|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/6858 |
15.11.2024 |
Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni
tat-22 ta’ Lulju 2024
li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
(Każ AT.40577 - VIFOR PRODOTTI TAL-ĦADID IV)
(notifikata permezz ta’ dokument numru C (2024) 5027)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(C/2024/6858)
Fit-22 ta’ Lulju 2024, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut ewlieni tad-deċiżjoni, wara li kkunsidrat l-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.
1. INTRODUZZJONI
|
(1) |
Din id-Deċiżjoni tagħmel legalment vinkolanti l-Impenji offruti minn Vifor Pharma Participations Ltd. (bħala s-suċċessur ekonomiku ta’ Vifor Pharma Ltd.), Vifor Pharma Management Ltd. u Vifor Pharma Deutschland GmbH (minn hawn ’il quddiem flimkien imsejħa “Vifor”) skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (“ir-Regolament 1/2003”) fi proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-“Trattat”). |
2. PROĊEDURA
|
(2) |
Fl-20 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni fetħet proċedimenti bil-ħsieb li tadotta deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament 1/2003 u, fit-8 ta’ April 2024, adottat valutazzjoni preliminari kif imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament 1/2003 li jistabbilixxi t-tħassib preliminari tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni (il-“Valutazzjoni Preliminari”). |
|
(3) |
Fis-16 ta’ April 2024, Vifor ippreżentat abbozz ta’ impenji (l-“Impenji Inizjali”) lill-Kummissjoni bi tweġiba għall-Valutazzjoni Preliminari. |
|
(4) |
Fit-22 ta’ April 2024, ġie ppubblikat avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, li jagħti sommarju tal-każ u tal-impenji proposti u li jistieden lill-partijiet terzi interessati jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-impenji fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni. |
|
(5) |
Fit-8 ta’ Mejju 2024 u s-27 ta’ Mejju 2024, il-Kummissjoni infurmat lil Vifor bl-osservazzjonijiet li rċeviet wara l-pubblikazzjoni tal-avviż. Fit-13 ta’ Ġunju 2024, Vifor ippreżentat proposta emendata għal impenji (l-“Impenji Finali”). |
|
(6) |
Fl-4 ta’ Lulju 2024, il-Kumitat Konsultattiv dwar Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ġie kkonsultat u ħareġ b’opinjoni favorevoli. |
|
(7) |
Fil-5 ta’ Lulju 2024, l-Uffiċjal tas-Seduta ħareġ ir-rapport finali tiegħu. |
3. IT-TĦASSIB TAL-KUMMISSJONI DWAR IL-KOMPETIZZJONI
|
(8) |
Fil-Valutazzjoni Preliminari, il-Kummissjoni esprimiet tħassib dwar il-kompetizzjoni li Vifor (i) setgħet kellha pożizzjoni dominanti f’għadd ta’ swieq nazzjonali fiż-Żona Ekonomika Ewropea (iż-“ŻEE”) għall-forniment ta’ mediċini tal-ħadid ġol-vini (“intravenous, IV”), jiġifieri l-Awstrija, il-Ġermanja, in-Netherlands, l-Iżvezja, Spanja, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Portugall u r-Rumanija (l-“Istati Membri Rilevanti”); u (ii) setgħu abbużaw minn tali pożizzjoni billi xerrdu lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa (“healthcare professionals, HCPs”) (2) informazzjoni li setgħet kienet oġġettivament qarrieqa dwar is-sigurtà ta’ mediċina tal-ħadid IV – jiġifieri Monofer mibjugħa minn Pharmacosmos A/S (“Pharmacosmos”) – li hija l-eqreb kompetitur tal-prodott ewlieni ta’ Vifor fl-Ewropa, Ferinject. B’mod partikolari, l-evidenza fil-fajl tal-Kummissjoni tissuġġerixxi li, mill-2010 u mill-inqas sal-2022, Vifor disseminat fl-Istati Membri Rilevanti żewġ messaġġi ewlenin dwar is-sikurezza ta’ Monofer, jiġifieri li (i) Monofer iġġorr ir-riskji serji għas-sikurezza storikament assoċjati mal-komposti tad-destran tal-ħadid IV; u (ii) Monofer għandha riskju akbar ta’ reazzjonijiet ta’ sensittività eċċessiva (“high sensitivity reactions, HSRs”) meta mqabbel ma’ Ferinject. |
|
(9) |
Skont il-Valutazzjoni Preliminari tal-Kummissjoni, dawn il-messaġġi setgħu kienu oġġettivament qarrieqa u ma kinux jirriflettu l-kompetizzjoni fuq il-merti, peress li kienu bbażati fuq informazzjoni mhux preċiża u/jew mhux kompluta mhux sostnuta minn evidenza xjentifika xierqa, li ġiet ippreżentata b’mod li setgħet tħawwad lill-HCPs, u tqajjem dubji f’moħħhom dwar is-sikurezza ta’ Monofer. Barra minn hekk, dawn il-messaġġi setgħu joħolqu perċezzjoni negattiva tas-sikurezza ta’ Monofer u, b’dal-mod, jiskreditawha f’għajnejn l-HCPs. Il-Kummissjoni laħqet ukoll il-fehma preliminari li dawn il-messaġġi kienu kapaċi jipproduċu effetti ta’ esklużjoni u ma kellhom l-ebda ġustifikazzjoni oġġettiva. Il-prattiki ta’ Vifor setgħu xekklu d-dħul fis-suq u/jew l-adozzjoni mis-suq ta’ Monofer, u qajmu tħassib dwar il-kompatibbiltà tagħha mal-Artikolu 102 tat-Trattat. |
