|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/2621 |
26.5.2026 |
OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-10 ta’ Marzu 2026
dwar regolament propost fir-rigward tas-simplifikazzjoni tal-qafas leġiżlattiv diġitali (Omnibus Diġitali)
(CON/2026/9)
(C/2026/2621)
Introduzzjoni u bażi legali
Fid-9 ta’ Diċembru 2025, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Parlament Ewropew għal opinjoni dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2016/679, (UE) 2018/1724, (UE) 2018/1725, (UE) 2023/2854 u d-Direttivi 2002/58/KE, (UE) 2022/2555 u (UE) 2022/2557 fir-rigward tas-simplifikazzjoni tal-qafas leġiżlattiv diġitali, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) 2018/1807, (UE) 2019/1150, (UE) 2022/868, u d-Direttiva (UE) 2019/1024 (Omnibus Diġitali) (1) (minn hawn’ il quddiem ir-“regolament propost”).
Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea peress li r-regolament propost fih dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt l-oqsma ta’ kompetenza tal-BĊE, inkluż, b’mod partikolari, l-implimentazzjoni tal-politika monetarja skont l-Artikolu 127(2), l-ewwel inċiż, u l-Artikolu 282(1) tat-Trattat, l-operat bla xkiel tas-sistemi ta’ pagament skont l-Artikolu 127(2), ir-raba’ inċiż, u l-Artikolu 282(1) tat-Trattat, is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont l-Artikolu 127(2) tat-Trattat, u l-kompiti tal-BĊE relatati mal-ġbir ta’ informazzjoni statistika skont l-Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”). Skont l-Artikolu 17.5, l-ewwel sentenza, tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.
1. Osservazzjonijiet ġenerali
|
1.1. |
Il-BĊE jappoġġa r-regolament propost, li huwa riforma importanti li għandha l-għan li tissimplifika u tottimizza l-applikazzjoni tal-ġabra ta’ regoli diġitali fl-Unjoni. Sal-punt li r-regolament propost ikun effettiv fit-twettiq tal-objettivi tiegħu li jippromwovi politiki li jsaħħu l-kompetittività tal-Unjoni, u jtaffi l-piż regolatorju għan-nies, għan-negozji u għall-amministrazzjonijiet, huwa se jneħħi l-impedimenti għall-forniment ta’ servizzi u jappoġġa l-iżvilupp tal-ekonomija diġitali fl-Unjoni, filwaqt li jqis il-ħtieġa li jinżammu l-ogħla standards fil-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni, inkluż ir-rispett tad-drittijiet fundamentali. L-ekonomija diġitali qed tiżdied fl-importanza u jista’ jkollha implikazzjonijiet għat-twettiq tal-politika monetarja peress li taffettwa l-ambjent li fih topera l-politika monetarja billi tittrasforma x-xejriet tal-konsum u tal-produzzjoni, il-mudelli tan-negozju u l-prezzijiet relattivi b’mod eteroġenu tul iż-żona tal-euro u l-Istati Membri. Dawn l-iżviluppi għandhom effetti importanti fuq il-varjabbli rilevanti għall-politika monetarja u l-kejl tagħhom, inklużi l-impjiegi, il-produttività, il-produzzjoni potenzjali u l-inflazzjoni. Dawn jaffettwaw ukoll il-mod li bih id-deċiżjonijiet dwar il-politika monetarja jiġu trażmessi lill-unitajiet domestiċi u lid-ditti, u jżidu mal-inċertezza u l-kumplessità li jiffaċċjaw dawk li jfasslu l-politika. |
|
1.2. |
B’mod partikolari, il-BĊE jilqa’ l-proposti biex jiġu ssimplifikati l-arranġamenti għall-kondiviżjoni tad-data minn gvern għal negozju u min-negozju għal gvern u d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali fir-Regolament (UE) 2023/2854 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (minn hawn’ il quddiem l-“Att dwar id-Data”). Il-BĊE huwa involut b’mod estensiv fil-ġbir, l-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid ta’ data, li huwa juża biex iwettaq il-kompiti u l-attivitajiet li jaqgħu fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu. Din il-kompetenza tinkludi l-ġbir ta’ informazzjoni statistika, fejn meħtieġ, sabiex jitwettqu l-kompiti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) skont l-Artikolu 5 tal-Istatut tas-SEBĊ. Il-BĊE huwa involut ukoll f’ħafna inizjattivi kooperattivi li jappoġġaw il-kondiviżjoni tad-data u l-kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni, kif ukoll mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali. Meta twettaq il-kompiti tagħha, hija tista’ tipproċessa wkoll data personali f’ċerti ċirkostanzi f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (minn hawn’ il quddiem l- “EUDPR”). Għal dawn ir-raġunijiet, il-BĊE jappoġġa miżuri li se jibnu qafas regolatorju koerenti u koeżiv biex jappoġġa d-disponibbiltà u l-użu tad-data. |
|
1.3. |
