|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/5996 |
8.10.2024 |
Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja, minn Trinidad u Tobago u mill-Istati Uniti tal-Amerka
(C/2024/5996)
Wara l-pubblikazzjoni ta’ Notifika ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju (“UAN”) li joriġinaw mir-Russja, minn Trinidad u Tobago u mill-Istati Uniti tal-Amerka (“il-pajjiżi kkonċernati”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).
1. Talba għal rieżami
It-talba tressqet fit-28 ta’ Ġunju 2024 minn Fertilizers Europe (“l-applikant”) f’isem l-industrija tal-Unjoni ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.
Verżjoni pubblika tat-talba u l-analiżi tal-livell ta’ sostenn għat-talba mill-produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. It-Taqsima 4.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl għall-partijiet interessati.
2. Prodott taħt rieżami
Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju f’soluzzjoni milwiema jew ammonijakali (“il-prodott taħt rieżami”), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM 3102 80 00 . Il-kodiċi NM huwa mogħti għall-informazzjoni biss u mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja.
Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1688 (3).
3. Raġunijiet għar-rieżami
It-talba hija bbażata fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx tirriżulta f’kontinwazzjoni u/jew rikorrenza ta’ dumping u kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni.
3.1. Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni u/jew rikorrenza tad-dumping
3.1.1. Allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping mir-Russja
L-allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping għar-Russja hija bbażata fuq żewġ metodoloġiji alternattivi.
L-ewwel nett, l-applikant qabbel il-prezz domestiku mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott taħt rieżami meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.
It-tieni, l-applikant argumenta wkoll li minħabba l-preżenza ta’ pprezzar artifiċjalment baxx iffissat mill-Istat Russu għall-gass naturali, input kruċjali għall-manifattura tal-UAN, il-kost tal-produzzjoni għall-produtturi domestiċi Russi tal-UAN huwa distort. B’riżultat ta’ dan, l-applikant sostna li s-suq jirrappreżenta “sitwazzjoni partikolari tas-suq” konsistenti mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Bażiku. Għalhekk, l-applikant ħadem u aġġusta wkoll il-valur normali. Skont din il-metodoloġija, l-allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil ta’ valur normali maħdum, b’aġġustamenti addizzjonali li jappartjenu għall-ispejjeż tal-gass, għall-kostijiet tal-Bejgħ, Ġenerali u Amministrattivi (SG&A - Selling, General and Administrative), kif ukoll profitti mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott taħt rieżami meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.
Fuq il-bażi taż-żewġ metodoloġiji, il-marġnijiet tad-dumping ikkalkulati huma sinifikanti għar-Russja.
3.1.2. Allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping mill-Istati Uniti tal-Amerika
L-allegazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping għall-Istati Uniti tal-Amerka hija bbażata fuq tqabbil tal-prezz domestiku mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott taħt rieżami meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.
Fuq din il-bażi, il-marġini ta’ dumping ikkalkulati huma sinifikanti għall-Istati Uniti tal-Amerika.
3.1.3. Allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping minn Trinidad u Tobago
Fin-nuqqas ta’ data affidabbli dwar il-prezzijiet domestiċi għal Trinidad u Tobago, l-applikant ħadem il-valur normali (il-kostijiet tal-manifattura, il-kostijiet u l-profitt SG&A) fi Trinidad u Tobago, u qabbel il-valur normali maħdum mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott taħt rieżami meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Fuq din il-bażi, ma nstab l-ebda dumping għall-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.
Għalhekk, l-applikant allega probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping, abbażi ta’ tqabbil tal-valur normali maħdum (il-kostijiet tal-manifattura, il-kostijiet SG&A u l-profitt) fi Trinidad u Tobago mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott taħt rieżami meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Istati Uniti, li wera dumping. Barra minn hekk, l-applikant allega li n-nuqqas ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kien ta’ natura temporanja minħabba l-kriżi tal-enerġija fl-2022, u pprovda evidenza li l-prattiki tad-dumping għall-importazzjonijiet lejn l-Unjoni reġgħu bdew fi tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, u komplew wara l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.
Fuq din il-bażi, l-applikant jallega li hemm probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping minn Trinidad u Tobago jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.
3.2. Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni u/jew rikorrenza tad-dannu
L-applikant jallega l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet mir-Russja u mill-Istati Uniti tal-Amerka, u l-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet minn Trinidad u Tobago. F’dan ir-rigward, l-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiżi kkonċernati lejn l-Unjoni żdiedu kumplessivament f’termini assoluti u f’termini ta’ ishma mis-suq.
L-evidenza li pprovda l-applikant turi li l-volum u/jew il-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa, u/jew fuq il-livell tal-prezzijiet debitati/fuq is-sehem mis-suq miżmum mill-industrija tal-Unjoni, li rriżultaw f'effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali u l-qagħda finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.
