SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
14 ta’ Diċembru 2023 ( *1 )
“ Appell – Dritt istituzzjonali – Membri tal-Parlament Ewropew – Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew – Regoli ta’ kondotta – Artikolu 10(3) – Projbizzjoni li jiġu skjerati strixxuni matul is-seduti tal-Parlament – Miżura verbali tal-President tal-Parlament li tipprojbixxi lill-Membri milli jkollhom bandiera nazzjonali fuq l-leġiju tagħhom – Rikors għal annullament – Artikolu 263 TFUE – Kunċett ta’ ‘att li jista’ jiġi kkontestat’”
Fil-Kawża C‑767/21 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit-8 ta’ Diċembru 2021,
Jérôme Rivière, residenti f’Nice (Franza),
Dominique Bilde, residenti f’Lagarde (Franza),
Joëlle Mélin, residenti f’Aubagne (Franza),
Aurélia Beigneux, residenti f’Hénin-Beaumont (Franza),
Thierry Mariani, residenti f’Pariġi (Franza),
Jordan Bardella, residenti f’Montmorency (Franza),
Jean-Paul Garraud, residenti f’Libourne (Franza),
Jean-François Jalkh, residenti f’Gretz-Armainvilliers (Franza),
Gilbert Collard, residenti f’Marseille (Franza),
Gilles Lebreton, residenti f’Montivilliers (Franza),
Nicolaus Fest, residenti f’Berlin (il-Ġermanja),
Gunnar Beck, residenti f’Neuss (il-Ġermanja),
Philippe Olivier, residenti f’Draveil (Franza),
irrappreżentati minn F. Wagner, avukat,
rikorrenti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn N. Lorenz u T. Lukácsi, bħala aġenti,
konvenut fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, N. Piçarra (Relatur), M. Safjan, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali fis-seduta tal-16 ta’ Frar 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħhom, Jérôme Rivière Dominique Bilde, Joëlle Mélin, Aurélia Beigneux, Thierry Mariani, Jordan Bardella, Jean‑Paul Garraud, Jean-François Jalkh, Gilbert Collard, Gilles Lebreton, Nicolaus Fest, Gunnar Beck u Philippe Olivierdeputati tal-Parlament Ewropew jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-6 ta’ Ottubru 2021, Rivière et vs Il-Parlament (T‑88/20, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2021:664), li permezz tagħha din ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tagħhom intiż għall-annullament tal-miżura verbali tal-President tal-Parlament, tat-13 ta’ Jannar 2020, li tipprojbixxi lill-Membru tal-Parlament milli juru l-bandiera nazzjonali fuq il-leġiju tagħhom (iktar ’il quddiem il-“miżura kontenzjuża”). |
Il-kuntest ġuridiku
|
2 |
Intitolat “Regoli ta’ kondotta”, l-Artikolu 10 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew (id-9 leġiżlatura — 2019–2024) (iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Proċedura”) jipprevedi: “1. Il-kondotta tal-Membri għandha tkun ikkaratterizzata minn rispett reċiproku u għandha tkun ibbażata fuq il-valuri u l-prinċipji stabbiliti fit-Trattati, u b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. […] 2. Il-Membri m’għandhomx jikkompromettu t-tmexxija bla xkiel tal-ħidma parlamentari u m’għandhomx jikkompromettu ż-żamma tas-sigurtà u tal-ordni fil-bini tal-Parlament jew il-funzjonament tal-apparat tiegħu. 3. Il-Membri m’għandhomx ifixklu l-ordni tajba tal-Kamra u għandhom joqogħdu lura minn imġiba mhux xierqa. Huma m’għandhomx juru strixxuni. […]” |
|
3 |
L-Artikolu 171 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Allokazzjoni ta’ ħin għad-diskorsi u lista tal-kelliema”, jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu: “Il-ħin għad-diskorsi għal[l-ewwel parti] tad-dibattitu għandu jiġi allokat skont il-kriterji li ġejjin:
|
|
4 |
L-Artikolu 175 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Miżuri immedjati”, jipprevedi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu: “1. Il-President għandu jsejjaħ għall-ordni kwalunkwe Membru li jikser l-istandards ta’ kondotta definiti fl-Artikolu 10 (3) jew (4). 2. F’każ li ksur jiġi ripetut, il-President għandu jerġa’ jsejjaħ lill-Membru għall-ordni għat-tieni darba, u l-fatt għandu jiġi rrapurtat fil-minuti. 3. Jekk il-ksur ikompli, jew f’każ ta’ ksur ulterjuri, il-President jista’ jċaħħad lill-Membru kkonċernat mid-dritt li jitkellem u jkeċċih mill-Kamra għall-bqija tas-seduta. […]” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
5 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mill-punti 1 sa 3 tas-sentenza appellata, jistgħu jitqassru kif ġej. |
|
6 |