Il-BĊE huwa responsabbli wkoll biex jiżgura l-konformità mar-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (minn hawn’ il quddiem “DORA”) għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kklassifikati bħala sinifikanti skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (5) f’konformità mas-setgħat u l-kompiti superviżorji prudenzjali mogħtija minn dak ir-Regolament (6). F’din il-kapaċità, il-BĊE jirċievi rapporti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tagħhom dwar inċidenti kbar relatati mat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (minn hawn’ il quddiem “inċidenti relatati mal-ICT”) u theddid ċibernetiku sinifikanti. Barra minn hekk, wieħed mill-kompiti bażiċi tas-SEBĊ huwa li tippromwovi l-operat bla xkiel tas-sistemi ta’ pagament, skont l-Artikolu 127(2) tat-Trattat, ir-raba’ inċiż, kif rifless fl-Artikolu 3.1 tal-Istatut tas-SEBĊ. F’dan il-kuntest, il-BĊE jirċievi rapporti ta’ inċidenti minn istituzzjonijiet ta’ pagament u istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, kif ukoll minn istituzzjonijiet ta’ kreditu, skont DORA. Fid-dawl ta’ dawn ir-responsabbiltajiet u kompiti, il-BĊE jilqa’ b’mod ġenerali l-isforzi biex ikompli jissimplifika u jarmonizza l-qafas tar-rapportar tal-inċidenti relatati mal-ICT fl-Unjoni u jimplimenta rapportar ċentralizzat ta’ inċidenti kbar relatati mal-ICT. Peress li s-settur finanzjarju kien fuq quddiem nett fl-implimentazzjoni ta’ qafas armonizzat, komprensiv u effettiv għar-rapportar tal-inċidenti, il-BĊE jappoġġa miżuri li jissimplifikaw il-konformità mar-rekwiżiti tar-rapportar tal-inċidenti, abbażi tal-esperjenza miksuba fis-settur finanzjarju. |
|
1.4. |
Madankollu, il-BĊE għandu tħassib dwar il-punt sa fejn ir-regolament propost jagħti effett lill-objettiv ta’ simplifikazzjoni f’każijiet speċifiċi fejn ma jnaqqasx il-piż tal-konformità regolatorja li jiffaċċjaw in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi. Għaldaqstant, il-BĊE joffri f’din l-Opinjoni xi osservazzjonijiet u suġġerimenti tekniċi speċifiċi dwar ir-regolament propost. |
|
1.5. |
Minħabba dan it-tħassib, il-BĊE jilqa’ wkoll il-fatt li l-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni tal-kapitoli ewlenin tal-Att dwar id-Data sat-12 ta’ Settembru 2028 u tal-kapitoli l-ġodda fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tar-regolament propost (7). Bl-istess mod, huwa importanti li l-klawżola ta’ rieżami f’DORA (8) tibqa’ l-istess, li tirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq rieżami u tippreżenta rapport dwar il-funzjonament ta’ ħafna aspetti ta’ DORA. Dan il-proċess ta’ rieżami għandu jiżgura li r-regolamenti kkonċernati jkomplu jiffunzjonaw b’mod effettiv biex jaqdu l-objettivi tagħhom, u b’hekk jappoġġaw l-iżvilupp tal-ekonomija diġitali fl-Unjoni. |
2. Regoli diġitali
|
2.1. |
Il-BĊE jappoġġja bis-sħiħ ir-regolament propost bħala l-ewwel pass biex tiġi ssimplifikata l-ġabra ta’ regoli diġitali u tiġi ottimizzata l-applikazzjoni tagħha. Il-korp ta’ regoli diġitali li ġie żviluppat maż-żmien fl-oqsma tad-data, l-intelliġenza artifiċjali, il-pjattaformi online, il-protezzjoni tad-data u ċ-ċibersigurtà sar kumpless, u issa fih dispożizzjonijiet frammentati u li jikkoinċidu li joħolqu inċertezza kemm għall-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll għan-negozji. |
|
2.2. |
Il-konsolidazzjoni fl-Att dwar id-Data tar-regoli fir-Regolament (UE) 2022/868 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar (9) l-użu mill-ġdid ta’ data protetta miżmuma mill-korpi tas-settur pubbliku fl-Istati Membri mar-regoli fid-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) dwar l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti miżmuma mill-korpi tas-settur pubbliku tal-Istati Membri jew mill-impriżi pubbliċi tistabbilixxi struttura aktar koerenti u definizzjonijiet aktar konsistenti ta’ termini ewlenin, li jagħmluha aktar faċli li jiġu applikati r-regoli dwar il-kondiviżjoni tad-data. Dan huwa appoġġat mit-tħassir ta’ regoli skaduti, speċjalment dawk fir-Regolament (UE) 2018/1807 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). |
|
2.3. |
