KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

NORKUS

ippreżentati fit‑2 ta’ Ottubru 2025 ( 1 )

Kawża C‑516/24 [Winderwill] ( i )

BC, irrappreżentat legalment mir-rappreżentant legali,

vs

LG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Schleswig (il-Qorti Distrettwali ta’ Schleswig, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni – Kawża mressqa quddiem qorti – Tressiq ta’ talba għal għajnuna legali bil-għan li titressaq talba għal modifika tal-obbligi ta’ manteniment – Tressiq sussegwenti ta’ talba għal modifika tal-obbligi ta’ manteniment quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor”

1.

Il-kuntest ġuridiku ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa r-Regolament (KE) Nru 4/2009 ( 2 ) dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment. Fil-kuntest ġuridiku u fattwali ta’ din il-kawża, id-domanda tal-qorti tar-rinviju ser tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “dokument ekwivalenti” għall-att promotur, fis-sens tal-Artikolu 9(a) ta’ dan ir-regolament. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk talba għal għajnuna legali ( 3 ), imressqa mill-kreditur ta’ manteniment sabiex jaġixxi ġudizzjarjament kontra d-debitur, tistax taqa’ taħt dan il-kunċett.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt internazzjonali

2.

Skont l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll ta’ Den Haag ( 4 ):

“L-obbligi ta’ manteniment għandhom ikunu rregolati mil-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur, sakemm il-Protokoll ma jipprevedix mod ieħor.”

3.

L-Artikolu 4 ta’ dan il-protokoll jistabbilixxi regoli speċjali favur ċerti kredituri ta’ manteniment, applikabbli b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-obbligi ta’ manteniment tal-ġenituri lejn uliedhom. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jipprovdi:

“Minkejja l-Artikolu 3, jekk il-kreditur diġà jkun irrikorra għall-awtorità kompetenti tal-Istat fejn id-debitur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, il-liġi tal-forum għandha tapplika. Madanakollu, jekk il-kreditur ma jkunx jista’, permezz ta’ din il-liġi, jikseb manteniment mingħand id-debitur, il-liġi tal-Istat fejn il-kreditur ikollu r-residenza abitwali għandha tapplika.”

B.   Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 4/2009

4.

Il-premessa 1 tar-Regolament Nru 4/2009 tindika li dan tal-aħħar ġie adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex iwettaq l-għan tagħha li żżomm u li tiżviluppa spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li fi ħdanu jiġi żgurat il-moviment liberu tal-persuni.

5.

Skont il-premessa 9 tiegħu, dan ir-regolament ifittex li jiffaċilita l-kisba ta’ deċiżjoni dwar kreditu ta’ manteniment li ser tkun awtomatikament eżekuttiva fi Stat Membru ieħor mingħajr ebda formalità oħra.

6.

Skont il-premessa 36 tiegħu u l-Kapitolu V tiegħu, intitolat “Aċċess għall-ġustizzja”, l-imsemmi regolament ifittex li jistabbilixxi skema speċjali ta’ għajnuna legali fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment li tipprevedi t-teħid ta’ responsabbiltà totali għall-ispejjeż marbuta mal-proċeduri dwar l-obbligi ta’ manteniment fir-rigward tat-tfal ta’ taħt il‑21 sena mibdija permezz tal-awtoritajiet ċentrali.

7.

Il-premessa 44 tal-istess regolament tindika li dan tal-aħħar huwa intiż li jemenda r-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 5 ) billi jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar li japplikaw fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment.

8.

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009 jistabbilixxi:

“Fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, fl-Istati Membri, il-ġurisdizzjoni għandha tkun f’idejn:

(a)

il-qorti tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

(b)

il-qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

[…]”

9.

L-Artikolu 9(a) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Invokazzjoni ta’ qorti”, jistabbilixxi:

“Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, qorti għandha tkun ikkunsidrata invokata:

(a)

fil-ħin meta d-dokument li jagħti bidu għall-proċedimenti [att promotur] jew dokument ekwivalenti jkun ippreżentat quddiem il-qorti, dment illi l-kwerelant ma jkunx sussegwentament naqas milli jieħu l-passi li kien meħtieġ jieħu sabiex ikollu n-notifika effettwata fuq il-konvenut […]”

10.

Skont l-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament, intitolat “Lis pendens”:

“1.   Meta proċedimenti li jinvolvu [l-istess suġġett u] l-istess kawża ta’ azzjoni u jkunu bejn l-istess partijiet jitressqu quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, kwalunkwe qorti apparti mill-ewwel qorti li tkun invokata [adita] l-ewwel għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissospendi l-proċedimenti tagħha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti invokata.

2.   Meta l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti invokata tiġi stabbilita, kwalunkwe qorti minbarra l-qorti invokata l-ewwel għandha tirrinunzja l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”

11.

Skont l-Artikolu 15 tal-istess regolament:

“Il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment għandha tiġi determinata skont il-[Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007] fl-Istati Membri marbutin b’dak l-istrument.”

C.   Id-dritt Ġermaniż

1. Il-FamFG

12.

Il-Gesetz über das Verfahren in Familiensachen und in den Angelegenheiten der freiwilligen Gerichtsbarkeit (il-Liġi dwar il-Proċedura fil-Qasam tal-Familja u fil-Kawżi li Jaqgħu taħt il-Ġurisdizzjoni Volontarja, iktar ’il quddiem il-“FamFG”), tistabbilixxi, fl-Artikolu 76(1) tagħha:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili dwar l-għajnuna legali għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-ammissjoni għall-benefiċċju tal-għajnuna [legali prevista mill-FamFG][, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor iktar ’il quddiem.”

13.

L-Artikolu 77(1) tal-FamFG jipprovdi:

“Qabel l-ammissjoni għall-benefiċċju tal-għajnuna legali, il-qorti tista’ tagħti lill-partijiet ikkonċernati l-oħra l-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Fil-proċeduri li jsiru b’rikors, il-konvenut għandu jkollu l-possibbiltà li jieħu pożizzjoni dwar jekk huwa jqisx li l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni għall-benefiċċju tal-għajnuna legali huma ssodisfatti, ħlief jekk dan jidher li jkun inopportun għal raġunijiet partikolari.”

14.

L-Artikolu 113(1) tal-FamFG jistabbilixxi:

“Fil-qasam matrimonjali u tal-familja [...] [i]r-regoli ġenerali u speċifiċi tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili dwar il-proċeduri mressqa quddiem il-qrati għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

2. Iz-ZPO

15.

Iz-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili, iktar ’il quddiem iz-“ZPO”) jistabbilixxi, fl-Artikolu 114(1) tiegħu:

“Parti li, minħabba s-sitwazzjoni personali u ekonomika tagħha, ma tkunx f’pożizzjoni li tħallas l-ispejjeż ta’ proċedura ġudizzjarja, jew li tista’ tħallas biss parzjalment jew permezz ta’ ħlasijiet bin-nifs, għandha tibbenefika, fuq talba tagħha, minn għajnuna legali jekk l-azzjoni jew id-difiża ġudizzjarja prevista jkollha possibbiltajiet suffiċjenti li tirnexxi u ma tkunx ta’ natura abbużiva. F’dak li jirrigwarda l-għajnuna legali transkonfinali fi ħdan l-Unjoni Ewropea, għandhom ukoll jiġu applikati l-Artikoli 1076 sa 1078.”

16.

L-Artikolu 117 taz-ZPO jipprovdi:

“1.   It-talba għall-ammissjoni għall-benefiċċju tal-għajnuna legali għandha titressaq quddiem il-qorti adita bl-azzjoni; din it-talba tista’ titressaq permezz ta’ dikjarazzjoni fir-Reġistru. It-talba għandha tesponi l-elementi tat-tilwima u tindika l-mezzi ta’ prova. […]

2.   Dikjarazzjoni mill-parti dwar is-sitwazzjoni personali u ekonomika tagħha (is-sitwazzjoni tal-familja, il-professjoni, il-patrimonju, id-dħul u l-piżijiet) u l-provi relattivi għalihom, għandhom jiġu annessi mat-talba. Id-dikjarazzjoni u d-dokumenti ta’ sostenn jistgħu jiġu kkomunikati lill-parti avversarja biss bil-kunsens tal-parti, ħlief jekk, skont id-dritt ċivili, il-parti avversarja tgawdi dritt ta’ informazzjoni dwar id-dħul u l-patrimonju ta’ min iressaq it-talba. Min iressaq it-talba għandu jkollu l-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma d-dikjarazzjoni tiegħu tiġi trażmessa lill-parti avversarja. Huwa għandu jiġi informat bit-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni tiegħu.

3.   Għall-finijiet ta’ semplifikazzjoni u ta’ uniformizzazzjoni tal-proċedura, il-Ministeru Federali tal-Ġustizzja għandu jkun awtorizzat jintroduċi formoli ta’ dikjarazzjoni, permezz ta’ regolament, bil-kunsens tal-Bundesrat. […]

4.   Sa fejn ikunu ġew introdotti formoli għad-dikjarazzjoni prevista fil-paragrafu 2, il-parti għandha tużahom. […]”

17.

