RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE) Pjanijiet ta' Mmaniġġjar tal-Baċin tax-Xmara /* COM/2012/0670 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas
dwar l-Ilma (2000/60/KE) Pjanijiet ta' Mmaniġġjar tal-Baċin
tax-Xmara (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) 1. Daħla Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD[1]) fl-2000 introduċiet għanijiet
ġodda u ambizzjużi biex tipproteġi u tirrestawra l-ekosistemi akkwatiċi bħala
bażi għall-iżgurar ta' użu sostenibbli tal-ilma fuq perjodu twil għan-nies,
għan-negozji u għan-natura. Il-WFD inkorporat fi strument legalment vinkolanti
l-prinċipji ewlenin ta' mmaniġġjar integrat tal-baċin tax-xmara fejn,
fl-immaniġġjar tal-ilma, laqqgħet flimkien il-perspettivi ekonomiċi u
ekoloġiċi. Il-WFD stabbilixxiet programm u skeda
taż-żmien għall-Istati Membri biex sal-2009 jistabbilixxu l-Pjanijiet ta'
Mmaniġġjar tal-Baċin tax-Xmara (RBMPs). Il-Pjanijiet kellhom jidentifikaw
l-azzjonijiet kollha li kellhom jittieħdu fid-distrett tal-baċini tax-xmajjar
biex jintlaħqu l-għanijiet tal-WFD. L-implimentazzjoni tal-WFD ilha appoġġata
mill-2001 minn sforz kooperattiv informali skont Strateġija Komuni ta'
Implimentazzjoni (CIS), immexxi mid-Diretturi responsabbli għall-qasam tal-Ilma
tal-Istati Membri u mill-Kummissjoni bil-parteċipazzjoni tal-partijiet
interessati rilevanti kollha. L-Istrateġija ta' Implimentazzjoni Komuni
pproduċiet dokumenti ta' gwida u għadd kbir ta' dokumenti ta' politika u hija
pjattaforma ta’ valur għall-iskambju tal-esperjenzi u l-aqwa prattiki. Dan ir-rapport ta' implimentazzjoni
tal-Kummissjoni huwa meħtieġ skont l-Artikolu 18 tal-WFD u huwa bbażat fuq
il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-RBMPs irrappurtati mill-Istati Membri. Huwa
akkumpanjat mid-Dokumenti ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jinkludu
valutazzjoni dettaljata tal-RBMPs. Huwa wieħed mill-bażijiet tal-Komunikazzjoni
tal-Kummissjoni dwar il-"Blueprint għas-salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma
tal-Ewropa". 2. Elementi ewlenin tal-WFD L-għan ewlieni tal-WFD huwa li jinkiseb status
tajjeb għall-korpi kollha tal-ilma sal-2015. Dan jinkludi l-għanijiet ta'
status ekoloġiku u kimiku tajjeb għall-ilmijiet tal-wiċċ u status kwantitattiv
u kimiku tajjeb għall-ilma ta' taħt l-art. L-istrument ewlieni għall-implimentazzjoni
tal-WFD huwa l-RBMP u l-Programm ta' Miżuri (PoM) li jakkumpanjawh. Il-proċess
ta' ppjanar jibda bit-traspożizzjoni u l-arranġamenti amministrattivi, segwiti
mill-karatterizzazzjoni tad-distrett tal-baċin tax-xmajjar[2], il-monitoraġġ u l-valutazzjoni
tal-istatus, l-iffissar tal-għanijiet, u fl-aħħar nett il-programm ta' miżuri u
l-implimentazzjoni tagħhom. Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-effikaċja
tal-miżuri huma informazzjoni essenzjali li tgħaqqad ċiklu ta' ppjanar wieħed
ma' ta' warajh. Il-programm ta' miżuri huwa l-għodda li biha jkun hemm
reazzjoni għall-pressjonijiet identifikati, biex b'hekk il-baċin tax-xmara/korp
tal-ilma jkun jista' jilħaq status tajjeb. Is-saħħa tal-proċess tal-ippjanar, u
l-adegwatezza u l-affidabbiltà tal-RBMP jiddependu minn implimentazzjoni tajba
ta' kull pass intermedju. Jekk, pereżempju, pressjoni sinifikanti ma titqiesx
matul l-analiżi tal-pressjonijet u l-impatti, il-monitoraġġ probabbilment ma
jiġix iddiżinjat b'mod li jivvaluta din il-pressjoni u l-programm ta' miżuri ma
jkunx jipprevedi azzjoni biex tiġi indirizzata. Grafika 1:
Rappreżentazzjoni skematika tal-proċess ta' ppjanar tal-WFD 3. Il-valutazzjoni tal-pjanijiet ta'
mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar Il-valutazzjoni tal-RBMPs hija bbażata fuq
ir-rappurtar mill-Istati Membri, li tikkonsisti mill-pjanijiet ippubblikati u
d-dokumentazzjoni ta' akkumpanjament[3]
u r-rappurtar elettroniku permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar l-Ilma
għall-Ewropa (WISE)[4].
Il-valutazzjoni tal-pjanijiet hija kompitu kumpless li jinvolvi informazzjoni
estensiva f'21 lingwa. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni se tkun
preċiża daqs ir-rappurtar tal-Istati Membri. Huwa rikonoxxut li r-rappurtar
huwa ħidma sinifikanti għall-Istati Membri, b'mod partikolari r-rappurtar
elettroniku fil-WISE. Insibu eżempji ta' rappurtar ta' kwalità tajba ħafna,
iżda wkoll każijiet fejn ir-rappurtar ikun fih lakuni jew kontradizzjonijiet. 4. Is-sitwazzjoni attwali tal-adozzjoni u
r-rappurtar tal-RBMPs Tlieta u għoxrin Stat Membru adottaw u
rrappurtaw il-Pjanijiet kollha tagħhom. Erba' Stati Membri (BE, EL, ES u PT)
jew ma adottaw l-ebda Pjan inkella adottaw u rrappurtaw biss uħud
mill-pjanijiet. B'kollox, il-Kummissjoni rċeviet 124 RBMPs (mill-174 li
kienet qed tistenna). 75 % minnhom jikkonċernaw il-baċini tax-xmajjar
transfruntieri[5]. Fil-Belgju, ir-Reġjun Fjamming, ir-Reġjun
tal-Kapitali-Brussell u l-Gvern Federali (responsabbli għall-ilmijiet kostali)
adottaw xi pjanijiet; il-pjanijiet għar-Reġjun tal-Wallonja huma mistennija. Fi
Spanja, l-RBMPs ta' Tinto Odiel y Piedras, Guadalete y Barbate u Cuencas
Mediterraneas Andaluzas ġew approvati iżda mhux irrappurtati u l-pjan
għad-distrett tax-xmajjar tal-Katalunja biss ġie adottat u rrappurtat.