Waqt is-seduta plenarja tat-13 ta’ Jannar 2020, il-President tal-Parlament adotta oralment, abbażi tal-Artikolu 10(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-osservanza tal-ordni fil-Kamra, fosthom il-miżura kontenzjuża. |
|
7 |
Matul is-seduti plenarji tad-29 u tat-30 ta’ Jannar 2020, il-viċi presidenti li kienu ppresjedew dawn is-sessjonijiet tennew il-miżura kkontestata. |
Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
8 |
B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Frar 2020, l‑appellanti ppreżentaw rikors għall-annullament tal-miżura kkontestata. |
|
9 |
Insostenn tar-rikors tagħhom, huma invokaw erba’ motivi. L-ewwel motiv kien jinkludi żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq il-ksur u l-iżnaturament tal-Artikolu 10 tar-Regoli ta’ Proċedura u, it-tieni waħda, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(2) TUE. It-tieni motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, it-tielet wieħed, fuq l-abbuż ta’ poter u, ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ legalità, ta’ amministrazzjoni tajba, tal-fumus persecutionis u fuq il-ksur tal-libertà ta’ espressjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew. |
|
10 |
Il-Parlament qajjem, prinċipalment, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors, ibbażata fuq l-assenza, l-ewwel nett, ta’ att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, it-tieni, ta’ locus standi tar-rikorrenti u, it-tielet, ta’ interess ġuridiku tagħhom. Sussidjarjament, il-Parlament argumenta li r-rikors kien infondat. |
|
11 |
Il-Qorti Ġenerali laqgħet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-assenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
12 |
Fil-punt 38 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li mid-dokumenti tal-partijiet kien jirriżulta li l-miżura kontenzjuża kienet tikkonsisti fi projbizzjoni indirizzata lill-Membri tal-Parlament, skont l-Artikolu 10(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, li juru bnadar nazzjonali fuq l-leġiju tagħhom. F’dan ir-rigward, hija ppreċiżat li, minkejja li r-rikorrenti invokaw ukoll projbizzjoni tad-dritt tal-kelma applikata għall-Membri tal-Parlament li ma josservawx l-imsemmija miżura, ma kien hemm xejn li jippermetti li jiġi stabbilit li din tal-aħħar marret lil hinn mill-projbizzjoni li l-bnadar nazzjonali jiġu murija. |
|
13 |
Fil-punti 42 sa 44 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, skont ir-Regoli ta’ Proċedura, ispirati mit-tradizzjonijiet parlamentari komuni għall-Istati Membri, il-membri “jesprimu ruħhom billi jitkellmu”. Hija ppreċiżat li, minbarra l-possibbiltà mogħtija lilhom minn dawn ir-regoli li jippreżentaw, darba kull sessjoni, dikjarazzjoni bil-miktub ta’ 200 kelma, l-imsemmija regoli “ma jipprevedu ebda mezz ieħor ta’ espressjoni li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom il-parteċipanti fid-dibattiti”. Skont il-Qorti Ġenerali, ir-restrizzjoni li tikkonċerna l-mezzi ta’ espressjoni tal-membri, hekk stabbilita, hija intiża sabiex tiggarantixxi l-ugwaljanza bejniethom, u, konsegwentement, l-iżvolġiment tajjeb tal-ħidma parlamentari. Dan l-għan doppju huwa wkoll segwit mill-Artikolu 171(4) tal-imsemmija Regoli ta’ Proċedura, li jipprevedi kriterji preċiżi għat-tqassim tal-ħin tad-diskors bejn il-Membri tal-Parlament. |
|
14 |
Fil-punti 45 u 48 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “immaġni jew oġġett, permezz tas-simbolu li tirrappreżenta jew tal-messaġġ li jikkomunika, jistgħu bla dubju jservu bħala mezz ta’ espressjoni, u b’hekk jagħtu lill-membri li jużawha l-possibbiltà li jinvokaw u jiddefendu l-konvinzjonijiet politiċi tagħhom barra l-ħin tad-diskorsi tagħhom” matul is-seduti plenarji tal-Parlament. Hija kkunsidrat li, f’dan il-każ, il-bandiera mqiegħda mill-appellanti fuq l-leġiji tagħhom kienet saret “tip ta’ estensjoni ta’ grupp politiku u simbolu tal-kawża li dan jiddefendi”. Barra minn hekk, fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, hija qieset li “l-użu tal-bandiera ta’ Stat Membru b’mod partikolari fuq l-leġiju ta’ deputat elett fil-Parlament huwa inkonsistenti mal-funzjoni rappreżentattiva [ta’ dan] il-membru parlamentari”, kif iddefinit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 14(2) TUE u fl-Artikolu 22(2) TFUE. |
|
15 |