L-Artikolu 118(1) taz-ZPO jistabbilixxi:

“Il-parti avversarja għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu pożizzjoni dwar jekk hija tqisx li l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni għall-benefiċċju tal-għajnuna legali huma ssodisfatti, ħlief jekk dan jidher li jkun inopportun għal raġunijiet partikolari. Dan it-teħid ta’ pożizzjoni jista’ jsir permezz ta’ dikjarazzjoni fir-Reġistru. Il-qorti tista’ ssejjaħ lill-partijiet għal seduta jekk ikun jista’ jintlaħaq ftehim; tranżazzjoni għandha tiġi rreġistrata mill-qorti fi proċess verbal tal-qorti. L-ispejjeż sostnuti mill-parti avversarja ma għandhomx jiġu rrimborsati. L-ispejjeż sostnuti għas-smigħ ta’ xhieda jew ta’ esperti skont it-tielet sentenza tal-paragrafu 2 għandhom jiġu sostnuti bħala spejjeż mill-parti kkundannata għall-ispejjeż. L-Artikolu 128a għandu japplika mutatis mutandis għas-seduta miżmuma skont it-tielet sentenza.”

18.

L-Artikolu 167 taz-ZPO, intitolat “Effett retroattiv tal-komunikazzjoni”, jistabbilixxi:

“Meta l-għan tal-komunikazzjoni jkun li jiġi osservat terminu, li jibda jiddekorri terminu ġdid ta’ preskrizzjoni jew li jiġi sospiż dan it-terminu skont l-Artikolu 204 tal-[Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili)], dan l-effett iseħħ malli tiġi rċevuta t-talba jew id-dikjarazzjoni, meta din tiġi kkomunikata immedjatament.”

19.

L-Artikolu 261 taz-ZPO jipprovdi:

“(1)   It-tressiq tal-azzjoni joħloq il-lis pendens tat-tilwima.

[...]

(3)   Il-lis pendens għandha l-effetti li ġejjin:

1.

matul il-perijodu tal-lis pendens, it-tilwima ma tistax titressaq minn parti quddiem qorti oħra;

[...]”

3. Il-BGB

20.

Il-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġermaniż, iktar ’il quddiem il-“BGB”) jistabbilixxi, fil-punt 14 tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 204 (“Sospensjoni tal-preskrizzjoni permezz tal-preżentata ta’ rikors”) tiegħu:

“1) Il-preskrizzjoni għandha tiġi sospiża permezz ta’

[...]

Il-komunikazzjoni tat-talba inizjali għall-għoti tal-għajnuna legali; meta t-talba tiġi kkomunikata immedjatament wara li tkun tressqet, il-preskrizzjoni għandha tiġi sospiża mid-data tat-tressiq tat-talba”.

II. Il-fatti tal-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.

BC, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, huwa iben il-konvenut fil-kawża prinċipali, LG. BC jirrisjedi abitwalment fl-Isvezja, filwaqt li LG jgħix fil-Ġermanja.

22.

Fis‑17 ta’ Diċembru 2021, BC ressaq quddiem l-Amtsgericht Schleswig (il-Qorti Distrettwali ta’ Schleswig, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, talba għal għajnuna legali għall-finijiet ta’ talba għal modifika relatata mal-manteniment tal-wild. Ma’ din it-talba BC annetta talba għal modifika bħala abbozz, filwaqt li speċifika li din kienet ser titressaq formalment fil-każ tal-għoti tal-għajnuna legali.

23.

Fit‑28 ta’ Jannar 2022, jiġifieri qabel ma l-qorti tar-rinviju ddeċidiet dwar it-talba għal għajnuna legali, LG ressaq talba għal modifika tal-obbligi ta’ manteniment tiegħu lejn BC quddiem l-Eskilstuna Tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Eskilstuna, l-Isvezja).

24.

Permezz ta’ digriet tad‑29 ta’ Marzu 2022, il-qorti tar-rinviju rrifjutat li tagħti l-għajnuna legali lil BC, għar-raġuni li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni internazzjonali. Wara appell ippreżentat minn BC, is-Schleswig-Holsteinisches Oberlandesgericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Schleswig-Holstein, il-Ġermanja), permezz ta’ digriet tas‑27 ta’ Mejju 2022, annullat id-digriet mogħti mill-qorti tar-rinviju u tat l-għajnuna legali lil BC.

25.

Sussegwentement, BC ressaq it-talba għal modifika tal-obbligi ta’ manteniment quddiem il-qorti tar-rinviju, li ġiet ikkomunikata lil LG fil‑21 ta’ Lulju 2022.

26.

Fil-frattemp, it-talba għal modifika mressqa minn LG quddiem l-Eskilstuna tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Eskilstuna) kienet ġiet miċħuda minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali. Il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja) annullat din id-deċiżjoni u bagħtet lura l-kawża quddiem il-qorti tal-ewwel istanza. Permezz ta’ digriet tas‑6 ta’ Mejju 2024, din tal-aħħar issospendiet il-proċeduri quddiemha, skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 4/2009.

27.

Il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti adita, fis-sens tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 4/2009. F’dak li jirrigwarda t-talba għal għajnuna legali, dik il-qorti tistaqsi dwar il-possibbiltà li din tal-aħħar titqies li hija att ekwivalenti għal att promotur, fis-sens tal-Artikolu 9(a) ta’ dan ir-regolament, sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess. Peress li din id-domanda għadha ma ġietx deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija qorti tqis li hija biss interpretazzjoni uniformi tar-Regolament Nru 4/2009 li tippermetti li tiġi ggarantita ċertezza legali suffiċjenti.

28.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Schleswig (il-Qorti Distrettwali ta’ Schleswig) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Talba għal għajnuna legali, li magħha hemm anness biss bħala abbozz talba għal modifika fil-qasam tal-obbligu ta’ manteniment li ser titressaq formalment fil-każ tal-għoti ta’ din l-għajnuna, tikkostitwixxi ‘dokument ekwivalenti’ fis-sens tal-Artikolu 9(a) tar-[Regolament Nru 4/2009], b’mod li l-qorti nazzjonali hija adita u l-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti hija stabbilita?”

29.

Id-deċiżjoni tar-rinviju, datata t-22 ta’ Lulju 2024, waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Lulju 2024. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrent u mill-konvenut fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Ċek u mil-Gvern Ġermaniż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Inżammet seduta fit‑18 ta’ Ġunju 2025, li matulha l-Kummissjoni u l-Gvern Ġermaniż ippreżentaw osservazzjonijiet orali.

III. Analiżi

A.   Fuq it-tagħlim li għandu jinsilet mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “att promotur” jew ta’ “att ekwivalenti” fil-kuntest ta’ strumenti legali oħra

30.

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, f’din il-kawża, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta l-kunċett ta’ “dokument ekwivalenti” għall-att promotur li jinsab fl-Artikolu 9(a) tar-Regolament Nru 4/2009, għandu jiġi mistoqsi jekk punti ta’ riflessjoni, jew saħansitra elementi ta’ risposta, jistgħux jinstabu fid-dawl ta’ strumenti relatati u tal-interpretazzjoni tagħhom mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “att promotur” u, b’mod partikolari, dak ta’ “att ekwivalenti”, huma kunċetti trażversali li jinsabu f’diversi konvenzjonijiet internazzjonali jew fi strumenti legali oħra dwar il-ġurisdizzjoni f’materji ċivili. Għaldaqstant, dawn il-kunċetti diġà kienu s-suġġett ta’ interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tippermetti li jiġu stabbiliti l-limiti tagħhom fil-kuntesti ta’ dawn il-konvenzjonijiet internazzjonali u ta’ dawn l-istrumenti legali, u li jidhirli li huwa indispensabbli li nfakkar qabel ma nibda l-eżami tad-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.

31.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-ewwel sentenzi tagħha dwar l-interpretazzjoni tagħha fil-kuntest tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”) ( 6 ), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tispeċifika li l-kunċett ta’ “att promotur” jew ta’ “att ekwivalenti” jindika l-att jew l-atti, li n-notifika jew il-komunikazzjoni tagħhom lill-konvenut, imwettqa b’mod regolari u fi żmien xieraq, tqiegħed lil dan tal-aħħar f’pożizzjoni li jinvoka d-drittijiet tiegħu qabel ma tkun ingħatat sentenza eżekuttiva fl-Istat ta’ oriġini ( 7 ).

32.

Abbażi ta’ din id-definizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kemm ordni ta’ ħlas taħt id-dritt Ġermaniż (Zahlungsbefehl) li l-komunikazzjoni tagħha tippermetti lir-rikorrent, fl-assenza ta’ oppożizzjoni, jikseb deċiżjoni eżekuttiva ( 8 ) kif ukoll ordni ta’ ħlas taħt id-dritt Taljan (decreto ingiuntivo) innotifikata flimkien mar-rikors ( 9 ), huma att promotur.