Għal banek ċentrali nazzjonali (BĊNi), li huma ġeneralment korpi tas-settur pubbliku tal-Istati Membri u għalhekk soġġetti għal regoli li jfittxu li jiffaċilitaw l-użu mill-ġdid tad-data, dan jipprovdi ċarezza mixtieqa. Il-BĊE u l-BĊNi se jibbenefikaw ukoll minn arranġamenti aktar ċari dwar id-disponibbiltà tad-data, b’mod partikolari, sorsi ta’ data miftuħa li ġew ikklassifikati bħala settijiet tad-data ta’ valur għoli (12). Dawn is-settijiet ta’ data jintużaw b’mod estensiv mill-BĊE meta jwettaq il-kompitu tiegħu skont l-Artikolu 5(1) tal-Istatut tas-SEBĊ biex jiġbor informazzjoni statistika li hija meħtieġa biex jitwettqu l-kompiti tas-SEBĊ. |
|
2.4. |
Pereżempju, l-informazzjoni dwar il-kumpaniji u s-sjieda tal-kumpaniji tintuża biex jinżamm ir-Reġistru tal-Istituzzjonijiet u l-Affiljati (RIAD), li huwa sett ta’ data ta’ referenza kondiviż dwar istituzzjonijiet legali u oħrajn tal-istatistika, li l-ġbir tiegħu jappoġġa l-proċessi tan-negozju madwar l-Eurosistema u t-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ u tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) (13). Meta l-BĊE jista’ jiddependi fuq data miftuħa, jiġifieri data f’format miftuħ li tista’ tintuża, tintuża mill-ġdid u tiġi kondiviża liberament minn kulħadd għal kwalunkwe skop (14), huwa jista’ jnaqqas il-piż tar-rapportar ta’ tali data mill-aġenti li jirrapportaw u jikkondividi din l-informazzjoni mingħajr restrizzjoni fi ħdan is-SEBĊ u ma’ awtoritajiet pubbliċi oħra li jikkoopera magħhom. Il-BĊE jilqa’ l-fatt li l-arranġamenti li jikkonċernaw id-disponibbiltà ta’ data u dokumenti mill-gvern għan-negozji (15) huma mingħajr preġudizzju għar-reġim legali tal-Unjoni li jeskludi l-aċċess għal data u dokumenti sensittivi għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità statistika u segretezza professjonali. |
|
2.5. |
Ir-regolament propost jintroduċi emenda importanti (16) tal-obbligu għad-detenturi tad-data li jagħmlu d-data disponibbli għall-BĊE — kif ukoll għal korpi oħra tas-settur pubbliku, għall-Kummissjoni u għall-korpi tal-Unjoni — fejn ikun hemm ħtieġa eċċezzjonali li tintuża dik id-data (17). Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-BĊE jitlob lid-detenturi tad-data jagħmlu d-data disponibbli, fejn meħtieġ, biex jirrispondu għal emerġenza pubblika jew fejn tintwera ħtieġa eċċezzjonali. Peress li d-detenturi tad-data huma definiti b’mod wiesa’ (18), id-dispożizzjoni tippermetti lill-BĊE jiġbor data f’dawn il-każijiet eċċezzjonali minn firxa usa’ ta’ persuni milli huwa permess meta l-BĊE jiġbor informazzjoni statistika abbażi tas-setgħat eżistenti tiegħu. Il-BĊE jista’ jiġbor biss tagħrif statistiku minn membri tal-popolazzjoni li tirrapporta definita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 (19), li primarjament jaqgħu taħt is-settur tal- “korporazzjonijiet finanzjarji” kif definit fis-sistema Ewropea tal-kontijiet (20) jew huma persuni ġuridiċi u fiżiċi li għandhom ċerti pożizzjonijiet finanzjarji jew jinvolvu ruħhom fi tranżazzjonijiet finanzjarji. |
|
2.6. |
Kif diġà esprima l-fehma tiegħu l-BĊE, hemm benefiċċji konsiderevoli biex l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jaċċessaw u jużaw data minn detenturi privati ta’ data għal skopijiet definiti ta’ interess pubbliku (21). Fit-twettiq tal-kompitu tiegħu ta’ politika monetarja, il-BĊE jagħmel użu estensiv mhux biss mill-istatistika uffiċjali prodotta mill-BĊE, bl-assistenza tal-BĊNi u s-Sistema Statistika Ewropea (ESS), iżda wkoll minn sorsi ta’ data mhux uffiċjali u mhux tradizzjonali. Id-data mhux tradizzjonali tista’ tinkiseb, pereżempju, minn informazzjoni dwar il-prezzijiet ta’ frekwenza għolja, indikaturi tal-mobbiltà tal-popolazzjoni jew sorsi oħra ta’ data li mhumiex neċessarjament miżmuma minn korporazzjonijiet finanzjarji. Il-BĊE għandu biss is-setgħa li jitlob din id-data minn detenturi privati tad-data f’każijiet fejn ikun hemm ħtieġa eċċezzjonali. |
|
2.7. |
Il-bidla ewlenija li jintroduċi r-regolament propost hija li jiġu limitati l-każijiet li fihom din is-setgħa tista’ tiġi eżerċitata għal emerġenzi pubbliċi, bl-esklużjoni ta’ każijiet oħra li fihom jista’ jkun hemm ħtieġa eċċezzjonali li tintuża d-data. Il-BĊE jkollu bżonn juri ħtieġa eċċezzjonali li juża ċerta data biex iwettaq id-dmirijiet statutorji tiegħu fl-interess pubbliku meta jirrispondi għal, jimmitiga jew jappoġġa l-irkupru minn emerġenza pubblika. |
|
2.8. |
Il-BĊE jappoġġa l-objettivi ta’ dawn il-bidliet, filwaqt li jqis li huwa xieraq li jiġi ssimplifikat il-qafas ta’ kondiviżjoni bejn in-negozji u l-gvern skont l-Att dwar id-Data u li tiġi ċċarata kwalunkwe ambigwità li setgħet irriżultat fl-impożizzjoni ta’ obbligi fuq in-negozji. Jappoġġa wkoll il-fehma li huwa essenzjali li jiġi ppreservat ir-rwol tal-istatistika uffiċjali skont l-Att dwar id-Data, peress li l-qafas aġġornat tal-Unjoni dwar l-istatistika Ewropea skont ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) ma jindirizzax l-emerġenzi pubbliċi (23). |
