KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SAUGMANDSGAARD ØE
ippreżentati fil-11 ta’ Lulju 2019 ( 1 )
Kawżi magħquda C‑370/17 u C‑37/18
Caisse de retraite du personnel navigant professionnel de l’aéronautique civile (CRPNPAC)
vs
Vueling Airlines SA
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal de grande instance de Bobigny (il-Qorti Reġjonali ta’ Bobigny, Franza))
u
Vueling Airlines SA
vs
Jean‑Luc Poignant
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation, chambre sociale (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Awla Industrijali, Franza))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ħaddiema migranti – Sigurtà soċjali – Leġiżlazzjoni applikabbli – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Kollokament ta’ ħaddiema – Artikolu 14(1)(a) – Nuqqas ta’ applikabbiltà għall-ekwipaġġ tal-ajru tal-kumpanniji tal-ajru li jaħdmu fit-trasport internazzjonali ta’ passiġġieri – Artikolu 14(2)(a)(i) – Ħaddiema impjegati minn fergħa jew rappreżentanza permanenti proprjetà tal-kumpannija tal-ajru fit-territorju ta’ Stat Membru barra minn dak li fih għandha s-sede tagħha – Ċertifikat E 101 – Effett vinkolanti – Ċertifikat miksub jew invokat b’mod frawdolenti – Azzjoni għal responsabbiltà ċivili kontra l-persuna li timpjega awtriċi tal-frodi – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru ospitanti biex tikkonstata l-frodi u tinjora ċ-ċertifikat – Awtorità ta’ res judicata ta’ qorti kriminali fuq il-qorti ċivili – Projbizzjoni għall-qorti ċivili li tinjora deċiżjoni kriminali li tirrigwarda l-istess fatti, anki jekk dik id-deċiżjoni tmur kontra d-dritt tal-Unjoni – Inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Iċ-ċertifikat E 101 ( 2 ) huwa dokument mogħti mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru, skont dispożizzjoni speċifika tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu minn post għal ieħor ġewwa l-Komunità ( 3 ), u skont ir-Regolament (KEE) Nru 574/72 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tal-imsemmi regolament ( 4 ). Dan iċ-ċertifikat jattesta l-affiljazzjoni ta’ ħaddiem li jiċċaqlaq fi ħdan l-Unjoni Ewropea mal-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru. |
|
2. |
Skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali ċertifikat, sakemm ma jkunx ġie rtirat jew iddikjarat invalidu mill-istituzzjoni emittenti, huwa vinkolanti fl-ordinament ġuridiku intern tal-Istat Membru li fih il-ħaddiem ikkonċernat imur biex jeżerċita l-attività tiegħu u, għaldaqstant, jorbot lill-istituzzjonijiet ta’ dak l-Istat. Dawn ma jistgħux b’mod partikolari jsieħbu lill-ħaddiem ikkonċernat mal-iskema ta’ sigurtà soċjali tagħhom. Qorti tal-istess Stat lanqas ma hija awtorizzata tivverifika l-validità ta’ ċertifikat E 101 fir-rigward tal-elementi li abbażi tagħhom huwa jkun inħareġ. L-eventwali dubji fir-rigward tal-validità jew l-eżattezza ta’ tali ċertifikat għandhom ikunu solvuti permezz ta’ proċedura ta’ djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri kkonċernati li l-fażijiet tagħha ġew stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha u mbagħad ikkodifikati mil-leġiżlatur tal-Unjoni. |
|
3. |
Din il-ġurisprudenza kienet is-suġġett ta’ ħafna kitbiet. Għal ċerti nies, hija toffri sfortunatament protezzjoni lill-impriżi li jkunu jridu jevadu r-regoli ta’ sigurtà soċjali applikabbli, megħjuna mill-istituzzjonijiet li joħorġu ċ-ċertifikat E 101 b’mod faċli wisq. Għal ċerti oħrajn, hija l-aħħar espressjoni ta’ kooperazzjoni neċessarja bejn Stati Membri fl-applikazzjoni tar-regoli ta’ koordinazzjoni. |
|
4. |
Fi Franza, il-kawża prinċipali kebbset il-firda bejn dawn iż-żewġ viżjonijiet. Fl-2012, il-kumpannija Vueling Airlines SA (iktar ’il quddiem “Vueling”) ġiet ikkundannata taħt il-liġi kriminali talli impjegat, fl-ajruport ta’ Paris-Charles-de-Gaulle fi Roissy (Franza), ekwipaġġ tal-ajru mingħajr ma ħadet ħsieb li dan jissieħeb mas-sigurtà soċjali Franċiża. Dan il-persunal kien ġie msieħeb mal-iskema ta’ sigurtà soċjali Spanjola u mpoġġi taħt l-iskema ta’ kollokament tal-ħaddiema. Vueling kienet kisbet mingħand l-istituzzjonijiet kompetenti Spanjoli ċertifikati E 101 li jattestaw dan l-istat ta’ fatt, li l-qorti kriminali Franċiża, madankollu, ċaħdet. |
|
5. |
Ir-rinviji preliminari preżenti saru wara dik il-kundanna. It-talbiet għal deċiżjoni preliminari tressqu mit-tribunal de grande instance de Bobigny (il-Qorti Reġjonali ta’ Bobigny, Franza) u mill-Cour de cassation, chambre sociale (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Awla Industrijali, Franza), u jikkonċernaw talbiet għal kumpens li jirrigwardaw l-istess fatti bejn, minn naħa, il-caisse de retraite du personnel navigant professionnel de l’aéronautique civile (CRPNPAC) u, min-naħa l-oħra, Jean‑Luc Poignant kontra Vueling fir-rigward tad-dannu li dawk tal-ewwel jallegaw li sofrew minħabba dan in-nuqqas ta’ affiljazzjoni fi Franza. Il-kwistjoni tal-effett vinkolanti taċ-ċertifikati E 101 miksuba minn din il-kumpannija hija deċiżiva għall-eżitu ta’ dawn it-talbiet |
|
6. |
Tlieta mid-domandi mressqa mill-qrati tar-rinviju jistaqsu għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża jekk il-ġurisprudenza tagħha dwar l-effett vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 tapplikax ukoll meta l-qorti tal-Istat Membru ospitanti tikkonstata li dan iċ-ċertifikat inkiseb jew ġie invokat b’mod frawdolenti. Dawn id-domandi jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża l-portata eżatta tas-sentenza tagħha Altun et ( 5 ), li fiha hija kienet ammettiet, fil-prinċipju, li din il-qorti ma hijiex marbuta b’ċertifikat E 101 f’każ ta’ frodi. L-imsemmija domandi ser jimplikaw ukoll li jiġi ttrattat il-kunċett ta’ “frodi” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni u, f’dan il-kuntest, li jiġu interpretati b’mod bla preċedent ir-regoli previsti mir-Regolament 1408/71 għall-ekwipaġġ tal-ajru tal-kumpanniji tal-ajru li jwettqu trasport internazzjonali. |
|
7. |
F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li l-qorti tal-Istat Membru ospitanti għandha l-kompetenza li tinjora ċertifikat E 101 meta jkollha provi li jistabbilixxu li dan iċ-ċertifikat inkiseb jew intalab b’mod frawdolenti, indipendentement mill-iżvolġiment tad-djalogu bejn l-istituzzjonijiet kompetenti. Fil-fehma tiegħi, fuq din is-soluzzjoni tiddependi l-effikaċità tal-ġlieda kontra d-“dumping soċjali” ( 6 ) u l-fiduċja li l-Qorti tal-Ġustizzja normalment tagħti lill-qorti nazzjonali, bħala qorti tal-Unjoni, biex tirrispetta d-dritt tal-Unjoni. |
|
8. |
L-aħħar domanda li saret tikkonċerna r-relazzjoni bejn il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni u l-prinċipju tad-dritt Franċiż tal-awtorità ta’ res judicata fil-kriminal u l-effett tagħha fuq ir-responsabbiltà ċivili. Skont dan il-prinċipju tal-aħħar, il-qrati tar-rinviju jkunu obbligati jikkundannaw lil Vueling fil-kamp ċivili minħabba s-sempliċi fatt tal-kundanna kriminali preċedenti tagħha, anki fil-każ li dik il-kundanna sseħħ bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Meħud kont tar-risposta li nissuġġerixxi li tingħata għad-domandi preliminari l-oħra, l-argumenti tiegħi fuq il-materja ser ikunu essenzjalment sussidjarji. Madankollu, jien ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju meta jiġi stabbilit li din il-kundanna kriminali hija inkompatibbli ma’ dan id-dritt. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
|
9. |
L-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li, bla ħsara għall-Artikoli 14 sa 17 ta’ dan ir-regolament, “persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor”. |
|
10. |
L-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, intitolat “Regoli speċjali applikabbli għall-persuni, minbarra l-baħrin, ingaġġati fi mpieg imħallas”, kien jipprovdi: “L-Artikolu 13(2)(a) japplika suġġett għall-eċċezzjonijiet u ċ-ċirkustanzi li ġejjin:
[…]”. |
|
11. |
L-Artikolu 84a tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn dan ir-Regolament”, imdaħħal f’dan ir-regolament permezz tar-Regolament (KE) Nru 631/2004 li jemenda r-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72, dwar l-allinjament tad-drittijiet u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri ( 7 ), jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu: “Fil-każ ta’ diffikultajiet fl-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li jistgħu jipperikolaw id-drittijiet ta’ persuna koperta minnu, l-istituzzjoni ta’ l-Istat kompetenti jew ta’ l-Istat ta’ residenza tal-persuna involuta għandha tikkuntattja l-istituzzjoni jew l-istituzzjonijiet ta’ l-Istat jew Stati Membri konċernati. Jekk ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni f’perijodu raġonevoli, l-awtoritajiet konċernati jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tintervjeni”. |
|
12. |
L-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 574/72, intitolat “Formalitajiet fil-każ ta’ ppostjar [kollokament] f’post ieħor ta’ persuna impjegata insegwitu ta’ l-Artikoli 14(1) u 14b(1) tar-Regolament [Nru 1408/71] u fil-każ tal-ftehim konklużi taħt l-Artikolu 17 ta[’ dan i]r-Regolament” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-istituzzjoni nnominata mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu trid tibqa’ applikabbli joħroġ ċertifikat li jgħid li persuna impjegata tibqa’ suġġetta għal dik il-leġislazzjoni sa data speċifika:
|
|
13. |
L-Artikolu 12a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 574/72, intitolat “Regoli applikabbli fir-rigward ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 14(2) u (3), l-Artikolu 14a(2) sa (4) u l-Artikolu 14ċ tar-Regolament [Nru 1408/71] li normalment iwettqu attività ta’ impjegati jew impjegati għal-rashom fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew aktar”, jipprovdi: “Għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 14(2) u (3), l-Artikolu 14a(2) sa (4) u l-Artikolu 14ċ tar-Regolament [Nru 1408/71], għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin: […]
[…]”. |
|
14. |
Ir-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 574/72 ġew imħassra u ssostitwiti, b’effett mill-1 ta’ Mejju 2010, rispettivament, bir-Regolament (KEE) Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali ( 8 ) u bir-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 ( 9 ). Madankollu, l-ewwel regolamenti huma applikabbli ratione temporis għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
B. Id-dritt Franċiż
|
15. |
L-Artikolu L. 8221‑3 tal-code du travail (il-Kodiċi tax-Xogħol), li joħroġ mid-Digriet Nru 2007-329 tat-12 ta’ Marzu 2007 ( 10 ), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fiż-żmien tal-fatti, jipprovdi: “Huwa meqjus xogħol mhux iddikjarat minħabba l-ħabi tal-attività, l-eżerċizzju bi skop ta’ lukru ta’ attività ta’ produzzjoni, ta’ trasformazzjoni, ta’ tiswija jew ta’ provvista ta’ servizzi jew it-twettiq ta’ atti ta’ kummerċ minn kull persuna li, biex tevadi intenzjonalment l-obbligi tagħha: […]
|
|
16. |
L-Artikolu L. 1262‑3 tal-Kodiċi tax-Xogħol, li joħroġ mid-Digriet Nru 2007-329, fil-verżjoni applikabbli fiż-żmien tal-fatti, jipprovdi: “Persuna li timpjega ma tistax tibbenefika mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kollokament tal-impjegati meta l-attività tagħha hija kompletament orjentata lejn it-territorju nazzjonali jew meta titwettaq f’postijiet jew b’infrastrutturi li jinsabu fit-territorju nazzjonali li minnu din l-attività titwettaq b’mod abitwali, stabbli u kontinwu. Hija ma tistax b’mod partikolari tibbenefika minn dawn id-dispożizzjonijiet meta l-attività tagħha tkun tinvolvi t-tiftix u l-prospettiva ta’ klijentela jew ir-reklutaġġ ta’ impjegati fuq dan it-territorju. F’dawn is-sitwazzjonijiet, il-persuna li timpjega hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tax-Xogħol applikabbli għall-impriżi stabbiliti fit-territorju Franċiż”. |
|
17. |
Skont l-Artikolu R. 330‑2‑1 tal-code de l’aviation civile (il-Kodiċi tal-Avjazzjoni Ċivili), li joħroġ mid-Digriet Nru 2006‑1425 tal‑21 ta’ Novembru 2006 ( 11 ): “L-Artikolu L. 342-4 tal-Kodiċi tax-Xogħol ( 12 ) japplika għall-impriżi ta’ trasport bl-ajru skont il-bażijiet tal-operat tagħhom li jinsabu fit-territorju Franċiż. Il-bażi tal-operat hija numru ta’ postijiet jew ta’ infrastrutturi li minnhom l-impriża twettaq b’mod stabbli, abitwali u kontinwu attività ta’ trasport bl-ajru permezz ta’ impjegati li għandhom hemmhekk iċ-ċentru effettiv tal-attività professjonali tagħhom. Fis-sens tad-dispożizzjonijiet preċedenti, iċ-ċentru tal-attività professjonali ta’ impjegat huwa l-post fejn, b’mod abitwali, huwa jaħdem jew dak li fih jieħu s-servizz tiegħu u jirritorna wara t-twettiq ta’ xogħlu”. |
III. Il-kawżi prinċipali
A. Il-proċedura kriminali kontra Vueling
|
18. |
Vueling hija kumpannija tal-ajru li twettaq trasport internazzjonali bl-ajru ta’ passiġġieri li s-sede tagħha tinsab f’Barcelona (Spanja). Fil-21 ta’ Mejju 2007, din il-kumpannija tal-ajru bdiet topera titjiriet lejn diversi destinazzjonijiet Spanjoli mill-ajruport ta’ Paris-Charles-de-Gaulle fi Roissy. Għal dan il-għan, hija kienet irreġistrat fir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpanniji ta’ Bobigny (Franza) il-ħolqien ta’ negozju ta’ trasport bl-ajru u self-handling waqt il-waqfa, stabbilit f’dan l-ajruport. |
|
19. |
Fit-28 ta’ Mejju 2008, wara xi kontrolli, l-ispettorat tax-xogħol kompetenti ħareġ proċess verbal fir-rigward tax-xogħol mhux iddikjarat kontra Vueling. Fih kien ġie kkonstatat li din il-kumpannija tal-ajru kienet tokkupa, f’dan l-ajruport, postijiet kummerċjali amministrattivi fejn topera u tmexxi swali ta’ mistrieħ u għall-preparazzjoni tat-titjiriet tal-ekwipaġġ tal-ajru, uffiċċju għas-superviżjoni tal-bank tal-biljetti u għar-reġistrazzjoni tal-passiġġieri. Hemmhekk, l-imsemmija kumpannija kienet timpjega, minn naħa, 50 persuna bħala membri tal-ekwipaġġ tal-ajru kummerċjali u 25 persuna bħala membri tal-ekwipaġġ tal-ajru tekniċi, li l-kuntratti ta’ impjieg tagħhom kienu suġġetti għad-dritt Spanjol u, min-naħa l-oħra, persunal fuq l-art (direttur kummerċjali, manaġer tal-operat u mekkanik ewlieni) li l-kuntratti ta’ impjieg tagħhom kienu rregolati mid-dritt Franċiż. |
|
20. |
L-ispettorat tax-xogħol irrileva li kien biss il-persunal fuq l-art li kien iddikjarat mal-organi tas-sigurtà soċjali Franċiżi. Min-naħa tiegħu l-ekwipaġġ tal-ajru kellu fil-pussess tiegħu ċ-ċertifikati E 101 li jattestaw li huma kienu kollokati temporanjament fi Franza u msieħba għall-perijodu ta’ kollokament mal-iskema tas-sigurtà soċjali Spanjola. L-ispettorat tax-xogħol ikkonstata li 48 impjegat ma kinux jaħdmu abitwalment għal Vueling u kienu ġew irreklutati inqas minn tletin jum qabel il-kollokament tagħhom, ċerti minnhom lejlet jew fl-istess jum, u kkonkluda minn dan li dawn kienu ġew irreklutati biex jiġu kkollokati. Għal 21 minn dawn l-impjegati, ir-rendikont tal-paga kien isemmi indirizz fi Franza, u numru sinjifikattiv ta’ dikjarazzjonijiet ta’ kollokament kien fihom dikjarazzjonijiet ta’ residenza foloz li jaħbu l-fatt li l-maġġoranza tal-ħaddiema kkollokati ma kellhomx il-kwalità ta’ residenti Spanjoli, fejn uħud minnhom ma kienu qatt għexu fi Spanja. Meħud kont ta’ dawk li l-kuntratt ta’ impjieg tagħhom kien skada, irriżulta li t-total ta’ 103 ħaddiema ma kienx ġie ddikjarat mas-sigurtà soċjali Franċiża. |
|
21. |
L-ispettorat tax-xogħol irrileva wkoll li fl-ajurport Paris-Charles-de-Gaulle, Vueling kellha “bażi tal-operat” fis-sens tal-Artikolu R. 330‑2‑1 tal-Kodiċi tal-avjazzjoni ċivili fejn il-membru tal-ekwipaġġ tal-ajru kien jibda u jieqaf mis-servizz tiegħu f’din il-bażi. Skont l-Artikolu L. 1262-3 tal-Kodiċi tax-Xogħol, Vueling ma setgħetx għaldaqstant tinvoka d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kollokament tal-ħaddiema. F’dan il-kuntest, l-ispettorat tax-xogħol ikkunsidra li għalkemm, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċ-ċertifikat E 101 kien jitqies bħala preżunzjoni ta’ affiljazzjoni, dan id-dokument ma jurix il-validità tal-użu tal-kollokament. Huwa sostna li dan kien kollokament bi frodi u li kien hemm dannu għall-ħaddiema mċaħħda, b’mod partikolari, mill-aċċess għad-drittijiet tal-iskema tas-sigurtà soċjali Franċiża, imma wkoll għall-kollettività, peress li persuna li timpjega ma ħallsitx l-ammonti dovuti lil din l-iskema. |
|
22. |
Wara din l-investigazzjoni, Vueling ġiet imfittxija kriminalment, minħabba r-reat ta’ xogħol mhux iddikjarat permezz ta’ attività mhux iddikjarata, prevista fl-Artikolu L. 8221-3 tal-Kodiċi tax-Xogħol, talli bejn il-21 ta’ Mejju 2007 u s-16 ta’ Mejju 2008, fi Roissy, eżerċitat intenzjonalment l-attività ta’ trasportatur bl-ajru ta’ passiġġieri billi ma pproċedietx biex tagħmel id-dikjarazzjonijiet li kellhom isiru lill-organiżmi tas-sigurtà soċjali, b’mod partikolari billi ħbiet l-attività eżerċitata fi Franza u billi assimilatha b’mod irregolari bħala kollokament ta’ ħaddiema. |
|
23. |
Permezz ta’ sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, it-tribunal correctionnel de Bobigny (il-Qorti Kriminali ta’ Bobigny, Franza) ħelset lil Vueling. |
|
24. |
Permezz ta’ sentenza tal-31 ta’ Jannar 2012, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) annullat is-sentenza li ngħatat fl-ewwel istanza u kkundannat lil Vueling għal multa ta’ EUR 100000. Dik il-qorti kkunsidrat, minn naħa, li din il-kumpannija tal-ajru kienet topera fi Roissy fil-kuntest ta’ “bażi tal-operat” fis-sens tal-Artikolu R. 330‑2‑1 tal-Kodiċi tal-Avjazzjoni Ċivili, u li din l-attività kienet taqa’ konsegwentement taħt il-każijiet ikkontemplati fl-Artikolu L. 1262‑3 tal-Kodiċi tax-Xogħol. L-imsemmija qorti rrilevat li l-entità inkwistjoni kienet tiffunzjona b’mod awtonomu, peress li Vueling irreklutat għal dan il-għan direttur. Din l-awtonomija kienet timplika wkoll li l-kumpannija ma setgħetx turi li kellha rabta organika mal-ħaddiema kkollokati. Min-naħa l-oħra, l-istess qorti kkunsidrat li Vueling kienet intenzjonalment kisret ir-regoli applikabbli, b’mod partikolari billi tat ir-residenza lil 41 mill-ħaddiema, li għalihom kienet applikat għall-kollokament fl-indirizz tas-sede tagħha stess mingħajr ma kienet f’pożizzjoni li tagħti spjegazzjoni serja li tista’ tneħħi s-suspett ta’ frodi. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi kkunsidrat li, għalkemm iċ-ċertifikati E 101 kienu jgħoddu bħala preżunzjoni ta’ affiljazzjoni mal-iskema tas-sigurtà soċjali Spanjola, li jorbtu lill-istituzzjonijiet Franċiżi kompetenti fil-qasam tas-sigurtà soċjali, huma ma setgħux jipprekludu lill-qorti kriminali milli tikkonstata l-ksur intenzjonat tad-dispożizzjonijiet legali li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-validità tal-kollokament tal-ħaddiema. |
|
25. |