33.

Mill-banda l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li awtorizzazzjoni ta’ eżekuzzjoni taħt id-dritt Ġermaniż (Vollstreckungsbefehl), li minnha nnifisha hija eżekuttiva u tingħata wara l-komunikazzjoni ta’ ordni ta’ ħlas, ma kinitx taqa’ taħt dan il-kunċett ta’ “att promotur” ( 10 ).

34.

Abbażi tat-tagħlim li għandu jinsilet mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, dejjem fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ordni ta’ ħlas, f’dak li jirrigwarda l-Konvenzjoni ta’ Lugano II ( 11 ), li, fil-każ ta’ sekwenza ta’ żewġ proċeduri li kull waħda minnhom tippermetti li tinkiseb, fi tmiemha, deċiżjoni eżekuttiva li tirrigwarda l-istess obbligu, il-bidu tal-ewwel proċedura jista’ jitqies li huwa att promotur tat-tieni waħda biss jekk ikun hemm unità funzjonali bejn it-tnejn ( 12 ).

35.

F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-kriterju ta’ unità funzjonali msemmi iktar ’il fuq jirrifletti eżempji oħra fil-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “att promotur” jew ta’ “att ekwivalenti”, b’mod partikolari s-sentenza Schlömp ( 13 ), li wkoll tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II ( 14 ).

36.

Permezz ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss stabbilixxiet approċċ funzjonali sabiex tqis, essenzjalment, li d-data li fiha nbdiet proċedura obbligatorja ta’ konċiljazzjoni quddiem awtorità ta’ konċiljazzjoni taħt id-dritt Svizzeru hija d-data li fiha “qorti” titqies li ġiet adita. Hija enfasizzat ukoll li, fid-dawl tal-paralleliżmu li jeżisti bejn il-mekkaniżmi sabiex jiġu riżolti l-każijiet ta’ lis pendens stabbiliti mill-Konvenzjoni ta’ Lugano II u, b’mod partikolari, mir-Regolament Nru 44/2001 ( 15 ) u fid-dawl tal-għan ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti ta’ din il-konvenzjoni u tal-imsemmi regolament, sitwazzjoni ta’ lis pendens hija ta’ natura oġġettiva u awtomatika u hija bbażata fuq l-ordni kronoloġiku li fih jiġu aditi l-qrati ( 16 ), bħalma għamlet sentenza oħra importanti f’dan il-qasam, jiġifieri s-sentenza HanseYachts ( 17 ).

37.

F’din is-sentenza tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk, fil-każ ta’ lis pendens, l-att li bih tinbeda l-proċedura intiża sabiex tinkiseb miżura istruttorja qabel il-bidu ta’ kwalunkwe kawża huwiex “att promotur” jew “att ekwivalenti”, jew jekk din il-klassifikazzjoni tappartjenix biss lill-att li bih titressaq l-azzjoni ġudizzjarja ( 18 ), jiġifieri l-proċedura “fuq il-mertu” ( 19 ).

38.

Filwaqt li bbażat ruħha fuq il-kuntest tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 44/2001, fuq l-għan tiegħu ( 20 ), fuq in-natura awtonoma tal-ewwel proċedura għall-ġbir tal-provi meta mqabbla mat-tieni proċedura “fuq il-mertu” u fuq l-eżistenza ta’ distinzjoni ċara ħafna bejn dawn iż-żewġ proċeduri, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fil-każ ta’ lis pendens, id-data li fiha nbdiet proċedura intiża sabiex tinkiseb miżura istruttorja qabel kwalunkwe kawża ma setgħetx tkun id-data li fiha “għandha tkun meqjusa bħala invokata [adita]”, fis-sens tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 44/2001, qorti mitluba tiddeċiedi dwar talba “fuq il-mertu” fl-istess Stat Membru wara r-riżultat ta’ din il-miżura ( 21 ).

39.

Fi kliem ieħor, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-att intiż sabiex tinkiseb miżura istruttorja minn qorti qabel kwalunkwe kawża ma jistax jiġi kklassifikat bħala att promotur jew bħala att ekwivalenti, peress li, essenzjalment, il-proċedura mressqa permezz ta’ tali att hija awtonoma meta mqabbla mal-proċedura “fuq il-mertu”.

40.

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq jista’ jinsilet it-tagħlim li ġej. Minn naħa, l-att promotur, jew att ekwivalenti, għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat lill-parti avversarja sabiex din tingħata l-possibbiltà li tinvoka d-drittijiet tad-difiża tagħha ( 22 ). Dan ir-rekwiżit jimplika loġikament li dan l-att ikun ta’ natura li jinforma lill-parti avversarja bit-tressiq tal-istanza kontriha u bl-elementi essenzjali tat-tilwima, b’mod li hija tkun tista’ tifhem jekk għandhiex torganizza d-difiża tagħha ( 23 ). Peress li t-tressiq tal-istanza jwassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u, b’mod iktar ġenerali, l-osservanza ta’ fażi kontradittorja, għandhom importanza partikolari. Fil-fatt, dan huwa spjegat fid-dawl tal-istrumenti legali relatati mal-ġurisdizzjoni internazzjonali li jiżguraw li l-proċeduri li jwasslu għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħhom għandhom jiġu żgurati fl-Istati kollha li huma partijiet għal dawn l-istrumenti, jitmexxew b’osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju. Din l-osservanza tiġġustifika l-approċċ liberali fil-qasam tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni ( 24 ).

41.

Min-naħa l-oħra, att promotur jew att ekwivalenti għandu jwassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni eżekuttiva u għalhekk jikkonċerna, bħala prinċipju, il-proċedura “fuq il-mertu”. Dan għandu, minn tal-inqas, ikun jikkonċerna proċedura preliminari u obbligatorja fid-dritt nazzjonali saħansitra qabel ma tinbeda din il-proċedura kontenzjuża “fuq il-mertu” ( 25 ) jew proċedura li tippermetti li tinħoloq unità funzjonali jew, fi kwalunkwe każ, ma tkunx awtonoma minn din il-proċedura “fuq il-mertu”.

42.

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li ebda wieħed minn dawn l-eżempji misluta mill-ġurisprudenza ma jirrigwarda direttament l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “dokument li jagħti bidu għall-proċedimenti [att promotur]” jew ta’ “dokument ekwivalenti” fis-sens tar-Regolament Nru 4/2009. Għalhekk hemm lok li l-kunċett ta’ “dokument ekwivalenti” għall-att promotur, li dwaru l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sens tal-Artikolu 9(a) ta’ dan ir-regolament, jiġi interpretat billi jiġi eżaminat, jekk ikun il-każ, jekk tistax tiġi stabbilita analoġija mat-tagħlim li jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 31 sa 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

B.   Fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “dokument ekwivalenti” għall-att promotur fis-sens tal-Artikolu 9(a) tar-Regolament Nru 4/2009

1. Lejn il-preċiżazzjoni tal-kriterji ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “att ekwivalenti” fid-dawl tal-ġurisprudenza eżistenti

43.

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet dwar ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu b’riferiment, minn naħa, għall-għanijiet u għall-istruttura tar-regolament ikkunsidrat u, min-naħa l-oħra, għall-prinċipji ġenerali li joħorġu mill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali kollha ( 26 ).

44.

Il-Kapitolu 2 tar-Regolament Nru 4/2009, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jinkludi l-Artikolu 9, li jistabbilixxi r-regoli li jippermettu li jiġi ddefinit il-mument li fih qorti titqies li ġiet adita. Dan il-mument huwa kruċjali sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni ta’ qorti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwima transkonfinali. Fil-fatt, f’sitwazzjoni ta’ lis pendens, jiġifieri meta talbiet li jkollhom l-istess suġġett u l-istess kawża ta’ azzjoni jitressqu bejn l-istess partijiet quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, it-tieni qorti adita għandha tissospendi l-proċeduri quddiemha ex officio sakemm tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti adita ( 27 ). Skont dan l-Artikolu 9(a) ta’ dan ir-regolament, essenzjalment, qorti għandha titqies li ġiet adita fid-data meta quddiemha jiġi ppreżentat l-att promotur jew att ekwivalenti.

45.

Madankollu, ir-Regolament Nru 4/2009 ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “att ekwivalenti” għall-att promotur (kif lanqas ma jiddefinixxi l-kunċett tal-att promotur innifsu), li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwaru f’din il-kawża. Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(a) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan l-att ekwivalenti jibda l-istanza. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “att promotur”, bħal dak ta’ “att ekwivalenti”, jirreferi għall-idea ġenerali li dan huwa att li jibda l-proċedura ( 28 ).

46.

F’dak li jirrigwarda din il-proċedura, it-terminu “promotur” għandu jinftiehem li jirreferi għall-proċeduri “fuq il-mertu”, li l-għan tagħhom huwa li jiġu ddeterminati d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fit-tilwima permezz tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li ttemm l-istanza, ta’ natura li tiġi rrikonoxxuta u eżegwita. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “att ekwivalenti” għall-att promotur għandu jiġi interpretat fis-sens li jressaq it-tilwima quddiem qorti fir-rigward tal-mertu tagħha ( 29 ), f’dan il-każ, fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment.

