European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1563

29.7.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1563

tat-22 ta’ Lulju 2025

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) rigward l-adozzjoni ta’ deċiżjoni biex tingħata deroga tad-WTO li tippermetti lill-Istati Uniti jipprovdu trattament mingħajr dazju skont l-Att tal-Istati Uniti dwar l-Irkupru Ekonomiku tal-Baċir tal-Karibew (CBERA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tad-WTO”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995.

(2)

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu II tal-Ftehim tad-WTO jipprovdi li il-ftehimiet u l-istrumenti legali assoċjati inklużi fl-Annessi 1, 2 u 3 tal-Ftehim tad-WTO (“Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali”) huma partijiet integrali tal-Ftehim tad-WTO u huma vinkolanti għall-Membri kollha.

(3)

Skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu IX, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Konferenza Ministerjali tista’ tiddeċiedi li tagħti deroga minn obbligu impost fuq Membru mill-Ftehim tad-WTO jew minn kwalunkwe wieħed mill-Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali.

(4)

Il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO jistabbilixxu l-proċeduri għall-għoti ta’ derogi li jikkonċernaw il-Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali fl-Anness 1A, 1B jew 1C tal-Ftehim tad-WTO u l-annessi tagħhom.

(5)

Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu IV tal-Ftehim tad-WTO, il-Konferenza Ministerjali għandha l-awtorità li tieħu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha koperti minn kwalunkwe wieħed mill-Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali.

(6)

Skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu IV tal-Ftehim tad-WTO, fl-intervalli bejn il-laqgħat tal-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), il-Kunsill Ġenerali tad-WTO jwettaq il-funzjonijiet tagħha.

(7)

Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO, id-WTO normalment tieħu d-deċiżjonijiet b’konsensus.

(8)

L-Istati Uniti ngħataw deroga mill-obbligi skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu I tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT tal-1994) fil-15 ta’ Frar 1985, għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 1984 sat-30 ta’ Settembru 1995. Fil-15 ta’ Novembru 1995, il-Membri ġeddew id-deroga sat-30 ta’ Settembru 2005, u re[gġeddewha għal darba oħra fid-29 ta’ Mejju 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2014. Fil-5 ta’ Mejju 2015, il-Membri estendew id-deroga fir-rigward tal-paragrafu 1 tal-Artikolu I tal-GATT tal-1994 sal-31 ta’ Diċembru 2019 u, espandew id-deroga biex tkopri l-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu XIII tal-GATT tal-1994 sa fejn ikun meħtieġ għall-Istati Uniti biex jipprovdu trattament mingħajr dazju għall-importazzjonijiet ta’ prodotti eliġibbli li joriġinaw minn pajjiżi benefiċjarji deżinjati skont id-dispożizzjonijiet tal-Att tal-Istati Uniti dwar l-Irkupru Ekonomiku tal-Baċir tal-Karibew (“CBERA”). Fis-17 ta’ Ottubru 2019, il-Membri estendew id-deroga fir-rigward tal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu XIII tal-GATT tal-1994 sat-30 ta’ Settembru 2025, sal-punt meħtieġ għall-Istati Uniti biex jipprovdu trattament mingħajr dazju għall-importazzjonijiet ta’ prodotti eliġibbli li joriġinaw minn pajjiżi benefiċjarji deżinjati skont id-dispożizzjonijiet tas-CBERA.

(9)

Skont il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO, l-Istati Uniti ppreżentaw talba biex il-Kunsill Ġenerali jieħu deċiżjoni li jaghti deroga tad-WTO biex jippermetti lill-Istati Uniti jipprovdu trattament mingħajr dazju lill-prodotti eliġibbli li joriġinaw minn pajjiżi u territorji tal-Amerka Ċentrali u tal-Karibew skont is-CBERA mill-1 ta’ Ottubru 2025 sat-30 ta’ Settembru 2030.

(10)

L-Istati Uniti jiġġustifikaw it-talba abbażi tal-prevalenza għolja ta’ faqar u instabbiltà fil-pajjiżi tal-Baċir tal-Karibew, b’mod partikolari fil-Haiti. Il-benefiċċji skont is-CBERA huma maħsuba biex jespandu l-opportunitajiet ekonomiċi u jikkontribwixxu għal reġjun aktar stabbli u prosperu.

(11)

Id-deroga la taffettwa negattivament l-ekonomija tal-Unjoni u lanqas ir-relazzjonijiet kummerċjali tal-Unjoni mal-benefiċjarji tad-deroga. Barra minn hekk, l-Unjoni tappoġġa azzjonijiet kontra l-faqar u favur l-istabbiltà.

(12)

Huwa idoneu li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill Ġenerali biex tappoġġa t-talba tal-Istati Uniti biex tingħata d-deroga f’konformità mal-Artikolu 218(9) TFUE, peress li d-deroga se tkun vinkolanti fuq il-Membri tad-WTO,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) għandha tkun li tappoġġa l-għotja tad-deroga tad-WTO li tippermetti lill-Istati Uniti jipprovdu trattament mingħajr dazju għall-prodotti eliġibbli li joriġinaw minn pajjiżi u territorji tal-Amerka Ċentrali u tal-Karibew skont l-Att tal-Istati Uniti dwar l-Irkupru Ekonomiku tal-Baċir tal-Karibew mill-1 ta’ Ottubru 2025 sat-30 ta’ Settembru 2030.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-addozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1563/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)