Fil-punt 50 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, minħabba l-funzjoni li jattribwixxulha l-appellanti, il-bandiera nazzjonali hekk immarkata fuq l-leġiju tagħhom kienet “ridotta għal sempliċi mezz ta’ espressjoni jew ta’ komunikazzjoni ta’ opinjonijiet” li ma kinitx distinta mill-għanijiet koperti mill-kliem “strixxuni” użati fl-Artikolu 10(3) tar-Regoli ta’ Proċedura jew l-ekwivalenti tagħhom fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
16 |
Fid-dawl ta’ dawn il-motivi kollha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 51 u 52 tas-sentenza appellata li, peress li l-aġir tal-appellanti kien ta’ natura li jfixkel il-funzjonament tajjeb tal-ħidma parlamentari, kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, li l-miżura kontenzjuża kienet waħda “interna tal-organizzazzjoni tax-xogħol tal-Parlament ” u ma kinitx tipproduċi effetti legali ta’ natura li jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-mandat ta’ Membru tal-Parlament tal-appellanti billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħhom. Għaldaqstant, din il-miżura ma kinitx tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
17 |
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dak ir-rikors bħala inammissibbli. |
It-talbiet tal-partijiet
|
18 |
L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
19 |
Il-Parlament jitlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż. |
Fuq l-appell
Fuq l-ammissibbiltà tal-appell
|
20 |
Il-Parlament isostni li l-appell ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 168 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba li ma jindikax b’mod preċiż l-argumenti legali insostenn tal-motivi esposti, li “ma jinkludu ebda argument legali”. |
|
21 |
F’dan ir-rigward, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż il-punti kkritikati tas-sentenza li tagħha jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (sentenza tat-23 ta’ Novembru 2021, Il-Kunsill vs Hamas,C‑833/19 P, EU:C:2021:950, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
22 |
Madankollu, ir-rikors tal-appell jippermetti li jiġu identifikati mingħajr ekwivoku żewġ aggravji li permezz tagħhom l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali, minn naħa, żnaturament tal-fatti u żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika tagħhom fil-punt 38 tas-sentenza appellata u, min-naħa l-oħra, żbalji ta’ liġi li bihom huma vvizzjati l-punti 41 sa 50 ta’ din is-sentenza f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(3) tar-Regoli ta’ Proċedura. Barra minn hekk, mir-risposta tal-Parlament jirriżulta li dan kien f’pożizzjoni li jifhem is-sustanza ta’ dawn il-motivi u li jirrispondi għalihom fuq il-mertu. |
|
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-appell jidentifika bi preċiżjoni suffiċjenti, f’kull wieħed mill-aggravji tiegħu, il-punti kkritikati tas-sentenza appellata u jesponi r-raġunijiet għaliex dawn il-punti huma, skont l-appellanti, ivvizzjati bi żbalji ta’ liġi, u b’hekk jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità. |
|
24 |
Għaldaqstant, dan l-appell għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. |
Fuq il-mertu tal-appell
Fuq l-ewwel aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
|
25 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, żnaturat il-fatti u wettqet żball fil-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti, billi naqset milli tikkunsidra li l-miżura kontenzjuża kellha bħala effett prattiku li ċċaħħad lill-Membri milli jitkellmu u, għaldaqstant, li tbiddel, b’mod ikkaratterizzat, il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-mandat ta’ dawk li rrifjutaw li jirtiraw il-bnadar nazzjonali mil-leġiji tagħhom, matul is-seduti plenarji tagħhom tad-29 u tat-30 ta’ Jannar 2020. |
|
26 |
Il-Parlament iqis li l-ewwel aggravju huwa manifestament infondat. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
27 |
Mill-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi u li għaldaqstant hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti, kif ukoll il-provi. Din l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ tal-iżnaturament, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2019, VG vs Il-Kummissjoni,C‑19/18 P, EU:C:2019:578, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