|
2.9. |
Madankollu, għall-kuntrarju tal-membri tal-ESS, li jistgħu jiġbru data minn detenturi privati ta’ data taħt ċerti kundizzjonijiet biex iwettqu l-kompiti statistiċi tagħhom (24), il-BĊE ma għandu l-ebda setgħa li jiġbor informazzjoni statistika minn detenturi privati ta’ data li mhumiex aġenti li jirrapportaw, minbarra każijiet fejn ikun hemm ħtieġa eċċezzjonali. Il-BĊE jista’ jiddependi biss fuq mekkaniżmi li jippermettu l-kondiviżjoni tad-data mill-ESS lis-SEBĊ biex tinkiseb tali data. Jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti jiġi ristrett biex ikopri biss emerġenza pubblika, huwa estremament importanti li jiġi żgurat li jkun jista’ jiġi applikat mingħajr xkiel u mingħajr ambigwità f’sitwazzjonijiet ta’ urġenza li fihom ikunu meħtieġa sorsi addizzjonali ta’ data għall-BĊE biex iwettaq il-kompitu tiegħu ta’ ġbir ta’ statistika jew kompiti bankarji ċentrali jew superviżorji prudenzjali oħra. Għalhekk il-BĊE jirrakkomanda li jiġu ssimplifikati aktar il-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati mill-awtoritajiet pubbliċi biex jitolbu d-data, peress li dan iservi wkoll biex jimminimizza l-kumplessitajiet li jiffaċċjaw id-detenturi tad-data meta jivverifikaw jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfati. |
|
2.10. |
Barra minn hekk, il-BĊE jqis li għandhom jittieħdu passi ulterjuri biex tiġi ċċarata d-definizzjoni ta’ “emerġenza pubblika”. Element wieħed tad-definizzjoni huwa li trid tkun “iddeterminata jew iddikjarata uffiċjalment f’konformità mal-proċeduri rilevanti skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali” (25). Iżda peress li hemm sett frammentat ta’ bażijiet legali fil-liġi primarja u sekondarja li fuqhom jistgħu jsiru d-determinazzjoni jew id-dikjarazzjoni ta’ emerġenza pubblika, għandu jkun aktar ċar li fejn issir tali determinazzjoni jew dikjarazzjoni, id-definizzjoni ta’ “emerġenza pubblika” ma tirrikjedix li jiġu ssodisfati kriterji addizzjonali — fid-dawl tal-urġenza li biha jeħtieġ li tiġi indirizzata emerġenza pubblika. Bħala eżempju, ir-Regolament (UE) 2024/2747 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26) jippermetti lill-Kunsill jattiva modalità ta’ viġilanza tas-suq intern meta jkun hemm theddida ta’ kriżi li jkollha l-potenzjal li teskala f’emerġenza tas-suq intern fis-sitt xhur ta’ wara. Jenħtieġ li jkun aktar ċar li fejn il-kompiti tal-awtorità pubblika jinkludu l-mitigazzjoni tal-emerġenza pubblika, it-theddida ta’ emerġenza pubblika jenħtieġ li tiġġustifika l-ħtieġa eċċezzjonali li tintalab data. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/415/UE (27) li tistabbilixxi l-arranġamenti għal Rispons Integrat waqt Kriżijiet Politiċi għall-implimentazzjoni tal-klawżola ta’ solidarjetà (l-Artikolu 222 tat-Trattat) ma tillimitax il-kamp ta’ applikazzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom tapplika d-Deċiżjoni għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali “limitati fiż-żmien” (28). Għalhekk jenħtieġ li jkun aktar ċar li d-definizzjoni ta’ emerġenza pubblika tallinja bis-sħiħ mas-sitwazzjonijiet li fihom jiġu invokati arranġamenti ta’ emerġenza skont id-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali, u ma tkunx aktar restrittiva minnhom. |
|
2.11. |
Fir-rigward tal-arranġamenti għall-kumpens (29), il-BĊE jilqa’ r-rekwiżit li d-data ssir disponibbli biex twieġeb għal emerġenza pubblika mingħajr ħlas, ħlief meta d-detentur tad-data jkun mikrointrapriża jew intrapriża żgħira. Madankollu, huwa jqis li huwa importanti li jiġi żgurat li meta l-awtoritajiet pubbliċi jingħataw aċċess għal data miżmuma privatament, dawn ma għandhomx iġarrbu kostijiet irraġonevoli. Peress li kull talba għad-data taqdi l-interess pubbliku, id-data għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni biss bi ħlas li jkopri l-ispejjeż u mingħajr l-impożizzjoni ta’ “marġni raġonevoli” (30). |
3. Protezzjoni tad-data
|
3.1. |
Il-BĊE jilqa’ l-emendi fir-regolament propost li għandhom l-għan li jissimplifikaw il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data. Fl-oqsma ta’ kompetenza tal-BĊE, hemm diversi punti li jistħoqqilhom aktar kunsiderazzjoni sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ simplifikazzjoni, kemm f’termini ta’ tnaqqis tal-piż amministrattiv, kif ukoll biex jiġi żgurat rapportar effettiv, f’waqtu u sigur tal-inċidenti. |