47.

Inqis li l-kunċett ta’ “att ekwivalenti” għall-att promotur huwa marbut inevitabbilment mal-effetti ekwivalenti li jipproduċi t-tressiq tal-istanza, jiġifieri l-bidu ta’ proċedura ġudizzjarja li għandha l-għan li tikseb sentenza eżekuttiva li tissodisfa t-talbiet tar-rikorrent ( 30 ). Issa, peress li l-istanza twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, l-att li jressaqha għandu jidħol fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja, jiġifieri li għandu jqiegħed lill-parti avversarja f’pożizzjoni li tipprepara d-difiża tagħha qabel ma tingħata sentenza eżekuttiva fil-konfront tagħha.

48.

Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-kliem tal-Artikolu 9(a) tar-Regolament Nru 4/2009 li skontu qorti għandha titqies li ġiet adita fid-data tal-preżentata tal-att ekwivalenti għall-att promotur, liema preżentata għandha tiġi segwita bil-komunikazzjoni tiegħu jew bin-notifika tiegħu lill-konvenut.

49.

Il-kuntest tal-Artikolu 9(a) tar-Regolament Nru 4/2009, li jenfasizza l-importanza mogħtija lill-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju, jippermetti li tiġi kkorroborata din l-interpretazzjoni u, barra minn hekk, li tiġi żgurata interpretazzjoni uniformi tal-kunċett ta’ “att ekwivalenti” għall-att promotur fi ħdan dan ir-regolament innifsu. Fil-fatt, l-Artikolu 19(1)(a) tal-imsemmi regolament ( 31 ), dwar id-“Dritt għal applikazzjoni għal reviżjoni” tad-deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini minn konvenut li ma deherx f’dan l-Istat Membru, jenfasizza s-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ notifika jew ta’ komunikazzjoni tal-att promotur jew tal-att ekwivalenti għalih fi żmien xieraq u b’mod li jippermetti lill-parti avversarja tiddefendi ruħha. F’sitwazzjoni bħal din, il-konvenut ikollu d-dritt li jitlob eżami mill-ġdid, preċiżament għaliex id-drittijiet tad-difiża tiegħu ma jkunux ġew irrispettati waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fil-konfront tiegħu. L-istess japplika għall-Artikolu 24 ( 32 ), intitolat “Raġuni għal ċaħda ta’ rikonoxximent”, li jipprovdi, fil-paragrafu 1(b) tiegħu, li deċiżjoni ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta fil-każ ta’ nuqqas ta’ notifika jew ta’ komunikazzjoni lill-konvenut kontumaċi ta’ att promotur jew ta’ att ekwivalenti fi żmien xieraq u b’mod li huwa seta’ jiddefendi ruħu.

50.

Barra minn hekk, l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 4/2009, li huma li jiġi ffaċilitat bl-iktar mod possibbli l-irkupru ta’ krediti ta’ manteniment internazzjonali ( 33 ), li jiġu protetti l-interessi tal-kredituri ta’ manteniment u li tiġi promossa amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja ( 34 ), ma jistgħux jintlaħqu billi jiddgħajfu, bi kwalunkwe mod, id-drittijiet tad-difiża ( 35 ). Għal din ir-raġuni, jidhirli li l-konklużjoni li fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “dokument ekwivalenti” għall-att promotur, fis-sens tal-Artikolu 9(a) ta’ dan ir-regolament, hemm lok li, essenzjalment, jiġu mfittxija effetti ekwivalenti għal dawk maħluqa mit-tressiq tal-istanza sabiex tinkiseb sentenza eżekuttiva li tilqa’ t-talbiet tar-rikorrent, hija konformi mal-għanijiet imfittxija mill-imsemmi regolament. Barra minn hekk, din il-konklużjoni għandha l-vantaġġ li ssaħħaħ il-prevedibbiltà tal-kriterji ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “att ekwivalenti” għall-att promotur, peress li dawn il-kriterji jikkoinċidu ma’ dawk ta’ att ippreżentat sabiex jinkiseb ir-riżultat mistenni fi proċedura “fuq il-mertu”.

51.

Huwa barra minn hekk f’dan is-sens li jista’ jiġi traspost f’din il-kawża t-tagħlim li għandu jinsilet mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 31 sa 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

52.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tispeċifika li l-ġurisprudenza tagħha li tirrigwarda d-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment li jinsabu kemm fil-Konvenzjoni ta’ Brussell kif ukoll fir-Regolament Nru 44/2001, li jsegwi mill-Konvenzjoni ta’ Brussell, tibqa’ rilevanti sabiex jiġu analizzati d-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament Nru 4/2009 ( 36 ). Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, it-tagħlim tal-ġurisprudenza, miġbur fil-qosor fil-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jista’ jiġi traspost b’mod dirett, minkejja d-differenzi fil-kuntesti u fl-istrumenti legali kkonċernati minn din il-ġurisprudenza.

53.

Barra minn hekk, l-importanza ta’ interpretazzjoni konverġenti tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II u ta’ strumenti legali oħra, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 44/2001, – li jinftiehem fis-sens li jikkonċerna wkoll ir-Regolament Nru 4/2009 ( 37 ), li jinkludi dispożizzjonijiet ekwivalenti –, ġiet ikkonfermata diversi drabi fil-ġurisprudenza ( 38 ). Issa, l-(kważi-)identiċità tat-terminoloġija użata f’dawn l-istrumenti legali interpretati fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 35 sa 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet timmilita favur approssimazzjoni bejn l-interpretazzjoni tal-imsemmija strumenti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja u dik tar-Regolament Nru 4/2009 li l-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha twettaq f’din il-kawża. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni konverġenti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija ġġustifikata fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minn dawn l-istess strumenti li huma intiżi, b’mod ġenerali, li jiżguraw il-moviment liberu tad-deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali ( 39 ).

54.

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mix-xogħol preparatorju, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 4/2009 irriproduċa b’mod identiku l-formulazzjoni tal-Artikolu 30 l-antik tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fehma tiegħi, dan iċ-ċirkustanza tirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur li jarmonizza l-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu ma’ dik tal-istrumenti legali fil-qasam tal-ġurisdizzjoni li jippreċedu r-Regolament Nru 4/2009 ( 40 ).

55.

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-kriterji elaborati għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “att promotur” jew ta’ “att ekwivalenti”, li ġew esposti fil-punti 31 sa 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiddependu minn interpretazzjoni każ b’każ. Huwa minnu li tali approċċ huwa ġġustifikat fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tas-sistemi nazzjonali li kienu speċifiċi għalihom l-atti kkonċernati f’dawn il-kawżi. Madankollu, dan wassal għat-tfassil ta’ kriterji li, fil-fehma tiegħi, jippreżentaw ċertu livell ta’ astrazzjoni, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-unità funzjonali bejn żewġ proċeduri jew in-natura awtonoma ta’ waħda meta mqabbla mal-oħra. Għaldaqstant, sabiex dawn il-kriterji jiġu trasposti f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha inevitabbilment tikkunsidra l-possibbiltà li tispeċifika l-portata tagħhom. Inqis li din il-preċiżazzjoni hija mixtieqa, f’dak li jirrigwarda t-traspożizzjoni tal-iktar ġurisprudenza reċenti.

56.

F’dan ir-rigward, intendi li nirrakkomanda approċċ ibbażat fuq in-natura tal-proċedura mibdija mill-att eżaminat, li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk teżistix unità funzjonali jew awtonomija bejn iż-żewġ proċeduri. B’mod partikolari, dak li jidhirli li huwa deċiżiv huwa li jiġi ddeterminat jekk il-proċedura kkonċernata mill-att li hija mfittxija l-klassifikazzjoni tiegħu taqax taħt proċedura “fuq il-mertu” u għalhekk tirrigwardax effetti identiċi jew ekwivalenti għal dawk li jipproduċi t-tressiq ta’ istanza sabiex tinkiseb sentenza eżekuttiva li tissodisfa t-talbiet tar-rikorrent.

57.

Għaldaqstant, jidhirli li l-kriterji marbuta, inter alia, ma’ i) il-komunikazzjoni jew in-notifika, lill-parti avversarja, ta’ att li jinkludi l-elementi essenzjali tat-tilwima sabiex hija tiġi informata bit-tressiq ta’ istanza kontriha, ii) filwaqt li lil din titħallielha wkoll l-għażla li torganizza d-difiża tagħha, sa fejn l-għan tal-istanza huwa li din twassal għal deċiżjoni li tissodisfa t-talbiet tar-rikorrent, u dan iii) qabel l-adozzjoni ta’ sentenza eżekuttiva li tilqa’ jew ma tilqax it-talbiet tar-rikorrent, kif ukoll ma’ iv) il-possibbiltà mogħtija lil din il-parti avversarja li tikkontesta din is-sentenza, jindikaw b’mod ċar l-eżistenza tal-effetti li tipproduċi proċedura “fuq il-mertu”. Ma’ dawn il-kriterji jistgħu jiżdiedu wkoll oħrajn li jippermettu, jekk ikun il-każ, li jittieħdu inkunsiderazzjoni sitwazzjonijiet speċifiċi, bħan-natura fakultattiva jew obbligatorja ta’ proċedura, indipendentement min-natura prekontenzjuża jew kontenzjuża tagħha.