4. L-IMPENJI INIZJALI, IL-PROVA TAS-SUQ U L-IMPENJI FINALI
|
(10) |
L-impenji Inizjali offruti minn Vifor jikkonsistu f’żewġ obbligi ewlenin, jiġifieri l-hekk imsejħa “Kondotta Meħtieġa” u l-“Kondotta Projbita” li jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:
|
|
(11) |
Barra minn hekk, l-Impenji Inizjali jipprojbixxu lil Vifor milli tevita, direttament jew indirettament, kwalunkwe obbligu li jinsab fihom (8). Fl-aħħar nett, l-Impenji Inizjali jinkludu obbligi ta’ rappurtar dwar l-implimentazzjoni tal-impenji minn Vifor, (9) kif ukoll il-monitoraġġ tal-konformità ta’ Vifor mal-impenji minn fiduċjarju indipendenti tal-monitoraġġ (10). |
|
(12) |
Kien hemm rispondent wieħed għat-test tas-suq, li ġeneralment laqa’ l-Impenji Inizjali u emmen li dawn se jindirizzaw it-tħassib preliminari espress mill-Kummissjoni, soġġett għal xi suġġerimenti żgħar biex jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ nonċirkomvenzjoni u biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn it-test tad-dokument ta’ Mistoqsijiet u Tweġibiet anness bħala l-Appendiċi 2 tal-Impenji Inizjali u l-Komunikazzjoni tal-Partijiet Ikkonċernati annessa bħala l-Appendiċi 1. |
|
(13) |
Bi tweġiba għal dawn l-osservazzjonijiet, Vifor issottomettiet l-Impenji Finali li jindirizzaw il-kummenti limitati li rċeviet, kif ukoll ftit emendi minuri addizzjonali li jikkonċernaw b’mod partikolari l-entitajiet legali rilevanti li joffru l-Impenji Finali, iż-żmien tal-kampanji ta’ komunikazzjoni, l-introduzzjoni ta’ kampanja addizzjonali bil-posta għal dawk l-HCPs li l-indirizzi tal-posta elettronika tagħhom mhumiex disponibbli, mekkaniżmu biex jiġu identifikati ġurnali mediċi ewlenin u l-iskadenza biex jiġu indirizzati komunikazzjonijiet mhux awtorizzati. |
5. KONKLUŻJONI
|
(14) |
Il-Kummissjoni tqis li l-Impenji Finali effettivament jissodisfaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat fil-Valutazzjoni Preliminari tagħha mingħajr ma jkunu sproporzjonati. |
|
(15) |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-effettività, il-Kondotta Meħtieġa hija mfassla biex tindirizza kwalunkwe effett antikompetittiv potenzjali kontinwu tal-kondotta passata ta’ Vifor fis-suq fl-Istati Membri Rilevanti permezz tal-implimentazzjoni ta’ kampanja ta’ komunikazzjoni restorattiva li tneħħi r-riskji ta’ sikurezza implikati assoċjati ma’ Monofer, li hija partikolarment rilevanti f’suq li qed jespandi malajr. Dan se jiġi żgurat min-natura konċiża u sempliċi tal-Komunikazzjoni tal-Partijiet Interessati, il-kopertura estensiva tal-HCPs fil-mira tal-Kondotta Meħtieġa u n-natura multikanali tal-kampanja ta’ komunikazzjoni. |
|
(16) |
Min-naħa l-oħra, il-Kondotta Projbita hija mfassla biex tipprevjeni t-tixrid futur ta’ messaġġi qarrieqa, direttament jew indirettament, għal perjodu ta’ 10 snin fiż-ŻEE kollha, billi tipprojbixxi kwalunkwe komunikazzjoni orali jew bil-miktub dwar is-sikurezza ta’ Monofer li la hija bbażata fuq l-SmPC ta’ Monofer u lanqas ma hija derivata minn provi kliniċi ras imb ras aleatorji u kkontrollati. |
|
(17) |
Barra minn hekk, Vifor impenjat ruħha għal għadd ta’ miżuri u salvagwardji li se jiżguraw konformità mal-Kondotta Projbita u wkoll iqajmu kuxjenza dwar prattika tajba ta’ komunikazzjoni promozzjonali u medika fi ħdan il-kumpanija, filwaqt li jkomplu jimminimizzaw ir-riskju ta’ kondotta ħażina fil-futur. |
|
(18) |
It-tieni, fir-rigward tal-proporzjonalità, Vifor ma offrietx impenji anqas onerużi bi tweġiba għall-Valutazzjoni Preliminari li jindirizzaw it-tħassib tal-Kummissjoni b’mod xieraq. |
|
(19) |
Fid-dawl tal-Impenji Finali offruti minn Vifor, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma kienx hemm aktar raġunijiet għal azzjoni min-naħa tagħha. |
(1) ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 411/2004 (ĠU L 68, 6.3.2004, p. 1).
(2) HCPs tirreferi għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa involuti fir-riċetta, l-akkwist jew l-għoti tal-ħadid IV, bħal tobba, infermiera, qwiebel u spiżjara, kif ukoll rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-offerti u korpi oħra tal-akkwist.
(3) Impenji Inizjali, Taqsima II.
(4) Impenji Inizjali, Appendiċi 1.
(5) L-impenji Inizjali, l-Appendiċijiet 3 u 4.
(6) Impenji Inizjali, Appendiċi 5.
(7) Impenji Inizjali, Taqsima III.
(8) Impenji Inizjali, Taqsima IV.
(9) Impenji Inizjali, Taqsima V.
(10) Impenji Inizjali, Taqsima VI.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6858/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)