Fil-Portugall u l-Greċja l-ebda pjan għadu ma ġie adottat jew irrappurtat[6]. Grafika 2[7]:
L-istat ta' adozzjoni tal-RBMPs: AĦDAR - adottati. AĦMAR - Mhux adottati jew
adottati parzjalment. Id-dewmien fl-adozzjoni tal-ewwel ċiklu
tal-RBMPs f'uħud mill-Istati Membri jfisser konsegwenzi għat-tieni ċiklu ta' implimentazzjoni
kemm fl-Istati Membri kkonċernati kif ukoll għall-pajjiżi l-oħra li magħhom
jaqsmu żoni ta' qbid. 5. Sejbiet tal-Kummissjoni: messaġġi u
rakkomandazzjonijiet ewlenin 5.1. L-għan ta' status tajjeb se
jintlaħaq sal-2015? L-għan ta' status tajjeb tal-WFD huwa
neċessarju biex tiġi żgurata disponibbiltà fuq perjodu twil ta' ilma ta'
kwalità tajba suffiċjenti. Il-kisba ta' status tajjeb għall-ilmijiet kollha se
jippermetti lill-ekosistemi akkwatiċi jirkupraw u jipprovdu servizzi
tal-ekosistemi li huma neċessarji biex jappoġġaw il-ħajja u l-attività
ekonomika li jiddependu mill-ilma. Il-valutazzjoni tal-RBMPs tindika li
l-progress lejn l-ilħiq tal-għan huwa mistenni, iżda status tajjeb mhux se
jintlaħaq fl-2015 għal proporzjon sinifikanti ta' korpi tal-ilma. Hemm diversi
raġunijiet għal dan. Il-valutazzjoni tal-RBMPs mill-Kummissjoni[8] tidentifika l-ostakli ewlenin
li ltaqa' magħhom kull Stat Membru u tenfasizza li l-pressjonijiet
idromorfoloġiċi, it-tniġġis u l-astrazzjoni eċċessiva jibqgħu l-pressjonijiet
ewlenin fuq l-ambjent tal-ilma. || Għadd ta' Stati Membri || Għadd ta' korpi tal-ilma || % ta' korpi tal-ilma bi status tajjeb jew li kellhom potenzjal tajjeb fl-2009 || % ta' korpi tal-ilma bi status tajjeb jew b'potenzjal tajjeb fl-2015 || Progress mill-2009 sal-2015 f'% || Status mhux magħruf fl-2009 f'%[9] Status ekoloġiku tal-ilmijiet tal-wiċċ || 21[10] || 82684 || 43 || 53 || 10 || 15 Status kimiku tal-ilmijiet tal-wiċċ || L-informazzjoni mhijiex ċara biżżejjed biex tiġi stabbilita l-bażi ta' referenza tal-2009[11] || 40 Status kwantitattiv tal-ilma ta' taħt l-art[12] || 24 || 5197 || 85 || 92 || 7 || 6 Status kimiku tal-ilma ta' taħt l-art12 || 24 || 5197 || 68 || 77 || 9 || 3 Sors: Informazzjoni
rrappurtata mill-Istati Membri, 2012 L-informazzjoni pprovduta fl-RBMPs dwar
l-istatus kimiku għall-ilmijiet tal-wiċċ mhuwiex ċar biżżejjed biex tiġi
stabbilita l-bażi ta' referenza għall-2009. Il-kwalità kimika tal-korpi
tal-ilma tjiebet b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar 30 sena, iżda
s-sitwazzjoni fir-rigward ta' dawn is-sustanzi ta' prijorità introdotti permezz
tal-WFD ma laħqitx l-għanijiet. Proporzjon kbir tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ
huwa rrappurtat bi status kimiku mhux magħruf. Barra minn hekk, l-ewwel RBMPs
juru gradi differenti ta' implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/105/KE li
tistabbilixxi l-Istandards tal-Kwalità Ambjentali u dan irendi diffiċli
l-paragun tal-valutazzjoni tal-istatus kimiku fl-Istati Membri. Il-WFD tirrikonoxxi li l-kisba ta' status
tajjeb taf tieħu iktar żmien f'uħud mill-korpi tal-ilma. Għal din ir-raġuni,
tippermetti lill-Istati Membri li jużaw eżenzjoni abbażi tal-kundizzjonijiet
naturali tal-korp tal-ilma, u li jestendu d-data tal-iskadenza sal-2027 jew
iktar tard[13].
Id-data tal-iskadenza għall-kisba ta' status
tajjeb tista' wkoll tiġi estiża jekk fost l-oħrajn, ma jkunx teknikament
fattibbli jew sproporzjonament għali biex il-korp tal-ilma jerġa' jikseb status
tajjeb sal-2015[14].