Tali żnaturament jeżisti meta, mingħajr ma jiġu prodotti provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tkun tidher li hija manifestament żbaljata. Dan l-iżnaturament għandu jirriżulta b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma tkun meħtieġa evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi. Meta appellant jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, huwa għandu jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati minnha u għandu juri l-iżbalji fl-analiżi li, fil-fehma tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2015, L-Italja vs Il-Kummissjoni,C‑280/14 P, EU:C:2015:792, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Madankollu, mir-rikors fl-ewwel istanza jirriżulta mingħajr ekwivoku li r-rikorrenti talbu, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-annullament tal-miżura kontenzjuża biss, li tikkonsisti esklużivament fil-projbizzjoni verbali li l-bnadar nazzjonali jiġu murija fuq il-leġiji tagħhom. Huma ma kkontestawx, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-miżuri sussegwenti ta’ ċaħda tal-kelma, matul is-seduti plenarji tad-29 u tat-30 ta’ Jannar 2020. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma ma jistgħux jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li vvizzjat is-sentenza appellata bi żnaturament u bi żball fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti. |
|
30 |
Fi kwalunkwe każ, għandu jingħad ukoll li, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, ġustament, li, minkejja li l-appellanti kienu sostnew ukoll projbizzjoni tad-dritt tal-kelma applikata għall-Membri tal-Parlament li ma josservawx il-miżura kontenzjuża, xejn ma kien jippermetti li jiġi stabbilit li din il-miżura kienet tmur “lil hinn minn projbizzjoni, indirizzata lill-Membri tal-Parlament skont l-Artikolu 10(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, li jibagħtu bnadar nazzjonali fuq il-leġiji tagħhom”. |
|
31 |
Għaldaqstant, huwa mingħajr ma wettqet żnaturament jew żball ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-miżura kontenzjuża kienet intiża biss sabiex ittemm il-preżenza tal-bnadar nazzjonali fuq il-leġiju tal-Membri tal-Parlament, mingħajr ma din il-miżura kellha b’mod konkret l-effett, matul is-seduti plenarji tad-29 u tat-30 ta’ Jannar 2020, li tipprojbixxi lill-Membri tal-Parlament ikkonċernati milli jitkellmu. |
|
32 |
Minn dan jirriżulta li l-ewwel aggravju huwa infondat u għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tieni aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
|
33 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 41 sa 50 tas-sentenza appellata, wettqet “ksur u żnaturament fid-dritt u fil-fatt” tal-Artikolu 10(3) tar-Regoli ta’ Proċedura kif ukoll “żball manifest ta’ evalwazzjoni”, li wassluha sabiex tiddeċiedi, fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, li l-miżura kontenzjuża kienet taqa’ fil-kuntest tal-organizzazzjoni interna tal-ħidma tal-Parlament, ma kinitx tipproduċi effetti legali ta’ natura li jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-mandat ta’ Membru tal-Parlament tal-appellanti u, għaldaqstant, ma kinitx tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
34 |
F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu, l-ewwel nett, li l-“bnadar” nazzjonali ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, li jirreferi biss għall-“strixxuni”. Il-Qorti Ġenerali kellha tistabbilixxi li bandiera nazzjonali hija “strixxun”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, qabel ma tiddetermina jekk l-użu ta’ tali bandiera mill-membri kienx ifixkel l-ordni t-tajba fis-sala tas-seduti jew kienx jikkostitwixxi aġir mhux xieraq tagħhom, li jista’ jikkomprometti l-iżvolġiment tajjeb tal-ħidma parlamentari. |
|
35 |
F’dan il-kuntest, l-appellanti jsostnu li l-kelma “strixxuni” għandha tiġi ddefinita skont is-sens komuni ta’ din il-kelma fil-lingwa Franċiża, kif ippreċiżat fit-teħid ta’ pożizzjoni adottata mid-dipartiment tad-Dictionnaire de l’Académie française, permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Frar 2020, b’risposta għal talba li kienu bagħtulha żewġ appellanti. |
|
36 |
Huma jallegaw ukoll li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 10(3) tar-Regoli ta’ Proċedura sabiex tiddetermina jekk il-“bnadar nazzjonali” inkwistjoni setgħux jiġu kklassifikati bħala “strixxuni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Meta ddeċidiet hekk, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1958, 17, p. 385), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 1), li jipprovdi li l-lingwa Franċiża hija lingwa uffiċjali u lingwa ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. It-terminu inkwistjoni kellu għalhekk jiġi interpretat, fir-rigward tal-Membri tal-Parlament Franċiżi, biss konformement mal-portata li tagħtihom il-lingwa Franċiża. |