|
3.2. |
Il-BĊE jwettaq firxa wiesgħa ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data personali f’kooperazzjoni mal-BĊNi. Barra minn hekk, il-BĊE jikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs) biex iwettaq attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data personali fil-qasam tas-superviżjoni bankarja. Bħala istituzzjoni tal-Unjoni, il-BĊE jipproċessa data personali skont l-EUDPR, filwaqt li l-BĊNi u l-NCAs jipproċessaw data personali skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31) (minn hawn’ il quddiem il-“GDPR”). |
|
3.3. |
F’każijiet fejn il-BĊE u l-BĊNi u/jew l-NCAs jiddeterminaw b’mod konġunt l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali, dan l-ipproċessar jitwettaq minnhom bħala kontrolluri konġunti (32). Min-naħa l-oħra, meta entità waħda tiddetermina l-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar u l-oħra tipproċessa d-data personali f’isimha, ir-relazzjoni tagħhom hija dik tal-kontrollur u tal-proċessur (33). Fiż-żewġ każijiet, il-BĊE jipproċessa data personali skont l-EUDPR, filwaqt li l-BĊNi u l-NCAs jipproċessaw data personali skont il-GDPR. Bħala konsegwenza ta’ dan, l-istess operazzjoni ta’ pproċessar hija rregolata simultanjament minn żewġ strumenti legali distinti tal-Unjoni, iżda komplementari. |
|
3.4. |
Eżempju wieħed ta’ dan huwa meta kemm il-BĊE kif ukoll dawk il-BĊNi li jipparteċipaw fis-Saldi ta’ Ħlas Istantanju tat-TARGET (TIPS) jipproċessaw data personali fis-sistema TIPS. F’dan il-każ ġie konkluż arranġament ta’ kontroll konġunt. Bl-istess mod, l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tal-euro diġitali fil-ġejjieni jista’ jirrikjedi l-konklużjoni ta’ kuntratt jew arranġament dwar il-protezzjoni tad-data bejn il-BĊE u l-BĊNi taż-żona tal-euro. |
|
3.5. |
Fit-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ u l-MSU f’kooperazzjoni mal-BĊNi u l-NCAs, huwa ta’ importanza kbira għall-BĊE li l-atti legali li jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali jkunu, kemm jista’ jkun, allinjati u reċiprokament kompatibbli. Għalhekk, il-BĊE jilqa’ l-fatt li l-emendi proposti għall-GDPR u għall-EUDPR qed jiġu avvanzati b’mod parallel, u b’hekk jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta’ qafas legali koerenti u konsistenti. Dan jiżgura li skedi ta’ żmien diverġenti għad-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni tal-atti legali ma jwasslux għal inċertezza legali. |
|
3.6. |
Għalhekk, fid-dawl tal-kooperazzjoni tal-BĊE mal-BĊNi u l-NCAs fl-ipproċessar ta’ data personali fejn meħtieġ biex jitwettqu l-kompiti tas-SEBĊ u l-MSU, il-BĊE jikkondividi l-punti li ġejjin għall-konsiderazzjoni: |
|
3.7. |
Fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ punt ta’ dħul uniku, il-BĊE jirrakkomanda li l-kontrolluri konġunti jingħataw is-setgħa li jinnotifikaw ksur ta’ data personali f’isem il-kontrolluri konġunti kollha (34). Dan huwa possibbli minħabba li r-regolament propost jintroduċi punt ta’ dħul uniku armonizzat li permezz tiegħu l-entitajiet jistgħu, permezz ta’ notifika waħda, jikkonformaw simultanjament mal-obbligi tagħhom ta’ rapportar tal-inċidenti li jirriżultaw minn diversi atti legali tal-Unjoni. Bl-operazzjonalizzazzjoni tal-prinċipju “irrapporta darba, ikkondividi ħafna drabi”, il-punt ta’ dħul uniku huwa maħsub biex inaqqas il-piż amministrattiv fuq l-entitajiet, filwaqt li jiżgura rapportar effettiv, f’waqtu u sigur tal-inċidenti. Għal dak l-għan, il-punt ta’ dħul uniku huwa maħsub biex iservi bħala mezz komuni għas-sottomissjoni ta’ notifiki skont diversi strumenti legali (35). Kif diġà esprima l-fehma tiegħu l-BĊE, huwa jappoġġa bil-qawwa l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fost l-awtoritajiet biex jippermetti t-tagħlim transsettorjali, jikkontribwixxi għall-prevenzjoni u l-ġestjoni effettiva tal-attakki ċibernetiċi, u jippromwovi l-valutazzjoni konsistenti tar-riskji relatati mal-ICT madwar l-Unjoni (36). F’dan l-isfond, il-BĊE jappoġġa l-introduzzjoni tal-punt uniku ta’ dħul fil-kuntest tar-rapportar ta’ ksur ta’ data personali. |
|
3.8. |