Fejn jiġu applikati l-eżenzjonijiet, il-WFD teżiġi li l-Istati Membri
jiġġustifikaw u jispjegaw ir-raġunijiet fl-RBMPs. Dan ifisser li jispjegaw fuq
liema bażi saru l-evalwazzjonijiet ta' kundizzjonijiet naturali, spejjeż
sproporzjonati u/jew fattibbiltà teknika li ma tkunx possibbli u kif se jersqu
lejn l-għan ta' status tajjeb. Din il-ġustifikazzjoni hija essenzjali
għat-trasparenza u r-responsabbiltà fir-rigward tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Spiss ħafna, fl-RBMPs, jintużaw eżenzjonijiet
biex jiġu ġġustifikati użi eżistenti tal-ilma u prattikki ta' mmaniġġjar li ma
juru l-ebda pjan li jilħqu l-għanijiet tal-WFD. Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri: –
Li ssir valutazzjoni tal-ostakli li fixklu
l-implimentazzjoni fl-ewwel ċiklu u tittieħed azzjoni biex jintgħelbu fit-tieni
ċiklu; –
Li tiżdied l-ambizzjoni fit-teħid tal-miżuri
biex jinkiseb status tajjeb. F'każ ta' inċertezzi fir-rigward tal-effikaċja, li
jittieħdu miżuri mingħajr rimors. 5.2. Monitoraġġ u valutazzjoni:
għarfien sod biex jittieħdu deċiżjonijiet infurmati Monitoraġġ u metodi sodi għal valutazzjoni
komprensiva tal-istatus ta' korpi tal-ilma huma elementi essenzjali għal
ġestjoni tajba tal-ilma. Il-kost tal-monitoraġġ huwa ħafna inqas mill-kost ta'
deċiżjonijiet li ma jkunux xierqa. Il-WFD tipprovdi għal programm ta' monitoraġġ
adattiv li jista' jintuża biex il-monitoraġġ jiġi prijorizzat fejn huwa meħtieġ
l-iktar. Programmi intelliġenti ta' monitoraġġ għandhom ikunu parti integrali
tal-bini tal-bażi ta' evidenza għad-disinn u l-implimentazzjoni tal-miżuri.
F'ħafna programmi ta' monitoraġġ mhuwiex ċar jekk l-informazzjoni dwar
il-karatterizzazzjoni u l-pressjonijiet tintużax u kif tintuża fl-iżvilupp
ulterjuri tal-RBMPs. Lakuna ċara fil-monitoraġġ toħroġ
mill-informazzjoni rrappurtata lill-Kummissjoni. Dan juri li madwar 15 %
tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ fl-UE huma fi status ekoloġiku mhux magħruf u
40 % fi status kimiku mhux magħruf. F'uħud mill-Istati Membri l-istatus ekoloġiku
u kimiku tal-ilma mhuxwiex magħruf għal iktar minn 50 % tal-korpi
tal-ilma. Huwa meħtieġ sforz determinat. L-istatus ekoloġiku kif iddefinit mill-WFD
huwa espressjoni tal-kwalita tal-istruttura u l-funzjonament tal-ekosistemi
akkwatiċi. L-eżerċizzju ta' interkalibrazzjoni tal-WFD qabbel il-metodi użati
mill-Istati Membri biex jivvalutaw l-istatus ekoloġiku biex jiżguraw li huma
konsistenti mad-definizzjonijiet tal-WFD filwaqt li jiżguraw il-paragunabbiltà
tar-riżultati bejn l-Istati Membri. Dan ippromwova skambju kbir ta'
informazzjoni li ppermetta lill-pajjiżi li għandhom inqas esperjenza
fil-valutazzjoni tal-istatus ekoloġiku biex jibbenefikaw mill-għarfien
tal-oħrajn. Minkejja progress konsiderevoli, uħud
mill-pajjiżi juru li għandhom lakuni importanti fl-iżvilupp u fl-applikazzjoni
tal-metodi ta' valutazzjoni. Spiss, l-eżerċiżżju ta' interkalibrazzjoni ttieħed
bħala eżerċizzju xjentifiku li ma ntużax għall-immaniġġjar tal-ilma. Il-lakuni
huma sinfikanti għal ilmijiet tranżizzjonali u ilmijiet kostali u għal metodi
ta' valutazzjoni bijoloġika sensittivi għal pressjonijiet idromorfoloġiċi, li
huma l-iktar pressjonijiet importanti li jipprevjenu lill-korpi tal-ilma milli
jilħqu status ekoloġiku tajjeb. Il-valutazzjoni tal-istatus kimiku tippreżenta
proporzjon kbir ta' korpi tal-ilma bi status mhux magħruf. Il-monitoraġġ kimiku
huwa insuffiċjenti f'bosta Stati Membri, fejn ma jiġux immonitorjati s-sustanzi
ta' prijorità kollha jew l-għadd ta' korpi tal-ilma fejn jitwettaq monitoraġġ
huwa limitat. Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri: –
Li jtejbu u jespandu l-għodod ta' monitoraġġ
biex jiżguraw stampa soda statistikament u komprensiva tal-istatus tal-ambjent
akkwatiku għall-finijiet ta' ppjanar ulterjuri. 5.3. Qafas legali u governanza Qafas legali sod u strutturi ta' governanza
xierqa huma prerekwiżiti essenzjali għal ġestjoni integrata tal-immaniġġjar
tal-baċini tax-xmajjar li tirnexxi. Il-WFD introduċiet enfasi ġdida
għall-immaniġġjar tal-ilma billi qiegħdet il-protezzjoni tal-ambjent akkwatiku
u l-miri ambjentali fil-qofol ta' approċċ integrat għall-immaniġġjar tal-ilma
fl-iskala tal-baċini tax-xmajjar. Għal dan il-għan, kien mistenni adattament
tal-oqfsa regolatorji eżistenti u tal-amministrazzjoni tal-immaniġġjar
tal-ilma. Għalkemm sar progress sinifikanti, dan ma
seħħx fil-maġġoranza tal-Istati Membri fejn għad hemm sitwazzjoni ta' status
quo. L-għanijiet ambjentali tal-WFD jidhru li ġew inklużi bħala miri
addizzjonali iżda mhux integrati realment fid-deċiżjonijiet ta' politika. Koordinazzjoni xierqa fit-teħid
tad-deċiżjonijiet bejn is-setturi kollha hija essenzjali. Deiżjonijiet dwar
attivitajiet ekonomiċi li ma jqisux id-disponibbiltà attwali u futura
tar-riżorsi tal-ilma jistgħu jwasslu għal prattiki mhux sostenibbli
bħall-isfruttament eċċessiv tar-riżorsi b'konsegwenzi negattivi għall-ambjent,
għall-popolazzjoni u għal setturi ekonomiċi oħra. Bl-adozzjoni tal-WFD,
l-Istati Membri huma mistennija jinkludu fl-RBMPs miżuri li jindirizzaw l-użi