|
37 |
It-tieni, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-tieni sentenza tal-Artikolu 10(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, li tipprojbixxi biss l-użu ta’ “strixxuni” iżda mhux ta’ “bnadar”. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali assimilat b’mod żbaljat “bandiera żgħira mqiegħda” fuq il-leġiju tad-tal-Membri tal-Parlament, mal-iskjerament ta’ “strixxuni”, filwaqt li l-appellanti, fi kwalunkwe każ, ma użawx il-bnadar nazzjonali “kontinwament”. |
|
38 |
It-tielet, il-Qorti Ġenerali ma fittxitx, fil-kuntest ta’ analiżi kuntestwali tal-Artikolu 10(2) u (3) tar-Regoli ta’ Proċedura, jekk il-miżura kontenzjuża kinitx intiża sabiex tirrimedja inkwiet eventwali, ikkawżata mill-preżenza ta’ dawn il-bnadar, fl-iżvolġiment tal-ħidma parlamentari jew fl-ordni u s-sigurtà tas-sessjonijiet. Għaldaqstant, hija ma esponietx ir-raġunijiet li għalihom l-iskjerament ta’ bandiera nazzjonali fuq il-leġiju ta’ membru tal-Parlament kien jikkostitwixxi mġiba mhux f’lokha. |
|
39 |
Ir-raba’, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 43 sa 45 tas-sentenza appellata, li l-miżura kontenzjuża kienet intiża li tiggarantixxi l-ugwaljanza tal-Membri u setgħet tkun ibbażata fuq l-Artikolu 10 tar-Regoli ta’ Proċedura, filwaqt li tali għan huwa mfittex mill-Artikolu 171 ta’ dawn ir-regoli. |
|
40 |
Il-ħames, skont l-appellanti, “il-membri [tal-Parlament Ewropew] huma eletti l-ewwel miċ-ċittadini tal-pajjiż tagħhom, abbażi ta’ listi nazzjonali f’kuntest stabbilit minn kull Stat [Membru]”. Il-fatt li ċittadini ta’ Stati Membri oħra jistgħu jintegraw dawn il-listi u jivvotaw f’dan l-Istat Membru ma jneħħix “in-natura nazzjonali tal-vot”. Barra minn hekk, l-affermazzjoni ta’ “appartenenza nazzjonali” tirriżulta mill-Artikolu 4(2) TUE. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 49 tas-sentenza appellata, il-preżenza tal-bandiera nazzjonali fuq il-leġiju ta’ Membru tal-Parlament la hija kuntrarja mal-funzjoni rappreżentattiva ta’ dan il-Membru tal-Parlament, kif iddefinita mit-Trattati, u lanqas ma hija ta’ natura li tfixkel l-iżvolġiment tajjeb tal-ħidma parlamentari. |
|
41 |
Il-Parlament iqis li t-tieni aggravju huwa manifestament infondat. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
42 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li, fil-punti 41 sa 50 tas-sentenza appellata, interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 10(3) tar-Regoli ta’ Proċedura. Fil-fehma tagħhom, din id-dispożizzjoni ma tistax tkun il-bażi tal-miżura kkontestata, peress li l-bnadar nazzjonali ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali miżura tkun ta’ natura li taffettwa l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-mandat tagħhom bħala Membru tal-Parlament, billi tbiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħhom, u tikkostitwixxi, konsegwentement, att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
43 |
Għandu jitfakkar li huma meqjusa bħala “atti li jistgħu jiġu kkontestati”, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, id-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, irrispettivament mill-forma tagħhom, li jkunu intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni,C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 31, u tad-9 ta’ Lulju 2020, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni,C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżura kkontestata tipproduċix effetti legali vinkolanti, għandu jsir riferiment għas-sustanza ta’ dan l-att u għandhom jiġu evalwati dawn l-effetti fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-imsemmi att, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar, kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tiegħu. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni,C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 32, u tad-9 ta’ Lulju 2020, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni,C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 47). |
|
45 |