L-applikant jallega wkoll il-probabbiltà ta’ aktar dannu u rikorrenza ta’ dannu għall-importazzjonijiet minn Trinidad u Tobago jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. F’dan ir-rigward l-applikant ipprovda wkoll evidenza li fin-nuqqas ta’ miżuri, il-livell attwali ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiżi kkonċernati lejn l-Unjoni x’aktarx li jiżdied minħabba l-eżistenza ta’ kapaċità mhux użata tal-produtturi fil-pajjiżi kkonċernati u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni.
4. Proċedura
Wara li ddeterminat, b’segwitu għall-konsultazzjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li teżisti biżżejjed evidenza ta’ probabbiltà ta’ dumping (4) u ta’ dannu biex ikun iġġustifikat il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu għal rieżami f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.
Ir-rieżami ta’ skadenza se jiddetermina jekk huwiex probabbli li l-iskadenza tal-miżuri twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping tal-prodott taħt rieżami li joriġina mir-Russja, minn Trinidad u Tobago u mill-Istati Uniti tal-Amerka u għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.
4.1. Il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami u l-perjodu kkunsidrat
L-investigazzjoni ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2024 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu kkunsidrat”).
4.2. Kummenti dwar it-talba u l-bidu tal-investigazzjoni
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar it-talba (inklużi l-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu u mal-kawżalità) jew dwar kwalunkwe aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għat-talba) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5).
Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
4.3. Proċedura għad-determinazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping
F’rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni teżamina l-esportazzjonijiet li saru lejn l-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u, irrispettivament mill-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, tqis jekk is-sitwazzjoni tal-kumpaniji li jipproduċu u jbigħu l-prodott taħt rieżami fil-pajjiżi kkonċernati hijiex tali li l-esportazzjonijiet bi prezzijiet oġġett ta’ dumping lejn l-Unjoni aktarx jitkomplew jew jirrikorru jekk jiskadu l-miżuri.
Għalhekk, il-produtturi kollha (6) tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiżi kkonċernati, inkluż dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
4.3.1. Investigazzjoni tal-produtturi fil-pajjiżi kkonċernati
Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi fir-Russja, fi Trinidad u Tobago u fl-Istati Uniti tal-Amerka li huma involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ kampjunar, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, inkluż dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għar-rieżami preżenti, huma b’dan mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom fi żmien sebat ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni għandha tingħata permezz ta’ TRON.tdi fl-indirizz li ġej: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/R826_SAMPLING_FORM_FOR_EXPORTING_PRODUCER. L-informazzjoni dwar l-aċċess Tron tista’ tinstab fit-taqsimiet 4.6 u 4.9 hawn taħt.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tar-Russja, ta’ Trinidad u Tobago u tal-Istati Uniti tal-Amerka u tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi fil-pajjiżi kkonċernati.
Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi kollha magħrufa fil-pajjiżi kkonċernati, l-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati jekk xieraq, dwar il-kumpaniji li jintgħażlu biex ikunu fil-kampjun.
Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi, hija se tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk humiex inklużi fil-kampjun. Il-produtturi fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-Kummissjoni se żżid nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-kampjun.
Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi fil-pajjiżi ikkonċernati hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ, https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/ongoing
Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw.
4.3.2. Investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati (7) (8)
L-importaturi mhux relatati tal-prodott taħt rieżami mir-Russja, minn Trinidad u Tobago u mill-Istati Uniti tal-Amerka lejn l-Unjoni, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.
Minħabba l-għadd kbir potenzjali ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi li mhumiex relatati li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien sebat ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika billi jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, kif mitlub fl-Anness ta’ din in-Notifika.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja lil xi assoċjazzjonijiet ta’ importaturi magħrufa.
Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott taħt rieżami mir-Russja, minn Trinidad u Tobago u mill-Istati Uniti tal-Amerka fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi kollha magħrufa se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.
Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-kampjun.
Sabiex tikseb informazzjoni li tqis bħala meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati fil-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Kopja tal-kwestjonarju għall-importaturi mhux relatati hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/ongoing.
4.4. Proċedura għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni
Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni tistieden lill-produtturi tal-Unjoni tal-prodott taħt rieżami jipparteċipaw fl-investigazzjoni.
Minħabba li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex ittemm l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). It-teħid ta’ kampjun isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Il-Kummissjoni għażlet kampjun provviżorju ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jistgħu jinstabu fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati.
Il-partijiet interessati huma b’dan mistednin jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħrajn tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inkluż il-produtturi tal-Unjoni li ma jkunux ikkooperaw fl-investigazzjoni(jiet) li tkun wasslet/jkunu wasslu għall-miżuri fis-seħħ, li jqisu li hemm raġunijiet għaliex jenħtieġ li jkunu inklużi fil-kampjun iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-Kummissjoni se tinnotifika lill-produtturi u/jew lill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni magħrufin kollha bil-kumpaniji li finalment ikunu ntgħażlu biex ikunu fil-kampjun.