kollha tal-ilma u jiżguraw koerenza bejn l-RBMPs u għodod oħra ta' ppjanar
spazjali. Il-WFD introduċiet ukoll bidla minn approċċi tradizzjonali
ddeterminati mill-użu tal-ilma għal approċċ iktar integrat li għandu jkun
rifless fil-kuntest ta' governanza. Dan seħħ fi gradi differenti. F'xi każijiet
ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-WFD ingħatat lil unitajiet apposta
mingħajr konnessjoni ċara mal-immaniġġjar tal-ilma li jsir minn ġurnata
għall-oħra jew mingħajr ma rċevew informazzjoni fil-livell tal-baċini. Dan
ir-riżultat joħloq approċċi li jikkoinċidu u f'xi każijiet deċiżjonijiet u
azzjonijiet li mhumiex kompatibbli mal-għanijiet tal-WFD. Kooperazzjoni u koordinazzjoni transfruntieri
ta' proċessi ta' implimentazzjoni huma wkoll essenzjali biex jiġi implimentat
il-prinċipju tal-WFD ta' mmanniġjar fl-iskala tal-baċini tax-xmajjar, b'mod
partikolari meta jitqies li l-baċini tax-xmajjar transfruntieri jkopru l-biċċa
l-kbira tal-UE. Bl-adozzjoni tal-WFD, il-kooperazzjoni internazzjonali ġiet
irrinforzata u mtejba b'mod sinifikanti. F'xi każijiet avvanzat minn skambju
ta' informazzjoni għal dijanjożi konġunta ta' problemi u deċiżjonijiet konġunti
dwar miżuri transfruntieri. Il-pjanijiet konġunti tal-immaniġġjar tal-baċini
tax-xmajjar f'baċini transfruntieri kbar tħejjew iżda sforzi dwar
il-koordinazzjoni tal-miżuri jeħtieġ li jitkomplew. Il-parteċipazzjoni tal-pubbliku u tal-utenti
fl-immaniġġjar tal-ilma hija element essenzjali ieħor introdott bil-WFD.
Approċċ proattiv jista' jwassal għall-aħjar deċiżjonijiet li huma iktar
aċċettabbli u implimentati aħjar fil-post. It-trasparenza dwar kif ir-riżultati
tal-proċessi tal-konsultazzjoni jitqiesu hija importanti, u jeżistu diversi
eżempji tajbin f'dan ir-rigward. Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri: –
Li titkompla l-konsolidazzjoni ta' mmaniġġjar
tal-ilma multidixxiplinari integrat; li jitfittxu soluzzjonijiet li
jibbilanċjaw il-protezzjoni ambjentali u żvilupp ekonomiku sostenibbli fuq
terminu twil u, fejn meħtieġ, jiġu adattati approċċi legali u amministrattivi; –
Li jikkoordinaw kmieni, fil-proċess tat-tħejjija
tal-RBMP, mal-pajjiżi li magħhom jaqsmu baċini tax-xmajjar, u jaqblu dwar
miżuri transfruntieri u jimplimentawhom; –
Li jinvolvu lill-partijiet interessati u
lill-awtoritajiet mill-bidu tal-proċess tal-ippjanar u li jkunu trasparenti. 5.4. Integrazzjoni tal-aspetti
kwantitattivi u kwalitattivi fl-immaniġġjar tal-ilma Immaniġġjar tal-ilma sod għandu jintegra
aspetti kwalitattivi u kwantitattivi: il-kisba tal-għanijiet tal-WFD
hija possibbli biss jekk kwantità suffiċjenti ta' ilma nadif tkun disponibbli
għall-ekosistemi akkwatiċi. Għal dan il-għan, il-fluss ekoloġiku huwa
neċessarju biex jappoġġa l-istatus ekoloġiku u jiżgura d-disponibbilta tal-ilma
għal użi differenti. Ir-rilevanza tal-kwistjonijiet dwar il-kwantità tal-ilma
hija rikonoxxuta f'ħafna baċini tax-xmajjar madwar l-Erwopa. L-RBMPs
identifikaw miżuri li jindirizzaw l-iskarsezza tal-ilma u l-problemi ta' nixfa
li mistennija jiggravaw minħabba l-impatti tat-tibdil fil-klima[15]. Madankollu, ġew identifikati
xi nuqqasijiet fl-RBMPs b'rabta mal-kwalità u d-disponibbiltà tas-settijiet
tad-dejta u n-nuqqas ta' miżuri koerenti. Informazzjoni dwar l-impatti tat-tibdil
fil-klima hija inkluża f'għadd ta' RBMPs, iżda f'ħafna mill-każijiet ma
tinfluwenzax l-għażla tal-miżuri u hemm ippjanat li tiġi indirizzata b'iktar
reqqa fiċ-ċiklu ta' ppjanar tal-RBMP li jmiss. L-immaniġġjar tar-riskji ta' għargħar huwa
parti inerenti ta' mmaniġġjar tal-ilma integrat, u b'riżultat ta' dan
kwistjonijiet relatati mal-għargħar jissemmew fl-RBMPs madwar l-UE kollha,
notevolment bħala raġuni għal modifika kbira ħafna f'korp tal-ilma. It-tieni
ċiklu ta' RBMP jeħtieġ li jiġi kkoordinat mal-ewwel Pjanijiet ta' Mmaniġġjar
ta' Riskji ta' Għargħar. Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri: –
Li japplikaw skemi ta' flussi ekoloġiċi biex
jiżguraw li l-awtoritajiet u l-utenti jkunu jafu l-ammont ta' ilma u liema
skema ta' flussi huma meħtieġa biex jinkiseb status ekoloġiku tajjeb; –
Li jtejbu settijiet tad-dejta dwar il-kwantità
tal-ilma, id-disponibbiltà tal-ilma u projezzjonijiet ta' xejriet tad-domanda
biex ikunu jistgħu jiżviluppaw settijiet ta' miżuri koerenti u effikaċi; –
Li fl-RBMPs jintegraw dak li jkun tqies dwar
it-tibdil fil-klima; –
Li jikkoordinaw it-tħejjija u l-konsultazzjoni
dwar il-Pjanijiet tal-Immaniġġjar tar-Riskji tal-Għargħar mat-tieni ċiklu ta'
RBMPs biex jiżguraw koerenza. 5.5. Ir-rwol ewlieni
tal-leġiżlazzjoni ta' qabel il-WFD fl-ilħiq tal-għanijiet tal-WFD Qabel il-WFD, il-politika tal-UE dwar l-ilma
indirizzat pressjonijiet importanti fuq l-ambjent akkwatiku permezz tal-adozzjoni
tat-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (UWWT) u d-Direttiva dwar in-Nitrati[16]. Dawn id-Direttivi jipprovdu
protezzjoni tal-ilma fir-rigward ta' pressjonijiet minn nutrijenti assoċjati
mal-agrikoltura u l-iżviluppi urbani u jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-WFD.