Għandu jitfakkar li l-miżura kontenzjuża tikkonsisti fi projbizzjoni, verbali, li jintwerew il-bnadar nazzjonali fuq il-pupitri tal-Membri u li din ġiet adottata abbażi tat-tieni sentenza tal-Artikolu 10(3) tar-Regoli ta’ Proċedura li tipprovdi li “[il-Membri] m’għandhomx juru strixxuni.”, matul is-sessjonijiet parlamentari. Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tagħha, din id-dispożizzjoni hija direttament applikabbli mingħajr il-ħtieġa ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni. |
|
46 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Qorti Ġenerali, kif isostnu l-appellanti, wettqitx żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 10(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, kif tfakkar fil-punt 40 tas-sentenza appellata, mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tat-28 ta’ Settembru 2023, Gargždų geležinkelis,C‑671/21, EU:C:2023:709, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Il-formulazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi tagħha ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jew tingħata prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. In-neċessità ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni uniformi uniformi ta’ kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teskludi li verżjoni waħda tat-test titqies b’mod iżolat, u tirrikjedi li hija tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau,30/77, EU:C:1977:172, punt 14, u s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2022, Minister for Justice and Equality (Ċittadin ta’ pajjiż terz kuġin ta’ ċittadin tal-Unjoni),C‑22/21, EU:C:2022:683, punt 20). |
|
48 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ħadet inkunsiderazzjoni, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, verżjonijiet lingwistiċi oħra minbarra l-verżjoni bil-lingwa Franċiża tat-tieni sentenza tal-Artikolu 10(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, sabiex tiddetermina jekk il-bnadar nazzjonali kinux jikkostitwixxu “strixxuni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali, b’dan il-mod, bl-ebda mod ma kisret l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1, kif emendat bir-Regolament Nru 517/2013, li sempliċement jelenka l-lingwi uffiċjali u l-lingwi ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. |
|
49 |
Fir-rigward tal-punt dwar jekk il-projbizzjoni ta’ skjerament ta’ “strixxuni”, stabbilita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 10(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, tirrigwardax ukoll il-bnadar nazzjonali, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li t-termini użati f’verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-dispożizzjoni li jikkorrispondu għat-termini Franċiżi “banderoles” u “bannières” jirreferu ġeneralment għal oġġetti ta’ spiss magħmula minn drapp, li kultant ikunu mwaħħla fuq bsaten tal-injam u li fuqhom ikun hemm miktuba, b’mod partikolari, slogans politiċi, mottos jew dikjarazzjoni ta’ sejħa jew ta’ għan politiku. Għaldaqstant hija setgħet tiddeċiedi, ġustament f’dan l-istess punt 50, li, minħabba l-funzjoni attribwita f’dan il-każ lill-bandiera nazzjonali mill-appellanti, din il-bandiera setgħet tiġi kkunsidrata bħala mezz ta’ espressjoni jew ta’ komunikazzjoni identika għall-strixxuni. |
|
50 |
Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-elementi kuntestwali u teleoloġiċi tat-tieni sentenza tal-Artikolu 10(3) tar-Regoli ta’ Proċedura. |
|
51 |
Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 42 sa 44 tas-sentenza appellata, it-tradizzjoni tad-dibattitu orali, li tikkaratterizza l-attività parlamentari, hija riflessa fir-Regoli ta’ Proċedura. Mill-istruttura ġenerali ta’ dawn ir-regoli jirriżulta li l-Membri tal-Parlament jesprimu ruħhom meta jitkellmu u, bħala prinċipju, ma għandhom ebda mezz ieħor ta’ espressjoni. F’dan il-kuntest, it-tieni sentenza tal-Artikolu 10(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, moqrija flimkien mal-Artikolu 175 tagħhom, tillimita l-mezzi ta’ espressjoni tal-Membri tal-Parlament barra mill-ħin tad-diskorsi tagħhom, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-ugwaljanza bejniethom kif ukoll l-ordni tajba fis-sala tas-seduti. |
|
52 |
Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li huma kienu użaw strixxun, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 10(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, meta huma ppreżentaw bandiera nazzjonali fuq il-leġiji tagħhom. Fil-fatt, huwa fid-dawl tal-funzjoni politika hekk attribwita lil tali bandiera li l-att tal-Membri tal-Parlament inkwistjoni għandu jinftiehem bħala l-manifestazzjoni ta’ opinjoni politika bl-istess mod bħall-użu tal-“istrixxuni” imsemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 10(3) tar-Regoli ta’ Proċedura. |