Meta japplikaw il-mekkaniżmu ta’ punt ta’ dħul uniku għal attivitajiet ta’ pproċessar konġunt imwettqa mill-BĊE f’kooperazzjoni mal-BĊNi (u l-NCAs), il-BĊNi jibbenefikaw skont ir-regolament propost mill-użu tal-punt ta’ dħul uniku għar-riċevuta ta’ notifiki ta’ inċidenti. Min-naħa l-oħra, il-BĊE, bħala istituzzjoni tal-Unjoni, ikompli jiddependi skont ir-regolament propost fuq il-kanal ta’ rapportar stabbilit mill-EUDPR, fejn jinnotifika inċidenti lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) (37). |
|
3.9. |
Il-BĊE jtenni l-ħtieġa li jiġi ssimplifikat, aċċellerat u mmassimizzat l-iskambju ta’ informazzjoni dwar inċidenti, u li tiġi żgurata l-koerenza bejn il-GDPR u l-EUDPR. Għalhekk, ikun xieraq li l-EUDPR jiġi inkluż fl-atti legali tal-Unjoni li għalihom irid jintuża l-punt ta’ dħul uniku għan-notifiki ta’ ksur ta’ data personali. |
|
3.10. |
Dwar ir-rapportar uniku ta’ ksur tad-data f’każijiet ta’ kontroll konġunt, il-BĊE jsostni li l-kontrolluri konġunti għandhom ikunu liberi li jiddeterminaw jekk jagħmlux użu minn dik il-possibbiltà u taħt liema kundizzjonijiet. L-EDPS reċentement ikkonferma li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-BĊE huwiex obbligat jinnotifika lill-EDPS bi ksur ta’ data personali, huwa irrilevanti jekk il-BĊE, bħala kontrollur konġunt, huwiex responsabbli għat-twettiq ta’ dan il-ksur. Is-sempliċi fatt li l-BĊE huwa kontrollur konġunt għall-operazzjoni ta’ pproċessar li fil-kuntest tagħha jkun seħħ il-ksur ta’ data personali huwa biżżejjed biex jiskatta l-obbligu tiegħu li jinnotifika lill-EDPS, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet rilevanti skont l-EUDPR (38). |
|
3.11. |
Huwa importanti li wieħed jinnota li, fil-ħafna każijiet fejn ikun hemm fis-seħħ arranġament ta’ kontroll konġunt bejn il-BĊE u l-BĊNi kollha tal-Eurosistema, ksur wieħed ta’ data personali jista’ jwassal għal sa 22 notifika, li x’aktarx ikunu simili jew identiċi fil-kontenut. Tali sistema tmur kontra l-għan ta’ simplifikazzjoni tal-piż amministrattiv għall-awtoritajiet pubbliċi. Għalhekk, ikun xieraq li jiġi previst li l-kontrolluri konġunti jkunu jistgħu jinnotifikaw ksur ta’ data personali permezz tal-punt uniku ta’ dħul darba biss lill-awtoritajiet superviżorji kompetenti. F’konformità mal-objettivi ta’ simplifikazzjoni, tali sistema ta’ rapportar ma tapplikax meta l-ksur ta’ data personali inkwistjoni x’aktarx li ma jirriżultax f’riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi (39). |
|
3.12. |
Għal dawn ir-raġunijiet, il-BĊE jirrakkomanda li għandu jitħalla f’idejn il-kontrolluri konġunti biex jiddeterminaw jekk jixtiqux jagħmlu użu mill-possibbiltà li jissottomettu notifika waħda f’isem il-kontrolluri konġunti kollha f’arranġament speċifiku ta’ kontroll konġunt, u taħt liema kundizzjonijiet. Tali notifika tiġi sottomessa darba permezz tal-punt ta’ dħul uniku, u b’hekk tiġi indirizzata lill-awtoritajiet superviżorji rilevanti kollha, mingħajr ma jiġi kompromess ir-rwol li l-obbligi ta’ notifika għandhom fl-iżgurar ta’ trasparenza sħiħa u skambju komprensiv ta’ informazzjoni. |
4. Rapportar ta’ inċidenti
|
4.1. |
Kif innotat fil-paragrafu 1.3, il-BĊE jilqa’ l-inizjattiva biex jiġu ssimplifikati u armonizzati l-proċeduri ta’ rapportar tal-inċidenti relatati mal-ICT u jiġi implimentat rapportar ċentralizzat ta’ inċidenti kbar relatati mal-ICT. Madankollu, dan għandu, f’kull każ, inaqqas il-piż amministrattiv għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt superviżjoni, l-istituzzjonijiet ta’ pagament, l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi u l-awtoritajiet pubbliċi. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi rikonoxxut li diġà nkiseb ċertu livell ta’ simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ rapportar permezz tal-implimentazzjoni ta’ DORA fis-settur finanzjarju. Id-DORA ssostitwixxa b’mod effettiv rekwiżiti differenti ta’ rapportar tal-inċidenti relatati mal-ICT għall-entitajiet finanzjarji (40), u kiseb tnaqqis sinifikanti fil-piż tar-rapportar li kienu soġġetti għalih u implimenta mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni effettivi u effiċjenti fost l-awtoritajiet kompetenti differenti (41). Id-DORA laħaq dak l-objettiv billi ddefinixxa tassonomiji, mudelli u proċeduri ta’ rapportar komuni u bl-identifikazzjoni ta’ punt ta’ dħul uniku għal dawn ir-rapporti. |
|
4.2. |
Filwaqt li l-BĊE jappoġġa dawn l-isforzi ta’ simplifikazzjoni, għandu wkoll riżervi dwar aspetti ta’ miżuri ta’ rapportar ta’ inċidenti relatati mal-ICT fir-regolament propost għal tliet raġunijiet ewlenin. |
|
4.3. |