Vueling appellat fil-kassazzjoni. Permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Marzu 2014, il-Cour de cassation, chambre criminelle (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Awla Kriminali), ċaħdet dan l-appell. Dik il-qorti kkunsidrat li Vueling ma setgħetx tibbenefika mir-regoli applikabbli għall-kollokament tal-ħaddiema previsti fl-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 peress li l-attività li hija kienet teżerċita fi Roissy kienet twettqet b’mod abitwali, stabbli u kontinwu fil-postijiet jew b’infrastrutturi li jinsabu fit-territorju nazzjonali, u għaldaqstant kienu jaqgħu taħt id-dritt ta’ stabbiliment, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 1263-3 tal-Kodiċi tax-Xogħol u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, Vueling ma setgħetx tibbenefika miċ-ċertifikati E 101 u r-reat ta’ xogħol mhux iddikjarat, previst fl-Artikolu L. 8221‑3 tal-Kodiċi tax-Xogħol, irriżulta pprovat kontriha. |
B. Id-djalogu li seħħ bejn l-istituzzjonijiet Franċiżi u Spanjoli
|
26. |
Jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja li, permezz ta’ ittra tal-4 ta’ April 2012, l-Union de recouvrement des cotisations de sécurité sociale et d’allocations familiales (l-Unjoni għall-Irkupru ta’ Kontribuzzjonijiet ta’ Sigurtà Soċjali u ta’ Allowance tal-Familja) (Urssaf) ta’ Seine-et-Marne (Franza) ġabet il-fatti kontenzjużi għall-konjizzjoni tal-istituzzjoni li ħarġet iċ-ċertifikati E 101 prodotti minn Vueling, jiġifieri t-Tesorería general de la seguridad social de Cornellà de Llobregat (Spanja) u talbet lil din l-istituzzjoni biex tannulla ċ-ċertifikati inkwistjoni. |
|
27. |
Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ April 2014, l-istituzzjoni emittenti annullat iċ-ċertifikati E 101 kontenzjużi. Hija madankollu żammet il-kontribuzzjonijiet imħallsa minn Vueling lis-sigurtà soċjali Spanjola għall-ħaddiema kkonċernati, minħabba li r-rimbors tagħhom kien preskritt. |
|
28. |
Fid-29 ta’ Mejju 2014, Vueling ressqet appell quddiem awtorità amministrattiva superjuri minn din id-deċiżjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Awwissu 2014, l-awtorità amministrattiva superjuri ċaħdet dak l-appell. Madankollu, permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Diċembru 2014, l-istess awtorità rrevediet id-deċiżjoni inizjali tagħha, sabiex “tħalli mingħajr effett l-annullament tal-formoli tal-ivvjaġġar” minħabba li, fid-dawl taż-żmien li ddekorra minn meta seħħew il-fatti, ma kienx xieraq li l-affiljazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati mas-sigurtà soċjali tiġi ddikjarata indebita, peress li ma kienx possibbli li l-kontribuzzjonijiet imħallsa jiġu rrimborsati. Barra minn hekk, dawn il-ħaddiema kienu setgħu jibbenefikaw minn benefiċċji abbażi tal-kontribuzzjonijiet tagħhom, b’mod li f’każ ta’ annullament tal-affiljazzjoni tagħhom, huma setgħu jsibu ruħhom mingħajr protezzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont din l-awtorità, l-annullament taċ-ċertifikati E 101 biss ma kienx iġġustifikat, minħabba li l-ħruġ tagħhom kien is-sempliċi konsegwenza tal-affiljazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati mal-iskema ta’ sigurtà soċjali Spanjola. |
|
29. |
B’mod parallel, peress li ma rċevewx risposta mill-istituzzjoni emittenti, u fid-dawl tal-konferma tal-kundanna ta’ Vueling mill-Qorti tal-Kassazzjoni, Awla Kriminali, fil-11 ta’ Marzu 2014, l-awtoritajiet Franċiżi staqsew mill-ġdid lill-kontroparti tagħhom fi Spanja, fit-22 u fit-23 ta’ Ottubru 2014. |
|
30. |
Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Diċembru 2014, l-awtoritajiet Spanjoli informaw lill-awtoritajiet Franċiżi bid-deċiżjoni finali tal-istituzzjoni emittenti tal-5 ta’ Diċembru 2014 li żammet iċ-ċertifikati E 101 kontenzjużi. Fil-11 ta’ Diċembru 2014, l-awtoritajiet Spanjoli bagħtu t-test tad-deċiżjoni inkwistjoni lill-awtoritajiet Franċiżi. |
|
31. |
Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ April 2015, l-awtoritajiet Franċiżi stiednu lill-istituzzjoni emittenti sabiex terġa’ tikkunsidra d-deċiżjoni tagħha. Fl-24 ta’ Ġunju 2015, ġiet organizzata vidjokonferenza bejn l-istituzzjonijiet kompetenti Franċiżi u Spanjoli, li ma wasslitx biex dawn isolvu n-nuqqas ta’ qbil tagħhom. |
C. Ir-rikors taċ-CRPNPAC (Kawża C‑370/17)
|
32. |
Fil-11 ta’ Awwissu 2008, iċ-CRPNPAC adixxiet lit-tribunal de grande instance de Bobigny (il-Qorti Reġjonali ta’ Bobigny). Dan ir-rikors huwa intiż b’mod partikolari biex jingħata kumpens lil dan il-fond għad-danni li huwa ġarrab minħabba n-nuqqas ta’ affiljazzjoni, mal-iskema tal-irtirar supplimentari li huwa jamministra, tal-ekwipaġġ tal-ajru impjegat minn Vueling fi Roissy. |
|
33. |
It-tribunal de grande instance de Bobigny (il-Qorti Reġjonali ta’ Bobigny) issospendiet il-proċeduri sakemm ikun hemm deċiżjoni finali fil-proċedura kriminali mibdija kontra Vueling. Wara s-sentenza tal-31 ta’ Marzu 2014 tal-Cour de cassation, chambre criminelle (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Awla Kriminali), il-proċedura quddiem din il-qorti kompliet. |
|
34. |
F’dan il-kuntest, it-tribunal de grande instance de Bobigny (il-Qorti Reġjonali ta’ Bobigny) tistaqsi jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effett vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 hijiex applikabbli fil-każ fejn il-qrati tal-Istat Membru ospitanti tal-ħaddiema kkonċernati kkundannaw lill-persuna li timpjega kriminalment minħabba xogħol mhux iddikjarat, ħaġa li timplika l-eżistenza ta’ intenzjoni frawdolenti jew abbuż ta’ dritt. |
|
35. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ġunju 2017, it-tribunal de grande instance de Bobigny (il-Qorti Reġjonali ta’ Bobigny) issospendiet il-proċeduri quddiemha u adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
D. Ir-rikors ta’ J. Poignant (Kawża C‑37/18)
|
36. |
Fil-21 ta’ April 2007, J. Poignant ġie rreklutat minn Vueling bħala kopilota, taħt kuntratt ta’ impjieg irregolat mid-dritt Spanjol. Fl‑14 ta’ Ġunju 2007, huwa ġie kkollokat, b’emenda ta’ dak il-kuntratt, fl-ajruport ta’ Paris-Charles-de-Gaulle. |
|
37. |
Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Mejju 2008, J. Poignant irriżenja, wara li invoka b’mod partikolari l-illegalità tas-sitwazzjoni kuntrattwali tiegħu fir-rigward tad-dritt Franċiż, u mbagħad irtiraha b’posta elettronika tat-2 ta’ Ġunju 2008. Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Ġunju 2008, huwa sar jaf bit-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu, fejn invoka mill-ġdid din l-illegalità. |
|
38. |
Fil-11 ta’ Ġunju 2008, J. Poignant adixxa lill-conseil des prud’hommes de Bobigny (il-Qorti Industrijali ta’ Bobigny, Franza) billi talab li r-riżenja tiegħu tiġi kklassifikata bħala notifika ta’ terminazzjoni li tipproduċi l-effetti ta’ tkeċċija mingħajr kawża reali u serja ( 13 ) filwaqt li talab, b’mod partikolari, li jitħallas tad-danni minħabba x-xogħol mhux iddikjarat u minħabba n-nuqqas ta’ kontribuzzjoni fis-sigurtà soċjali Franċiża. |
|
39. |
Permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ April 2011, il-conseil des prud’hommes de Bobigny (il-Qorti Industrijali ta’ Bobigny) ċaħdet it-talbiet ta’ J. Poignant. Dik il-qorti kkunsidrat li Vueling kienet wettqet, b’mod regolari, il-formalitajiet amministrattivi applikabbli, b’mod partikolari billi talbet mingħand l-organi ta’ sigurtà soċjali Spanjoli ċ-ċertifikati E 101 għall-ħaddiema tagħha. L-imsemmija qorti rrilevat ukoll li l-kollokament ta’ J. Poignant ma kienx qabeż sena u li dan ma kienx intbagħat biex jissostwixxi persuna oħra. |
|
40. |
Permezz ta’ sentenza tal-4 ta’ Marzu 2016, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) annullat is-sentenza tal-Qorti Industrijali. Filwaqt li bbażat ruħha fuq il-prinċipju tar-res judicata tas-sentenza mogħtija minnha, fil-kriminal, fil-31 ta’ Jannar 2012, dik il-qorti kkundannat lil Vueling biex tħallas lil J. Poignant danni b’mod partikolari bħala somma f’daqqa minħabba xogħol mhux iddikjarat u minħabba n-nuqqas ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet fis-sigurtà soċjali Franċiża. |
|
41. |
Vueling ressqet appell fil-kassazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Cour de cassation, chambre sociale (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Awla Industrijali), tosserva li mis-sentenza mogħtija, fil-kriminal, mill-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) fil-31 ta’ Jannar 2012 jirriżulta li din il-kumpannija tal-ajru kellha, fiż-żmien tal-fatti kontenzjużi, “bażi tal-operat” fi Roissy, jiġifieri “fergħa”, fis-sens tal-Artikolu 14(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71. Barra minn hekk, il-fatt li ċ-ċertifikati E 101 li minnhom ibbenefikat Vueling kienu nħarġu skont l-Artikolu 14(1)(a) ta’ dan ir-regolament, filwaqt li s-sitwazzjoni tal-ekwipaġġ tal-ajru tagħha kienet taqa’, fir-realtà, taħt l-imsemmi Artikolu 14(2)(a)(i), u li huma jsemmu bħala l-post tal-attività tal-ħaddiema kkonċernati l-ajruport ta’ Paris-Charles-de-Gaulle huwa, minnu nnifsu, tali li juri li dawn iċ-ċertifikati nkisbu b’mod frawdolenti. Il-Cour de cassation, chambre sociale (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Awla Industrijali), tistaqsi jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effett vinkolanti taċ-ċertifikat E 101, li kien affermat mill-ġdid fis-sentenza A-Rosa Flussschiff ( 14 ), tapplikax f’ċirkustanzi simili. |
|
42. |
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, tqum allura l-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni kienx jipprekludi li l-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi), li hija marbuta li tapplika d-dritt intern minħabba l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata tal-kriminal fuq iċ-ċivil, tislet, fis-sentenza tagħha tal-4 ta’ Marzu 2016, il-konsegwenzi tas-sentenza mogħtija minnha, fil-kriminal, fil-31 ta’ Jannar 2012, u tikkundanna lil Vueling sabiex tħallas id-danni lil J. Poignant minħabba s-sempliċi fatt ta’ din il-kundanna kriminali preċedenti. |
|
43. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Jannar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Jannar 2018, il-Cour de cassation, chambre sociale (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Awla Industrijali), issospendiet il-proċeduri quddiemha u adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
IV. Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
44. |
Fil-Kawża C‑370/17, it-tribunal de grande instance de Bobigny (il-Qorti Reġjonali ta’ Bobigny) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
45. |
Fil-Kawża C‑37/18, il-Cour de cassation, chambre sociale (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Awla Industrijali), għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
46. |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Frar 2018, il-Kawżi C-370/17 u C‑37/18 ġew magħquda, meħud kont tal-konnessjoni tagħhom, għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll għas-sentenza. |
|
47. |
Iċ-CRPNPAC, J. Poignant, Vueling, il-Gvern Franċiż u Ċek, l-Irlanda, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-istess partijiet u l-partijiet ikkonċernati, minbarra l-Gvern Ċek, kienu rrappreżentati matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fid-29 ta’ Jannar 2019. |
V. Analiżi
A. Osservazzjonijiet preliminari
|
48. |
Ma huwiex meħtieġ li titfakkar fid-dettall il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effett vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 ( 15 ). Il-punti fundamentali tal-imsemmija ġurisprudenza huma magħrufa sew: la l-istituzzjoni kompetenti u lanqas il-qorti tal-Istat Membru ospitanti ma jistgħu jinjoraw, jew a fortiori jannullaw, ċertifikat E 101 li jkun inħareġ, f’isem xi ħaddiem, mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li jibgħat lill-ħaddiem ( 16 ). |
|
49. |
Kif sostnejt fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, din il-ġurisprudenza ma ġietx milqugħa mill-qrati Franċiżi mingħajr kontroversja. Il-kawża Vueling hija tipika f’dan ir-rigward. Is-sentenza mogħtija mill-awla kriminali tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) fil-31 ta’ Marzu 2014, li biha dik il-qorti kkonfermat il-kundanna tal-persuna kkonċernata minħabba xogħol mhux iddikjarat, kienet, flimkien ta’ sentenza mogħtija fl-istess jum kontra easyJet f’kawża simili ( 17 ), minn tal-inqas innotata. Minn naħa, peress li l-awla kriminali, f’dawk is-sentenzi, ikkonfermat l-approċċ tal-qrati li eżaminaw il-mertu li kien jikkonsisti f’li ċ-ċertifikati E 101 prodotti minn dawn il-kumpanniji tal-ajru jiġu injorati billi kkunsidrathom irrilevanti għall-konstatazzjoni tar-reat inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, peress li fuq dan il-punt hija ma għamlitx domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
50. |
Is-soluzzjoni, minn daqshekk, ma kinitx evidenti minnha nnifisha fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif kienet teżisti f’dak iż-żmien. Fil-fatt, l-element materjali ta’ tali reat kriminali jikkonsisti fin-nuqqas ta’ affiljazzjoni mas-sigurtà soċjali nazzjonali. Tali affiljazzjoni tista’ tkun imposta biss skont ir-regoli tal-kunflitt tar-Regolament Nru 1408/71. L-applikazzjoni tajba ta’ dawn ir-regoli hija għaldaqstant prerekwiżit biex jiġi kkonstatat tali reat. Issa, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, iċ-ċertifikat E 101 jattesta mhux biss l-affiljazzjoni tal-ħaddiem ikkonċernat mal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru tal-istituzzjoni emittenti, imma wkoll punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa jkun ibbażat ( 18 ). Fi kliem ieħor, l-imsemmi ċertifikat huwa prova li dik l-affiljazzjoni tosserva dawn l-istess regoli. Għaldaqstant ma huwiex evidenti li l-qorti tal-Istat Membru ospitanti, anki meta tiddeċiedi mhux fuq l-affiljazzjoni- ta’ ħaddiem bħala tali, imma fuq l-istess reat kriminali, tkun tista’ tiċħad kull rilevanza taċ-ċertifikat E 101 u tivverifika hija stess l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71. |
|
51. |
F’dan il-kuntest, id-diskussjonijiet iġġenerati mis-sentenzi tal-awla kriminali tagħha ( 19 ), il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), adita mill-ġdid b’kawża dwar xogħol mhux iddikjarat, kienet iddeċidiet, f’seduta plenarja, li tagħmel id-domanda preliminari li wasslet għas-sentenza A-Rosa Flussschiff. Permezz ta’ dik id-domanda, hija kienet talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrevedi l-ġurisprudenza tagħha dwar l-effett vinkolanti taċ-ċertifikat E 101, jew, tal-inqas, li tikkwalifikaha f’każ ta’ żball manifest. Infakkar li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat mill-ġdid din il-ġurisprudenza billi ddeċidiet li, anki quddiem tali żball manifest, il-qorti tal-Istat Membru ospitanti hija marbuta b’dak iċ-ċertifikat ( 20 ). |
|
52. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irriżervat, fis-sentenza A-Rosa Flussschiff, l-ipoteżi tal-frodi. Din l-ipoteżi ġiet ittrattata fis-sentenza Altun. F’din l-aħħar sentenza, li ngħatat mill-Awla Manja, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, fil-prinċipju, li l-qorti tal-Istat Membru ospitanti tista’ tinjora ċertifikat E 101 meta dak iċ-ċertifikat ikun inkiseb jew invokat b’mod frawdolenti. |
|
53. |
Iż-żewġ domandi fil-Kawża C‑370/17 u l-ewwel domanda fil-Kawża C‑37/18 jagħtu l-okkażjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża l-portata tas-sentenza Altun. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u fid-dawl tal-osservazzjonijiet magħmula quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jinħtieġu li jsiru, fil-fehma tiegħi, żewġ kjarifiki. |
|
54. |
Minn naħa, għandha tiġi ppreċiżata s-setgħa mogħtija lill-qorti tal-Istat Membru ospitanti biex tinjora ċertifikat E 101 miksub jew invokat b’mod frawdolenti. Ser nispjega għaliex, fil-fehma tiegħi, dik il-qorti għandha ġurisdizzjoni sabiex tinjora tali ċertifikat meta jkollha provi li jistabbikixxu l-frodi, u dan indipendentement mid-djalogu bejn l-istituzzjonijiet kompetenti previst fl-Artikolu 84a(3) tar-Regolament 1408/71 ( 21 ) (taqsima B). |
|
55. |
Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi rivedut il-kunċett ta’ “frodi” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni u, f’dan il-kuntest, li jiġi ppreċiżat il-mod li bih ir-regoli ta’ sigurtà soċjali previsti mir-Regolament Nru 1408/71 japplikaw għall-membri tal-ekwipaġġ tal-ajru tal-kumpanniji tal-ajru li jwettqu trasport internazzjonali. Fil-fehma tiegħi, u b’riżerva għall-verifiki mill-qrati tar-rinviju, iċ-ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali jistgħu jistabbilixxu tali frodi (taqsima Ċ). |
|
56. |
Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna t-tieni domanda fil-Kawża C‑37/18, ser nispjega għaliex, fil-fehma tiegħi, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi regola nazzjonali dwar l-awtorità ta’ res judicata li tobbliga lill-qorti ċivili tapplika deċiżjoni kriminali finali, meta jkun ipprovat li din id-deċiżjoni hija inkompatibbli ma’ dan id-dritt (taqsima D). |
B. Dwar il-kompetenza tal-qorti tal-Istat Membru ospitanti biex tinjora ċertifikat E 101 miksub jew invokat b’mod frawdolenti
|
57. |
Iċ-ċertifikat E 101 għandu bħala għan li jiżgura l-osservanza tal-prinċipju, stabbilit bl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71, tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli għal ħaddiem fil-qasam tas-sigurtà soċjali. Dan iċ-ċertifikat huwa intiż li jevita li l-istituzzjonijiet tad-diversi Stati Membri jagħmlu evalwazzjoni diverġenti ta’ dik il-leġiżlazzjoni u li jipprevjeni l-kunflitti ta’ kompetenza li jirriżultaw minn dan. Iċ-ċertifikat E 101 jikkontribwixxi għaldaqstant biex jiżgura ċ-ċertezza legali tal-ħaddiema li jiċċaqilqu fl-Unjoni u, għalhekk, b’estensjoni, dik tal-persuna li timpjegahom. B’dan il-mod, huwa jiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni ( 22 ). |
|
58. |
Kieku l-istituzzjonijiet tal-Istat Membru ospitanti ma kinux, bħala regola ġenerali, marbutin bid-dettalji taċ-ċertifikat E 101, dawn l-għanijiet ikunu ppreġudikati. Bil-fatt li dan iċ-ċertifikat jiġi rrikonoxxut lilu effett vinkolanti u bil-fatt li l-istituzzjoni emittenti tingħata l-kompetenza esklużiva biex tirtirah, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tipprevjeni l-konsegwenzi li dan id-dokument huwa intiż preċiżament li jevita: li jkun hemm deċiżjonijiet kontradittorji dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli għal ħaddiem partikolari u r-riskju ta’ kopertura doppja ta’ sigurtà soċjali li tirriżulta minn dan ( 23 ). |
|
59. |
Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li jinsab fl-Artikolu 4(3) TUE, jiġġustifika, barra minn hekk, din is-soluzzjoni. Skont dan il-prinċipju, l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jassistu lil xulxin reċiprokament fl-implimentazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt previsti fir-Regolament Nru 1408/71. Minn dan jirriżulta mekkaniżmu ta’ obbligi reċiproċi: l-istituzzjoni emittenti għandha tagħmel evalwazzjoni korretta tal-fatti rilevanti għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli u, għaldaqstant, tiggarantixxi l-eżattezza tad-dettalji li jinsabu fiċ-ċertifikat E 101; l-istituzzjonijiet tal-Istat Membru ospitanti għandhom, f’dan l-ispirtu ta’ kooperazzjoni, jirrikonoxxu, fil-prinċipju, il-validità ta’ dan iċ-ċertifikat u, f’każ ta’ dubju fir-rigward ta’ dawn id-dettalji, jinformaw bihom lill-istituzzjoni li ħarġitu. F’tali każ, huwa l-obbligu ta’ din tal-aħħar li terġa’ tikkunsidra l-fondatezza tal-għoti ta’ dan iċ-ċertifikat, fl-istess spirtu ta’ kooperazzjoni ( 24 ). |
