id-DĠ ECHO mexxa diversi kampanji ta’ sensibilizzazzjoni fl-2022 bħal “Climate Connect”, li juru l-impatt umanitarju tat-tibdil fil-klima u li laħaq aktar minn 36 miljun żagħżugħ u żagħżugħa fl-Istati Membri.

Rieżami ta’ kwalunkwe valutazzjoni esterna mwettqa fuq operazzjonijiet speċifiċi

Is-servizzi ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni huma responsabbli għat-tmexxija, il-koordinazzjoni, il-monitoraġġ u r-rapportar tal-funzjoni ta’ evalwazzjoni. Huma jipproduċu riżultati ta’ evalwazzjoni f’waqthom u ta’ kwalità għolja biex jiżguraw evidenza għal teħid ta’ deċiżjonijiet u responsabbiltà infurmati. L-evalwazzjonijiet jistgħu jkunu ġeografiċi, tematiċi jew iffokati fuq sħubija speċifika. L-Anness III jipprovdi lista ta’ evalwazzjonijiet mlestija fl-2022 u ta’ evalwazzjonijiet pendenti.

LINKS RILEVANTI

·Informazzjoni ġenerali dwar id-DĠ ECHO:

http://ec.europa.eu/echo/en  

·Informazzjoni finanzjarja dwar l-attivitajiet tal-għajnuna umanitarja tal-Kummissjoni Ewropea fl-2022:

Deċiżjonijiet ta’ finanzjament (HIPs) 2022 (europa.eu)  

·Informazzjoni operazzjonali mis-snin ta’ qabel:

Protezzjoni Ċivili u Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)  

·Ir-Rapport Annwali tal-Attività għall-2022, id-DĠ ECHO:

Rapport Annwali tal-Attività għall-2022 - Protezzjoni Ċivili u Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej (ECHO) (europa.eu)

·Ir-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni għall-2022:

Rapport annwali dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni għall-2022 (europa.eu)  

·Ir-rapporti ta’ evalwazzjoni tad-DĠ ECHO:

https://ec.europa.eu/echo/funding-evaluations/evaluations_en  

·Id-data tal-finanzjament tal-għajnuna umanitarja tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri: https://webgate.ec.europa.eu/hac/ 

(1) ()  EUR-Lex - 12016ME/TXT - MT - EUR-Lex (europa.eu)  
(2) ()  Dikjarazzjoni Konġunta mill-Kunsill u mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-laqgħa tal-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (2008/C25/01)  
(3) () L-Iżlanda, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja u t-Turkija
(4) () UN OCHA , Global Humanitarian Overview 2022 , Aġġornament ta’ Diċembru (Snapshot fil-31 ta’ Diċembru 2022), l-10 January 2023. 
(5) () UN OCHA , Global Humanitarian Overview 2022 u UN OCHA, Global Humanitarian Overview 2021 , Aġġornament ta’ Diċembru (Snapshot fil-31 ta’ Diċembru 2021), is- 17 ta’ Jannar 2022.
(6) () KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-azzjoni umanitarja tal-UE: sfidi ġodda, l-istess prinċipji COM(2021) 110 final.
(7) ()  Is-sistema ta’ Traċċar Finanzjarju tan-NU, Global Funding Overview Summary 2022
(8)

() Dan l-ammont ma jinkludix in-nefqa ta’ appoġġ (linji BA). Inkluż tali nefqa, l-ammont inizjali għall-istrument kollu ammonta għal EUR 1806,06 miljun fl-2022.

(9) () Inklużi EUR 39 miljun riportati mill-2021.
(10) () Iffinanzjat mill-10 u l-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp.
(11) ()    Din id-deżinjazzjoni ma għandhiex tiġi interpretata bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri fuq din il-kwistjoni.
(12) ()  Il-Grand Bargai n
(13) ()  L-Afganistan, is-Sudan t’Isfel u l-Venezwela
(14) ()  Sħubijiet Programmatiċi  
(15) () Dokument ta’ politika tematika tad-DĠ ECHO: Politika ta’ loġistika umanitarj a
(16) ()  DĠ ECHO: Skeda informattiva dwar il-Kapaċità ta’ Rispons Umanitarju Ewropew (EHRC)  
(17) ()  Rapport tal-2022 dwar in-Nutrizzjoni Globali - Rapport dwar in-Nutrizzjoni Globali
(18) () https://ec.europa.eu/echo/files/policies/sectoral/gender_thematic_policy_document_en.pdf
(19) ()   https://www.calltoactiongbv.com/  
(20) ()   https://www.calltoactiongbv.com/what-we-do  
(21) ()  COM(2021) 142 final.
(22) () Dokument ta’ Politika Tematika Nru 3 tad-DĠ ECHO: Trasferimenti tal-flus  
(23) ()  guidance_on_the_operationalisation_of_the_mers_for_eu-funded_humanitarian_aid_operations.pdf (europa.eu)
(24) () L-implimentazzjoni tal-approċċ adottat fl-2021 ( Nota ta’ Gwida tad-DĠ ECHO dwar it-Tħejjija għad-Diżastri )
(25)

Din iċ-ċifra ġejja minn metodoloġija riveduta, li tiddependi biss fuq ir-rapportar mis-Sħab Umanitarji tal-UE u tista’ ma tinkludix sforzi għat-tħejjija tal-integrazzjoni f’setturi oħra tal-operazzjonijiet.