L-ewwel nett, il-proposta għal punt ta’ dħul uniku mhijiex effettiva fit-tnaqqis tal-piż tar-rapportar għall-entitajiet finanzjarji u negozji oħra li huma soġġetti għal rekwiżiti ta’ rapportar tal-inċidenti. Filwaqt li l-punt ta’ dħul uniku jiżgura li jkun hemm portal uniku għar-rapportar tal-inċidenti, dan ma jbiddilx il-fatt li għad hemm tassonomiji, mudelli u proċeduri ta’ rapportar differenti għal kull rapport tal-inċident taħt l-oqfsa differenti għajr DORA. Biex tirrapporta inċident, entità finanzjarja trid tħejji rapporti differenti f’konformità ma’ leġiżlazzjoni differenti (eż. skont il-GDPR u DORA). Is-sempliċi fatt li dawn ir-rapporti jkunu jistgħu jiġu nnotifikati lil riċevitur wieħed ma jnaqqasx il-piż amministrattiv b’mod sinifikanti. Għal din ir-raġuni, ikun xieraq li jitqiesu kif xieraq l-istandards tekniċi regolatorji adottati skont DORA biex jiġu ffaċilitati proċessi ta’ rapportar aktar effiċjenti u simplifikati (42). Il-BĊE jilqa’ wkoll aktar allinjament u, fejn xieraq, l-amalgamazzjoni tat-tassonomiji, il-mudelli u l-proċeduri ta’ rapportar għal inċidenti taħt id-diversi oqfsa, bil-ħsieb li tinkiseb simplifikazzjoni ġenwina. |
|
4.4. |
It-tieni, rapport tal-inċidenti DORA jiskatta proċessi kritiċi għaż-żmien li potenzjalment jinvolvu l-attivazzjoni ta’ proċeduri ta’ kriżi. L-inklużjoni ta’ attur ġdid u sistema ġdida fir-riċeviment ta’ dawn ir-rapporti dwar l-inċidenti tinvolvi riskji addizzjonali f’termini tad-disponibbiltà u r-rapportar f’waqtu tal-informazzjoni meħtieġa. Għal dik ir-raġuni, l-aktar għażla effettiva u reżiljenti hija li dawk ir-rapporti jintbagħtu direttament lill-awtorità kompetenti kif previst skont DORA (43), sabiex jiġi evitat kwalunkwe dewmien żejjed fir-reazzjoni superviżorja għal sitwazzjoni potenzjalment kritika. |
|
4.5. |
It-tielet, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati l-isforz u n-nefqa diġà impenjati mis-settur finanzjarju fl-implimentazzjoni ta’ DORA, li applikat biss mis-17 ta’ Jannar 2025. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt superviżjoni u l-awtoritajiet kompetenti investew riżorsi sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-qafas il-ġdid. Minn din il-perspettiva, ikun ta’ benefiċċju li tiġi ttardjata l-integrazzjoni tar-rapportar tal-inċidenti relatati mal-ICT permezz tal-punt ta’ dħul uniku. Dan jagħti aktar żmien biex jiġi identifikat titjib potenzjali u modi kif jiġi ssimplifikat aktar il-piż amministrattiv kemm għall-MSU kif ukoll għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt superviżjoni. |
|
4.6. |
Għal dawn ir-raġunijiet, il-BĊE jipproponi li d-DORA tiġi eskluża mir-regolament propost. Ikun xieraq li tinkiseb esperjenza separatament mal-punt ta’ dħul uniku l-ġdid (li jkopri r-regolamenti l-oħra, inkluż l-EUDPR) u r-reġim ta’ rapportar tad-DORA li għadu kif ġie implimentat, u mbagħad jiġi rieżaminat kif l-aħjar jiġu integrati fi stadju aktar tard.
Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, proposti ta’ abbozzar speċifiċi huma stabbiliti f’dokument ta’ ħidma tekniku separat flimkien ma’ test ta’ spjegazzjoni f’dan is-sens. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fuq EUR-Lex. |
Magħmul fi Frankfurt am Main, l-10 ta’ Marzu 2026.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) COM (2025) 837 finali.
(2) Regolament (UE) 2023/2854 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 dwar regoli armonizzati dwar l-aċċess ġust għad-data u l-użu tagħha u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva (UE) 2020/1828 (l-Att dwar id-Data) (ĠU L, 2023/2854, 22.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2854/oj).
(3) Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(4) Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2554/oj).
(5) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1024/oj).
(6) Ara l-Artikolu 46, il-punt (a), ta’ DORA.
(7) Artikolu 1(26) tar-regolament propost li jemenda l-Artikolu 49 tal-Att dwar id-Data. Ara l-paragrafu 1.2 tal-Opinjoni CON/2022/30 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-5 ta’ Settembru 2022 dwar proposta għal regolament dwar regoli armonizzati dwar l-aċċess ġust għad-data u l-użu tagħha (l-att dwar id-Data) (CON/2022/30) (ĠU C 402, 19.10.2022, p. 5).
(8) Artikolu 58 ta’ DORA.
(9) Regolament (UE) 2022/868 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar il-governanza Ewropea tad-data u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (l-Att dwar il-Governanza tad-Data) (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/868/oj).