|
60. |
L-effett vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 jibqa’ meħtieġ fid-dawl tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka ( 25 ). Dan il-prinċipju jimponi fuq kull Stat Membru li jassumi li, fil-prinċipju, l-Istati Membri kollha l-oħra josservaw id-dritt tal-Unjoni ( 26 ). Skont l-imsemmi prinċipju, l-istituzzjonijiet tal-Istat Membru ospitanti għandhom għaldaqstant jippreżumu li l-istituzzjoni emittenti, meta toħroġ dan iċ-ċertifikat, tkun għamlet applikazzjoni ġusta tar-regoli ta’ kunflitt previsti fir-Regolament Nru 1408/71. |
|
61. |
B’dan premess, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Altun, il-ġurisprudenza dwar l-effett vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 ma tistax tippermetti lill-individwi li jinvokaw id-dritt tal-Unjoni għal finijiet frawdolenti jew abbużivi ( 27 ). |
|
62. |
F’dan ir-rigward, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li jeżisti, fid-dritt tal-Unjoni, prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni tal-frodi u tal-abbuż mid-dritt, li l-osservanza tiegħu hija meħtieġa mill-individwi. Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tistax tiġi estiża sabiex tkopri l-operazzjonijiet li jitwettqu bil-għan li jibbenefikaw b’mod frawdolenti jew abbużivament mill-vantaġġi previsti minn dan id-dritt ( 28 ). |
|
63. |
B’applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-imsemmija sentenza, li ċertifikat E 101 frawdolenti ma jistax ikollu l-istess effett vinkolanti. Hija aċċettat, fil-prinċipju, li l-qorti tal-Istat Membru ospitanti għandha l-kompetenza biex tinjora ċertifikat E 101 u biex tislet il-konsegwenzi, previsti fid-dritt nazzjonali, tan-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ sigurtà soċjali applikabbli, meta hija tikkonstata, abbażi ta’ provi oġġettivi ( 29 ), u bil-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata kellha l-possibbiltà li tikkontesta dawn il-provi, bl-osservanza tal-garanziji marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq, li dak iċ-ċertifikat inkiseb jew ġie invokat b’mod frawdolenti ( 30 ). |
|
64. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu rrikonoxxiet din il-kompetenza lill-qorti tal-Istat Membru ospitanti f’kuntest xi ftit partikolari. F’dan ir-rigward, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Altun, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, wara li kkonstatat ċertu numru ta’ provi li għandhom tendenza jindikaw li xi ċertifikati E 101 kienu nkisbu b’mod frawdolenti, kienet għamlet lill-istituzzjoni emittenti talba motivata għal eżami mill-ġdid jew għall-irtirar ta’ dawn iċ-ċertifikati. Dik l-istituzzjoni tal-aħħar kienet wieġbet, wara tfakkira u iktar minn sena u nofs wara dik it-talba, billi bagħtet sunt tal-imsemmija ċertifikati, u indikat iż-żmien tal-validità tagħhom, filwaqt li ppreċiżat li l-kundizzjonijiet għall-kollokament kienu, fil-mument tal-ħruġ tal-imsemmija ċertifikati, issodisfatti mid-diversi persuni li jimpjegaw inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, hija ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni, f’dik it-tweġiba, il-provi miġjuba għall-konjizzjoni tagħha mill-ewwel istituzzjoni ( 31 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li: “[…] meta, fil-kuntest ta’ djalogu previst fl-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71, l-istituzzjoni tal-Istat Membru li fih ġew ikkollokati l-ħaddiema tadixxi lill-istituzzjoni li tkun ħarġet iċ-Ċertifikati E 101 b’elementi konkreti li jagħtu x’wieħed jaħseb li dawn iċ-ċertifikati nkisbu b’mod frawdolenti, hija t-tieni istituzzjoni, skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, li għandha teżamina mill-ġdid, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-fondatezza tal-ħruġ tal-imsemmija ċertifikati u, jekk ikun il-każ, li tirtirahom, […] Jekk din l-aħħar istituzzjoni tastjeni milli tipproċedi għal tali eżami mill-ġdid f’terminu raġonevoli, l-imsemmija provi għandhom ikunu jistgħu jiġu invokati fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja bil-għan li tinkiseb mill-qorti tal-Istat Membru li fih ġew ikkollokati l-ħaddiema li tinjora ċ-ċertifikati inkwistjoni” ( 32 ). |
|
65. |
Issa, din is-silta tista’ tiġi interpretata b’żewġ modi. Minn naħa, huwa possibbli li wieħed jikkunsidra, l-istess bħal Vueling, il-Gvern Ċek, l-Irlanda u l-Kummissjoni, li, b’dan il-kliem, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tissuġġetta l-kompetenza tal-qorti tal-Istat Membru ospitanti biex tinjora ċertifikat E 101 miksub jew mitlub b’mod frawdolenti għall-iżvolġiment ta’ djalogu bejn l-istituzzjonijiet kompetenti, kif previst fl-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71. B’mod iktar preċiż, dik il-qorti jkollha din il-kompetenza biss meta jkunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri (1) li l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tkun ippreżentat lill-istituzzjoni emittenti provi konkreti li jagħtu lil wieħed x’jifhem li ċ-ċertifikat E 101 inkwistjoni nkiseb b’mod frawdolenti u (2) li din l-aħħar istituzzjoni tkun astjeniet milli terġa’ tagħmel eżami ta’ dak iċ-ċertifikat, fid-dawl ta’ dawk il-provi, f’terminu raġonevoli. |
|
66. |
Min-naħa l-oħra, l-imsemmija silta tista’ tiġi interpretata, kif jagħmlu J. Poignant u ċ-CRPNPAC, fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja ma riditx tistabbilixxi kundizzjonijiet ġenerali, imma sempliċement li tagħti risposta bbażata fuq iċ-ċirkustanzi tal-każ, mingħajr ma tippreġudika l-kompetenza tal-qorti tal-Istat Membru ospitanti f’kawżi oħra. |
|
67. |
Infakkar li, għal dak li jikkonċerna d-djalogu bejn istituzzjonijiet kompetenti, iċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma differenti ħafna minn dawk li wasslu għas-sentenza Altun ( 33 ). Il-punt dwar jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qrati kriminali Franċiżi setgħux, u jekk il-qrati tar-rinviju jistgħux, jinjoraw iċ-ċertifikati E 101 kontenzjużi fired għaldaqstant lill-partijiet u lill-intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
68. |
Fil-fehma tiegħi, is-sentenza Altun ma tistax tiġi interpretata bħala li tillimita l-kompetenza tal-qorti tal-Istat Membru ospitanti, meta hija jkollha provi oġġettivi li jippermettu li tiġi kkonstatata l-frodi, sabiex tinjora ċertifikat E 101. Il-kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet kompetenti, previst fl-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71, li jinsabu f’dik is-sentenza ma jistgħux jinqraw bħala kundizzjonijiet għal din il-kompetenza (1). Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tkun ta’ fehma differenti, ser nispjega r-raġunijiet għaliex, fi kwalunkwe każ, dawn il-kundizzjonijiet għandhom jitqiesu bħala ssodisfatti fiċ-ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali (2). |
1. Fuq l-assenza ta’ impatt tal-iżvolġiment tad-djalogu bejn istituzzjonijiet kompetenti fuq il-kompetenza tal-qorti tal-Istat Membru ospitanti li tinjora ċertifikat E 101 miksub jew mitlub b’mod frawdolenti
|
69. |
L-interpretazzjoni li nissuġġerixxi hija bbażata, fil-fehma tiegħi, fuq applikazzjoni ġusta tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar il-projbizzjoni ta’ prattiki frawdolenti jew abbużivi (a). Restrizzjoni tal-kompetenza tal-qorti tal-Istat Membru ospitanti biex tinjora ċertifikat E 101 miksub jew mitlub b’mod frawdolenti ma tista’ tkun iġġustifikata minn ebda waħda mir-raġunijiet li normalment jiġġustifikaw l-effett vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 ((b) sa (d)). Għall-kompletezza, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata, fil-Kawża C‑37/18, b’kunsiderazzjonijiet marbutin mal-protezzjoni effettiva li ħaddiem għandu jkun jista’ jibbenefika minnha f’każ ta’ frodi mwettqa mill-persuna li timpjegah (e). Fl-aħħar nett, l-imsemmija interpretazzjoni ma tippreġudikax, fil-fehma tiegħi, is-sistema bbażata fuq dan iċ-ċertifikat (f). |
a) Fuq il-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni tal-prattiki frawdolenti jew abbużivi
|
70. |
L-interpretazzjoni li skontha l-qorti tal-Istat Membru ospitanti għandha l-kompetenza sabiex tinjora ċertifikat E 101 meta tikkonstata, abbażi ta’ provi oġġettivi, li dak iċ-ċertifikat inkiseb jew ġie invokat b’mod frawdolenti hija, fil-fehma tiegħi, konsegwenza diretta u neċessarja tal-prinċipju li l-individwi ma jistgħux, b’mod frawdolenti jew abbużiv, jinvokaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni. |
|
71. |
Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-prinċipju ġenerali, il-frodi jew l-abbuż ta’ dritt tal-Unjoni, meta jiġu kkonstatati permezz ta’ provi oġġettivi, iwasslu għar-rifjut tad-dritt jew tal-vantaġġ imfittex lill-persuna kkonċernata – u dan, barra minn hekk, huwa s-sempliċi konsegwenza tal-konstatazzjoni li skontha, fil-każ ta’ frodi jew abbuż ta’ dritt, il-kundizzjonijiet oġġettivi għall-finijiet tal-kisba tal-imsemmi dritt jew vantaġġ ma humiex, fir-realtà, issodisfatti ( 34 ). |
|
72. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja affermat mill-ġdid u bis-sħiħ din is-soluzzjoni fis-sentenzi reċenti tagħha N Luxembourg 1 et ( 35 ) kif ukoll T Danmark u Y Denmark ( 36 ), mogħtija mill-Awla Manja. Hija kkonfermat ukoll, f’dawn is-sentenzi, li qorti nazzjonali li jkollha quddiemha użu abbużiv jew frawdolenti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandha, skont dan id-dritt, mhux is-sempliċi fakultà, imma d-dmir li jiċħad lill-persuna kkonċernata l-benefiċċju ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ( 37 ). |
|
73. |
Għaldaqstant, b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali inkwistjoni, il-qorti tal-Istat Membru ospitanti, meta jkollha provi li jistabbilixxu li ċertifikat E 101 inkiseb jew ġie invokat b’mod frawdolenti, għandha mhux biss il-kompetenza li tinjora dak iċ-ċertifikat, imma wkoll id-dmir li tagħmel dan. |
|
74. |
L-iżvolġiment tad-djalogu bejn l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u l-istituzzjoni emittenti fir-rigward tal-validità ta’ ċertifikat E 101, ibbażat fuq l-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71, ma jistax, fil-fehma tiegħi, ikollu effett, b’mod validu, fuq il-kompetenza tal-qorti tal-ewwel Stat Membru, f’ċirkustanzi tali bħal dawk imsemmija fil-punt preċedenti, biex tinjora ċ-ċertifikat inkwistjoni ( 38 ). |
|
75. |
F’dan ir-rigward, nosserva li, konformement mal-qari tas-sentenza Altun kif issuġġerit minn Vueling, mill-Gvern Ċek, mill-Irlanda u mill-Kummissjoni, li sunt tiegħu jinsab fil-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jekk l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti ma bagħtitx lill-istituzzjoni emittenti talba għal eżami mill-ġdid taċ-ċertifikat E 101, jekk ma jkunx iddekorra terminu raġonevoli b’effett minn dik it-talba jew ukoll jekk din l-aħħar istituzzjoni rrispondiet f’tali terminu u affermat li, fil-fehma tagħha, fid-dawl tal-elementi kkomunikati, ma kienx hemm frodi, il-qorti tal-Istat Membru ospitanti ma tkunx tista’ tinjora ċ-ċertifikat inkwistjoni, minkejja li hija jkollha provi oġġettivi li jistabbilixxu tali frodi. |
|
76. |
Issa, fil-fehma tiegħi, tali riżultat huwa inkompatibbli mal-prinċipju ġenerali msemmi iktar ’il fuq u jwassal sabiex jittollera dak li hu inaċċettabbli f’Unjoni bis-saltna tad-dritt: minn naħa, individwu jkun jista’ jibbenefika mill-aġir frawdolenti tiegħu; min-naħa l-oħra, il-qorti jkollha tittollera, ossija taċċetta, il-frodi ( 39 ). |
|
77. |
Għandi nenfasizza li l-frodi tikkaġuna tfixkil fundamentali fl-ordni pubbliku, kemm jekk ikun dak tal-Istat Membru ospitanti jew dak tal-Unjoni – li fil-fehma tiegħi jitħalltu f’każ ta’ frodi fil-qasam tas-sigurtà soċjali ( 40 ). Huwa l-obbligu tal-qrati nazzjonali, bħala qrati tal-Unjoni, protetturi ta’ dan l-ordni pubbliku, li jwaqqfu dan it-tfixkil. Din il-kompetenza ma għandha tbati ebda restrizzjoni u, mill-bqija, l-ebda waħda mir-raġunijiet li normalment jiġġustifikaw l-effett vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 imressqa mill-partijiet u intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jiġġustifikawh. |
b) Fuq il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali
|
78. |
Fl-ewwel lok, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, kif implimentat fl-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71, ma jistax jiġġustifika tali distorsjoni tal-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-prattiki frawdolenti jew abbużivi. |
|
79. |
Ċertament, l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw fl-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71. Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jimponi, għaldaqstant, fuq l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li tindirizza lill-istituzzjoni li ħarġet iċ-ċertifikat E 101, meta hija jkollha provi li juru l-eżistenza ta’ frodi fiċ-ċertifikat E 101, sabiex tippermetti lil din l-aħħar istituzzjoni tikkunsidra mill-ġdid il-fondatezza tal-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat u li tirtirah jew tannullah ( 41 ). |
|
80. |
L-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti ma tistax għaldaqstant tinħeles minn kull djalogu mal-istituzzjoni emittenti, anki f’każ ta’ frodi ( 42 ). Tali ksur tad-dmir ta’ kooperazzjoni leali, b’mod partikolari jekk dan isir sistematiku, jista’ b’mod partikolari jkun issanzjonat fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. |
|
81. |
Madankollu, din il-kooperazzjoni neċessarja ma tistax, fil-fehma tiegħi, tiġġustifika li l-qorti tal-Istat Membru ospitanti tkun limitata fil-kompetenza tagħha biex tikkonstata frodi fiċ-ċertifikat E 101. Indipendentement mill-iżvolġiment tad-djalogu bejn l-istituzzjonijiet kompetenti previst fl-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71, dik il-qorti għandha tkun tista’ tinjora ċertifikat E 101 meta jkollha provi li jistabbilixxu li dak iċ-ċertifikat inkiseb jew ġie invokat b’mod frawdolenti, u dan kemm jekk tiġi adita mill-istituzzjoni kompetenti ta’ dak l-Istat Membru, kemm jekk tippronunzja ruħha wara rikors għad-danni ppreżentat minn terzi kkonċernati, bħalma huma l-ħaddiema vittmi ta’ dik il-frodi, jew kif ukoll jekk l-individwu li jibbaża ruħu fuq dak iċ-ċertifikat jaġixxi quddiemha bħala rikorrent. |
|
82. |
Fil-fatt, wieħed ma jistax, bis-sempliċi għan li titħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, jipprekludi lill-qorti milli taġixxi kontra l-frodi fil-qasam tas-sigurtà soċjali. F’dan ir-rigward, il-ġlieda effikaċi kontra din il-frodi hija kruċjali. Fil-livell tal-Istati Membri, il-frodi marbuta mal-ħruġ taċ-ċertifikati E 101 tirrappreżenta theddida kontra l-koerenza u l-bilanċ finanzjarju tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom u, fil-livell tal-Unjoni, din il-frodi hija tali li tippreġudika l-koeżjoni ekonomika kif ukoll il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, billi toħloq distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni ( 43 ). |
|
83. |
Issa, għalkemm il-kooperazzjoni mill-qrib u effikaċi bejn l-istituzzjonijiet kompetenti hija, ċertament, fattur ċentrali fil-ġlieda kontra l-frodi ( 44 ), din il-kooperazzjoni madankollu ma għandhiex, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, qafas vinkolanti li jippermettilha li taħdem dejjem biżżejjed malajr u b’mod effikaċi fil-qasam inkwistjoni ( 45 ). Fil-fatt, infakkar li d-dritt tal-Unjoni, fil-mument, ma jinvolvi ebda proċedura għall-ħruġ jew għall-eżami mill-ġdid taċ-ċertifikati E 101, peress li dawn jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru u ebda terminu obbligatorju li jirregola l-komunikazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet kompetenti ( 46 ). |
|
84. |
Barra minn hekk, f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-istituzzjonijiet kompetenti, l-użu tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva hija wkoll ta’ natura li ttawwal it-terminu qabel kull sanzjoni. Mill-bqija, id-deċiżjonijiet ta’ din il-kummissjoni ma għandhomx effett ġuridiku obbligatorju ( 47 ). Li l-ġlieda kontra l-frodi tkun limitata għal din il-kooperazzjoni biss twassal biex, fil-fatt, din il-ġlieda ma titwettaqx bil-qawwa u bil-ħeffa kollha meħtieġa. |
|
85. |
F’dan il-kuntest, ma nissuġġerixxix li l-unilateraliżmu tal-azzjonijiet quddiem il-qorti tal-Istat Membru ospitanti għandu jieħu preċedenza fuq il-kooperazzjoni leali. Fil-fehma tiegħi, dawn iż-żewġ metodi ta’ azzjoni għandhom fir-realtà jimxu id f’id, peress li jikkompletaw lil xulxin. Barra minn hekk, dan huwa l-ispirtu tad-Direttiva 2014/67/UE dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern ( 48 ). |
|
86. |
Fil-fatt, id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet kompetenti li jsir qabel ma tiġi adita l-qorti tal-Istat Membru ospitanti jista’ jippermetti li jitneħħew l-eventwali dubji li jikkonċernaw iċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ inkwistjoni, b’mod partikolari meta l-konstatazzjoni tal-frodi teħtieġ verifiki fl-Istat Membru li fih ikun inħareġ dan iċ-ċertifikat ( 49 ). Barra minn hekk, fl-ipoteżi fejn l-istituzzjoni li toħroġ iċ-ċertifikat tipproċedi għall-annullament jew għall-irtirar taċ-ċertifikat E 101 wara talba tal-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, it-talba quddiem il-qorti ta’ dak l-Istat tista’ tirriżulta li hija superfluwa. Id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet kompetenti jista’ għaldaqstant jippermetti l-ekonomija tal-ġudizzju ( 50 ). Anki wara l-kundanna mill-qorti tal-Istat Membru ospitanti, dan id-djalogu jibqa’ essenzjali. B’mod partikolari, l-annullament ta’ ċertifikat E 101, li jkun validu fl-Unjoni kollha, jista’ jiġi deċiż biss mill-istituzzjoni emittenti ( 51 ), peress li l-qorti tal-Istat Membru ospitanti tista’ biss tinjora ċ-ċertifikat fil-kuntest tal-proċedura li tkun adita biha. Barra minn hekk, l-imsemmi djalogu jippermetti li jiġu ttrattati l-konsegwenzi finanzjarji tal-frodi u li jiġi ggarantit li l-ħaddiema ma jkollhomx isofru inkonvenjenzi fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għas-sigurtà soċjali ( 52 ). |
c) Fuq il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka
|
87. |
Fit-tieni lok, il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka ma jeħtieġx, fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni differenti minn dik li nipproponi jiena. Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, meta tikkonstata li ċertifikat E 101 inkiseb b’mod frawdolenti, il-qorti tal-Istat Membru ospitanti ma tikkontestax l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni mill-istituzzjoni li ħarġitu. Tali konstatazzjoni ta’ frodi ma timplikax li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni huwa imputabbli lilha, imma sempliċement li hija ġiet ingannata mill-manuvri frawdolenti tal-persuna li timpjega. |