58.

Madankollu, nenfasizza li, permezz tar-raġunament preċedenti, l-intenzjoni tiegħi ma hijiex li niddelimita b’mod komplet il-kriterji kollha rilevanti għall-klassifikazzjoni ta’ att ekwivalenti għall-att promotur jew l-uniċi li huma rilevanti. L-għan tiegħi huwa biss li nipprovdi eżempji mhux eżawrjenti ta’ kriterji konkreti li, fid-dawl tal-ġurisprudenza eżistenti, jippermettu li tiġi pprovduta ċarezza fid-determinazzjoni tal-effetti li għandha tipproduċi proċedura mibdija permezz tal-preżentata ta’ att li jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “att ekwivalenti” għall-att promotur. F’dan ir-rigward, nenfasizza wkoll li l-eżami tan-natura tal-proċedura kkonċernata u tal-att innifsu kif ukoll tal-effetti li dawn jistgħu jipproduċu għandu importanza sinjifikattiva.

59.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat jekk talba għal għajnuna legali taqax taħt il-kunċett ta’ “att ekwivalenti” għall-att promotur.

2. Il-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-kriterji ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “att ekwivalenti” għal talba għal għajnuna legali

60.

Miz-ZPO, moqri flimkien mal-FamFG, jirriżulta li, fid-dritt Ġermaniż, tista’ tingħata għajnuna legali lil parti li ma tkunx f’pożizzjoni, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali u finanzjarja tagħha, li tieħu responsabbiltà għall-ispejjeż tal-kawża, jekk l-azzjoni jew id-difiża ġudizzjarja prevista tippreżenta possibbiltajiet suffiċjenti ta’ suċċess u ma tkunx tidher li hija abbużiva ( 41 ). It-talba għandha tesponi l-elementi tat-tilwima u tindika l-mezzi ta’ prova ( 42 ). Il-parti avversarja għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu pożizzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni għall-benefiċċju ta’ din l-għajnuna humiex issodisfatti ( 43 ). Issa, din il-possibbiltà mogħtija lill-parti avversarja li ssir taf bit-tressiq tat-talba għal għajnuna legali, u b’dan il-mod jiġu esposti l-elementi tal-kawża, hija preċiżament il-partikolarità tad-dritt Ġermaniż li tqajjem dubji dwar il-klassifikazzjoni ta’ din it-talba fid-dawl tal-Artikolu 9(a) tar-Regolament Nru 4/2009.

61.

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li jidher li huwa paċifiku li d-dritt Ġermaniż ma jipprovdix li talba għal għajnuna legali tista’, bħala tali, tagħti bidu għall-istanza. Għar-raġunijiet esposti fil-punti 44 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandhom jiġu ddeterminati l-effetti li jistgħu jipproduċu t-talba għal għajnuna legali u l-proċedura mibdija minnha. Fi kliem ieħor, għandu jiġi mistoqsi jekk il-proċedura mibdija permezz ta’ tali talba tistax tipproduċi effetti ekwivalenti għal dawk tat-tressiq ta’ proċedura “fuq il-mertu”, sabiex għaldaqstant jitqies li l-proċedura mibdija permezz ta’ din it-talba għandha unità funzjonali jew inkella assenza ta’ awtonomija fil-konfront tal-proċedura “fuq il-mertu”.

62.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu, fl-ewwel lok, jiġi eżaminat il-kontenut tat-talba għal għajnuna legali li fuqu jibbażaw ruħhom il-Gvern Ġermaniż u l-konvenut fil-kawża prinċipali sabiex iqisu li din it-talba taqa’ taħt il-kunċett ta’ “att ekwivalenti” għall-att promotur. F’dan ir-rigward, huwa ċert li l-imsemmija talba għandha tinkludi espożizzjoni tal-elementi tat-tilwima u indikazzjoni tal-mezzi ta’ prova, annessi bħala abbozz. Għaldaqstant, kif isostni dan il-gvern, essenzjalment, din il-proċedura għandha ċerta prossimità jew rabta mat-tressiq ta’ proċedura “fuq il-mertu”.

63.

Madankollu, il-preżentazzjoni ta’ dawn l-elementi f’abbozz anness mat-talba għal għajnuna legali tfittex li tilħaq għan kompletament differenti mill-preżentazzjoni tagħhom f’att promotur fuq il-“mertu” fis-sens proprju tal-kelma, jiġifieri f’rikors. Fil-fatt, dawn l-elementi għandhom jippermettu lill-qorti adita bit-talba għal għajnuna legali tiżgura li jkunu ġew osservati l-kundizzjonijiet marbuta mal-possibbiltajiet suffiċjenti ta’ suċċess u mal-assenza ta’ natura abbużiva tal-azzjoni prevista wara l-għoti ta’ din l-għajnuna. Mill-banda l-oħra, il-fondatezza tal-“mertu” tal-azzjoni prevista ma tiġix analizzata u ebda deċiżjoni ġudizzjarja fuq il-“mertu” fir-rigward tad-drittijiet u tal-obbligi tal-partijiet ma tiġi adottata.

64.

Loġikament, il-preżentazzjoni ta’ dawn l-elementi bl-ebda mod ma timponi fuq il-kreditur ta’ manteniment l-obbligu li jikkonforma ruħu kelma b’kelma magħhom jekk jiddeċiedi li jressaq il-proċedura “fuq il-mertu” wara l-għoti tal-għajnuna legali. Għaldaqstant, il-kontenut tat-talba fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment jista’ jvarja, f’din il-proċedura tal-aħħar, meta mqabbel ma’ dak indikat fit-talba għal għajnuna legali ( 44 ). Barra minn hekk, l-eżami prinċipali ta’ din tal-aħħar ser jiffoka, b’mod partikolari, fuq l-analiżi tas-sitwazzjoni personali u finanzjarja ta’ min iressaq it-talba għall-għajnuna legali, għaliex il-proċedura relatata mal-għoti ta’ din l-għajnuna tfittex li tiggarantixxi l-ugwaljanza fil-qasam tal-protezzjoni ġuridika u li tiżgura lill-individwi li ma għandhomx riżorsi finanzjarji l-possibbiltà li jinvokaw id-drittijiet tagħhom quddiem qorti.

65.

Issa, f’tali ċirkustanzi, l-effetti tal-possibbiltà li għandha l-parti avversarja, skont id-dritt Ġermaniż, li tippreżenta l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-ammissjoni għall-għajnuna legali, ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, jiġu assimilati għall-effetti li jipproduċi l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest ta’ proċedura “fuq il-mertu”, minħabba d-differenza fl-iskop bejn iż-żewġ tipi ta’ proċedura ( 45 ). Għalhekk, fis-sens strett u minkejja l-partikolarità proċedurali tad-dritt Ġermaniż, il-proċedura ta’ għajnuna legali tikkonċerna unilateralment biss lil min iressaq it-talba għaliha. Għaldaqstant, hija ma tipproduċi ebda effett fil-konfront tal-parti avversarja.

66.

Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-konsegwenzi tal-modalitajiet ta’ trażmissjoni tat-talba għal għajnuna legali, jiġifieri l-informazzjoni lill-parti avversarja dwar it-tressiq ta’ din it-talba, flimkien mal-abbozz ta’ talba għal modifika fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment, modalitajiet li fuqhom jibbażaw ruħhom il-Gvern Ġermaniż u l-konvenut fil-kawża prinċipali sabiex isostnu risposta pożittiva għad-domanda preliminari. F’dan ir-rigward, kif ġie ċċarat waqt is-seduta, din ma hijiex komunikazzjoni jew notifika fis-sens strett, iżda sempliċi informazzjoni, ta’ natura informali, lill-parti avversarja.

67.

Issa, tali modalitajiet ta’ trażmissjoni tat-talba għal għajnuna legali ma jippermettux li jingħatawlha effetti ekwivalenti għal dawk prodotti mill-komunikazzjoni uffiċjali permezz ta’ notifika jew komunikazzjoni ta’ att promotur. Għall-kuntrarju, dawn jenfasizzaw iktar in-natura differenti ta’ dawn l-effetti, jiġifieri li t-trażmissjoni tat-talba għal għajnuna legali hija intiża li tagħti l-possibbiltà lill-parti avversarja li tippreżenta l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-ammissjoni għall-għajnuna legali fid-dawl tat-talba mressqa f’dan is-sens. Mill-banda l-oħra, in-notifika jew il-komunikazzjoni ta’ att promotur hija intiża li tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-parti l-oħra fit-tilwima.