L-implimentazzjoni
tad-Direttiva dwar in-Nitrati tinsab fi stadju relattivament avvanzat fl-Istati
Membri l-qodma (UE15), iżda fi stadju inqas avvanzat b'mod sinifikanti
fl-Istati Membri li ngħaqdu mal-UE mill-2004 'l hawn (UE12) u li jgawdu minn
perjodi tranżizzjonali. Nuqqas ta' appoġġ finanzjarju u ppjanar xieraq huma
l-ostakoli ewlenin. Ir-rappurtar
l-iktar reċenti[17]
skont id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (UWWT) juri li
s-sistemi ta' ġbir tal-ilma mormi kienu implimentati għal 99 %
tat-tagħbija tat-tniġġis kollha tal-UE-15 u għal 65 % tat-tagħbija totali
ġġenerat mill-UE-12. It-trattament sekondarju kien fis-seħħ għal 96 %
tat-tagħbija għall-UE-15 u għal 48 % tat-tagħbija għall-UE-12. Trattament
iktar strett kien fis-seħħ għal 89 % tat-tagħbija fl-UE-15 u għal 27 %
tat-tagħbija ġġenerata mill-UE-12. Id-disponibbiltà tar-riżorsi biex jiġu
koperti l-investimenti tibqa' ostaklu għall-konformità. Għalhekk,
soluzzjonijiet tekniċi innovattivi u kosteffikaċji għandhom jiġu promossi. It-tniġġis minn
emissjonijiet industrijali huwa rregolat mid-Direttiva dwar l-IPPC[18]. Ir-rapport l-iktar reċenti
dwar l-implimentazzjoni tagħha juri li għalkemm l-IPPC tat lok għal
simplifikazzjoni sinfikanti tal-leġiżlazzjoni ambjentali industrijali f'ħafna
Stati Membri, kien hemm wisq permessi li kellhom il-valuri ta' limitu
tal-emissjonijiet (VLE) li ma kinux skont l-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT) u li
ma kinux jipproteġu biżżejjed l-ambjent tal-ilma. Rakkomandazzjonijiet
lill-Istati Membri: –
Li jirrinforzaw il-programmi ta' azzjoni u d-deżinjazzjoni
taż-żoni vulnerabbli previsti fid-Direttivi dwar in-Nitrati, itejbu r-rati ta'
konformità dwar it-trattament tal-ilma mormi billi jistabbilixxu pjanijiet ta'
investiment u jiżguraw il-konformità tal-VLE mal-BAT. 5.6. Jitħeġġeġ użu razzjonali permezz
ta' prezzar xieraq tal-ilma It-trasparenza fil-forma ta' informazzjoni
xierqa dwar il-kostijiet tal-ilma hija l-bażi għall-iżvilupp ta' politiki ta'
pprezzar tal-ilma li jipprovdi inċentivi xierqa għall-utenti biex jużaw l-ilma
b'mod effiċjenti skont il-WFD. Madankollu, ftit li xejn sar progress s'issa
fl-implimentazzjoni ta' politiki ta' pprezzar trasparenti. Użu effiċjenti tal-ilma jeżiġi li jitkejjel
il-volum tal-ilma użat. Rati fissi, tariffi li jiddependu mill-erja msaqqa jew
kontijiet li jinqasmu bejn l-utenti ftit li xejn jipprovdu inċentiv għal użu
sostenibbli tal-ilma. F'uħud mill-Istati Membri, f'xi setturi,
bħall-agrikoltura jew l-unitajiet domestiċi, il-metraġġ tal-konsum tal-ilma
għadu mhux implimentat kompletament. L-irkupru tal-kostijiet finanzjarji
tas-servizzi tal-ilma, inklużi l-kostijiet kapitali, jiżgura s-sotenibbiltà
neċessarja fuq terminu twil tal-investimenti. Kostijiet ambjentali u
tar-riżorsi huma wkoll parti essenzjali tal-irkupru tal-kostijiet biex jiġi
żgurat li esternalitajiet iġġenerati bl-użu u r-rimi tal-ilma jiġu rkuprati
b'mod xieraq. Barra minn hekk, il-kost tas-servizzi tal-ilma għandu jiġi
rkuprat billi jitqies il-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas"[19]. Hemm għadd żgħir ħafna ta' Stati Membri li
implimentaw irkupru trasparenti tal-kostijiet ambjentali u tar-riżorsi.