|
53 |
Fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali naqset, b’mod żbaljat, milli tesponi r-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat li l-iskjerament ta’ dawn il-bnadar nazzjonali kien ifixkel l-ordni tajba tas-sala tas-seduti u kien jikkostitwixxi imġiba mhux xierqa tal-Membri tal-Parlament, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-projbizzjoni stabbilita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 10(3) tar-Regoli ta’ Proċedura ma tiddependix fuq il-prova konkreta li tali skjerament ifixkel l-iżvolġiment tajjeb tal-ħidma parlamentari. |
|
54 |
Fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-tieni sentenza tal-Artikolu 10(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, fis-sens li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa ż-żamma tal-ugwaljanza bejn il-Membri tal-Parlament għall-ħin tad-diskorsi tagħhom, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 175 ta’ dawn ir-regoli, huwa li tiġi ggarantita l-ugwaljanza tal-Membri tal-Parlament fir-rigward tal-mezzi ta’ espressjoni tagħhom u għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li l-Membri tal-Parlament jesprimu ruħhom, bħala prinċipju, oralment, tal-ħin tad-diskorsi tagħhom. |
|
55 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li huma għandhom id-dritt li jpoġġu bandiera nazzjonali żgħira fuq il-leġiju tagħhom, abbażi tad-dritt għar-rispett tal-identità nazzjonali ggarantit mill-Artikolu 4(2) TUE, għandu jitfakkar qabelxejn li din id-dispożizzjoni, kuntrarjament għal dak li jallegaw l-appellanti, ma tirreferix għal “appartenenza nazzjonali”. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni tobbliga lill-Unjoni tosserva l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll l-identità nazzjonali tagħhom, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali tagħhom, u l-funzjonijiet essenzjali tal-Istat. |
|
56 |
Barra minn hekk, il-membri tal-Parlament jirrappreżentaw liċ-ċittadini tal-Unjoni, kif jirriżulta espressament mill-Artikolu 10(2) u mill-Artikolu 14(2) TUE u wkoll mill-Artikolu 22(2) TFUE, anki jekk jiġu eletti minn listi stabbiliti fil-livell tal-Istati Membri. Konformement mal-prinċipju ta’ demokrazija rappreżentattiva, li fuqu, skont l-Artikolu 10(1) TUE, huwa bbażat il-funzjonament tal-Unjoni, il-kompożizzjoni tal-Parlament tirrifletti b’mod fidil u komplet l-espressjoni libera tal-għażliet magħmula miċ-ċittadini tal-Unjoni, permezz ta’ vot dirett universali, fir-rigward tal-persuni li permezz tagħhom dawn għandhom l-intenzjoni li jkunu rrappreżentati matul leġiżlatura partikolari. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies,C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 83). |
|
57 |
Minn dan isegwi li, kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, l-iskjerament tal-bnadar tal-Istati Membri fuq il-leġiji tal-membri eletti fil-Parlament huwa inkonsistenti mal-funzjoni rappreżentattiva ta’ dawn il-Membri tal-Parlament, kif iddefinita mit-Trattati, li għalihom jirreferi espressament l-Artikolu 10(1) tar-Regoli ta’ Proċedura. |
|
58 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-miżura inkwistjoni ma tipproduċix effetti legali ta’ natura li jaffettwaw il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-mandat ta’ Membru tal-Parlament tal-appellanti billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħhom, peress li l-effetti tagħha ma jmorrux lil hinn minn dawk prodotti mill-projbizzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 10(3) tar-Regoli ta’ Proċedura. |
|
59 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, li l-miżura kontenzjuża ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat. |
|
60 |
Minn dan isegwi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
61 |
Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti kollha, hemm lok li l-appell jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
|
62 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
63 |
Peress li l-Parlament kien talab li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż u peress li dawn tal-aħħar tilfu l-aggravji tagħhom, huma għandhom jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Parlament. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.