|
88. |
Sussegwentement, fil-każ fejn, fil-kuntest ta’ djalogu tagħhom, l-istituzzjoni emittenti tkun ipproċediet, fuq it-talba tal-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, biex teżamina mill-ġdid ċertifikat E 101 u ddeċidiet li żżommu fis-seħħ filwaqt li tgħid li, fil-fehma tagħha, dak iċ-ċertifikat ma nkisibx jew ma ġiex invokat b’mod frawdolenti, il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka jimponi, ċertament, li l-qorti tal-Istat Membru ospitanti tieħu debitament inkunsiderazzjoni dik ir-risposta u l-eventwali provi invokati minn dik l-istituzzjoni insostenn tagħha. Madankollu, dan il-prinċipju ma jistax jobbliga lil dik il-qorti tħossha marbuta b’dik ir-risposta minkejja li hija jkollha, barra minn hekk, provi li juru din il-frodi. |
|
89. |
Fuq dan il-punt, wieħed ma jistax jirraġuna b’analoġija mal-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ċivili u kriminali, li jimponu fuq il-qrati nazzjonali li jirrikonoxxu jew li jeżegwixxu ċerti dokumenti provenjenti minn Stati Membri oħra mingħajr ma jkunu jistgħu, fil-prinċipju, jikkontestaw il-fondatezza tagħhom. Fil-fatt, dawn l-istrumenti jidħlu fil-kuntest ta’ kooperazzjoni bejn awtoritajiet ġudizzjarji, u dan jiġġustifika l-grad għoli ta’ fiduċja li fuqha hija bbażata s-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni prevista minn dawn l-istrumenti ( 53 ). L-istess grad ta’ fiduċja ma jistax jintalab minn qorti fir-rigward tal-opinjoni espressa minn awtorità amministrattiva ta’ Stat Membru ieħor. Fi kliem ieħor, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka ma jistax jiġġustifika li l-istituzzjoni emittenti jkollha speċi ta’ “dritt għall-veto” fuq il-kompetenza tal-qorti tal-Istat Membru ospitanti biex tinjora ċertifikat E 101 miksub jew mitlub b’mod frawdolenti. |
|
90. |
Fl-aħħar nett, fi kwalunkwe każ, infakkar li l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka joħloq preżunzjoni li d-dritt tal-Unjoni ġie osservat, li ċertament hija b’saħħitha, imma mhux inkonfutabbli. Min-naħa l-oħra, din il-preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata “f’ċirkustanzi eċċezzjonali” ( 54 ). Fil-fehma tiegħi, il-prova tal-frodi tikkostitwixxi tali ċirkustanza. |
d) Fuq il-prinċipji ta’ uniċità tal-affiljazzjoni u ta’ ċertezza legali
|
91. |
Fit-tielet lok, il-prinċipju ta’ uniċità tal-affiljazzjoni ( 55 ) lanqas ma jitlob interpretazzjoni differenti. Ċertament, kif tenfasizza Vueling, fil-kawża prinċipali, il-konstatazzjoni ta’ frodi u n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċertifikati E 101 kontenzjużi jkollhom b’mod partikolari bħala konsegwenza li jwasslu għall-kundanna ta’ din biex tħallas liċ-CRPNPAC danni ekwivalenti għall-parti mill-kontribuzzjonijiet li ma tħallsux fi Franza, minkejja li l-istituzzjoni emittenti tirrifjuta fil-preżent li tirritorna l-kontribuzzjonijiet diġà mħallsa fi Spanja, ħaġa li, fiċ-ċirkustanzi, twassal għall-impożizzjoni ta’ kontribuzzjoni doppja għall-istess attività. |
|
92. |
Madankollu, tali konsegwenzi huma ta’ preġudizzju mhux għall-ħaddiema kkonċernati, imma għall-persuna li timpjega li twettaq frodi. Issa, din tal-aħħar tieħu r-riskju li ġġarrab konsegwenzi parallelli billi tfixkel, bil-frodi tagħha, il-funzjonament tar-regoli tar-Regolament Nru 1408/71. Dawn il-konsegwenzi jista’, barra minn hekk, ikollhom effett dissważiv kontra l-frodi ( 56 ). |
|
93. |
Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, huwa biżżejjed li jitfakkar li persuna li toħloq artifiċjalment jew tevadi l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-ksib ta’ vantaġġ li joħroġ mid-dritt tal-Unjoni ma hijiex iġġustifikata tinvoka dan il-prinċipju sabiex topponi t-telf tal-vantaġġ ikkonċernat b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki frawdolenti jew abbużivi ( 57 ). |
e) Fuq id-dritt għal rimedju effettiv
|
94. |
Fil-ħames lok u għall-kompletezza, fil-Kawża C‑37/18, l-interpretazzjoni li nissuġġerixxi hija kkorroborata minn kunsiderazzjonijiet marbutin mal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li ħaddiem bħalma huwa J. Poignant għandu jkun jista’ jibbenefika minnha f’każ ta’ frodi mill-persuna li timpjegah. |
|
95. |
F’dan ir-rigward, meta persuna li timpjega twettaq frodi permezz ta’ ċertifikat E 101, hija ċċaħħad lill-ħaddiem ikkonċernat mill-kontribuzzjonijiet għall-iskema ta’ sigurtà soċjali li magħha dan tal-aħħar kellu jkun imsieħeb, skont ir-regoli ta’ kunflitt stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-Regolament Nru 1408/71. Sa fejn din il-leġiżlazzjoni tkun iktar favorevoli minn dik li magħha dan il-ħaddiem ġie indebitament miżmum minħabba l-manuvri frawdolenti tal-persuna li timpjegah, dan iwassal biex il-ħaddiem isofri dannu, li għalih huwa intitolat li jikseb kumpens. Fil-fehma tiegħi, dan jammonta għal qalba kurjuża tas-sitwazzjoni fejn il-ġurisprudenza dwar l-effett vinkolanti taċ-ċertifikat E 101, misluta mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari biex tipproteġi d-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema, tkun tista’ tirrestrinġi l-possibbiltà ta’ tali azzjoni għad-danni. |
|
96. |
Lil hinn minn din il-kunsiderazzjoni, nirrileva li ħaddiem ma għandux is-setgħa li jibda djalogu bejn l-istituzzjonijiet kompetenti, taħt l-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71, jew li jagħmel mod biex dan jinbeda. Għaldaqstant, kieku l-kompetenza tal-qorti tal-Istat Membru ospitanti biex tinjora ċertifikat E 101, li jintwera li nkiseb b’mod frawdolenti, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni simili, kellha tiddependi mit-twettiq ta’ dan id-djalogu, dan iwassal biex jissuġġetta l-aċċess għall-qorti, ta’ dak il-ħaddiem, għal rekwiżiti li fuqhom dan tal-aħħar ma għandu ebda influwenza. Tali riżultat, fil-fehma tiegħi, ma tantx huwa kompatibbli mad-dritt għal rimedju effettiv, kif previst fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
97. |
Ċertament, il-Kummissjoni sostniet waqt is-seduta, b’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ħaddiem ikun jista’ jressaq azzjoni quddiem il-qrati tal-Istat Membru li jibagħtu (jew dak tal-istituzzjoni emittenti u dak fejn tinstab, fil-prinċipju, is-sede tal-persuna li timpjega), liema qrati jkunu pjenament kompetenti biex jinjoraw jew irendu invalidu ċ-ċertifikat E 101. |
|
98. |
F’dan ir-rigward, nammetti li, b’mod ġenerali, id-dritt għal rimedju effettiv ma jiggarantixxix lill-individwu li jkun jista’ jressaq it-talba tiegħu quddiem il-qorti tal-għażla tiegħu. Dak li huwa importanti, fil-prinċipju, huwa li xi mkien ikun jeżisti forum, li joffri l-garanziji marbutin mad-dritt għal smigħ xieraq, li quddiemu dak l-individwu jkun jista’ jressaq l-azzjoni tiegħu ( 58 ). |
|
99. |
Madankollu, jidhirli li ħaddiem, bħala l-parti dgħajfa fir-relazzjoni tal-impjieg, għandu jibbenefika minn aċċess iffaċilitat għall-qorti biex jinvoka d-drittijiet tiegħu kontra l-persuna li timpjegah. Din il-kunsiderazzjoni tingħaqad, fil-fehma tiegħi, mar-rekwiżiti imposti mid-dritt fundamentali għal rimedju effettiv. |
|
100. |
Fuq dan il-punt, l-Artikolu 21 tar-Regolament Brussell Ia ( 59 ) huwa referenza rilevanti. Skont din id-dispożizzjoni, il-ħaddiem ċertament għandu l-għażla li jfittex lill-persuna li timpjegah quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fih din tal-aħħar għandha s-sede tagħha. Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppermetta lill-ħaddiem fuq kollox li jressaq l-azzjoni tiegħu quddiem il-qorti tal-post li fih huwa jwettaq xogħlu, peress li dak il-forum huwa meqjus bħala idoneu, kemm f’termini ta’ prossimità mat-tilwima kif ukoll fid-dawl tal-obbligu tal-protezzjoni tal-ħaddiem ( 60 ). |
|
101. |
Jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-effett vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 tiġi estiża għal tali kuntest, dan iwassal, fil-prattika, biex il-ħaddiem jiġi mċaħħad mill-aħjar forum li jista’ jaqta’ l-kawża u li jipproteġi l-interessi tiegħu u li, fuq kollox, jidher li huwa l-uniku wieħed “realistiku” f’każ ta’ frodi fiċ-ċertifikat E 101. Fil-fatt, huwa probabbli li n-nuqqas ta’ għarfien tal-lingwa, tad-dritt lokali kif ukoll il-fatt li jkun bogħod mid-domiċilju tiegħu jġiegħlu lill-ħaddiem jirrinunzja milli jeżerċita d-drittijiet tiegħu quddiem il-qrati tal-Istat Membru li jibagħtu ( 61 ). |
f) Fuq il-limiti tal-interpretazzjoni li nipproponi
|
102. |
Biex nagħlaq, irrid nenfasizza l-limiti tal-interpretazzjoni li qiegħed nipproponi. Din ma twassalx biex tiġi rrikonoxxuta s-setgħa ġenerali li jiġi kkontestat iċ-ċertifikat E 101 fl-Istat Membru ospitanti. Minn naħa, hija biss il-qorti ta’ dak l-Istat li tista’ tinjorah ( 62 ). Min-naħa l-oħra, anki quddiem dik il-qorti, il-preżunzjoni tar-regolarità tal-affiljazzjoni li toħroġ miċ-ċertifikat ma tisparixxix. Minn inkonfutabbli hija ssir sempliċement ibrida: tista’ tiġi kkonfutata bil-prova tal-frodi, mhux fis-sens tad-dritt nazzjonali, imma tad-dritt tal-Unjoni, li d-definizzjoni tagħha hija stretta. Fl-aħħar nett, kif indikajt matul din it-taqsima, iċ-ċertifikat E 101 jista’ jiġi injorat abbażi mhux ta’ sempliċi suspetti ta’ frodi, imma ta’ provi li juru dan, li jridu jiġu prodotti mill-individwi li jinvokaw l-eżistenza tal-frodi. |
|
103. |
Fir-rigward tar-riskju ta’ protezzjoniżmu, li jissemma xi drabi fid-duttrina, li ġġib magħha tali soluzzjoni, jien ser nillimita ruħi biex nenfasizza li l-Istati Membri għandu jkollhom fiduċja reċiproka fil-qrati tagħhom, li jaqdu, b’kollaborazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja, funzjoni li ġiet assenjata lilhom b’mod konġunt, sabiex jiżguraw l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattati. Qorti nazzjonali ma tistax għaldaqstant tkun is-suġġett ta’ tali suspetti ta’ protezzjoniżmu, peress li l-indipendenza tagħha għandha tippreżumi l-osservanza tal-oġġettività u n-nuqqas ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima apparti l-applikazzjoni stretta tar-regola tad-dritt. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura b’mod attiv l-osservanza ta’ din l-indipendenza ( 63 ). Apparti dan, din tal-aħħar tkun tista’ tivverifika, fil-kuntest tal-mekkaniżmu tar-rinviju preliminari, l-użu tajjeb tal-eċċezzjoni tal-frodi ( 64 ). |
g) Konklużjoni intermedja
|
104. |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jwassluni għaldaqstant għall-konklużjoni li l-qorti tal-Istat Membru ospitanti hija kompetenti sabiex tinjora ċertifikat E 101 li jinkiseb jew jiġi invokat b’mod frawdolenti. L-iżvolġiment tad-djalogu bejn l-istituzzjonijiet kompetenti, previst fl-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jaffettwax din il-kompetenza. Kemm jekk dan id-djalogu jkun għadu ma nbediex mill-istituzzjoni ta’ dak l-Istat, kemm jekk ikun għadu pendenti, jew jekk l-istituzzjoni emittenti ma taqbilx mal-fehma tal-ewwel istituzzjoni, dik il-qorti għandha tinjora dak iċ-ċertifikat peress li fih elementi li juru l-frodi. Is-sentenza Altun ma tistax, fil-fehma tiegħi, tiġi interpretata bħala li tistabbilixxi kundizzjonijiet li jmorru kontra din l-interpretazzjoni. |
2. B’mod sussidjarju: fuq l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-iżvolġiment tad-djalogu bejn l-istituzzjonijiet kompetenti f’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali
|
105. |
Infakkar li, skont il-qari tas-sentenza Altun li jissuġġerixxu b’mod partikolari Vueling, il-Gvern Ċek, l-Irlanda u l-Kummissjoni, il-qorti tal-Istat Membru ospitanti għandha l-kompetenza li tinjora ċertifikat E 101 fil-każ ta’ frodi biss taħt il-kundizzjoni li l-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti jkunu pproduċew quddiem l-istituzzjoni emittenti provi konkreti li jagħtu lil wieħed x’jifhem li dan iċ-ċertifikat inkiseb b’mod frawdolenti u li din l-aħħar istituzzjoni astjeniet milli tagħmel eżami mill-ġdid tal-imsemmi ċertifikat, fid-dawl ta’ dawk il-provi, f’terminu raġonevoli. |
|
106. |
Skonthom, dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti f’dan il-każ. L-awtoritajiet Franċiżi kien messhom interrogaw lill-istituzzjoni emittenti f’Mejju 2008, wara l-proċess verbal magħmul mill-ispettorat tax-xogħol. Issa, dawn ma għamluhx ħlief wara l-kundanna kriminali ta’ Vueling mill-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) tal-31 ta’ Jannar 2012 ( 65 ). Skont din il-kumpannija, il-fatt li l-awtoritajiet Franċiżi, sussegwentement, kellhom komunikazzjonijiet ma’ din l-istituzzjoni huwa irrilevanti. Il-Kummissjoni żżid tgħid li, peress li l-imsemmija istituzzjoni adottat deċiżjoni li tikkontempla ż-żamma fis-seħħ taċ-ċertifikati E 101 kontenzjużi ( 66 ), il-proċedura ta’ kooperazzjoni kellha titkompla fil-forma ta’ tentattiv ta’ konċiljazzjoni quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva. |
|
107. |
Fil-fehma tiegħi, minn naħa, il-qorti tal-Istat Membru ospitanti ma tistax tkun imċaħħda mill-kompetenza tagħha biex tinjora ċertifikat E 101 miksub jew invokat b’mod frawdolenti sempliċement minħabba li hija kienet adita qabel ma d-djalogu nbeda mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, skont l-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71. Tali interpretazzjoni hija meħtieġa anki għaliex jista’ jiġi ppreżentat rikors, kemm jekk kriminali jew ċivili, minn individwu, bħalma huwa J. Poignant, li ma għandu ebda kontroll fuq it-tnedija tad-djalogu bejn l-istituzzjonijiet kompetenti u lanqas għarfien fuq l-iżvolġiment tal-istess djalogu. Kif isostni l-Gvern Franċiż, sabiex l-istituzzjoni emittenti tkun permessa, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li tesprimi ruħha u, jekk ikun il-każ, tipproċedi biex tirtira ċ-ċertifikat E 101, huwa meħtieġ u suffiċjenti li dan id-djalogu jkun seħħ qabel ma l-qorti tal-Istat Membru ospitanti tagħti deċiżjoni definittiva. |
|
108. |
Min-naħa l-oħra, dwar l-eżitu tad-djalogu, mill-interpretazzjoni li Vueling, il-Gvern Ċek, l-Irlanda, u l-Kummissjoni taw lis-sentenza Altun nifhem li l-qorti tal-Istat Membru ospitanti għandha kompetenza biex tinjora ċertifikat E 101 miksub jew invokat b’mod frawdolenti jew meta l-istituzzjoni emittenti ma tkunx eżaminat mill-ġdid il-fondatezza taċ-ċertifikat inkwistjoni u adottat deċiżjoni li tikkontempla ż-żamma fis-seħħ tiegħu jew l-irtirar tiegħu f’terminu raġonevoli, inkella meta dik l-istituzzjoni tkun adottat deċiżjoni simili f’tali terminu, imma hija ma tkunx ittrattat espressament, fil-motivazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, l-elementi prodotti mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti ( 67 ). |
|
109. |
Issa, f’dan il-każ, minn naħa, l-istituzzjoni emittenti adottat l-ewwel deċiżjoni li tikkonċerna ċ-ċertifikati E 101 kontenzjużi sentejn wara t-talba inizjali tal-awtoritajiet Franċiżi, filwaqt li d-deċiżjoni finali tagħha ngħatat iktar minn sentejn u nofs wara dik it-talba ( 68 ). Dawn id-deċiżjonijiet manifestament ma ngħatawx f’terminu raġonevoli ( 69 ). Min-naħa l-oħra, l-istituzzjoni emittenti ma ttrattatx, fil-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni finali, il-provi mressqa mill-awtoritajiet Franċiżi li jikkonċernaw il-frodi, jiġifieri, b’mod partikolari, id-dikjarazzjonijiet ta’ residenza foloz ( 70 ). |
|
110. |
Għaldaqstant, jien tal-fehma li, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, l-(eventwali) kundizzjonijiet dwar id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet kompetenti għandhom jitqiesu bħala ssodisfatti. |
C. Fuq il-kunċett ta’ “frodi”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni
|
111. |
Id-domandi preliminari magħmula mill-qrati tar-rinviju huma bbażati fuq il-premessa li skontha Vueling wettqet frodi, li ġiet definittivament ikkonstatata mill-qorti kriminali Franċiża. |
|
112. |
Madankollu, minn naħa, din il-premessa hija bbażata fuq il-kunċett ta’ frodi kif mifhum fid-dritt Franċiż. F’dan il-kuntest, il-frodi hija kkaratterizzata mill-fatt tal-ksur intenzjonat ta’ dan id-dritt. Issa, fis-sentenza Altun, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tagħti lill-frodi fil-qasam tas-sigurtà soċjali tifsira awtonoma. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-konstatazzjoni ta’ frodi hija bbażata fuq ġabra konkordanti ta’ evidenza li tistabbilixxi l-unjoni ta’ element oġġettiv u element suġġettiv. L-element oġġettiv jikkonsisti fil-fatt li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-finijiet tal-kisba u tal-invokazzjoni ta’ ċertifikat E 101, previsti fit-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 ma humiex issodisfatti. L-element suġġettiv jikkorrispondi, min-naħa tiegħu, għall-intenzjoni tal-persuni kkonċernati li jevitaw jew jevadu l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-imsemmi ċertifikat, fid-dawl tal-kisba tal-vantaġġ marbut miegħu ( 71 ). |
|
113. |
Min-naħa l-oħra, il-premessa ta’ frodi, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, hija kkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Vueling issostni li din ma hija preżenti fl-ebda waħda mill-provi tagħha. Il-Gvern Ċek huwa wkoll ta’ din il-fehma, filwaqt li l-Kummissjoni għandha wkoll xi riżervi f’dan ir-rigward. Huma biss J. Poignant, iċ-CRPNPAC u l-Gvern Franċiż li jargumentaw li l-frodi ġiet inkontestabbilment (u definittivament) ipprovata f’dan il-każ. |
|
114. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li jingħataw l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni utli li jikkonċernaw il-kunċett ta’ “frodi”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, anki jekk sempliċement biex il-qrati tar-rinviju jkunu jistgħu jivverifikaw jekk l-elementi tal-imsemmi kunċett humiex issodisfatti f’dawn il-kawżi. Barra minn hekk, dawn il-preċiżazzjonijiet jeħtieġ li jingħataw minħabba ċ-ċertezza legali, sabiex jiġu evitati d-diverġenzi fl-evalwazzjonijiet u d-deċiżjonijiet kontradittorji fl-Istati Membri fir-rigward ta’ dak li jikkostitwixxi prattika frawdolenti fil-qasam tas-sigurtà soċjali. |
|
115. |
Għaldaqstant, jien ser neżamina l-interpretazzjoni tal-elementi oġġettivi (2) u suġġettivi (3) tal-frodi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi inkwistjoni tal-kawża prinċipali. Jidhirli utli madankollu li jingħataw, b’mod preliminari, xi spjegazzjonijiet li jippermettu, fil-fehma tiegħi, li jinftiehem aħjar il-kuntest ġenerali li fih saru dawn il-kawżi (1). |
1. Fuq l-istruttura organizzattiva adottata mill-kumpanniji tal-ajru low cost u r-reazzjoni tal-leġiżlaturi Franċiżi u tal-Unjoni
|
116. |