L-irkupru tal-kostijiet huwa implimentat, f'livelli differenti, fl-unitajiet
domestiċi u fl-industrija. Għall-agrikoltura, f'bosta oqsma, il-kost tal-ilma
jiġi ffatturat biss f'livell limitat. Il-valutazzjoni tal-RBMPs turi l-kwalità fqira
tal-valutazzjoni tal-kostijiet u tal-benefiċċji. Titjib qawwi f'dan il-qasam u
d-definizzjoni ta' metodoloġija kondiviża għall-kalkolu tal-kostijiet (inklużi
l-kostijiet ambjentali u tar-riżorsi) u tal-benefiċċji (inklużi s-servizzi
tal-ekosistemi) huwa neċessarju. Inkella, la se jkun possibbli li tiġi żgurata
l-implimentazzjoni ta' politiki ta' pprezzar effikaċi u lanqas li jiġu evitati
miżuri sproporzjonati u inadegwati. Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri: –
Li jiżguraw it-trasparenza u l-ġustizzja
tal-politiki tal-ipprezzar tal-ilma u jibbażawhom fuq il-metraġġ; –
Li jtejbu l-valutazzjoni tal-kosti vs
il-benefiċċji biex jiżguraw l-irkupru tal-kostijiet. 5.7. Finanzjament tal-miżuri Il-Programmi tal-Miżuri tal-Istati Membri
fihom strumenti differenti (ġuridiċi, amministrattivi, tekniċi,
tal-infrastruttura, tat-taħriġ, eċċ.) u potenzjalment huma ffinanzjati b'modi
differenti. Il-baġit pubbliku mistenni jkopri parti mill-miżuri iżda anke
l-operaturi privati huma mistennija jipprovdu fondi eż. permezz
tad-dispożizzjonijiet tal-irkupru tal-kostijiet. Il-fondi Ewropej - Fondi
Strutturali u ta' Koeżjoni jew fondi tal-PAK - jistgħu jikkontribwixxu wkoll
għall-finanzjament ta' wħud mill-miżuri tal-WFD. Il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament
LIFE ġdid għall-2014-2020 tinkludi l-possibbiltà li jiġu kofinanzjati proġetti
li jintegraw fondi differenti tal-UE u sorsi finanzjarji oħrajn fi proġett
wieħed fuq skala kbira għall-implimentazzjoni ta' miżrui skont il-WFD. Il-proposta tal-Kummissjoni għall-politika ta'
koeżjoni għall-2014-2020 tibni fuq elementi essenzjali tal-WFD u tipproponi
kundizzjonalità ex-ante għall-użu ta' fondi ta' koeżjoni u strutturali
fis-settur tal-ilma. Il-politika ta' koeżjoni tipprovdi opportunità biex
il-ħtiġijiet tal-immaniġġjar tal-użu tal-ilma u l-implimentazzjoni tal-politika
tal-ilma jingħaqdu flimkien. Deċiżjonijiet dwar il-finanzjament iridu
jaqblu mal-prijoritajiet stabbiliti fl-RBMPs. Il-biċċa l-kbira tal-RBMPs ma
fihomx informazzjoni preċiża dwar kemm se tiswa l-implimentazzjoni tal-miżuri u
kif se tiġi ffinanzjata. Il-mekkaniżmi ta' finanzjament u d-disponibbiltà
tal-fondi għandhom jiġu identifikati meta jintgħażlu l-miżuri. Inkella,
il-fattibbiltà tal-implimentazzjoni tibqa' inċerta. Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri: –
Li jallinjaw id-deċiżjonijiet dwar
il-finanzjament (inklużi l-fondi tal-UE) mal-prijoritajiet u l-azzjonijiet
identifikati fl-RBMPs inkluż li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni
tal-UE dwar l-ilma –
Li jinkludu fl-RBMP u fil-Programmi ta' Miżuri
l-kostijiet tal-miżuri, l-awtoritajiet responsabbli u jindikaw min qed iġarrab
dan il-kost. 5.8. Integrazzjoni mal-politiki
l-oħra L-ippjanar tal-użu tal-art, l-agrikoltura,
l-iżvilupp urban, l-idroenerġija, in-navigazzjoni, il-protezzjoni
mill-għargħar, kollha għandhom impatti potenzjalment importanti fuq ir-riżorsi
tal-ilma. Il-proċess tal-RBMP joffri opportunità unika biex ikun hemm
interazzjoni ma' dawn is-setturi u biex jiġi żviluppat qafas li fi ħdanu dawn
l-attivitajiet għandhom jitwettqu b'mod sostenibbli. L-implimentazzjoni tal-WFD
teżiġi integrazzjoni tal-għanijiet tal-politiki dwar l-ilma fl-iżvilupp u
fl-ippjanar tal-attivitajiet ekonomiċi li jiddependu mill-ilma. Iktar minn 90 % tal-RBMPs ivvalutati
jindikaw li l-agrikoltura hija pressjoni sinifikanti fil-baċin, inkluż tniġġis
minn sorsi imxerrda jew minn sors f'punt partikolari b'materja organika,
nutrijenti, pestiċidi u impatti idromorfoloġiċi. Għalkemm varjetà kbira ta' miżuri tekniċi jew
mhux tekniċi jew strumenti ekonomiċi tista' tinstab fil-programmi tal-miżuri,
hemm neqsin elementi importanti (l-ambitu, l-iskedar, u l-finanzjament). B'mod
ġenerali, l-RBMPs ma jurux azzjoni determinata biex jiġu indirizzati
l-pressjonijiet agrikoli u lanqas ma juru assoċjazzjoni sodisfaċenti tal-bdiewa
mal-proċess tal-WFD[20].