Il-produtturi tal-Unjoni li jkunu inklużi fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/ongoing
4.5. Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni
Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping u dannu, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.
Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi rappreżentattivi huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni.
L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata fil-format ta’ test liberu jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni.
Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott taħt rieżami, hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/ongoing. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku se titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali li tissostanzja l-validità tagħha.
4.6. Partijiet interessati
Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi fil-pajjiżi kkonċernati, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur, l-ewwel iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.
Il-produtturi fil-pajjiżi kkonċernati, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li rendew disponibbli informazzjoni f’konformità mal-proċeduri deskritti fit-taqsimiet 4.3.1, 4.3.2 u 4.4 jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.
Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami. Li parti titqies bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
L-aċċess għall-fajl disponibbli għall-ispezzjoni għall-partijiet interessati jsir permezz ta’ Tron.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet fuq dik il-paġna biex ikollok aċċess (9).
4.7. Preżentazzjonijiet oħrajn bil-miktub
Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, tali informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
4.8. Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni
Il-partijiet kollha interessati jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti waqt is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.
Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.
4.9. Struzzjonijiet għal sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza
L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u / jew data li jkunu soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni (a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-finijiet ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) tipprovdi l-informazzjoni u / jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.
Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “ Sensitive ” (10). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġuni għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.
Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni “ Sensitive ” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “ For inspection by interested parties ” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Dawn is-sommarji jridu jkunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli. Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġuni ġusta għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inkluż it-talbiet biex jiġu rreġistrati bħala partijiet interessati, id-dokumenti skenjati ta’ prokuri u dawk ta’ ċertifikazzjoni. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://europa.eu/!7tHpY3. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika validu u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika mogħti jkun indirizz tal-posta elettronika kummerċjali uffiċjali li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni se tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux espliċitament li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni ulterjuri dwar korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għal preżentazzjonijiet permezz ta’ TRON.tdi u bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmijin hawn fuq.
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
|
European Commission |
|
Directorate-General for Trade |
|
Directorate G |
|
Office: CHAR 04/039 |
|
1049 Bruxelles/Brussel |
|
BELGIQUE/BELGIË |
TRON.tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi
E-mail:
Dumping: TRADE-R826-UAN-DUMPING@ec.europa.eu
Dannu: TRADE-R826-UAN-INJURY@ec.europa.eu
5. Skeda tal-investigazzjoni
L-investigazzjoni għandha normalment tiġi konkluża fi żmien 12-il xahar, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku.
6. Preżentazzjoni ta’ informazzjoni
Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fil-perjodi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsima 5 ta’ din in-Notifika.
Sabiex l-investigazzjoni titlesta sal-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni mhix se taċċetta iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali addizzjonali.
7. Possibbiltà għal kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra
Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet ta’ partijiet interessati oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.
Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħrajn b’reazzjoni għall-iżvelar tal-konstatazzjonijiet definittivi, jiġu ppreżentati fi żmien 5 ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar il-konstatazzjonijiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduti minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar ulterjuri jsiru fi żmien ġurnata mill-iskadenza għal kummenti dwar dan l-iżvelar ulterjuri, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-qafas ta’ żmien deskritt huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.
8. Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika
Jenħtieġ li kull estensjoni għal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika tiġi rikjesta biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata. Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni għall-iskadenza tar-risposta għall-kwestjonarji se tkun limitata għal tlett ijiem, u bħala regola ma taqbiżx is-sebat ijiem. Fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu, l-estensjonijiet ikunu limitati għal tlett ijiem sakemm ma jintweriex li hemm ċirkostanzi eċċezzjonali.
9. Nuqqas ta’ kooperazzjoni
F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta’ żmien, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti konklużjonijiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
Meta jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata, u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.
Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għalhekk is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.
In-nuqqas li tingħata tweġiba kompjuterizzata ma għandux jitqies bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitluba tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew fi spejjeż żejda mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja lill-Kummissjoni immedjatament.
10. Uffiċjal tas-Seduta
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Smigħ jeżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jaf tfeġġ matul il-proċediment.
L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti interessata/partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li jiġu speċifikati r-raġunijiet għat-talbiet. L-Uffiċjal tas-Smigħ jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Dawn is-seduti ta’ smigħ jenħtieġ li jsiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.
Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Smigħ malajr kemm jista’ jkun wara li jseħħ l-avveniment li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-oqfsa ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Smigħ jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn dawn it-talbiet ikunu saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.
Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_mt.
11. Possibbiltà li jintalab rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku
Billi dan ir-rieżami ta’ skadenza qed jinbeda f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet tiegħu mhux se jwasslu biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda se jwasslu biex dawn il-miżuri jitħassru jew jinżammu skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.