Skont l-istudji li stajt nikkonsulta, il-kumpanniji tal-ajru “storiċi” huma tradizzjonalment organizzati abbażi ta’ mudell ta’ trasport imsejjaħ “hub-and-spoke”. F’dan ir-rigward, huma jkollhom bażi tal-operat (kultant diversi) jew ajruport prinċipali (hub) li minnu jiġu organizzati d-destinazzjonijiet (spokes) u li minnu jsiru t-titjiriet b’konnessjoni bejn dawn id-destinazzjonijiet. Din il-bażi tal-operat tiġbor fiha s-sede tal-kumpannija, il-flotta tal-ajruplani u tikkostitwixxi l-“bażi ta’ residenza” ( 72 ) tal-membri tal-ekwipaġġ tal-ajru tagħha, jiġifieri l-ajruport li minnu dawn il-membri tal-ekwipaġġ jirċievu l-iskeda tat-titjiriet tagħhom, jibdew xogħolhom u fejn jispiċċawh. Min-naħa l-oħra, id-destinazzjonijiet huma kkostitwiti biss minn waqfa waħda. |
|
117. |
Il-kumpanniji tal-ajru low cost, min-naħa tagħhom, adottaw progressivament mudell ieħor, imsejjaħ “point-to-point”. Għalkemm dawn il-kumpanniji, ġeneralment, għandhom dejjem bażi tal-operat prinċipali li sservi ta’ hub, huma jipprovdu essenzjalment konnessjonijiet relattivament qosra bejn żewġ destinazzjonijiet li jippermettu rotazzjonijiet multipli ta’ ajruplani b’ritmu konsistenti. L-għan li jiġu ffaċilitati mill-aħjar dawn ir-rotazzjonijiet ħajjar lil dawn il-kumpanniji biex jallokaw b’mod fit-tul persunal u tagħmir fl-ajruporti li huma jservu u, f’dan il-kuntest, sabiex joħolqu bażijiet ġodda li jieħdu ċerta importanza b’mod progressiv fuq livell loġistiku u uman. |
|
118. |
F’dan il-kuntest, ċerti kumpanniji low cost żviluppaw prattika li tikkonsisti f’li jirreklutaw ħaddiema li huma jallokaw fit-tul f’bażijiet tal-operat sekondarji li jkunu jinsabu fit-territorju ta’ Stati Membri oħra, filwaqt li japplikawlhom id-dritt soċjali u d-dritt tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru tal-bażi tal-operat prinċipali tagħhom, bl-esklużjoni tar-regoli u tal-kontribuzzjonijiet previsti fl-Istati Membri li fihom ikunu jinsabu dawn il-bażijiet sekondarji. Għal dan il-għan, dawn l-istess kumpanniji għamlu b’mod partikolari użu tal-kollokament tal-ħaddiema, billi argumentaw li l-preżenza tagħhom fl-Istati Membri barra minn dawk tal-bażi tal-operat prinċipali tagħhom taqa’ taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 73 ). |
|
119. |
Il-leġiżlatur Franċiż ried jiġġieled din il-prattika billi ppreċiża dak li jikkostitwixxi, għal kumpannija tal-ajru, stabbiliment stabbli, skont definizzjoni viċina għal dik mogħtija lil dan il-kunċett fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni tad-dritt Franċiż skont l-Artikolu L. 1262‑3 tal-code du travail (il-Kodiċi tax-Xogħol) ( 74 ). Għal dan il-għan ġie adottat l-Artikolu R. 330‑2‑1 tal-code de l’aviation civile (il-Kodiċi tal-Avjazzjoni Ċivili), li jippreċiża li l-imsemmi artikolu L. 1262‑3 japplika għall-impriżi ta’ trasport bl-ajru skont il-“bażijiet tal-operat” li jinsabu fit-territorju Franċiż, fejn tali “bażi” hija ddefinita bħala li hija “numru ta’ postijiet jew ta’ infrastrutturi li minnhom l-impriża twettaq b’mod stabbli, abitwali u kontinwu attività ta’ trasport bl-ajru permezz ta’ impjegati li għandhom hemmhekk iċ-ċentru effettiv tal-attività professjonali tagħhom” ( 75 ). F’dan il-każ, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) ibbażat preċiżament is-sentenza tagħha tal-31 ta’ Jannar 2012, li tikkundanna lil Vueling fil-kriminal, fuq dawn id-dispożizzjonijiet. Dik il-qorti eskludiet l-applikazzjoni tar-regoli tal-kollokament peress li dik il-kumpannija kellha, fi Roissy, tali “bażi” ( 76 ). |
|
120. |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa wkoll konjizzjoni tal-prattika inkwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, filwaqt li r-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi, fl-Artikolu 14(2)(a) tiegħu, regoli speċjali għall-membri tal-ekwipaġġ tal-kumpanniji tal-ajru – li japplikaw ratione temporis għal din il-kawża u li ser nittrattahom iktar ’il quddiem – il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kienx irriproduċa, fil-verżjoni inizjali tar-Regolament Nru 883/2004, dawn ir-regoli speċjali, u dan għal fini ta’ simplifikazzjoni. Is-sitwazzjoni tal-membri tal-ekwipaġġ tal-ajru kellha għaldaqstant tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli ġenerali dwar il-ħaddiema li jaħdmu f’żewġ Stati Membri jew iktar, li, meta jiġu applikati għall-membri tal-ekwipaġġ tal-ajru, kellhom it-tendenza jindikaw, ħafna mid-drabi, il-liġi tas-sede ta’ persuna li timpjega. Madankollu, huwa ħataf l-okkażjoni bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 465/2012 ( 77 ) biex jintroduċi fir-Regolament Nru 883/2004 regola speċjali ġdida, li tieħu l-forma ta’ finzjoni legali li skontha l-attività tal-membri tal-ekwipaġġ tal-ajru titqies li tkun saret biss fl-Istat Membru tal-bażi ta’ residenza tagħha, finzjoni li tinvolvi għaldaqstant l-applikazzjoni tal-liġi ta’ dak l-Istat skont il-lex loci laboris ( 78 ). Fi kliem ieħor, il-“bażi ta’ residenza” saret il-kriterju ta’ rabta fil-qasam tas-sigurtà soċjali għall-membri tal-ekwipaġġ tal-kumpanniji tal-ajru. |
2. Fuq l-element oġġettiv tal-frodi
|
121. |
Infakkar li l-element oġġettiv tal-frodi qiegħed fil-fatt li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-finijiet tal-ksib u tal-invokazzjoni ta’ ċertifikat E 101 ma humiex issodisfatti. |
|
122. |
Fil-każ ineżami, għandu jiġi ċċarat mill-ewwel punt li jirrigwarda l-bażi legali li abbażi tagħha ċ-ċertifikati E 101 kontenzjużi nħarġu mill-istituzzjoni emittenti. Fil-fatt, tali ċertifikat, fi kwalunkwe każ, jista’ jipprova biss l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fid-dispożizzjoni li abbażi tagħha huwa nħareġ ( 79 ). |
|
123. |
F’dan ir-rigward, il-Cour de cassation, chambre sociale (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Awla Industrijali), tindika fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha u fl-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑37/18 li dawn iċ-ċertifikati nħarġu abbażi tal-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 574/72, jiġifieri tar-regoli applikabbli għall-kollokament tal-ħaddiema. |
|
124. |
Min-naħa l-oħra, it-tribunal de grande instance de Bobigny (il-Qorti Reġjonali ta’ Bobigny) tħalli lil wieħed x’jifhem, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha fil-Kawża C‑370/17, li l-imsemmija ċertifikati fil-fatt inħarġu taħt l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 12a(1a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 574/72, jiġifieri r-regoli applikabbli għall-persunal tal-ivvjaġġar jew tat-titjir tal-impriżi tat-trasport internazzjonali. L-ewwel domanda ta’ din il-qorti ddaħħal id-dubju, meta tindika li dawn l-istess ċertifikati kienu nħarġu “konformement” mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(1) u 12a(1a) tar-Regolament Nru 574/72, kemm fir-rigward tar-regoli tal-kollokament kif ukoll tar-regoli applikabbli għall-persunal tal-ivvjaġġar jew tat-titjir. |
|
125. |
Fir-realtà, kif jirriżulta mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, u kif tindika l-Cour de cassation, chambre sociale (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Awla Industrijali), iċ-ċertifikati E 101 kontenzjużi kienu fil-fatt intalbu minn Vueling u nħarġu mill-istituzzjoni emittenti fuq is-(sempliċi) bażi tar-regoli applikabbli għall-kollokament tal-ħaddiema. Għaldaqstant, jien ser nipproċedi abbażi ta’ din il-premessa f’dawn il-konklużjonijiet. Huwa l-obbligu tat-tribunal de grande instance de Bobigny (il-Qorti Reġjonali ta’ Bobigny), li hija l-unika qorti li għandha l-kompetenza tevalwa l-fatti, li tivverifika dan għaliha ( 80 ). |
|
126. |
B’dan ippreċiżat, ser nispjega għaliex iċ-ċertifikati E 101 ma setgħux jinħarġu validament abbażi tar-regoli applikabbli għall-kollokament tal-ħaddiema fiċ-ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali (a). Imbagħad ser nispjega għaliex il-ħaddiema kkonċernati lanqas ma setgħu jitqiegħdu jew jinżammu taħt il-leġiżlazzjoni tas-sede tal-persuna li timpjegahom skont ir-regoli applikabbli għall-persunal tal-ivvjaġġar jew tat-titjir (b). |
a) Fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għall-ekwipaġġ tal-ajru tal-kumpanniji tal-ajru li jwettqu trasport internazzjonali
|
127. |
Vueling targumenta li r-regoli relattivi għall-kollokament tal-ħaddiema previsti fl-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 574/72 jistgħu japplikaw għall-ekwipaġġ tal-ajru ta’ kumpannija tal-ajru li twettaq, bħalha, trasport internazzjonali tal-passiġġieri. |
|
128. |
Madankollu, fil-fehma tiegħi, kif argumenta r-rappreżentant ta’ J. Poignant u taċ-CRPNPAC waqt is-seduta, l-ekwipaġġ tal-ajru ta’ kumpannija tal-ajru simili jaqa’ taħt l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u ma jistax ikun “ikkollokat” fi Stat Membru taħt l-Artikolu 14(1)(a) ta’ dan ir-regolament. |
|
129. |
Din l-interpretazzjoni toħroġ, l-ewwel nett, mill-istruttura tar-Regolament Nru 1408/71. Ir-regoli tal-kollokament u dawk applikabbli għall-persunal tal-ivvjaġġar u tat-titjir tal-impriżi ta’ trasport internazzjonali jikkostitwixxu, kif tindika l-ewwel parti tal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, żewġ eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-lex loci laboris stabbilit fl-Artikolu 13(2)(a) tal-imsemmi regolament. L-istruttura tal-Artikolu 14 u r-relazzjoni tiegħu mal-Artikolu 13 jenfasizzaw li l-ewwel eċċezzjoni ma hijiex intiża li tiġi invokata biex issir deroga mit-tieni waħda. |
|
130. |
L-imsemmija interpretazzjoni hija meħtieġa, imbagħad, fid-dawl tal-formulazzjoni stess tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1408/71, moqri fid-dawl tal-kuntest ġenerali li fih jinsabu dawn id-dispożizzjonijiet. Infakkar li l-Artikolu 14(1)(a) ta’ dan ir-regolament jikkontempla “[p]ersuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru […] li tkun ippostjata [ikkollokata] […] fit-territorju ta’ Stat ieħor”. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14(2)(a) tal-imsemmi regolament jikkontempla s-sitwazzjoni ta’ ħaddiema meqjusa li jaħdmu bħala impjegati, kif tindika l-intestatura tal-ewwel parti ta’ dan il-paragrafu, “fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar” ( 81 ). |
|
131. |
F’dan ir-rigward, għalkemm il-kunċett ta’ “kollokament” fis-sens tal-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ma huwiex iddefinit f’dan ir-regolament, il-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni jirriflettu l-idea ta’ ħaddiem sedentarju, li jwettaq xogħlu b’mod abitwali fi Stat Membru, li jintbagħat temporanjament fi Stat Membru ieħor u li fl-aħħar jirritorna fl-ewwel Stat Membru. Issa, il-persunal tal-ekwipaġġ tal-ajru ta’ kumpannija tal-ajru, impjegat abbord l-ajruplani intiżi għal titjiriet internazzjonali, ma jistax jaqa’ taħt tali skema, fin-nuqqas ta’ rabta mat-territorju ta’ Stat Membru fejn normalment isir ix-xogħol. Għal dak l-ekwipaġġ, li ipotetikament huwa mobbli, it-twettiq tax-xogħol f’diversi Stati Membri jikkostitwixxi aspett normali tal-modalitajiet tax-xogħol ( 82 ). Dan il-kuntest jiġġustifika li l-leġiżlatur tal-Unjoni pprovda, fl-imsemmi regolament, kriterji ta’ rabta speċifika għal dan l-istess persunal ( 83 ). |
|
132. |
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba n-natura derogatorja tiegħu, jiġi interpretat b’mod strett ( 84 ). Din id-dispożizzjoni ma tistax għaldaqstant tiġi applikata b’analoġija għall-persunal tal-ivvjaġġar jew tat-titjir li jaqa’ taħt il-paragrafu 2(a) ta’ dan l-artikolu ( 85 ). |
b) Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 fiċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali
|
133. |
Fil-fehma tiegħi, il-konstatazzjoni li ċ-ċertifikati E 101 kontenzjużi ma setgħux validament jinħarġu abbażi tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kollokament tal-ħaddiema tista’, minnha nnifisha, tikkaratterizza l-element oġġettiv tal-frodi. |
|
134. |
B’dan premess, peress li l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprevedi, fil-prinċipju, l-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat Membru tas-sede tal-persuna li timpjega u li ċ-ċertifikati E 101 setgħu, ipotetikament, jinħarġu skont din id-dispożizzjoni, jidhirli opportun, biex nevita kull akkuża ta’ formaliżmu, li nispjega għaliex ċertifikati simili ma setgħux lanqas jinħarġu validament mill-istituzzjoni emittenti skont din id-dispożizzjoni. |
|
135. |
F’dan ir-rigward, infakkar li, għalkemm l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprevedi, fil-prinċipju, l-applikazzjoni tal-liġi tas-sede tal-persuna li timpjega, din id-dispożizzjoni tirriżerva wkoll l-applikazzjoni ta’ ċerti eċċezzjonijiet. B’mod partikolari, il-punt (i) tiegħu jipprovdi li “fejn l-imsemmija impriża jkollha fergħa jew rappreżentazzjoni [rappreżentanza] permanenti fit-territorju ta’ Stat Membru għajr dak li fih għandha l-uffiċċju reġistrat jew il-post tan-negozju, persuna impjegata minn tali fergħa jew rappreżentazzjoni permanenti tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu rinsab it-tali fergħa jew rappreżentazzjoni permanenti”. |
|
136. |
Skont din il-formulazzjoni, hemm żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom ikunu ssodisfatti biex din ir-regola tapplika għal ħaddiem: minn naħa, trid tkun teżisti l-“fergħa jew rappreżentazzjoni [rappreżentanza] permanenti” ta’ persuna li timpjega fi Stat Membru barra minn dak tas-sede tiegħu; min-naħa l-oħra, dak il-ħaddiem irid ikun “impjegat” minn dik l-entità. |
|
137. |
F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, id-dibattiti li nżammu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-eżistenza ta’ “fergħa jew rappreżentazzjoni [rappreżentanza] permanenti” fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriflettu, fil-fehma tiegħi, l-ispjegazzjonijiet li jinsabu fil-punti 117 sa 119 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, Vueling targumenta li, fiż-żmien tal-fatti, hija llimitat ruħha biex tagħmel, b’mod esperimentali, titjiriet regolari bejn diversi bliet Spanjoli u Pariġi f’ħinijiet li jinvolvu li ċerti ajruplani jieqfu stazzjonati, bejn żewġ titjiriet, billejl, fuq it-tarmak fl-ajruport Paris-Charles-de-Gaulle. B’dan il-mod, hija tiċħad l-idea li hija kellha tali entità jew kull forma oħra ta’ stabbiliment sekondarju f’dak l-ajruport u, essenzjalment, tinvoka l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
|
138. |
Madankollu, l-eżistenza ta’ “fergħa jew [ta’] rappreżentazzjoni [rappreżentanza] permanenti” fis-sens tal-Artikolu 14(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, ftit li xejn toħloq dubju f’għajnejja. |
|
139. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmi kunċett ta’ “fergħa jew rappreżentazzjoni [rappreżentanza] permanenti” ma huwiex iddefinit minn dan ir-regolament, li lanqas ma jagħmel riferiment għad-dritt tal-Istati Membri f’dan il-qasam. Għaldaqstant, dan għandu jirċievi interpretazzjoni awtonoma, li għandha tiġi stabbilita skont is-sens abitwali ta’ dan fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża l-kliem u l-għanijiet segwiti permezz tal-leġiżlazzjoni li huwa jagħmel parti minnha ( 86 ). |
|
140. |
Fis-sens abitwali tagħha, il-kelma “fergħa” tirreferi għal forma ta’ stabbiliment sekondarju (kontra stabbiliment prinċipali tal-impriża) li ma għandux personalità ġuridika għalih (kontra ta’ sussidjarja) u li għandu ċerta awtonomija. It-terminoloġija “rappreżentazzjoni [rappreżentanza] permanenti” tirrifletti realtà viċina, li timplika entità stabbli li taġixxi f’isem u fl-interess ta’ stabbiliment prinċipali. |
|
141. |
Fir-rigward tal-kuntest u l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1408/71, peress li dan huwa kemm strument li jaqa’ fil-kuntest tas-suq intern kif ukoll strument tad-dritt internazzjonali privat, id-definizzjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-kunċetti viċini f’dawn l-oqsma jipprovdu indikazzjonijiet rilevanti. F’dan ir-rigward, minn naħa, infakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fergħa kkostitwita fi Stat Membru minn kumpannija li taqa’ taħt id-dritt ta’ Stat Membru ieħor tikkostitwixxi forma ta’ stabbiliment sekondarju, li taqa’ taħt l-Artikolu 49 TFUE ( 87 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunċett ta’ “stabbiliment” jimplika infrastruttura li tippermetti li attività professjonali titwettaq fuq bażi stabbli u kontinwa, u permezz tal-imsemmija infrastruttura, li tapplika, inter alia, għaċ-ċittadini tal-Istati Membru inkwistjoni ( 88 ). Min-naħa l-oħra, hemm realtà analoga li tinstab fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonċerna l-kunċett ta’ “fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor” li jinsab fil-punt 5 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia, li timplika ċentru ta’ operazzjonijiet li għandu l-apparenza ta’ permanenza, bħala l-estensjoni tal-istabbiliment omm, li jkollu korp ta’ tmexxija u għandu jkun mgħammar materjalment b’mod li jkun jista’ jinnegozja ma’ terzi ( 89 ). |
|
142. |
Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li l-“fergħa jew rappreżentazzjoni [rappreżentanza] permanenti” fis-sens tal-Artikolu 14(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, hija forma ta’ stabbiliment sekondarju, li jippreżenta element ta’ stabbiltà, li jeżerċita attività ekonomika ddirezzjonata lejn l-estern u li jkollu, għal dan il-għan, mezzi materjali u umani organizzati, u ċerta awtonomija meta mqabbel mal-istabbiliment prinċipali tal-persuna li timpjega. |
|
143. |
Fil-qasam tat-trasport bl-ajru, jidhirli, l-istess bħall-Cour de cassation, chambre sociale (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Awla Industrijali) ( 90 ), li r-realtà milquta mill-imsemmi kunċett ta’ “fergħa jew rappreżentanza permanenti” titħallat ħafna, jekk mhux kompletament, ma’ bażi tal-operat, kif iddefinit b’mod partikolari fid-dritt Franċiż ( 91 ). F’dan ir-rigward, infakkar li “bażi” simili timplika “numru ta’ postijiet jew infrastrutturi li minnhom l-impriża twettaq b’mod stabbli, abitwali u kontinwu attività ta’ trasport bl-ajru permezz ta’ impjegati li għandhom hemmhekk iċ-ċentru effettiv tal-attività professjonali tagħhom”. |
|
144. |
Issa, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi), fis-sentenza tagħha tal-31 ta’ Jannar 2012 li kkundannat lil Vueling fil-kriminal, stabbilixxiet, fid-dawl taċ-ċirkustanzi imsemmija fil-punti 19, 21 u 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li din il-kumpannija tal-ajru kellha, fi Roissy, tali bażi. B’riżerva għall-verifiki mill-qrati tar-rinviju, li huma l-uniċi qrati li għandhom il-kompetenza li jevalwaw il-fatti, il-klassifikazzjoni bħala “fergħa jew rappreżentanza permanenti”, fis-sens tal-Artikolu 14(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, tinsab stabbilita fil-fehma tiegħi ( 92 ). |
|
145. |
Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni li tirriżulta minn din id-dispożizzjoni, li tipprovdi li l-ħaddiem ikkonċernat għandu jkun “impjegat[…] minn” fergħa jew rappreżentanza tal-persuna li timpjega, Vueling argumentat li dan ma setax ikun il-każ għall-ħaddiema “kkollokati” mal-bażi tagħha fi Roissy (li tagħha, infakkar, li hija tikkontesta l-eżistenza) peress li din ma kellhiex l-awtorità li tikkaratterizza lil persuna li timpjega jew kompetenza fil-qasam tal-ġestjoni tal-ekwipaġġ tal-ajru, peress li din l-amministrazzjoni dejjem kienet tas-sede f’Barcelona. Madankollu, anki hawnhekk, ma tantx hemm dubju, fil-fehma tiegħi, li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