68.

Għaldaqstant, il-konklużjoni li l-effetti tal-possibbiltà prevista fid-dritt Ġermaniż, li bis-saħħa tagħha l-parti avversarja tista’ tippreżenta l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-ammissjoni tat-talba għal għajnuna legali, ma jistgħux jiġu assimilati għal dawk li jippreżentaw att li bih titressaq istanza fuq il-“mertu” tapplika iktar u iktar fid-dawl tal-modalitajiet ta’ trażmissjoni tat-talba għal għajnuna legali.

69.

Fit-tielet u fl-aħħar lok, f’dak li jirrigwarda t-tressiq ta’ proċedura quddiem il-qorti permezz tat-talba għal għajnuna legali, jidhirli li l-qorti ma tibqax bħala prinċipju adita ladarba tagħti deċiżjoni li tilqa’ din it-talba jew le. Fil-fatt, sabiex jikseb deċiżjoni ġudizzjarja fuq il-“mertu” tal-kawża, il-kreditur ta’ manteniment għandu jressaq azzjoni ġudizzjarja distinta minn dik intiża sabiex tinkiseb għajnuna legali. Huwa minnu li l-kreditur ta’ manteniment fil-kawża prinċipali tabilħaqq beda l-azzjoni fuq il-mertu. Madankollu, għandu jiġi osservat li min jikseb l-għajnuna legali ma għandu ebda obbligu li jibda din l-azzjoni fuq il-“mertu” wara li jikseb l-għajnuna legali ( 46 ). It-tressiq tal-proċedura “fuq il-mertu” tiddependi, fi kwalunkwe każ, mir-rieda tagħha, li tibqa’ min-natura tagħha inċerta.

70.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżistenza ta’ rabta jew ta’ prossimità bejn il-proċedura intiża sabiex tinkiseb għajnuna legali u dik “fuq il-mertu” ma hijiex suffiċjenti, fiha nnifisha, sabiex jitqies li t-tieni waħda tressqet sa mill-bidu tal-proċedura ta’ talba għal għajnuna legali fl-Istat inkwistjoni. Fir-realtà, l-effetti li jipproduċu dawn iż-żewġ proċeduri huma differenti, kemm mill-perspettiva tal-kreditur ta’ manteniment kif ukoll min dik tad-debitur.

71.

Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, l-għan ta’ protezzjoni tal-kreditur ta’ manteniment imfittex mir-Regolament Nru 4/2009 kif ukoll l-għażla tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni u, konsegwentement, tal-liġi applikabbli li jagħtih dan ir-regolament ma jistgħux jinvalidaw il-konklużjoni li t-talba għal għajnuna legali ma hijiex att ekwivalenti għall-att promotur. Madankollu, għandu jiġi ammess li, f’dan il-każ, teżisti effettivament, fid-dritt Ġermaniż, problema li tqiegħed lill-kreditur ta’ manteniment li ma għandux mezzi finanzjarji f’sitwazzjoni potenzjalment żvantaġġuża meta mqabbel mal-parti avversarja in futurum.

72.

Kif jispjega, essenzjalment, dan il-gvern, il-possibbiltà offruta lid-debitur ta’ manteniment li jieħu pożizzjoni dwar il-fondatezza tat-talba għal għajnuna legali tal-kreditur ta’ manteniment tista’ ċċaħħad lil dan tal-aħħar mill-għażla tiegħu tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni u, konsegwentement, tal-liġi applikabbli ( 47 ). Tali sitwazzjoni tista’ sseħħ kieku dan id-debitur kellu jressaq azzjoni fuq il-“mertu” tal-kawża sabiex japprofitta ruħu mill-għarfien li jkollu, immotivat mill-intenzjoni li tiġi evitata l-għażla tal-kreditur, filwaqt li dan tal-aħħar ikun kostrett, fin-nuqqas ta’ mezzi finanzjarji, jistenna l-għoti tal-għajnuna legali, suġġett għall-iżvelar tal-intenzjoni tiegħu li eventwalment jaġixxi ġudizzjarjament kontra dan id-debitur meta jressaq l-imsemmija talba.

73.

Madankollu, jidher li din il-problema tirriżulta mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, li tipprevedi partikolarità proċedurali marbuta mal-possibbiltà offruta lill-parti avversarja li tippreżenta l-fehmiet tagħha fi proċedura, bħala prinċipju, unilaterali u li għandha tikkonċerna esklużivament lil min iressaq it-talba għall-għajnuna legali, bħala l-uniku destinatarju tad-deċiżjoni dwar l-għoti jew le ta’ din l-għajnuna ( 48 ).

74.

F’dan ir-rigward, jidhirli li għandu jinstab ċertu bilanċ fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi rispettivi tal-kreditur u tad-debitur ta’ manteniment, fid-dawl b’mod partikolari tal-ispeċifiċitajiet tal-proċedura dwar il-kisba ta’ għajnuna legali. Fil-fatt, ir-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha inevitabbilment tibbilanċja l-interessi taż-żewġ partijiet fit-tilwima. Tabilħaqq, ma huwiex eskluż li debitur jagħżel strateġija proċedurali intiża sabiex tiġi evitata l-għażla tal-liġi applikabbli mill-kreditur ta’ manteniment, wara li jkun sar jaf bl-intenzjoni ta’ dan tal-aħħar li jaġixxi ġudizzjarjament kontrih. Madankollu, anki jekk jitqies li tali approċċ huwa pprojbit mir-Regolament Nru 4/2009, ebda element tat-talba għal deċiżjoni preliminari ma jagħti x’jifhem li l-azzjoni tad-debitur kienet immotivata minn intenzjoni frawdolenti.

75.

Barra minn hekk, fid-dritt Ġermaniż jidher li jeżisti mekkaniżmu ta’ protezzjoni tal-kreditur ta’ manteniment, li huwa parti meqjusa dgħajfa, kontra r-riskju ta’ strumentalizzazzjoni tal-proċedura għal finijiet strateġiċi mill-parti avversarja. Fil-fatt, mill-Artikolu 77(1) tal-FamFG jirriżulta li l-qorti għandha l-possibbiltà li ma tagħtix lill-parti avversarja l-possibbiltà li tieħu pożizzjoni dwar l-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-ammissjoni għall-benefiċċju tal-għajnuna legali, jekk dan jidher li jkun inopportun għal raġunijiet partikolari. Issa, fil-fehma tiegħi, din il-protezzjoni tippermetti li jingħata effett sħiħ lill-għanijiet tar-Regolament Nru 4/2009 ( 49 ).

76.

Fi kwalunkwe każ, l-adozzjoni ta’ pożizzjoni kuntrarja jkollha bħala konsegwenza prattika maġġuri frammentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni favur regoli proċedurali speċifiċi għal kull ordinament ġuridiku nazzjonali, ħaġa li ma jidhirli li hija ġġustifikata la mill-formulazzjoni, la mill-kuntest tal-Artikolu 9(a) tar-Regolament Nru 4/2009, u lanqas mill-għanijiet imfittxija minn dan tal-aħħar, li huma intiżi, b’mod partikolari, li jiggarantixxu ċ-ċertezza legali f’dan il-qasam. Barra minn hekk, huwa għal din ir-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja ilha żmien twil tenfasizza l-importanza ta’ interpretazzjoni awtonoma tad-dispożizzjonijiet dwar ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni.

77.

Fil-fehma tiegħi, it-talba għal għajnuna legali għalhekk ma hijiex “dokument ekwivalenti” fis-sens tal-Artikolu 9(a) tar-Regolament Nru 4/2009. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argument tal-Gvern Ġermaniż li din it-talba tista’ tiġi assimilata għat-tressiq ta’ azzjoni ġudizzjarja minħabba l-effett tagħha ta’ sospensjoni tal-preskrizzjoni. Fil-fatt, is-sospensjoni tal-preskrizzjoni li tirriżulta mit-tressiq tat-talba għal għajnuna legali hija intiża sempliċement sabiex tiżgura li d-dritt tal-persuni li ma għandhomx mezzi finanzjarji li jressqu azzjoni ġudizzjarja jkun protett matul il-perijodu neċessarju għat-twettiq tal-proċeduri li jippermettu li jinkisbu dawn il-mezzi. Fi kliem ieħor, jidhirli li dan l-effett sospensiv huwa obbligatorju f’sitwazzjoni bħal din sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament tal-persuni fir-rigward tal-possibbiltà tagħhom li jinvokaw id-drittijiet tagħhom quddiem qorti.

78.

B’żieda ma’ dan, għandu jiġi enfasizzat li huwa minnu li, fid-dritt Ġermaniż, meta titressaq talba għal għajnuna legali, il-qorti tista’ ssejjaħ lill-partijiet għal seduta jekk x’aktarx ikun jista’ jintlaħaq ftehim. Madankollu, sakemm tali proċess ma jkunx ta’ natura obbligatorja ( 50 ), li ma jidhirx li huwa l-każ fid-dritt Ġermaniż, dan ma jistax jippermetti li l-effetti tal-proċedura dwar l-għoti tal-għajnuna legali jiġu assimilati għal dawk ta’ proċedura “fuq il-mertu”, peress li l-applikazzjoni ta’ dan il-proċess taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-qorti.

