25.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 122/33


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/675

tal-11 ta’ April 2022

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea matul is-57 sessjoni tal-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija fir-rigward ta’ ċerti emendi tal-Appendiċi C għall-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Unjoni aderixxiet mal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (“COTIF”), permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE (1).

(2)

Skont l-Artikolu 6 tal-COTIF, it-traffiku ferrovjarju internazzjonali u l-ammissjoni ta’ materjal ferrovjarju fit-traffiku internazzjonali għandhom ikunu rregolati minn regoli elenkati f’dak l-Artikolu, b’mod partikolari r-“Regolament dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bil-Ferrovija (RID)” li jifforma l-Appendiċi C għall-COTIF.

(3)

Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tistabbilixxi rekwiżiti għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq, bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilmijiet interni fi ħdan l-Istati Membri jew bejniethom, billi tirreferi għar-RID.

(4)

Skont l-ittra d) tal-Artikolu 13 § 1 u l-Artikolu 33 § 5 tal-COTIF, il-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (“il-Kumitat ta’ Esperti tar-RID”) tal-Organizzazzjoni Intergovermentali għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (“OTIF”) jista’ jadotta emendi għall-Anness tar-RID.

(5)

Il-Kumitat ta’ Esperti tar-RID, fis-57 sessjoni tiegħu fil-24 ta’ Mejju 2022, se jadotta emendi biex jadatta l-Anness għar-RID skont il-progress xjentifiku u tekniku.

(6)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Esperti tar-RID, peress li l-emendi għar-RID ser ikunu vinkolanti għall-Unjoni.

(7)

L-emendi previsti għandhom l-għan li jkun żgurat it-trasport sikur u effiċjenti ta’ oġġetti perikolużi, filwaqt li jitqies il-progress xjentifiku u tekniku fis-settur, kif ukoll l-iżvilupp ta’ sustanzi u oġġetti ġodda li jistgħu joħolqu periklu matul it-trasport tagħhom.

(8)

L-emendi previsti jitqiesu xierqa għat-trasport bla periklu ta’ oġġetti perikolużi b’mod kosteffettiv, u għalhekk jistgħu jiġu appoġġati.

(9)

Jista’ jkun meħtieġ qbil dwar tibdiliet minuri fid-dokumenti msemmija fl-Anness f’livell tekniku waqt l-14-il sessjoni tal-grupp ta’ ħidma permanenti tal-Kumitat ta’ Esperti tar-RID fit-23 ta’ Mejju 2022, inkluż abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Laqgħa Konġunta tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Kumitat ta’ Esperti tar-RID u l-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-57 sessjoni tal-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (il-“Kumitat ta’ Esperti tar-RID”) tal-Organizzazzjoni Intergovermentali għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999, għandha tkun kif stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat ta’ Esperti tar-RID jistgħu jaqblu dwar bidliet minuri fid-dokumenti msemmija fl-Anness mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Esperti tar-RID, ladarba adottati, għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, b’indikazzjoni tad-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-11 ta’ April 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (ĠU L 51, 23.2.2013, p. 1).

(2)  Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi, (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13).


ANNESS

Proposta

Dokument ta' referenza

Kwistjoni

Kummenti

Il-pożizzjoni tal-UE

1.

OTIF/RID/CE/GTP/2021/2

Allinjament bejn il-Ftehim dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq, konkluż f’Ġinevra fit-30 ta’ Settembru 1957 (ADR) u l-RID biex jiġu inklużi mezzi ġodda ta’ konteniment fil-mudell tar-rapport tal-inċident

Kunsens tekniku fil- Grupp ta’ Ħidma Permanenti tal-Kumitat ta’ Esperti tar-RID biex jiġi adottat it-test kif emendat

Taqbel

2.

OTIF/RID/CE/GTP/2021/3 u OTIF/RID/CE/GTP/2021/INF.3

Allinjament bejn l-ADR u l-RID tar-rekwiżiti li jikkonċernaw l-informazzjoni murija

Kunsens tekniku fil- Grupp ta’ Ħidma Permanenti tal-Kumitat ta’ Esperti tar-RID biex jiġi adottat it-test kif emendat

Taqbel

3.

OTIF/RID/CE/GTP/2021/4

Iffittjar tal-valvijiet tas-sikurezza fuq tankijiet għal gassijiet likwifikati

Kunsens tekniku fil- Grupp ta’ Ħidma Permanenti tal-Kumitat ta’ Esperti tar-RID biex jiġi adottat it-test kif emendat

Taqbel

4.

OTIF/RID/CE/GTP/2021/5

Testi konsolidati adottati mil-Laqgħa Konġunta tal-2020 u tal-2021 u mill-Grupp ta’ Ħidma Permanenti tal-Kumitat ta’ Esperti tar-RID f’Novembru 2020

Kunsens tekniku fil- Grupp ta’ Ħidma Permanenti tal-Kumitat ta’ Esperti tar-RID biex jiġi adottat it-test kif emendat

Taqbel

5.

OTIF/RID/CE/GTP/2021/6

Allinjament bejn l-ADR u l-RID, fost l-oħrajn dwar id-disinn, il-kostruzzjoni u l-ispezzjoni inizjali u l-ittestjar tar-reċipjenti ta’ pressjoni mhux tan-NU ddisinjati, kostruwiti u ttestjati skont standards referenzjati

Kunsens tekniku fil- Grupp ta’ Ħidma Permanenti tal-Kumitat ta’ Esperti tar-RID biex jiġi adottat it-test kif emendat

Taqbel

6.

OTIF/RID/CE/GTP/2021/INF.4

Miżura tranżizzjonali b’rabta ma’ 6.8.2.4.6 (proċeduri użati mill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni tal-esperti, il-prestazzjoni tal-ispezzjonijiet dwar il-vaguni tank u għar-rikonoxximent reċiproku ta’ tali spezzjonijiet)

Kunsens tekniku fil- Grupp ta’ Ħidma Permanenti tal-Kumitat ta’ Esperti tar-RID biex jiġi adottat it-test kif emendat

Taqbel

7.

OTIF/RID/CE/GTP/2021/INF.11

Proposti dwar kif għandu jiġi aġġustat il-Kapitolu tar-RID 6.8 biex jiġu kkunsidrati kontejners tank kbar ħafna

Kunsens tekniku fil- Grupp ta’ Ħidma Permanenti tal-Kumitat ta’ Esperti tar-RID biex jiġi adottat it-test kif emendat

Taqbel

Id-dokumenti kollha hawn fuq huma disponibbli fuq is-sit web tal-OTIF (http://otif.org/en/?page_id=1119) u għandhom jinftiehmu bħala li jinkludu l-emendi diskussi fil-Grupp ta’ Ħidma permanenti tal-Kumitat ta’ Esperti tar-RID ta’ Novembru 2021 u rifless fl-Anness I tad-Dokument OTIF/RID/CE/GTP/2021-A (Ir-Rapport finali tat-13-il sessjoni tal-Grupp ta’ Ħidma permanenti tal-Kumitat ta’ Esperti tar-RID - Ġinevra/vidjokonferenza, mill-15 sat-18 ta’ Novembru 2021), disponibbli wkoll fuq is-sit web tal-OTIF (http://otif.org/en/?page_id=254).