Barra minn hekk, m'hemmx ħafna dettalji dwar kif jittieħdu l-opportunitajiet
ipprovduti bil-Programmi tal-Iżvilupp Rurali. Il-proposti tal-Kummissjoni għar-riforma
tal-PAK[21]
fihom għadd ta' elementi li jistgħu jtejbu bis-sħiħ l-interazzjoni bejn
il-politika agrikola u dik tal-ilma. Dawn jinkludu ż-żieda, soġġetta għal
kundizzjonijiet, tal-WFD mal-kundizzjonalità, l-ekoloġizzazzjoni tal-ewwel
pilastru tal-PAK u sistema ta' programmar b'politika ta' żvilupp rurali li
tidentifika espliċitament l-effiċenzja fl-użu tal-ilma u l-immaniġġjar tal-ilma
bħala subprijoritajiet indirizzati permezz tal-programmi tal-iżvilupp rurali. L-Artikolu 4.7 tal-WFD dwar proġetti
ġodda u modifiki fil-korpi tal-ilma jistabbilixxi l-qafas tal-kundizzjonijiet
li skonthom jistgħu jiġu stabbiliti kompromessi bejn il-protezzjoni tal-ilma u
l-iżviluppi ekonomiċi. Dan l-Artikolu jagħmel modifiki ġodda li huma soġġetti
għal spjegazzjonijiet speċifiċi fl-RBMP. Mill-116-il pjan ivvalutat li
jirreferu għal eżenzjonijiet fost affarijiet oħra, 12-il pjan biss jirreferu
għal proġetti li jaqgħu taħt l-Artikolu 4.7. Filwaqt li jidher ċar li hemm
proġetti oħra, ippjanati jew li jinsabu għaddejjin bħalissa, li x'iktarx se
jikkawżaw deterjorament fl-istatus tal-korpi tal-ilma, dawn mhumiex imsemmija
fl-RBMPs. In-nuqqas ta' referenzi għall-proġetti u
l-programmi l-ġodda fil-biċċa l-kbira tal-RBMPs jindika opportunita mitlufa
għall-iżvilupp sostenibbli ta' attivitajiet ekonomiċi skont qafas ta' mmaniġġjar
tal-ilma integrat realment. Fil-kuntest tal-Artikolu 4.7, l-iżvilupp
tal-idroenerġija jistħoqqlu attenzjoni speċifika. Impatt ambjentali sinifikanti
fuq l-idroenerġija jeħtieġ li jiġi indirizzat b'mod xieraq. L-espansjoni ta'
installazzjonijiet eżistenti u li jiġu rranġati mill-ġdid għandhom jingħataw
prijorità fuq żviluppi ġodda li għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni
strateġika fl-iskala tal-baċini tax-xmajjar, fejn jintgħażlu l-aqwa postijiet
f'termini ta' produzzjoni tal-enerġija u l-impatt ambjentali l-iktar baxx[22]. Bl-istess mod, in-navigazzjoni interna,
għalkemm potenzjalmanet hija mod ta' trasport b'livell baxx ta' karbonju,
jista' wkoll ikollha effetti negattivi fuq l-ambjent akkwatiku. Ġiet
żviluppatat gwida estensiva fil-kuntest tas-CIS u proċessi oħra[23] li għandhom jintużaw biex jiġi
żgurat li n-navigazzjoni interna tiġi żviluppata b'mod sostenibbli li ma
jfixkilx l-għanijiet tal-WFD. Pressjonijiet tas-sorsi terrestri jinfluwenzaw
l-istatus tal-ambjent tal-baħar. Il-miżuri meħuda skont l-RBMPs se
jikkontribwixxu biex jintlaħaq status ambjentali tajjeb skont id-Direttiva ta'
Qafas dwar l-Istrateġija Marittima (MSFD)[24].
L-MSFD teżiġi t-tħejjija ta' programm ta' miżuri sal-2015 li jibbenifika minn
koordinazzjoni mal-RBMPs prodotti fit-tieni ċiklu sal-2015. Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri –
Li jużaw il-proċess tal-RBMPs biex jipprovdu
qafas ċar għall-iżvilupp ta' attivitajiet ekonomiċi li jiddependu mill-ilma; –
Li jtejbu l-kooperazzjoni mal-komunità
tal-bdiewa fit-tħejjija tal-PoM biex jiġu żgurati l-fattibbiltà u
l-aċċettazzjoni; li jiżguraw li s-Sistema ta' Konsulenza għall-bdiewa jkollha
rwol proattiv u tisfrutta l-opportunitajiet skont il-Programmi tal-Iżvilupp
Rurali; –
Li jibbilanċjaw azzjonijiet volontarji u miżuri
obbligatorji biex jipprovdu bażi ta' referenza solida għall-programmi
tal-iżvilupp rurali u rekwiżiti ta' kundizzjonalità relatati mal-ilma; li jżidu
d-dependenza fuq miżuri multifunzjonali ta' żamma naturali tal-ilma; –
Li jikkoordinaw u jinkludu programmi, pjanijiet
u proġetti li jaffettwaw l-ambjent tal-ilma (bħan-navigazzjoni, l-idroenerġija
jew miżuri ta' protezzjoni mill-għargħar) fl-RBMP. 6. Konklużjonijiet ·
Kien hemm sforz kbir fit-tħejjija u l-abbozzar
tal-RBMPs. L-għarfien tagħna dwar l-istatus tal-ilmijiet tal-UE u tal-attivitajiet
li jinfluwenzawhom huwa aħjar minn qatt qabel. Madankollu, il-valutazzjoni
tal-Kummissjoni turi li sforz iktar iddeterminat huwa meħtieġ biex jiġi żgurat
l-ilħiq tal-għanijiet tal-WFD fiċ-ċikli tal-2015, tal-2021 u tal-2027. ·
Jeżistu eżempji tajbin ta' implimentazzjoni
tal-aspetti kollha tal-WFD. Għalhekk, l-Istati Membri li għadhom lura
fl-approvazzjoni u l-implimentazzjoni tal-RBMPs tagħhom għandhom iċ-ċans
jitgħallmu minn oħrajn bl-għan li jirrimedjaw id-dewmien tagħhom. ·
L-implimentazzjoni għandha tiżgura li l-immaniġġjar
tal-ilma huwa bbażat fuq fehim aħjar tar-riskji u l-pressjonijiet ewlenin
f'baċin tax-xmara bbażati fuq monitoraġġ xieraq. Dan se jirriżulta f'interventi
kosteffikaċi biex tiġi żgurata provvista tal-ilma sostenibbli fuq terminu twil
għan-nies, għan-negozji u għan-natura. ·
Il-Kummissjoni se tkompli tfittex u tippromwovi
kooperazzjoni informali produttiva mal-Istati Membri u mal-partijiet
interessati fil-kuntest tac-CIS. ·
Il-Kummissjoni se ssegwi wkoll b'mod bilaterali
mal-Istati Membri l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li qed tressaq