79.

Madankollu, għandu jiġi speċifikat li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk hemmx lok li tiġi adottata tali interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha, peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt intern ta’ Stat Membru ( 51 ).

80.

Fl-aħħar nett, sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konsegwenzi tal-klassifikazzjoni ta’ din it-talba għal għajnuna legali fuq il-kunsiderazzjonijiet marbuta mat-tressiq ta’ proċedura quddiemha u mal-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni tagħha, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża prinċipali u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 52 ). Għaldaqstant, huwa mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti tar-rinviju li nipproponi li nirrispondi għad-domanda preliminari kif ġej.

81.

Fil-fehma tiegħi, għandha tingħata risposta negattiva għad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, fis-sens li talba għal għajnuna legali, li magħha hemm anness biss bħala abbozz talba għal modifika fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment li ser titressaq formalment fil-każ tal-għoti ta’ din l-għajnuna, ma hijiex “dokument ekwivalenti” fis-sens tal-Artikolu 9(a) tar-Regolament Nru 4/2009.

IV. Konklużjoni

82.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda tal-Amtsgericht Schleswig (il-Qorti Distrettwali ta’ Schleswig, il-Ġermanja):

Talba għal għajnuna legali, li magħha hemm anness biss bħala abbozz talba għal modifika fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment li ser titressaq formalment fil-każ tal-għoti ta’ din l-għajnuna, ma hijiex “dokument ekwivalenti” fis-sens tal-Artikolu 9(a) tar-Regolament Nru 4/2009.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 131, p. 26, fil-ĠU 2013, L 8, p. 19 u fil-ĠU 2013, L 281, p. 29).

( 3 ) F’dawn il-konklużjonijiet, l-użu tal-espressjoni “għajnuna legali” jinkludi wkoll l-għajnuna legali fis-sens tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali li tirreferi għaliha l-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

( 4 ) Dan il-protokoll jinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/941/KE tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Protokoll tal-Aja tat‑23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment (ĠU 2009, Vol. 331, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007”).

( 5 ) Regolament tal-Kunsill tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

( 6 ) Konvenzjoni ffirmata fi Brussell fis‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata mill-konvenzjonijiet suċċessivi relatati mal-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda għal din il-Konvenzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 4/2009, li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tiegħu, issostitwixxa, fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment, kif jirriżulta mill-Artikolu 68(1) u mill-Artikolu 75(2) tiegħu, ir-Regolament Nru 44/2001, li min-naħa tiegħu ssostitwixxa, bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni ta’ Brussell.

( 7 ) Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1995, Hengst Import (C‑474/93, iktar ’il quddiem is-sentenza Hengst Import, EU:C:1995:243, punt 19).

( 8 ) Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 1981, Klomps (166/80, EU:C:1981:137, punt 9).

( 9 ) Sentenza Hengst Import, punti 20 u 21.

( 10 ) Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 1981, Klomps (166/80, EU:C:1981:137, punt 9).

( 11 ) Konvenzjoni dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata f’Lugano fit‑30 ta’ Ottubru 2007, approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/430/KE tas‑27 ta’ Novembru 2008 (ĠU 2009, L 147, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Lugano II”.

( 12 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2023, PT (Ordni ta’ ħlas taħt id-dritt Svizzeru), C‑343/22, EU:C:2023:276, punt 35.

( 13 ) Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Schlömp), C‑467/16, EU:C:2017:993.

( 14 ) It-Taqsima 9 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, intitolata “Lis pendens – kawżi relatati”, tinkludi l-Artikolu 27. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi li, fil-każ ta’ lis pendens, “[f]ejn tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti, kwalunkwe qorti barra l-qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti għandha tastjeni milli tassumi ġurisdizzjoni favur dik il-qorti”. L-Artikolu 30(1) ta’ din il-konvenzjoni jistabbilixxi, essenzjalment, li l-mument li fih tiġi adita qorti jikkoinċidi mal-“ħin meta d-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jiġi preżentat fil-qorti, sakemm l-attur sussegwentement ma jkunx naqas li jieħu l-passi li kien meħtieġ li jieħu sabiex jinnotifika lill-konvenut”.

( 15 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fil-punti 41 u 42 tas-sentenza Schlömp, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 68(1) tar-Regolament Nru 4/2009, dan ir-regolament jemenda r-Regolament Nru 44/2001 billi jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar li japplikaw fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment. Issa, sa fejn l-Artikolu 64(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jirreferi għal kwalunkwe emenda magħmula għar-Regolament Nru 44/2001, dan ir-riferiment għandu jinftiehem li jinkludi r-Regolament Nru 4/2009 li l-interpretazzjoni tiegħu hija s-suġġett ta’ din il-kawża.

( 16 ) Punti 47 sa 58 tas-sentenza Schlömp.

( 17 ) Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017 (iktar ’il quddiem is-“sentenza HanseYachts), C‑29/16, EU:C:2017:343.

( 18 ) Punt 20 tas-sentenza HanseYachts.

( 19 ) B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tinterpreta l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 44/2001, dwar id-data li fiha qorti għandha titqies li ġiet adita, liema artikolu huwa fformulat f’termini identiċi għal dawk tal-Artikolu 9(a) tar-Regolament Nru 4/2009.

( 20 ) Jiġifieri l-għan li jilqa’ għall-problemi li jirriżultaw mid-diverġenzi nazzjonali fir-rigward tad-data li fiha kawża titqies li hija pendenti, liema data għandha tiġi stabbilita b’mod awtonomu, u għaldaqstant li jnaqqas l-inċertezzi legali kkawżati mill-varjetà kbira fil-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri sabiex tiġi ddeterminata d-data tat-tressiq ta’ kawża. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan imfittex minn dan l-artikolu huwa intiż li jippermetti identifikazzjoni sempliċi u uniformi tad-data tat-tressiq ta’ kawża quddiem qorti (ara l-punti 30 u 35 tas-sentenza HanseYachts).

( 21 ) Dispożittiv tas-sentenza HanseYachts.

( 22 ) Mill-banda l-oħra, il-fatt li l-parti avversarja ma tkunx għamlet dan ma jistax jaffettwa l-klassifikazzjoni ta’ dan l-att, peress li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt proċedurali jiddependi mir-rieda tagħha.

( 23 ) Fid-dawl tas-sitwazzjoni inkwistjoni fis-sentenza Hengst Import iċċitata iktar ’il fuq, niċċita l-eżempju tad-“decreto ingiuntivo” li fir-rigward tiegħu ġie deċiż li, fih innifsu, kien sempliċi formola u ma setax jinftiehem mingħajr ir-rikors. Bil-maqlub, in-notifika tar-rikors mingħajr id-“decreto ingiuntivo” ma kinitx tippermetti lill-parti avversarja tifhem jekk dan ir-rikors kienx intlaqa’ jew kienx ġie miċħud mill-qorti. Konsegwentement, huma dawn iż-żewġ dokumenti flimkien li tqiesu li kienu l-att promotur (punt 20 ta’ dik is-sentenza).

( 24 ) Ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 1980, Denilauler (125/79, EU:C:1980:130, punt 13).

( 25 ) Kif kien il-każ ta’ proċedura ta’ konċiljazzjoni, suġġetta għall-prinċipju ta’ kontradittorju, u, bħala prinċipju, obbligatorja fid-dritt Svizzeru, li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha jwassal għall-inammissibbiltà ta’ eventwali azzjoni ġudizzjarja sussegwenti (ara s-sentenza Schlömp iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

( 26 ) Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Sanders u Huber (C‑400/13 u C‑408/13, EU:C:2014:2461, punt 24).

( 27 ) Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 4/2009.

( 28 ) Gaudemet-Talon, H., “Les conditions de régularité de la décision étrangère”, fi Compétence et exécution des jugements en Europe, is-seba’ edizzjoni, LGDJ, Paris-La Défense, 2024. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li hija l-Konvenzjoni ta’ Brussell li kienet l-ewwel waħda li inkludiet l-espressjoni “att ekwivalenti”, b’mod partikolari wara l-adeżjoni għaliha tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fl‑1978, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet proċedurali tal-pajjiżi tal-Common Law. F’din il-loġika, il-kunċett ta’ “att ekwivalenti” ma jistax jitbiegħed minn dak ta’ “att promotur”, iżda pjuttost għandu t-tendenza li jikkorrispondi għal tifsira li toqrob lejh.

( 29 ) Ara, f’dan is-sens u b’analoġija, Law, St., “Article 32”, fi Requejo Isidro, M. (editur), Brussels I bis: a commentary on Regulation (EU) no 1215/2012, Edward Elgar Publishing, Cheltenham, 2022, p. 500 sa 505.