(10) Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 172, 26.6.2019, p.56, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/1024/oj).
(11) Regolament (UE) Nru 2018/1807 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar qafas għall-moviment liberu ta’ data mhux personali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 59 ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/549/oj).
(12) Skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar id-Data Miftuħa, il-kategoriji tematiċi ta’ settijiet tad-data ta’ valur għoli huma l-ġeospazjali, l-osservazzjoni tad-dinja u l-ambjent, il-meteoroloġija, l-istatistika, il-kumpaniji u s-sjieda u l-mobbiltà tal-kumpaniji. Skont l-Artikolu 13(2), il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati sabiex temenda l-Anness I billi żżid kategoriji tematiċi ġodda ta’ settijiet tad-data ta’ valur għoli sabiex jiġu riflessi l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq.
(13) Linja Gwida (UE) 2018/876 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-1 ta’ Ġunju 2018 dwar id-Database tar-Reġistru tal-Istituzzjonijiet u l-Affiljati (BĊE/2018/16) (ĠU L 154, 18.6.2018, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2018/876/oj).
(14) Ara l-premessa 16 ta’ Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 56). ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/1024/oj).
(15) L-Artikolu 1(18) tar-regolament propost, li jdaħħal Kapitolu VIIc ġdid fl-Att dwar id-Data.
(16) Artikolu 1(7) tar-regolament propost, li jdaħħal Artikolu 15a ġdid fl-Att dwar id-Data.
(17) Artikoli 14 u 15 tal-Att dwar id-Data.
(18) “Detentur tad-data” huwa definit fl-Artikolu 2(13) tal-Att dwar id-Data bħala “persuna fiżika jew ġuridika li għandha d-dritt jew l-obbligu, f’konformità ma’dan ir-Regolament, il-liġi tal-Unjoni applikabbli jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, li tuża u tagħmel disponibbli data, inkluż, fejn miftiehem kuntrattwalment, data ta’ prodott jew data ta’ servizz relatat li tkun irkuprat jew iġġenerat matul il-forniment ta’ servizz relatat”.
(19) Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1998/2533/oj).
(20) Ara s-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali u Reġjonali (ESA 2010) disponibbli fuq is-sit web tal-Eurostat fuq www.ec.europa.eu/eurostat.
(21) Paragrafu 2.3.1 tal-Opinjoni CON/2022/30.
(22) Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87 31.3.2009, p. 164, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/223/oj).
(23) Ara l-Premessa (15) tar-regolament propost.
(24) Artikolu 17b tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.
(25) Artikolu 2(29) tar-Regolament (UE) Nru 2023/2854.
(26) Regolament (UE) 2024/2747 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2024 li jistabbilixxi qafas ta’ miżuri relatati ma’ emerġenzi tas-suq intern u mar-reżiljenza tas-suq intern u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2679/98 (Att dwar l-Emerġenzi u r-Reżiljenza tas-Suq Intern) (ĠU L, 2024/2747, 8.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2747/oj).
(27) Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/415/UE tal-24 ta’ Ġunju 2014 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni mill-Unjoni tal-klawżola ta’ solidarjetà (ĠU L 192, 1.7.2014, p. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/415/oj).
(28) Artikolu 2(29) tar-Regolament (UE) Nru 2023/2854.
(29) Artikolu 1(12) tar-regolament propost, li jissostitwixxi l-Artikolu 20 tal-Att dwar id-Data.
(30) Ara paragrafu 2.3.3 ta’ Opinjoni CON/2022/30.
(31) Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p.1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
(32) Skont it-tifsira tal-Artikolu 26 tal-GDPR u l-Artikolu 28 tal-EUDPR.
(33) Skont it-tifsira tal-Artikolu 28 tal-GDPR u l-Artikolu 29 tal-EUDPR.
(34) Kif meħtieġ mill-Artikolu 34 tal-EUDPR.
(35) Dawn jinkludu l-GDPR u d-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (Direttiva NIS 2) (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2555/oj); Regolament (UE) 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/910/oj) (Regolament eIDAS) u d-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 164, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2557/oj) (Direttiva CER).
(36) Ara l-paragrafu 3.3.1 tal-Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-11 ta’ April 2022 Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (ĠU C 233, 16.6.2022, p. 22).
(37) Kif meħtieġ mill-Artikolu 34 tal-EUDPR.
(38) L-Opinjoni Superviżorja 18/2025 tal-EDPS dwar abbozz ta’ arranġament ta’ kontroll konġunt bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti fil-kuntest tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (Kawża 2024–1002), disponibbli fuq is-sit web tal-EDPS fuq www.edps.europa.eu.
(39) Artikolu 34 tal-EUDPR.
(40) Ara, għal dak l-għan, il-premessi (16), (18), (19), u (23) ta’ DORA.
(41) Dan ippermetta li tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ sottomissjonijiet paralleli skont DORA, id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi a’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/2366/oj) u l-Linji Gwida korrispondenti tal-EBA, kif identifikat fil-paragrafu 4.2.2. tal-Opinjoni CON/2021/20 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta’ Ġunju 2021 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju (ĠU C 343, 26.8.2021, p. 1).
(42) Kif previst fil-premessa (54) tar-regolament propost.
(43) Artikolu 19 ta’ DORA.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2621/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)