Jekk xi parti interessata tqis li jkun iġġustifikat li jsir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati l-miżuri, din il-parti tista’ titlob li jsir rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.
Il-partijiet li jixtiequ jitolbu għal rieżami ta’ dan it-tip, li jsir indipendentement mir-rieżami ta’ skadenza msemmi f’din in-Notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.
12. Ipproċessar ta’ data personali
Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).
Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://europa.eu/!vr4g9W
(1) ĠU C, C/2024/907, 22.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/907/oj.
(2) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1688 tat-8 ta’ Ottubru 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja, minn Trinidad u Tobago u mill-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU L 258, 9.10.2019, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/1688/oj).
(4) Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed evidenza li għandha t-tendenza turi li, minħabba li hemm distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kostijiet, l-użu ta’ prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż ikkonċernat mhuwiex xieraq, u b’hekk huwa ġġustifikat li jingħata bidu għal investigazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.
(5) Ir-referenzi kollha għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika se jkunu referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
(6) Produttur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiżi kkonċernati li tipproduċi l-prodott taħt rieżami, inkluż kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, il-bejgħ domestiku jew l-esportazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami.
(7) Huma biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi fil-pajjiżi kkonċernati li jistgħu jiġu inklużi fil-kampjun. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi. F'konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) persuna waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu kkontrollati direttament jew indirettament minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
(8) Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti ta’ din l-investigazzjoni ħlief kif jiġi stabbilit id-dumping.
(9) F’każ ta’ problemi tekniċi kkuntattja lis-Servizz ta’ Assistenza tad-DĠ Kummerċ permezz tal-posta elettronika lil trade-service-desk@ec.europa.eu jew bit-telefown +32 22979797.
(10) Dokument “ Sensitive ” huwa dokument li jitqies li jkun kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(11) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
ANNESS
|
☐ |
Verżjoni “Sensittiva” |
|
☐ |
Verżjoni għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati |
|
(immarka l-kaxxa xierqa) |
|
PROĊEDIMENT ANTI-DUMPING LI JIKKONĊERNA L-IMPORTAZZJONIJIET TA' TAĦLITIET TA' UREA U TA' NITRAT TAL-AMMONJU LI JORIĠINAW FIR-RUSSJA, FI TRINIDAD U TOBAGO U FL-ISTATI UNITI TAL-AMERKA
INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI
Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni rigward il-kampjunar li saret fil-punt 4.3.2 tan-notifika ta’ bidu.
Kemm il-verżjoni “ Sensitive ” (il-verżjoni Sensittiva) kif ukoll il-verżjoni “ For inspection by interested parties ” (Għall-ispezzjoni tal-partijiet interessati) jenħtieġ li jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-notifika ta’ bidu.
1. L-IDENTITÀ U D-DETTALJI TA’ KUNTATT
Agħti d-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:
|
Isem tal-kumpanija |
|
|
Indirizz |
|
|
Persuna ta’ kuntatt |
|
|
Indirizz tal-email |
|
|
Numru tat-telefown |
|
2. FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ
Indika l-fatturat totali f’euro (EUR) tal-kumpanija, il-valur f’euro (EUR) u l-volum f’tunnellati tal-importazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Russja it-Trinidad u Tobago u l-Istati Uniti, matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami tal-prodott taħt rieżami kif definit fin-notifika ta’ bidu.
|
|
Tunnellati |
Valur f’euro (EUR) |
|
Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR) |
|
|
|
Importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li joriġina mir-Russja |
|
|
|
Importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li joriġina minn Trinidad u Tobago |
|
|
|
Importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li joriġina mill-Istati Uniti |
|
|
|
Importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami (kwalunkwe oriġini) |
|
|
|
Bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Russja tal-prodott taħt rieżami |
|
|
|
Il-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni minn Trinidad u Tobago tal-prodott taħt rieżami |
|
|
|
Il-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mill-Istati Uniti tal-prodott taħt rieżami |
|
|
3. ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)
Agħti dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija u tal-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (f’esportazzjonijiet u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott taħt rieżami. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott taħt rieżami, il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew in-negozjar tal-prodott taħt rieżami, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.
|
Isem u lokalità tal-kumpanija |
Attivitajiet |
Tip ta’ relazzjoni |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
4. INFORMAZZJONI OĦRA
|
|
Agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis li tista’ tkun utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun. |
5. ĊERTIFIKAZZJONI
Billi tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssirilha żjara fuq il-post sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx jissejsu fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.
Firma tal-uffiċjal awtorizzat:
Isem u kariga tal-uffiċjal awtorizzat:
Data:
(1) F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu soċji rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom jikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu kkontrollati direttament jew indirettament minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5996/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)