f'dan ir-rapport ta’ implimentazzjoni u fid-dokumenti li jakkumpanjawh, filwaqt
li tibqa' tinforza l-obbligi tal-WFD kif ikun neċessarju. ·
Is-sejbiet f'dan ir-rapport intużaw biex jiġu identifikati
proposti ta' politika mressqa fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar
il-"Blueprint għas-salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa" u se
jiġu diskussi iktar fil-kuntest tas-CIS. [1] Id-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal
azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma; issupplimentata
bid-Direttiva dwar l-Ilma ta' Taħt l-Art (2006/118/KE) u bid-Direttiva dwar
l-Istandards ta’ Kwalità Ambjentali (2008/105/KE). [2] Din tinkludi l-analiżi tal-pressjonijiet u l-impatti,
l-analiżi ekonomika, id-delinjazzjoni tal-korpi tal-ilma u l-istabbiliment
tat-tipoloġija u l-kundizzjonijiet ta' referenza għall-korpi tal-ilma tal-wiċċ,
u tkun il-bażi għall-valutazzjoni tal-istatus ekoloġiku. [3] Ara http://circa.europa.eu/Public/irc/env/wfd/library?l=/framework_directive/implementation_documents_1/submitted_rbmps [4] Ara http://water.europa.eu u b'mod partikolari http://www.eea.europa.eu/themes/water/interactive/water-live-maps/wfd [5] In-Norveġja qed timplimenta
d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma bħala parti mill-Ftehim taż-Żona Ekonomika
Ewropea, bi skeda taż-żmien speċifika maqbula fil-Ftehim. Għaldaqstant, in-Norveġja adottat disa' RBMP pilota. [6] Il-Qorti qatgħet sentenzi kontra l-Belġju,
il-Greċja u l-Portugall talli ma adottawx u ma rrappurtawx il-pjanijiet. Is-sentenza
ta’ Spanja għadha pendenti. Il-kawżi huma: Il-Greċja - C‑297/11, Il-Belġju - C‑366/11, Il-Portugall - C-223/11 [7] Deskrizzjoni ġenerali aġġornata fuq
http://ec.europa.eu/environment/water/participation/map_mc/map.htm [8] Ara d-Dokumenti ta' Ħidma
tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaw dan ir-Rapport. [9] ES, PT u EL ma ġewx inklużi
minħabba n-nuqqas ta' RBMPs. [10] Status ekoloġiku: pajjiżi li ma rrappurtawx RBMPs, jew li ma
rrappurtawx eżenzjonijiet jew li għandhom status mhux magħruf għoli, mhumiex
inklużi.
[11] Status kimiku: Iktar minn 40 % tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ huma rrappurtati bħala
"status kimiku mhux magħruf" u għall-bqija tal-baċini tax-xmajjar
il-valutazzjoni mhijiex paragunabbli. [12] Iċ-ċifri ma jinkludux FI u SE li għandhom għadd kbir ħafna ta' baċini
tax-xmajjar bi status tajjeb. [13] L-Artikolu 4.4(c). [14] L-Artikolu 4.4, 4.5 u 4.7. [15] Komunikazzjoni dwar ir-Reviżjoni
tal-Politika Ewropea dwar l-Iskarsezza tal-Ilma u n-Nixfiet. [16] Id-Direttiva
tal-Kunsill 91/271/KEE dwar it-trattament tal-ilma urban mormi. (ĠU L 135, 30.5.91) u d-Direttiva
tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis
ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli. (ĠU L 375, 31.12.91). [17] Is-Sitt Sommarju tal-Kummissjoni dwar
l-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban
Mormi-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2011)1561 finali
(snin ta' referenza 2007/2008). [18] Id-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll
integrati tat-tniġġis (id-Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati
tat-tniġġis), ĠU L 24, 29.1.2008, p. 8-29. Li għandha tiġi ssostitwita bid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar
l-emissjonijiet industrijali (IED) mis-7 ta' Jannar 2014. Ara http://ec.europa.eu/environment/air/pollutants/stationary/ippc/key_impl.htm. [19] Il-Kummissjoni bdiet proċeduri ta'
ksur kontra disa' Stati Membri li implimentaw interpretazzjoni ristretta
tas-servizzi tal-ilma limitata għall-ilma tax-xorb u għat-trattament tal-ilma. [20] Ara fuq il-website tad-DĠ ENV
fil-lingwi kollha tal-UE: "Gwida għall-amministrazzjonijiet biex
il-miżuri agrikoli tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma jsiru ċari u trasparenti
fil-livell tal-farms" u "L-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet dwar l-ilma
fis-Servizzi ta' konsulenza għall-azjendi agrikoli Manwal ta’ ideat
għhall-amministrazzjonijiet". [21] http://ec.europa.eu/agriculture/cap-post-2013/legal-proposals/index_en.htm [22] Dokument ta' Politika tas-CIS dwar il-WFD u l-pressjonijiet
idromorfoloġiċi. Rakkomandazzjonijiet
għal integrazzjoni politika aħjar (2006). http://circa.europa.eu/Public/irc/env/wfd/library?l=/framework_directive/thematic_documents/hydromorphology/hydromorphology/_EN_1.0_&a=d
[23] Ibidem; ara wkoll id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar
in-Navigazzjoni Interna u s-Sostenibbiltà Ambjentali fil-Baċin tax-Xmara Danube
(2007); Il-proġett PLATINA - Manwal ta' Prattiki Tajba dwar l-Ippjanar
Sostenibbli tal-Passaġġi tal-Ilma (2011); Id-dokument ta' gwida tal-Kummissjoni
dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-immaniġġjar ta' passaġġi tal-ilma interni
fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura (2012). [24] Id-Direttiva 2008/56/KE li tistabbilixxi Qafas għal
Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin,
ĠU L 164, 25.05.2008.