146. |
F’dan ir-rigward, nirrileva li, filwaqt li r-regola tal-prinċipju ta’ lex loci laboris, prevista fl-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, hija intiża li tiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema kollha impjegati fit-territorju tal-istess Stat Membru ( 93 ), ir-regoli previsti fl-Artikolu 14(2)(a) ta’ dan ir-regolament jirriflettu x-xewqa, min-naħa tagħhom, fin-nuqqas li wieħed jkun jista’ jidentifika territorju wieħed li fih titwettaq l-attività professjonali, li jiġu stabbiliti kriterji ta’ rabta li jindikaw il-liġi l-iktar qrib il-ħaddiem, skont il-prinċipju ta’ prossimità li huwa normali fid-dritt internazzjonali privat. Għaldaqstant, meta l-ħaddiem ikun impjegat minn fergħa jew minn rappreżentanza permanenti tal-persuna li timpjega, il-liġi tal-Istat Membru li fih tkun tinsab dik l-entità tapplika minħabba li dik il-liġi titqies iktar qrib il-ħaddiem ikkonċernat minn dik tal-Istat tas-sede tal-persuna li timpjega ( 94 ). |
|
147. |
Fir-rigward tal-implikazzjonijiet ta’ dan il-prinċipju ta’ prossimità, huwa possibbli li wieħed juża r-raġunament b’analoġija tal-ġurisprudenza dwar id-dritt internazzjonali privat tax-xogħol. F’dak il-qasam, ilu li ġie aċċettat li r-relazzjoni ta’ impjieg hija, bħala regola ġenerali, marbuta mill-qrib ma’, minn naħa, il-liġi u, min-naħa l-oħra, il-qorti tal-post fejn il-ħaddiem iwettaq effettivament l-attivitajiet tiegħu ( 95 ). Meta ħaddiem iwettaq l-attività tiegħu f’diversi postijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari fis-sentenza Nogueira et ( 96 ), li tikkonċerna preċiżament l-ekwipaġġ tal-ajru, li r-relazzjoni ta’ impjieg kellha rabta sinjifikattiva mal-post li minnu l-ħaddiem iwettaq prinċipalment l-obbligi tiegħu fil-konfront tal-persuna li timpjegah, li jikkorrispondi mal-post li fih huwa jirċievi l-istruzzjonijiet dwar il-missjonijiet tiegħu u jorganizza xogħlu, li minnu l-ħaddiem jibda jwettaq dawn il-missjonijiet u li fih huwa jirritorna wara l-kompiti tiegħu. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li dan il-post jikkoinċidi, għal dan l-istess ekwipaġġ tal-ajru, u sakemm ma jkunx hemm indizji kuntrarji, mal-“bażi ta’ residenza” tagħha ( 97 ). |
|
148. |
Traspost għall-Artikolu 14(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, dan ir-raġunament jimplika li, għall-iskopijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, huwa biżżejjed li jiġi vverifikat jekk il-ħaddiem iwettaqx l-attività tiegħu fil-, jew mill-fergħa jew rappreżentanza permanenti tal-persuna li timpjega. Fir-rigward tal-ekwipaġġ tal-ajru, dan huwa l-każ, bħala regola ġenerali, jekk il-“bażi ta’ residenza” tagħha tkun tinsab hemmhekk, ħaġa li tidher li hija l-każ fil-kawżi prinċipali, fid-dawl taċ-ċirkustanzi deskritti fil-punti 19 u 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Madankollu, anki hawnhekk, huma l-qrati tar-rinviju li jridu jivverifikaw dan. |
3. Fuq l-element suġġettiv tal-frodi
|
149. |
Sabiex jiġi konkluż li teżisti frodi, jeħtieġ, kif indikajt preċedentement, li jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata kellha l-intenzjoni li tevadi jew tevita l-kundizzjonijiet għall-ħruġ taċ-ċertifikat E 101, sabiex tikseb il-vantaġġ li huwa marbut miegħu. Fil-każ ineżami, Vueling issostni li ma kien hemm ebda tentattiv ta’ ħabi min-naħa tagħha, peress li hija ddikjarat il-kollokament tal-ħaddiema tagħha lill-awtoritajiet Franċiżi u talbet l-estensjoni ta’ dan il-kollokament quddiem l-istituzzjoni Franċiża kompetenti. |
|
150. |
Ma huwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi jekk il-prova ta’ tali intenzjoni frawdolenti min-naħa ta’ Vueling hijiex stabbilita fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, jeħtieġ li jiġu pprovduti lill-qrati tar-rinviju, fid-dawl tal-imsemmija ċirkustanzi, l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jgħinuhom jagħtu deċiżjoni. |
|
151. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar l-ewwel nett li l-prova ta’ intenzjoni frawdolenti tista’ tirriżulta minn azzjoni volontarja, bħalma hija l-preżentazzjoni żbaljata tas-sitwazzjoni reali ta’ ħaddiem ikkollokat jew tal-impriża li kkollokat lil dan il-ħaddiem, jew ta’ ommissjoni volontarja, bħalma hija d-dissimulazzjoni ta’ informazzjoni rilevanti ( 98 ). Fil-fehma tiegħi, in-natura volontarja tal-azzjoni jew tal-ommissjoni inkwistjoni tista’ tkun dedotta minn ċirkustanzi fattwali oġġettivi ( 99 ). F’dan il-kuntest, ser nagħmel żewġ osservazzjonijiet addizzjonali. |
|
152. |
Fl-ewwel lok, il-fatt, għal kumpannija tal-ajru li taħdem fit-trasport internazzjonali tal-passiġġieri, li talbet il-ħruġ ta’ ċertifikati E 101 taħt l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 biex tibgħat lill-ekwipaġġ tal-ajru tagħha f’fergħa fi Stat Membru ieħor huwa diġà, minnu nnifsu, ta’ natura li jqajjem mistoqsijiet fir-rigward tal-motivazzjonijiet reali tagħha. |
|
153. |
Fil-fatt, nosserva li l-applikazzjoni tal-Artikolu 14(2)(a) ta’ dan ir-regolament jimplika żewġ inkonvenjenzi maġġuri għal tali kumpannija. Minn naħa, fuq livell proċedurali, l-Artikolu 12a(1a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 574/72 ma jippermettilhiex li titlob, lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru tas-sede tagħha, il-ħruġ ta’ ċertifikati E 101 għall-ekwipaġġ tal-ajru tagħha (peress li tali ċertifikat irid bilfors jintalab mill-ħaddiem stess) filwaqt li, skont l-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament, dan tista’ tagħmlu f’każ ta’ kollokament. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ frodi, l-Artikolu 14(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi, bħala eċċezzjoni, l-applikazzjoni tal-liġi tal-fergħa jew tar-rappreżentanza permanenti li timpjega lill-ħaddiema kkonċernati, fil-każijiet fejn ir-regoli tal-kollokament jippermettu li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni u li tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat Membru tas-sede. |
|
154. |
Fit-tieni lok, il-qrati tar-rinviju indikaw, kif ingħad fil-punti 20 u 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li Vueling kienet iddomiċiljat numru kbir ta’ ħaddiema “kkollokati” fl-indirizz tas-sede tagħha stess fi Spanja filwaqt li fir-realtà huma kienu jirrisjedu fi Franza, u kienu barra minn hekk Franċiżi, filwaqt li, apparti dan, nofshom ma kinux jaħdmu abitwalment għal din il-kumpannija tal-ajru u kienu ġew irreklutati inqas minn tletin jum qabel il-kollokament tagħhom, ċerti minnhom lejlet jew fl-istess jum. Dawn iċ-ċirkustanzi jqajmu wkoll xi mistoqsijiet. |
|
155. |
Fil-fatt, anki jekk wieħed jippreżumi li kumpannija tal-ajru li twettaq trasport internazzjonali temmen, b’mod żbaljat, li r-regoli dwar il-kollokament tal-ħaddiema jistgħu jiġu applikati għall-ekwipaġġ tal-ajru tagħha ( 100 ), il-fatt li ma tiżvelax lill-istituzzjoni emittenti l-post tar-residenza reali tal-ħaddiema kkonċernati jista’ jikkontribwixxi biex tinħeba l-evażjoni ta’ dawn ir-regoli. |
|
156. |
F’dan ir-rigward, nirrileva li, ċertament, l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jipprekludix lil impriża milli tikkolloka ħaddiema fl-Istat Membru li fih huma joqogħdu. Din id-dispożizzjoni lanqas ma tipprekludi li dawn il-ħaddiema jkollhom in-nazzjonalità tal-Istat Membru li fih huma jintbagħtu. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sempliċi fatt li ħaddiem ġie rreklutat biex jiġi kkollokat ma huwiex, minnu nnifsu, ta’ ostakolu biex huwa jaqa’ taħt ir-regoli ta’ kollokament ( 101 ). |
|
157. |
Madankollu, jidhirli li, f’każ ta’ kumulu ta’ dawn iċ-ċirkustanzi – ir-reklutaġġ ta’ ħaddiema li għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, li jirrisjedu f’dan l-Istat, bil-għan li jiġu impjegati fl-imsemmi Stat – il-figura tal-kollokament hija artifiċjali ( 102 ). F’dan ir-rigward, infakkar li l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu essenzjalment bħala għan li jippromwovi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-benefiċċju tal-impriżi li jużawh billi jibagħtu ħaddiema fi Stati Membri differenti minn dak li fih huma stabbilixxew ruħhom u, f’dan il-kuntest, li jevitaw il-kumplikazzjonijiet amministrattivi ( 103 ). Ir-regoli tal-kollokament ma jistgħux għaldaqstant japplikaw għal ħaddiema rreklutati direttament fl-Istat li fih huma intiżi li jiġu kkollokati ( 104 ). |
|
158. |
Finalment, huma l-qrati tar-rinviju li għandhom jivverifikaw l-aġir ta’ Vueling fil-kawżi prinċipali. F’dan il-kuntest, din il-kumpannija għandu jkollha l-possibbiltà li tiċħad l-elementi diskussi f’dawn il-konklużjonijiet, b’osservanza tal-garanziji marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq. Din għandha b’mod partikolari tkun tista’ tispjega ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ residenza żbaljati li hija pprovdiet lill-awtoritajiet Spanjoli. |
D. Fuq l-awtorità ta’ res judicata tal-kriminal fuq iċ-ċivil
|
159. |
Permezz tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑37/18, il-Cour de cassation, chambre sociale (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Awla industrijali), tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni jipprekludix lil qorti nazzjonali, marbuta fl-applikazzjoni tad-dritt intern tagħha mill-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata tal-kriminal fuq iċ-ċivil, milli tislet il-konsegwenzi ta’ deċiżjoni kriminali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni billi tikkundanna lil persuna li timpjega għad-danni fil-konfront ta’ ħaddiem minħabba s-sempliċi fatt tal-kundanna kriminali ta’ persuna li timpjega għall-istess fatti. |
|
160. |
Il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata tal-kriminal fuq iċ-ċivil huwa, fl-ordinament ġuridiku Franċiż, prinċipju stabbilit mill-qrati u s-suġġett ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) li skontha d-deċiżjonijiet tal-qrati kriminali għandhom fuq iċ-ċivil l-awtorità ta’ res judicata fil-konfront ta’ kulħadd. Din l-awtorità ma hijiex limitata għall-parti dispożittiva ta’ deċiżjoni kriminali, jiġifieri għad-dikjarazzjoni ta’ ħtija jew ta’ innoċenza tal-akkużat u għall-kundanna tiegħu għal piena partikolari jew il-liberazzjoni tiegħu. Hija testendi wkoll għall-motivi ta’ dik id-deċiżjoni ( 105 ). Konsegwentement, il-qorti ċivili, li tiddeċiedi fuq l-istess fatti bħall-qorti kriminali, hija pprojbita milli tikkontesta mhux biss il-kundanna jew il-liberazzjoni kriminali tal-akkużat bħala tali, imma wkoll il-konstatazzjonijiet ta’ fatt u l-klassifikazzjonijiet legali adottati mill-qorti kriminali. Dawn l-elementi jibbenefikaw minn preżunzjoni inkonfutabbli ta’ verità u ma jistgħux, għaldaqstant, jiġu iktar diskussi quddiem il-qorti ċivili ( 106 ). |
|
161. |
Il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi), fis-sentenza tagħha tal-4 ta’ Marzu 2016, ibbażat ruħha għaldaqstant fuq il-klassifikazzjoni ta’ xogħol mhux iddikjarat, adottata fis-sentenza li hija kienet tat fil-kriminal fil-31 ta’ Jannar 2012 kontra Vueling, biex tikkundanna lil din il-kumpannija biex tikkumpensa lil J. Poignant ( 107 ). F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi (b’kuntrast ma’ dak li nissuġġerixxi jien) li l-qorti tal-Istat Membru ospitanti ma tistax tinjora ċertifikat E 101 fiċ-ċirkustanzi bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali, din il-klassifikazzjoni tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ( 108 ). Għaldaqstant, imbagħad iqum il-punt dwar jekk din l-aħħar sentenza setgħatx validament ikollha, fuq iċ-ċivil, l-awtorità ta’ res judicata fir-rigward tal-klassifikazzjoni tar-reat li bih kienet akkużata Vueling. |
|
162. |
L-ewwel nett, nippreċiża li, fil-fehma tiegħi, il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni ma joffrix, waħdu, it-test xieraq biex tiġi solvuta din il-kwistjoni. Fil-fatt, ma hijiex kwistjoni li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 tingħata preċedenza fuq il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata kif mifhum fid-dritt Franċiż. Ma naħsibx lanqas li l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri u, f’dan il-kuntest, it-testi ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, invokati mill-Gvern Franċiż, huma rilevanti. Fil-fatt, il-punt dwar x’jista’ jingħata l-awtorità ta’ res judicata ma jikkostitwixxix punt ta’ natura proċedurali, imma punt sostantiv. |
|
163. |
F’dan il-kuntest, nosserva li, minn naħa, il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata tal-kriminal fuq iċ-ċivil jista’ jkun ta’ ostakolu għall-effettività tad-dritt tal-Unjoni. F’każ li deċiżjoni kriminali tkun kontra dan id-dritt, hija jkollha xorta waħda tiġi applikata mill-qorti ċivili. Min-naħa l-oħra, il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata tal-kriminal fuq iċ-ċivil jirrifletti, kif jindikaw J. Poignant u l-Gvern Franċiż, għan leġittimu ta’ ċertezza legali, li jikkonsisti li jiġu evitati kuntradizzjonijiet bejn deċiżjonijiet kriminali u deċiżjonijiet ċivili li jirrigwardaw l-istess fatti. Minn dan jirriżultaw, b’mod impliċitu, kunsiderazzjonijiet ta’ politika ġudizzjarja li tirrigwarda r-rwol partikolari mogħti lill-qrati kriminali ( 109 ). Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, jeħtieġ li wieħed jipproċedi billi tiġi bbilanċjata l-effettività tad-dritt tal-Unjoni ma’ dan l-għan leġittimu ( 110 ). |
|
164. |
Fir-rigward ta’ dan l-ibbilanċjar, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll diversi drabi l-importanza li għandu, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata. Fil-fatt, bil-għan li jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tad-dritt u r-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa essenzjali li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru res judicata wara li jkunu ntużaw il-mezzi kollha disponibbli għal appell jew wara li jkun skada t-terminu previst għal dan l-appell ma jkunux jistgħu jiġu iktar ikkontestati. Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali, fil-prinċipju, li tinjora l-applikazzjoni ta’ regoli proċedurali interni li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja, anki jekk, li kieku jsir hekk, dan jippermetti li tiġi rrimedjata sitwazzjoni nazzjonali li tkun inkompatibbli ma’ dan id-dritt ( 111 ). |
|
165. |
Madankollu, kif argumentat il-Kummissjoni, għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-kundanna jew il-liberazzjoni mogħtija minn deċiżjoni kriminali (fi kliem ieħor, il-parti dispożittiva ta’ dik id-deċiżjoni) tingħata l-awtorità ta’ res judicata u lanqas ma tista’ tkun ikkontestata, minkejja li hija tkun tmur kontra d-dritt tal-Unjoni ( 112 ), jekk din l-awtorità tiġi estiża għall-kwalifiki adottati mill-qorti kriminali meta l-inkompatibbiltà tagħhom mad-dritt tal-Unjoni tkun ipprovata quddiem il-qorti ċivili, dan iwassal għal preġudizzju wisq kbir għall-effettività ta’ dan id-dritt. L-individwu kkonċernat ikollu, fil-kuntest tat-tieni deċiżjoni, id-drittijiet li huwa jislet mill-effett dirett tad-dritt tal-Unjoni miksura mill-ġdid. Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, tali regola interna dwar l-awtorità ta’ res judicata ( 113 ). |
|
166. |
B’kuntrast ma’ dak li jargumenta l-Gvern Franċiż, din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mis-sentenza Di Puma u Zecca ( 114 ). Infakkar li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri, li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, li jipprevedu sanzjonijiet amministrattivi effettivi, proporzjonati u dissważivi fir-rigward ta’ insider dealing ma jipprekludix regola nazzjonali li tipprovdi li l-konstatazzjonijiet fattwali magħmula f’deċiżjoni kriminali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-elementi kostituttivi ta’ tranżazzjoni simili jibbenefikaw mill-awtorità ta’ res judicata, bil-konsegwenza li, f’każ li l-akkużat jiġi lliberat mill-qorti kriminali, proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja li tirrigwarda l-istess fatti għandha tingħalaq mingħajr kundanna. |
|
167. |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha biex tiddeċiedi li l-awtorità ta’ res judicata tal-kriminal fuq l-amministrattiv ma kinitx tipprekludi li l-ksur f’dak il-qasam ikun jista’ jiġi kkonstatat u ssanzjonat b’mod effettiv sa fejn il-konstatazzjonijiet fattwali li kellhom dik l-awtorità wasslu għal dibattitu kontradittorju quddiem il-qorti kriminali u li l-awtorità nazzjonali responsabbli li timponi dawn is-sanzjonijiet amministrattivi jkollha l-mezzi biex tiżgura li sentenza kriminali ta’ kundanna jew ta’ liberazzjoni tingħata filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha li hija jkollha quddiemha ( 115 ). Għaldaqstant, hija ma ppronunzjatx ruħha fuq l-ipoteżi fejn il-qorti kriminali tkun adottat klassifikazzjonijiet inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni – billi tadotta, pereżempju, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ insider dealing li jmur kontra dak id-dritt. |
|
168. |
Meħud kont tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għat-tieni domanda tal-Cour de cassation, chambre sociale (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Awla Industrijali), fil-Kawża C‑37/18 li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi li qorti nazzjonali, marbuta bl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha bl-awtorità ta’ res judicata tal-kriminal fuq iċ-ċivil, milli tislet il-konsegwenzi minn deċiżjoni kriminali li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u tikkundanna lil persuna li timpjega għad-danni fil-konfront ta’ ħaddiem minħabba s-sempliċi fatt tal-kundanna kriminali ta’ dak li jħaddem minħabba l-istess fatti. |
VI. Konklużjoni
|
169. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari tat-tribunal de grande instance de Bobigny (il-Qorti Reġjonali ta’ Bobigny, Franza) fil-Kawża C‑370/17 u tal-Cour de cassation, chambre sociale (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Awla Industrijali, Franza), fil-Kawża C‑37/18:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Iċ-ċertifikat E 101, intitolat “Attestazzjoni li tikkonċerna l-leġiżlazzjoni applikabbli”, huwa formola standard miktuba mill-commission administrative pour la sécurité sociale des travailleurs migrants (il-Kummissjoni Amministrattiva għas-Sigurtà Soċjali tal-Ħaddiema Immigranti, iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni Amministrattiva”). Ara d-Deċiżjoni Nru 202 tal-Kummissjoni Amministrattiva tas‑17 ta’ Marzu 2005 fuq il-mudelli ta’ formoli neċessarji għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 u (KEE) Nru 574/72 (E 001, E 101, E 102, E 103, E 104, E 106, E 107, E 108, E 109, E 112, E 115, E 116, E 117, E 118, E 120, E 121, E 123, E 124, E 125, E 126 u E 127) (ĠU 2006, L 77, p. 1). Sussegwentement, iċ-ċertifikat sar dokument portabbli. Fid-dawl tad-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ser nuża f’dawn il-konklużjonijiet l-isem ċertifikat E 101.