( 30 ) Huwa evidenti li, jekk l-għan tal-persuna li tippreżenta r-rikors ikun tabilħaqq dan, l-istanza tista’ tintemm ukoll permezz taċ-ċaħda tat-talbiet tagħha.

( 31 ) Dan l-artikolu jinsab fit-Taqsima 1, “Deċiżjonijiet meħuda fi Stat Membru marbut bil-Protokoll tal-Aja tal‑2007”, fi ħdan il-Kapitolu IV, dwar “Rikonoxximent, eżekutorjetà u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet”.

( 32 ) Dan l-artikolu jaqa’ taħt it-Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu IV, intitolata “Deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru mhux marbut bil-Protokoll tal-Aja tal‑2007”.

( 33 ) Premessi 31, 33 u 45 tar-Regolament Nru 4/2009 u s-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2017, S. (C‑283/16, EU:C:2017:104, punt 33).

( 34 ) Premessa 15 tar-Regolament Nru 4/2009.

( 35 ) Ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2006, ASML (C‑283/05, EU:C:2006:787, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Sanders u Huber (C‑400/13 u C‑408/13, EU:C:2014:2461, punt 23).

( 37 ) F’dan ir-rigward, ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 6 u 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 38 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑2 ta’ Mejju 2019, Pillar Securitisation (C‑694/17, EU:C:2019:345, punt 27), u tat‑30 ta’ Settembru 2021, Commerzbank (C‑296/20, EU:C:2021:784, punt 33). B’mod iktar ġenerali, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ wieħed minn dawn l-istrumenti legali tapplika wkoll għal dik tal-oħrajn, meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ekwivalenti” (sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2024, Geterfer, C‑381/23, EU:C:2024:467, punt 24).

( 39 ) Ara l-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II u l-premessa 6 tar-Regolament Nru 44/2001. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, sabiex jintlaħqu l-għanijiet prinċipali tar-Regolament Nru 4/2009, imfakkra fil-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan tal-aħħar għaldaqstant ifittex inevitabbilment li jiżgura l-moviment liberu tad-deċiżjonijiet f’materji ċivili u għalhekk jikkondividi dan l-iskop ma’ strumenti legali oħra interpretati mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 31 sa 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 40 ) Ara l-pubblikazzjoni tal-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni [KUMM(2005)0649]. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, matul il-proċess ta’ adozzjoni tar-Regolament Nru 4/2009, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew ippropona li jitħassar l-Artikolu 9, għar-raġuni li dan tal-aħħar kien jirriproduċi kważi kelma b’kelma l-Artikolu 30 l-antik tar-Regolament Nru 44/2001 u, għaldaqstant, kien inutli. Dan is-suġġeriment, riprodott fir-Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat‑13 ta’ Diċembru 2007, madankollu ma ġiex adottat fil-verżjoni definittiva ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, għandha tiġi kkonstatata korrelazzjoni qawwija ferm bejn iż-żewġ strumenti legali, li tiġġustifika li t-tagħlim li għandu jinsilet mill-interpretazzjoni tal-ewwel strument jista’ jiġi traspost, bħala prinċipju, għall-interpretazzjoni tat-tieni wieħed.

( 41 ) Artikolu 114(1) taz-ZPO.

( 42 ) Artikolu 117(1) taz-ZPO.

( 43 ) Artikolu 118(1) taz-ZPO.

( 44 ) Waqt is-seduta, il-Gvern Ġermaniż enfasizza li, fil-każ ta’ għoti tal-għajnuna legali, il-proċedura “fuq il-mertu” tkun limitata għal dak li jkun ġie invokat fit-talba għall-għajnuna legali. F’dan ir-rigward, nifhem li huwa minnu li għajnuna legali mogħtija għal azzjoni prevista fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment ma tistax tintuża għal azzjoni li tirrigwarda, pereżempju, il-protezzjoni tal-ambjent. Madankollu, dan il-limitu jiġi impost ukoll fil-każ ta’ talbiet addizzjonali, ta’ modifika tad-debituri jew ta’ informazzjoni oħra li tkun differenti, fir-rikors, meta mqabbla mal-abbozz li jesponi t-talba għal modifika fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment, anness mat-talba għal għajnuna legali, jekk il-kreditur ta’ manteniment iqis li jkollu possibbiltajiet ikbar ta’ suċċess minħabba dawn il-bidliet meta jressaq l-azzjoni ġudizzjarja fuq il-“mertu”? Niddubita kemm dan huwa l-każ. Issa, li kieku t-talba għal għajnuna legali, li magħha hemm anness biss bħala abbozz talba għal modifika fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment li ser titressaq formalment fil-każ tal-għoti ta’ din l-għajnuna, kellha tiġi kklassifikata bħala att ekwivalenti għall-att promotur, kif ikollhom għalhekk jiġu ttrattati dawn il-bidliet? Jitqiesu li jimmodifikaw dan l-att? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, kif ser jitqiesu fil-proċedura “fuq il-mertu”? Dawn huma biss ftit eżempji tad-diffikultajiet prattiċi li jirriżultaw mill-klassifikazzjoni tat-talba għal għajnuna legali bħala “att ekwivalenti” għall-att promotur.

( 45 ) B’mod ġenerali, ma huwiex eskluż li jiġi mistoqsi jekk huwiex realment possibbli li wieħed jitkellem dwar parti avversarja f’tali proċedura li tirrigwarda t-talba għal għajnuna legali, peress li ma titressaq ebda talba kontra din il-parti. Madankollu, anki jekk wieħed kellha tgħaddilu minn moħħu, fil-kuntest ta’ proċedura dwar l-għoti ta’ talba għal għajnuna legali, li jqis din il-parti avversarja in futurum, din il-kwalità, fil-fehma tiegħi, ma tagħtiha ebda dritt proċedurali ta’ natura li tqarribha mal-konvenut reali fis-sens ta’ proċedura kontradittorja “fuq il-mertu”.

( 46 ) Fil-fatt, huwa jista’, pereżempju, jiddeċiedi li jipproċedi bonarjament jew sempliċement jirrinunzja għal kull azzjoni.

( 47 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 4/2009 jipprevedi kriterji ta’ ġurisdizzjoni alternattivi, kif juri l-użu tal-konġunzjoni “jew” wara l-espożizzjoni ta’ kull wieħed minnhom fl-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Landkreis Harburg (Surroga ta’ organu pubbliku tal-kreditur ta’ manteniment), (C‑540/19, EU:C:2020:732, punt 29)), u mhux elenkati f’ordni ġerarkiku (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, R (Kompetenza tar-responsabbiltà tal-ġenituri u tal-obbligu ta’ manteniment), (C‑468/18, EU:C:2019:666, punt 45)). Għaldaqstant, dawn joffru lill-kreditur ta’ manteniment, meta jaġixxi fil-kwalità ta’ rikorrent, il-possibbiltà li jressaq it-talba tiegħu dwar obbligu ta’ manteniment abbażi ta’ diversi kapijiet ta’ ġurisdizzjoni, elenkati, b’mod partikolari, fl-Artikolu 3(a) u (b) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri jew quddiem il-qorti tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew quddiem dik tar-residenza abitwali tiegħu stess. Barra minn hekk, l-importanza ta’ din l-għażla bil-għan li jiġi protett il-kreditur ta’ manteniment tirrifletti l-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007, li miegħu r-Regolament Nru 4/2009 għandu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, relazzjonijiet mill-qrib (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, KP, C‑83/17, EU:C:2018:408, punt 49). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-protokoll jippermetti lill-kreditur ta’ manteniment, de facto, jiddetermina l-liġi applikabbli għat-talba tiegħu, billi jipprovdi li l-liġi tal-forum u mhux dik tal-Istat tar-residenza abitwali tiegħu għandha tapplika b’mod prijoritarju meta huwa jressaq it-talba tiegħu quddiem l-awtorità kompetenti tar-residenza abitwali tad-debitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Mölk, C‑214/17, EU:C:2018:744, punti 31 u 32).

( 48 ) Fid-dawl tal-iskambji li saru waqt is-seduta, jidher li ma jistax jiġi eskluż li din il-partikolarità hija strettament speċifika għad-dritt Ġermaniż. Madankollu, sa fejn naf jien, dan huwa każ għalkollox eċċezzjonali fis-sistemi ġuridiċi kollha tal-Istati Membri. Fi kwalunkwe każ, fil-fehma tiegħi, dan huwa mingħajr preġudizzju għall-fatt li huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw l-effettività tal-għanijiet imfittxija mir-regolamenti tal-Unjoni fil-kuntest tad-dritt nazzjonali tagħhom.

( 49 ) Għaldaqstant, hija żgurata wkoll l-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 4/2009 konformement mal-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li skontu, fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi kif ukoll jekk jittieħdu minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, A, C‑184/14, EU:C:2015:479, punt 46).

( 50 ) Ara, b’analoġija, il-proċedura ta’ konċiljazzjoni obbligatorja fis-sentenza Schlömp.

( 51 ) Punt 34 tas-sentenza HanseYachts.

( 52 ) Punt 24 tas-sentenza HanseYachts.