( 3 ) Regolament tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 1971 fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 392, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).
( 4 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) tal-21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ April 2005 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 574/72”).
( 5 ) Sentenza tas-6 ta’ Frar 2018, Altun et (C‑359/16, iktar ’il quddiem is-sentenza Altun, EU:C:2018:63).
( 6 ) Skont id-definizzjoni pprovduta mir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-14 ta’ Settembru 2016, dwar id-dumping soċjali fl-Unjoni Ewropea (A8-0255/2016), il-kunċett ta’ “dumping soċjali”“ikopri firxa wiesgħa ta’ prattiki abbużivi b’mod intenzjonali u l-evitar tal-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali eżistenti (inklużi liġijiet u ftehimiet kollettivi applikabbli universalment), li jippermetti l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni inġusta billi b’mod illegali jnaqqas l-ispejjeż tax-xogħol u dawk operazzjonali u jwassal għal ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-isfruttament tal-ħaddiema”.
( 7 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 5, p. 10).
( 8 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 5, p. 72).
( 9 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 284, p. 1).
( 10 ) JORF tat-13 ta’ Marzu 2007.
( 11 ) JORF tat-23 ta’ Novembru 2006.
( 12 ) Wara d-dħul fis-seħħ tal-Artikolu R. 330‑2‑1 tal-code de l’aviation civile (il-Kodiċi tal-Avjazzjoni Ċivili), l-Artikolu L. 342‑4 tal-code du travail (il-Kodiċi tax-Xogħol) ġie ssostitwit bl-Artikolu L. 1262‑3 ta’ dan l-aħħar kodiċi. Dan l-Artikolu R. 330-2-1 madankollu ma ġiex emendat konsegwentement.
( 13 ) Fid-dritt Franċiż, meta ħaddiem iwaqqaf unilateralment il-kuntratt tax-xogħol tiegħu minħabba fatti li huwa jakkuża bihom lill-persuna li timpjegah, dik it-terminazzjoni tikkostitwixxi notifika ta’ terminazzjoni u tipproduċi l-effetti ta’ tkeċċija mingħajr kawża reali u serja. Madankollu, il-ħaddiem jista’ jwaqqaf il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu minħabba żball tal-persuna li timpjegah biss f’każ ta’ nuqqas min-naħa ta’ din il-persuna suffiċjentement gravi li jipprekludi t-tkomplija tal-kuntratt ta’ xogħol. Inkella, in-notifika ta’ terminazzjoni tipproduci l-effetti ta’ riżenja.
( 14 ) Sentenza tas-27 ta’ April 2017 (C‑620/15, iktar ’il quddiem is-sentenza A-Rosa Flussschiff, EU:C:2017:309).
( 15 ) F’dan ir-rigward, nirreferi lill-qarrej għall-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża A-Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:12, punti 44 sa 55), u għal dawk fil-kawża Altun et (C‑359/16, EU:C:2017:850, punti 32 sa 37).
( 16 ) Għalkemm iċ-ċertifikat E 101 jista’ jinħareġ taħt ir-regoli applikabbi għall-kollokament tal-ħaddiema, li jinsabu fl-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 574/72, huwa jista’ jinħareġ ukoll abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħra, fosthom l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, applikabbli għall-persunal tal-ivvjaġġar u tat-titjir tal-impriżi ta’ trasport (ara l-punti 124 u 134 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 17 ) Cour de cassation, chambre criminelle (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Awla Kriminali), Nru 11-88420.
( 18 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere (C‑2/05, EU:C:2006:69, punti 19 u 32).
( 19 ) Is-sentenzi inkwistjoni qasmu b’mod partikolari d-dottrina nazzjonali. Ara, fost il-kritiċi, Lhernould, J. P., “Une compagnie aérienne peut-elle détacher des navigants en France? L’étonnante leçon anti-européenne de la chambre criminelle à propos du formulaire E 101”, RJS, 2014, u, fost il-konformisti, Muller, F., “Face aux abus et contournements, la directive d’exécution de la directive détachement est-elle à la hauteur?”, Dr. Soc., 2014, p. 788. Barra minn hekk, wara lment ta’ Vueling, il-Kummissjoni bdiet proċedura EU Pilot kontra Franza. Dan l-ilment madankollu ngħalaq wara l-għoti tas-sentenza A-Rosa Flussschiff.
( 20 ) Ara s-sentenza A-Rosa Flussschiff, punt 61. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, impliċitament imma neċessarjament, li n-natura ċivili jew kriminali tal-proċedura ma għandha ebda effett fuq l-effett vinkolanti taċ-ċertifikat E 101, peress li dan jorbot lill-qrati kollha tal-Istati Membri. Ara d-digriet tal-24 ta’ Ottubru 2017, Belu Dienstleistung u Nikless (C‑474/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:812, punt 17).
( 21 ) Fi kliem ieħor, filwaqt li għandi ċerti riżervi fuq il-mod għaġġieli li bih il-qrati kriminali Franċiżi injoraw iċ-ċertifikati E 101 prodotti minn Vueling u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata miegħu, jidhirli li s-soluzzjoni li waslu għaliha hija, fil-prinċipju tagħha, konformi mad-dritt tal-Unjoni.
( 22 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Altun et (C‑359/16, EU:C:2017:850, punt 35).
( 23 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Altun et (C‑359/16, EU:C:2017:850, punt 36).
( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Altun, punti 37 sa 39 u 41 sa 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.
( 25 ) Sentenza Altun, punti 39 u 40.
( 26 ) Ara b’mod partikolari s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 27 ) Sentenza Altun, punt 48.
( 28 ) Ara s-sentenza Altun, punt 49. Ara wkoll is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2017, Cussens et (C‑251/16, EU:C:2017:881, punti 27, 30, 31 u 33).
( 29 ) Għall-elementi li jikkostitwixxu frodi, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, u l-indizji li jippermettu li tiġi kkonstatata, ara t-taqsima Ċ ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 30 ) Ara s-sentenza Altun, punti 55, 56 u 60.
( 31 ) Ara s-sentenza Altun, punti 20 u 21.
( 32 ) Sentenza Altun, punti 54 u 55.
( 33 ) Ara l-punti 26 sa 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 34 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2017, Cussens et (C‑251/16, EU:C:2017:881, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 35 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2019 (C‑115/16, C‑118/16, C‑119/16 u C‑299/16, EU:C:2019:134, punti 96 sa 102).
( 36 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2019 (C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punti 70 sa 76).
( 37 ) Ara s-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2019, N Luxembourg 1 et (C‑115/16, C‑118/16, C‑119/16 u C‑299/16, EU:C:2019:134, punti 110 u 120), kif ukoll T Danmark u Y Denmark (C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punti 76 u 82).
( 38 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Calle Grenzshop Andresen (C‑425/93, EU:C:1995:12, punt 63). Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1989, van de Bijl (130/88, EU:C:1989:349, punti 20 sa 27), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawża van de Bijl (130/88, mhux ippubblikati, EU:C:1989:157, punt 17). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża Paletta (C‑45/90, mhux ippubblikati, EU:C:1991:434, punti 29 sa 34), u s-sentenza tat-2 ta’ Mejju 1996, Paletta (C‑206/94, EU:C:1996:182, punti 24 sa 28). F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li ċerti dokumenti, maħruġin mill-istituzzjonijiet ta’ Stat Membru u li jorbtu, fil-prinċipju, lil dawk ta’ Stat Membru ieħor, jistgħu jkunu injorati mill-qorti ta’ dan l-aħħar Stat f’każ ta’ frodi. Hija ċaħdet, f’dawn il-kawżi, is-suġġerimenti tal-intervenjenti li jipproponu li l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tkun ipprivileġġata.
( 39 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Altun et (C‑359/16, EU:C:2017:850, punt 44).
( 40 ) Ara l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 41 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Altun et (C‑359/16, EU:C:2017:850, punt 71).
( 42 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑356/15, EU:C:2018:555, punt 105), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’dik il-kawża, li hija intiża li tiġġieled kontra ċ-ċertifikati E 101 miksuba jew invokati b’mod frawdolenti, ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tas-sentenza Altun, peress li, b’mod partikolari, din il-leġiżlazzjoni ma tipprevedi l-ebda obbligu sabiex l-amministrazzjoni tibda proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni prevista mir-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009.
( 43 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Altun et (C‑359/16, EU:C:2017:850, punt 46). Ara wkoll ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-14 ta’ Settembru 2016, dwar id-dumping soċjali fl-Unjoni Ewropea, iċċitata iktar ’il fuq. Ara wkoll, b’analoġija fir-rigward tad-“dumping fiskali”, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2019, N Luxembourg 1 et (C‑115/16, C‑118/16, C‑119/16 u C‑299/16, EU:C:2019:134, punt 107), kif ukoll T Danmark u Y Denmark (C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punt 79).
( 44 ) Ara l-premessa 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva Nru H5 tat-18 ta’ Marzu 2010 dwar il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-frodi u l-iżbalji fil-qafas tar-[Regolament Nru 883/2004] u r-[Regolament Nru 987/2009] (ĠU 2010, C 149, p. 5).
( 45 ) Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawża van de Bijl (130/88, mhux ippubblikati, EU:C:1989:157, punt 17).
( 46 ) Infakkar li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Amministrattiva li jipprovdu tali termini ma għandhomx effett vinkolanti. Ninnota madankollu li l-proposta għal emenda tar-regolamenti ta’ koordinazzjoni attwalment dibattuta mil-leġiżlatur tal-Unjoni tipprevedi l-introduzzjoni ta’ termini għall-eżami mill-ġdid, mill-istituzzjoni emittenti, tal-fondatezza tal-ħruġ taċ-ċertifikat E 101 u, jekk ikun il-każ, l-irtirar jew ir-rettifika tal-imsemmi ċertifikat, fuq talba ta’ istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ieħor. Fil-każ ta’ frodi inkonfutabbli mwettqa mill-applikant għad-dokument, l-istituzzjoni emittenti għandha tirtira jew tirrettifika immedjatament id-dokument, b’effett retroattiv. Ara, għal iktar dettalji, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Altun et (C‑359/16, EU:C:2017:850, punt 21).
( 47 ) Il-kawża li wasslet għas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2018, Alpenrind et (C‑527/16, EU:C:2018:669), tipprovdi f’dan ir-rigward eżempju elokwenti. F’dik il-kawża, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti kienet indikat lill-istituzzjoni emittenti li d-dokumenti portabbli A1 li hija kienet ħarġet għal ċerti ħaddiema ma kinux validi. L-istituzzjoni emittenti kienet irrifjutat li tirtira dawn id-dokumenti. Wara dan in-nuqqas ta’ qbil, l-Istati Membri kkonċernati kienu adixxew lill-Kummissjoni Amministrattiva li kienet tat deċiżjoni li tirrigwarda l-irtirar tal-imsemmija dokumenti. Dawn l-istess dokumenti ma kinux madankollu ġew irtirati mill-istituzzjoni emittenti wara dik il-proċedura ta’ konċiljazzjoni.
( 48 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 (ĠU 2014, L 159, p. 11). B’mod partikolari, l-Artikolu 6(10) ta’ din id-direttiva jipprovdi li talba għall-informazzjoni bejn istituzzjonijiet kompetenti fir-rigward tal-kollokament ma tipprekludix lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti milli jieħdu miżuri skont il-liġi nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni applikabbli biex jinvestigaw u jimpedixxu ksur allegat tar-regoli ta’ kollokament tal-ħaddiema.
( 49 ) Nimmaġina b’mod partikolari t-tip ta’ frodi inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Altun, li tikkonsisti fil-ħolqien ta’ kumpanniji li jagħmluha ta’ “kaxxi tal-ittri” fi Stat Membru partikolari għall-finijiet biss tal-kollokament tal-ħaddiema fi Stat Membru ieħor. L-Irlanda u l-Kummissjoni jaslu saħansitra biex isostnu li l-qorti tal-Istat Membru ospitanti ma jistax ikollha provi li jistabbilixxu l-frodi mingħajr ma jseħħ djalogu mal-istituzzjoni emittenti. In-natura eċċessiva ta’ din l-affermazzjoni tispikka mill-ewwel. Għalkemm tali djalogu mal-istituzzjoni emittenti jista’ jirriżulta utli biex jinkisbu l-provi, dan ma huwiex indispensabbli. Din l-istituzzjoni ma hijiex dejjem f’pożizzjoni aħjar mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti biex tikkonstata l-frodi. B’mod partikolari, hemm elementi deċiżivi li spiss jistgħu jiġu kkonstatati fl-Istat Membru ospitanti. Dan huwa l-każ fiċ-ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, fejn b’mod partikolari trid tiġi kkonstatata l-eżistenza, f’dak l-Istat, ta’ fergħa proprjetà tal-persuna li timpjega u ta’ rabta tal-ħaddiema ma’ din il-fergħa (ara t-taqsima Ċ ta’ dawn il-konklużjonijiet). Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni insista huwa stess fuq ir-rwol ta’ verifika mogħti lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti, fid-Direttiva 2014/67, li l-Artikolu 7 tagħha jipprovdi, essenzjalment, li l-verifika dwar l-osservanza ta’ din id-direttiva u tad-Direttiva 96/71 taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet ta’ dan l-Istat megħjuna, jekk ikun il-każ, mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li jibgħat lill-ħaddiema.
( 50 ) F’dan il-każ, kieku l-awtoritajiet Franċiżi kienu bdew id-djalogu iktar kmieni, l-istituzzjoni emittenti kienet probabbilment tannulla ċ-ċertifikati E 101 kontenzjużi, peress li hija rrinunzjat milli tagħmel dan essenzjalment minħabba raġunijiet ta’ preskrizzjoni.
( 51 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Altun et (C‑359/16, EU:C:2017:850, punt 56).
( 52 ) Ara l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 53 ) Ara, pereżempju, dwar id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 6, p. 34), is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Poltorak (C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 45). Ara wkoll, fil-kuntest tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell Ia”), is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands (C‑681/13, EU:C:2015:471, punti 40 u 63).
( 54 ) Ara b’mod partikolari s-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 55 ) Ara, dwar dan il-prinċipju, punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 56 ) B’mod ġenerali, il-konstatazzjoni ta’ frodi għandha, fost oħrajn, twassal għall-affiljazzjoni retroattiva tal-ħaddiema kkonċernati mal-iskema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti. Fil-preżent, ir-regolamenti ta’ koordinazzjoni ma fihomx madankollu dispożizzjonijiet li jikkonċernaw ir-regolamentazzjoni tal-konsegwenzi finanzjarji ta’ tali tibdil retroattiv, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet imħallsa indebitament mill-persuna li timpjega. Id-diffikultajiet li jiġġenera dan it-tibdil jistgħu madankollu jiġu solvuti b’soluzzjoni nnegozjata bejn istituzzjonijiet kompetenti, fi spirtu ta’ kooperazzjoni. F’dan ir-rigward, inqis li meta l-qorti tal-Istat Membru ospitanti tikkonstata frodi f’deċiżjoni finali, l-istituzzjoni emittenti jkollha tislet il-konsegwenzi ta’ dik id-deċiżjoni ġudizzjarja billi tirtira ċ-ċertifikati kontenzjużi u billi tinnegozja tali soluzzjoni. Fil-fatt, il-fiduċja reċiproka għandha tiffunzjona fiż-żewġ sensi (ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Altun et (C‑359/16, EU:C:2017:850, punt 65)). Barra minn hekk, hemm mekkaniżmi intiżi li jiffaċilitaw is-soluzzjoni ta’ dawn il-konsegwenzi finanzjarji li jinsabu previsti fil-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-[Regolament Nru 883/2004] u r-[Regolament Nru 987/2009] (COM(2016) 815 final), li għadha pendenti għall-adozzjoni.
( 57 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2017, Cussens et (C‑251/16, EU:C:2017:881, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Altun et (C‑359/16, EU:C:2017:850, punt 66).
( 58 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2015, Gogova (C‑215/15, EU:C:2015:710, punti 45 u 46), kif ukoll Fawcett, J.J., “The impact of Article 6(1) of the ECHR on private international law”, International & Comparative Law Quarterly, 2007, 56(1), p. 1.
( 59 ) Skont l-Artikolu 1(2)(ċ) tiegħu, is-sigurtà soċjali hija materja eskluża mir-Regolament Brussell Ia. Għaldaqstant, l-eventwali azzjoni tal-ħaddiem kontra l-istituzzjoni emittenti ma taqax taħt l-imsemmi regolament. Min-naħa l-oħra, din l-esklużjoni ma tapplikax għall-azzjoni għad-danni mibdija mill-ħaddiem kontra l-persuna li timpjegah anki jekk l-isfond tagħha huwa n-nuqqas ta’ osservanza minn dan tal-aħħar tal-obbligu tiegħu fil-qasam tas-sigurtà soċjali (ara s-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2002, Baten (C‑271/00, EU:C:2002:656, punt 48)).
( 60 ) Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 1987, Shenavai (266/85, EU:C:1987:11, punt 16), u tas-27 ta’ Frar 2002, Weber (C‑37/00, EU:C:2002:122, punt 40). Fuq dan il-punt, għandi l-inklinazzjoni nqis li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, il-post abitwali tax-xogħol tal-ħaddiema kkonċernati ma jinsabx fl-Istat Membru li jibgħathom, iżda fl-Istat Membru ospitanti (ara punt 147 tal-konklużjonijiet preżenti).
( 61 ) Ara, b’analoġija fil-qasam tal-kompetenza territorjali fil-kuntest tal-protezzjoni tal-konsumaturi, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punti 22 sa 24).
( 62 ) Ara, a contrario, hawnhekk ukoll, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑356/15, EU:C:2018:555, punt 105), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkundannat il-leġiżlazzjoni inkwistjoni minħabba t-tieni motiv li hija ma kinitx limitata biex tagħti biss lill-qorti nazzjonali s-setgħa li tikkonstata l-eżistenza ta’ frodi u li, għal din ir-raġuni, tinjora d-dokument portabbli A1, iżda kienet tipprovdi din il-possibbiltà lill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali lil hinn minn kull proċedura ġudizzjarja.
( 63 ) Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117), u tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586).
( 64 ) L-eventwali żbalji tal-qrati nazzjonali, jekk jitwettqu fl-aħħar istanza, jistgħu, mill-bqija, jiġu kkundannati permezz ta’ azzjoni għad-danni (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513)) jew rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Il-Kummissjoni vs Franza (Taxxa minn ras il-għajn) (C‑416/17, EU:C:2018:811)) kontra l-Istat Membru kkonċernat.
( 65 ) F’dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż spjega, waqt is-seduta, li l-prattika segwita fiż-żmien tal-fatti kienet tikkonsisti, għall-ispettorat tax-xogħol, li jibagħtu l-proċessi verbali tagħhom dwar il-ksur kemm lill-Urssaf kompetenti kif ukoll lill-prosekutur. Meta dan tal-aħħar kien jibgħat lill-persuna li timpjega quddiem il-qorti kriminali, l-Urssaf kienet tistenna l-eżitu ta’ din il-proċedura. F’każ ta’ sentenza ta’ kundanna, din l-istituzzjoni kienet tinforma lill-istituzzjoni emittenti. Fi kliem ieħor, l-awtoritajiet Franċiżi kienu jikkunsidraw li ma kienx hemm lok li jinformaw lill-istituzzjoni emittenti malli kienu jqumu d-dubji fir-rigward tal-validità ta’ ċertifikat E 101, imma malli l-ksur tar-regoli tas-sigurtà soċjali kien jiġi stabbilit, b’mod kontradittorju, mill-qorti.
( 66 ) Vueling targumenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-istituzzjoni emittenti kkonfermat il-fondatezza taċ-ċertifikati E 101 kontenzjużi. Nosserva madankollu li jirriżulta mid-deċiżjoni tal-5 ta’ Diċembru 2014, li tagħha din il-kumpannija bagħtet traduzzjoni uffiċjali lill-Qorti tal-Ġustizzja, li din l-istituzzjoni kienet taqbel mal-evalwazzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi fir-rigward tal-leġiżlazzjoni ta’ sigurtà soċjali li kellha tiġi applikata għall-ħaddiema kkonċernati billi ċ-ċertifikati inkwistjoni nżammu biss għal raġunijiet ta’ espedjenza (ara l-punti 27 u 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Madankollu, huma l-qrati tar-rinviju, li huma l-uniċi qrati li għandhom il-kompetenza jevalwaw il-fatti, li jivverifikaw dan.
( 67 ) Infakkar li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Altun, l-istituzzjoni emittenti taċ-ċertifikati E 101 kienet irrispondiet lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti. Din l-istituzzjoni, min-naħa l-oħra, ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni, fir-risposta tagħha, il-provi invokati minn dawn l-awtoritajiet.
( 68 ) Ara l-punti 27 u 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 69 ) Bħala eżempju, il-Kummissjoni tikkontempla, fil-proposta għal regolament attwalment iddibattuta quddiem il-leġiżlatur tal-Unjoni, li tagħti terminu ta’ 25 jum tax-xogħol lill-istituzzjoni emittenti, b’effett mit-talba ta’ istituzzjoni oħra, biex terġa’ teżamina u, jekk ikun il-każ, tirrettifika jew tirtira ċertifikat E 101.
( 70 ) L-ittra tad-9 ta’ Diċembru 2014 li għaliha hemm riferiment fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet ċertament tindika li l-awtoritajiet Spanjoli ma kinux ikkonstataw intenzjoni frawdolenti. Din l-indikazzjoni, madankollu, ma tidhirx fid-deċiżjoni tal-5 ta’ Diċembru 2014. Barra minn hekk, la din l-ittra u lanqas din id-deċiżjoni ma jiddiskutu l-provi mressqa f’dan ir-rigward mill-awtoritajiet Franċiżi.
( 71 ) Sentenza Altun, punti 50 sa 52.
( 72 ) Dan il-kunċett kien iddefinit, fiż-żmien tal-fatti, fl-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 tas-16 ta’ Diċembru 1991 dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol 1, p. 348), kif emendat permezz tar-Regolament Nru 1899/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 377, p. 1). Dan l-Anness III jiddefinixxi l-kunċett ta’ “bażi ta’ residenza” bħala “[i]l-post nominat mill-operatur lill-membru ta’ l-ekwipaġġ li minnu l-membru ta’ l-ekwipaġġ normalment jibda’ u jispiċċa perjodu ta’ dmir jew sensiela ta’ perjodi ta’ dmir u fejn, taħt kondizzjonijiet normali, l-operatur mhux responabbli għall-akkomodazzjoni tal-membru ta’ l-ekwipaġġ konċernat”. Dan il-kunċett huwa, f’dan il-kuntest, deċiżiv għall-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam taż-żmien massimu tat-titjir u taż-żmien ta’ mistrieħ obbligatorju. Il-bażi ta’ residenza għandha għaldaqstant tkun magħżula għal kull membru tal-ekwipaġġ. L-imsemmi Anness III ġie ssostitwit f’żewġ okkażjonijiet, bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 8/2008, tal-11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2008, L 10, p. 1), u bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 859/2008, tal‑20 ta’ Awwissu 2008 (ĠU 2008, L 254, p. 1), mingħajr madankollu ma ġiet emendata din id-definizzjoni.
( 73 ) Ara, għal iktar spjegazzjonijiet fid-dettall, Urban, Q., “Le droit individuel applicable au personnel d’une compagnie aérienne low cost à l’épreuve de son organisation en réseau”, f’Lyon-Caen, A. u Urban, Q., Le droit du travail à l’épreuve de la globalisation, Dalloz, 2008, pp. 119 et seq.; Jorens, Y., Fair aviation for all, a discussion on some legal issues, ETF, Jannar 2019, speċjalment pp. 12, 13 u 19 sa 31; u r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tal‑1 ta’ Marzu 2019, intitolat “Strateġija għall-Ewropa dwar l-Avjazzjoni: Iż-żamma u l-promozzjoni ta’ standards soċjali għoljin” (COM (2019) 120 final). Ara wkoll, fuq is-suġġett, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et (C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688).
( 74 ) Infakkar li dan l-artikolu jipprovdi, essenzjalment, li persuna li timpjega ma tistax tinvoka dispożizzjonijiet applikabbli għall-kollokament meta jkollha stabbiliment stabbli fit-territorju Franċiż. F’dawn il-konklużjonijiet, ma hijiex l-intenzjoni tiegħi li nieħu pożizzjoni fuq il-kompatibbiltà tal-imsemmi artikolu mad-dritt tal-Unjoni.
( 75 ) Fid-duttrina jiġi ssuġġerit ukoll li fir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni) (ĠU 2008, L 293, p. 3) għandha tiżdied definizzjoni tal-kunċett ta’ “bażi tal-operat” viċina għal dik prevista fid-dritt Franċiż (“an airport at which the airline permanently bases aircraft and crew and from where it operates routes. Both fleet and personnel return to the base at the end of the day”) sabiex tiġi identifikata l-infrastruttura li minnha l-kumpannija tal-ajru twettaq l-attività tagħha b’mod stabbli u kontinwu, jiġifieri stabbiliment sekondarju li jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment. Ara Jorens, Y., dokument iċċitat iktar ’il fuq, pp. 29 u 30.
( 76 ) Fil-fehma tiegħi, hija partikolarment ħasra li dik il-qorti ma mmotivatx id-deċiżjoni tagħha fir-rigward tar-Regolament Nru 1408/71. Minflok, hija rraġunat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali (ħaġa li diġà, minnha nnifisha, hija tali li tqajjem dubji fir-rigward tal-osservanza tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni) li, skont il-fehim tiegħi, huma intiżi li jittrasponu d-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 2, p. 431, rettifika fil-ĠU 2015, L 16, p. 66). Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet jaqgħu taħt id-dritt tax-xogħol u ma setgħux ikunu direttament rilevanti biex tiġi evalwata l-osservanza tar-regoli ta’ sigurtà soċjali previsti f’dan ir-regolament. Il-kunċetti ta’ kollokament u l-kundizzjonijiet li huma marbutin magħhom huma ċertament viċini, imma madankollu distinti f’dawn iż-żewġ strumenti. Għaldaqstant, għalkemm huma possibbli xi analoġiji fuq ċerti punti, wieħed ma jistax jikkunsidra minn qabel li s-soluzzjonijiet applikabbli f’qasam wieħed huma awtomatikament trasponibbli għall-ieħor.
( 77 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 li jemenda r-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009 (ĠU 2012, L 149, p. 4).
( 78 ) Ara l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 883/2004 kif emendat permezz tar-Regolament Nru 465/2012.
( 79 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża A-Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:12, punt 35).
( 80 ) L-ispjegazzjonijiet mogħtija mit-tribunal de grande instance de Bobigny (il-Qorti Reġjonali ta’ Bobigny) u l-formulazzjoni tal-ewwel domanda minn dik il-qorti jfakkru fl-argument ta’ Vueling. Fil-fatt, fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-kumpannija, filwaqt li sostniet li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 kienu f’dan il-każ issodisfatti, tafferma li ċ-ċertifikati E 101 kontenzjużi nħarġu taħt l-Artikolu 14(2)(a) ta’ dan ir-regolament u tal-punt 1a tal-Artikolu 12a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 574/72.
( 81 ) Dispożizzjonijiet enfasizzati minni.
( 82 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Kik (C‑266/13, EU:C:2015:188, punt 59).
( 83 ) Ara, fl-istess sens, Gamet, L., “Personnel des aéronefs et lois sociales françaises: les compagnies low cost dans les turbulences du droit social français”, Droit social, 2012, p. 502, u, b’analoġija, għal dak li jikkonċerna l-persunal tal-ivvjaġġar, Lhernould, J. F. u Palli, B., “Le statut social du chauffeur routier international à la lumière des dernières propositions législatives communautaires”, Droit social, 2017, p. 1057.
( 84 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2018, Alpenrind et (C‑527/16, EU:C:2018:669, punt 95).
( 85 ) Madankollu nippreċiża li, peress li l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jirrigwarda biss l-ekwipaġġ tal-ajru li jkun impjegat fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar, dan ma japplikax għall-ħaddiema li jagħmlu biss rotot interni. F’dan il-każ, ir-regola tal-prinċipju tal-lex loci laboris li tinsab fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandha tapplika (ara, fuq dan is-suġġett, il-kawża li wasslet għas-sentenza tas-27 ta’ April 2017, A-Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:309)) u l-ħaddiema kkonċernati jkunu jistgħu jibbenefikaw mir-regoli tal-kollokament. Madankollu, dan il-każ ma jirrigwardax din il-konfigurazzjoni partikolari, peress li l-ekwipaġġ tal-ajru ta’ kumpannija tal-ajru li jwettaq trasport internazzjonali huwa intiż li jaħdem b’mod abitwali f’ajruplani b’destinazzjoni għal diversi Stati Membri. Barra minn hekk, nosserva li s-soluzzjoni tista’ tkun differenti taħt l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 465/2012. Fil-fatt, fil-kuntest tal-finzjoni legali prevista hemmhekk, l-attività tal-ekwipaġġ tal-ajru ma tibqax meqjusa bħala li titwettaq f’diversi Stati Membri, imma titqies li ssir biss fl-Istat tal-bażi tar-residenza (ara l-punt 120 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 86 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Anisimovienė et (C‑688/15 u C‑109/16, EU:C:2018:209, punt 89 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 87 ) Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros (C‑212/97, EU:C:1999:126, punti 17 sa 21), u tas-26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software (C‑418/11, EU:C:2013:588, punt 63).
( 88 ) Ara s-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 28), u tal-11 ta’ Diċembru 2003, Schnitzer (C‑215/01, EU:C:2003:662, punt 32).
( 89 ) Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 1978, Somafer (33/78, EU:C:1978:205, punt 12), u tal-11 ta’ April 2019, Ryanair (C‑464/18, EU:C:2019:311, punt 33).
( 90 ) Ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 91 ) Ara, għal din id-definizzjoni, il-punt 119 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 92 ) Differenza bejn il-kunċetti ta’ “fergħa jew rappreżentanza permanenti” u “bażi tal-operat” tista’ eventwalment tkun fir-rekwiżit tal-awtonomija, ikkontemplat fl-ewwel kunċett, imma li ma jidhirx li joħroġ, mill-bidu, mit-tieni wieħed. Fi kwalunkwe każ, huwa paċifiku li l-bażi li kellha Vueling fi Roissy kellha direttur u rappreżentant legali, b’mod li ma huwiex meħtieġ li din il-kwistjoni tiġi approfondita f’dawn il-kawżi.
( 93 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2018, Alpenrind et (C‑527/16, EU:C:2018:669, punt 98).
( 94 ) Ara Omarjee, I., Droit européen de la protection sociale, Larcier, Edizzjoni 1, 2018, pp. 223 et seq.
( 95 ) Ara s-sentenzi tas-26 ta’ Mejju 1982, Ivenel (133/81, EU:C:1982:199, punti 15 u 20), u tal-15 ta’ Jannar 1987, Shenavai (266/85, EU:C:1987:11, punt 16).
( 96 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017 (C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Nogueira et (C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:312).
( 97 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et (C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688, punti 61, 63 u 77). Ara, fuq il-kunċett ta’ “bażi ta’ residenza” u l-użu tiegħu fid-dritt tal-Unjoni, il-punti 116 u 120 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 98 ) Ara s-sentenza Altun, punt 53.
( 99 ) Ara, b’analoġija, il-premessa 11 tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2017, dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU 2017, L 198, p. 29).
( 100 ) Fuq din il-kwistjoni, ara l-punti 127 sa 132 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 101 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1970, Manpower (35/70, EU:C:1970:120, punt 14), u tal-25 ta’ Ottubru 2018, Walltopia (C‑451/17, EU:C:2018:861, punti 34 u 35).
( 102 ) Iċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu għaldaqstant joqogħdu fuq il-fruntiera bejn il-frodi u l-abbuż tad-dritt. Fil-prinċipju, dawn il-kunċetti huma distinti. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prova ta’ tali abbuż teħtieġ, minn naħa, grupp ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja l-osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan li għandu jintlaħaq minn din il-leġiżlazzjoni ma ġiex milħuq u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fil-volontà li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jintlaħaq (ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Altun et (C‑359/16, EU:C:2017:850, nota ta’ qiegħ il-paġna 45)). Madankollu, mhux dejjem ikun possibbli li ssir distinzjoni netta.
( 103 ) Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2000, FTS (C‑202/97, EU:C:2000:75, punt 28), kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2012, Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe (C‑115/11, EU:C:2012:606, punti 30 u 31).
( 104 ) Ara l-premessa 13 tad-Deċiżjoni Nru 181 tal-Kummissjoni Amministrattiva, tat‑13 ta’ Diċembru 2000, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 14(1), 14a(1) u 14b(1) u (2) tar-Regolament Nru 1408/71 (ĠU 2001, L 329, p. 73), kif ukoll Steinmeyer, H. D., “Title II – Determination of the legislation applicable”, f’Fuchs, M. u Cornelissen, R., EU Social Security Law – A Commentary on EU Regulations 883/2004 and 987/2009, Nomos, 2015, p. 167.
( 105 ) B’mod iktar preċiż, l-awtorità ta’ res judicata tibbenefika minn dak kollu li ġie definittivament, neċessarjament u ċertament deċiż mill-qorti kriminali, fir-rigward tal-eżistenza tal-fatt li jifforma l-bażi komuni għall-azzjoni ċivili u l-azzjoni kriminali, il-klassifikazzjoni tagħha kif ukoll il-ħtija ta’ dak li lilu jiġi imputat dak il-fatt.
( 106 ) Ara Cour de cassation, chambre civile, 7 ta’ Marzu 1855, Quertier, Bull. civ. Nru 31; Cour de cassation, 1ère chambre civile, 24 ta’ Ottubru 2012, Nru 11-20.442, u Cour de cassation, chambre sociale, 18 ta’ Frar 2016, Nru 14-23.468. Dan il-prinċipju għandu jixxebbah ma’ dak li jipprovdi li “l-proċeduri kriminali jissospendu l-proċeduri ċivili”, li jobbliga lill-qorti ċivili, meta jkunu nbdew proċeduri ċivili u kriminali għall-istess fatti, li tissospendi l-proċeduri sakemm ikun hemm deċiżjoni finali fil-kriminal. Ara, għal applikazzjoni ta’ dan l-aħħar prinċipju fil-kawżi prinċipali, il-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 107 ) Ara l-punti 24 u 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 108 ) Ara l-ispjegazzjonijiet li jinsabu fil-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 109 ) Il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iġġustifikat għaldaqstant din l-awtorità bil-fatt li “l-ordni soċjali jiġi li jsofri antagoniżmu li, minħabba biss interess privat, ikollu bħala riżultat li titnaqqas il-fiduċja dovuta lis-sentenzi tal-qrati kriminali, u li terġa’ tiġi diskussa l-innoċenza tal-persuna kkundannata li hija kienet qieset ħatja, jew ir-responsabbiltà tal-arrestat li hija kienet iddikjarat li ma huwiex l-awtur tal-fatt imputat lilu”. Cour de cassation, chambre civile, 7 ta’ Marzu 1855, Quertier, Bull. civ. Nru 31.
( 110 ) Ara, f’dan is-sens, Kornezov, A., “Res Judicata of national judgments incompatible with EU law: time for a major rethink?”, Common Market Law Review, Nru 51, 2014, pp. 809 et seq.
( 111 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, punti 52 u 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 112 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 113 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub (C‑2/08, EU:C:2009:506, punti 29 sa 31). Mill-bqija, din it-tifsira tal-awtorità ta’ res judicata ma hijiex komunement aċċettata fl-Istati Membri. Il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata tal-kriminal fuq iċ-ċivil ġie abbandunat fil-Ġermanja u fi Spanja u ma huwiex irrikonoxxut fil-pajjiżi tal-Common law. Fl-aħħar nett, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Portugall, il-liġi tipprovdi li l-elementi kkonstatati mill-qorti kriminali għandhom biss valur ta’ preżunzjonijiet konfutabbli (ara Pradel, J., Droit pénal comparé, Précis Dalloz, Edizzjoni 4, 2016, pp. 564 sa 567).
( 114 ) Sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018 (C‑596/16 u C‑597/16, EU:C:2018:192, punti 25, 28, 29 u 32 sa 34).
( 115 ) Ara s-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Di Puma u Zecca (C‑596/16 u C‑597/16, EU:C:2018:192, punti 32 sa 34).