|
29.9.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 357/15 |
Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni
tal-11 ta’ Mejju 2016
li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern
(Il-Każ M.7612 — Hutchison 3G UK/Telefónica UK)
(notifikat bin-numru C(2016) 2796)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(2016/C 357/08)
Fil-11 ta’ Mejju 2016 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f’każ ta’ fużjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (1) , u partikolarment l-Artikolu 8(3) ta’ dak ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa, billi l-każ jista’ jkun fil-forma ta’ verżjoni proviżorja, hija disponibbli fl-ilsien awtentiku tal-każ fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, f’dan l-indirizz: http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html
I. IL-PROĊEDURA
|
1. |
Fil-11 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet li permezz tagħha l-impriża CK Hutchison Holdings Limited (“CKHH”), permezz tas-sussidjarja indiretta tagħha Hutchison 3G UK Investments Ltd (“H3GI” jew “il-Parti Notifikanti”) (2) takkwista, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll waħdieni fuq Telefónica Europe Plc (“O2”), permezz tax-xiri tal-ishma tagħha (“It-Tranżazzjoni”) (3). Il-Parti Notifikanti u O2 issirilhom referenza kollettivament bħala l-“Partijiet”. |
|
2. |
Wara l-investigazzjoni tal-fażi I, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li t-Tranżazzjoni tqajjem dubji serji dwar il-kompattibiltà tagħha mas-suq intern u fit-30 ta’ Ottubru 2015 adottat deċiżjoni biex tibda proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Abbażi tal-investigazzjoni tal-fażi II li ssupplementat is-sejbiet tal-investigazzjoni tas-suq tal-fażi I, il-Kummissjoni ħarġet Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet fl-4 ta’ Frar 2016. Il-Parti Notifikanti ssottomettiet il-kummenti tagħha bil-miktub dwar id-Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet fis-26 ta’ Frar 2016. Fuq talba tal-Parti Notifikanti, saret seduta ta’ smigħ orali fis-7 ta’ Marzu 2016. Il-Parti Notifikanti ppreżentat impenji fit-2 ta’ Marzu 2016, fil-15 ta’ Marzu 2016 u fis-6 ta’ April 2016. Fis-17 ta’ Marzu 2016 u fit-23 ta’ Marzu 2016 il-Kummissjoni indirizzat ittri lill-Partijiet Notifikanti li fihom ġibdet l-attenzjoni lejn evidenza addizzjonali fil-fajl tal-Kummissjoni li ssostni s-sejbiet preliminari fid-Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet. Fid-29 ta’ Marzu u l-4 ta’ April 2016 il-Parti Notifikanti ssottomettiet kummenti bil-miktub b’risposta għaż-żewġ Ittri ta’ Fatti tas-17 ta’ Marzu 2016 u l-4 ta’ April 2016 rispettivament. Il-Kumitat Konsultattiv iddiskuta l-abbozz tad-Deċiżjoni fis-27 ta’ April 2016 u ħareġ opinjoni favorevoli. |
II. IL-PARTIJIET U L-KONĊENTRAZZJONI
|
3. |
H3GI hija sussidjarja indiretta posseduta kollha ta’ CKHH. CKHH huwa grupp multinazzjonali, bil-kwartieri tiegħu f’Hong Kong u elenkat fil-Honk Kong Stock Exchange Limited. CKHH għandu ħames negozji ċentrali: portijiet u servizzi relatati, l-infrastruttura, il-bejgħ lil konsumaturi, l-enerġija, u t-telekomunikazzjoni. Is-sussidjarja posseduta kollha indiretta ta’ CKHH, Hutchison 3G UK Limited (“Three”) hija Operatur ta’ Network Mobbli (“MNO”) fir-Renju Unit. Three toffri servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli bħal telefonati, SMS, MMS, Internet mobbli, broadband mobbli, roaming, u servizzi ta’ terminazzjoni tat-telefonati. |
|
4. |
O2 hija wkoll attiva fir-Renju Unit, u toffri servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli bħal telefonati, SMS, MMS, Internet mobbli, broadband mobbli, roaming, u servizzi ta’ terminazzjoni tat-telefonati. O2 tappartjeni għal Telefónica S.A. (“Telefónica”), kumpanija azzjonarja ta’ grupp ta’ kumpaniji li joperaw netwerks ta’ telekomunikazzjoni fissa u mobbli. |
|
5. |
Fl-24 ta’ Marzu 2015, H3GI, Hutchison 3G UK Holdings (CI) Limited (kumpanija omm taħt il-kontroll esklużiv ta’ CKHH), u Telefónica SA daħlu fi Ftehim ta’ Bejgħ u Xiri skont liem H3GI tixtri l-ishma kollha ta’ O2. Tul il-proċedimenti, il-Parti Notifikanti ppreżentat żewġ strutturi ta’ tranżazzjoni alternattivi. Irrispettivament mill-istruttura li taħtha tiġi implimentata t-Tranżazzjoni, il-Kummissjoni tqis li-Tranżazzjoni tikkonsisti fl-akkwiżizzjoni tal-kontroll esklużiv minn H3GI (u fl-aħħar mill-aħħar minn CKHH, li fiż-żewġ strutturi tat-Tranżazzjoni se tkompli teżerċita kontroll esklużiv fuq Three) fuq O2, u għaldaqstant tikkostitwixxi konċentrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. |
III. ID-DIMENSJONI TAL-UE
|
6. |
It-tranżazzjoni għandha dimensjoni tal-UE fit-tifsira tal-Artikolu 1 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. |
IV. RIFERIMENT
|
7. |
Fl-4 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrifjuta t-Talba għal Riferiment min-naħa tar-Renju Unit. Il-Kummissjoni tqis li l-kriterji għar-riferiment previsti fl-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament dwar l-għaqdiet fir-rigward tat-Tranżazzjoni huma ssodisfati. Madankollu, hi u teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha, il-Kummissjoni ma tqisx li huwa xieraq li t-Tranżazzjoni tiġi riferuta lis-CMA għal għadd ta’ raġunijiet, fosthom il-bżonn tal-Kummissjoni li tiżgura approċċ koerenti u konsistenti meta tkun qed tivvaluta fużjonijiet fis-settur tat-telekomunikazzjoni fi Stati Membri differenti, u l-għarfien espert sinifikanti preċedenti fil-valutazzjoni ta’ konċentrazzjonijiet fis-swieq tat-telekomunikazzjoni mobbli Ewropej. |
V. IS-SETTUR TAT-TELEKOMUNIKAZZJONI MOBBLI FIR-RENJU UNIT
|
8. |
Is-suq tat-telekomunikazzjoni mobbli fil-livell tal-konsumaturi fir-Renju Unit fil-preżent jaħdem tajjeb u huwa kompetittiv ħafna. Ir-Renju Unit huwa wieħed mill-pajjiżi l-iktar avvanzati fl-Unjoni Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam mat-tixrid tat-teknoloġija 4G u l-adozzjoni tas-servizzi 4G. |
|
9. |
Il-konverġenza tal-komunikazzjoni fissa u mobbli hija xejra fit-telekomunikazzjoni li fiha jitneħħew id-differenzi bejn in-netwerks fissi u mobbli. Hemm żewġ aspetti tal-konverġenza: waħda marbuta mal-bidliet fit-teknoloġija, u l-oħra mal-abbiltà tal-operaturi li joffru pakketti ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli u fissa. Dwar din tal-aħħar, il-Kummissjoni tqis li l-adozzjoni ta’ pakketti ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni fissa u mobbli fir-Renju Unit kienet limitata ħafna, u li mhuwiex probabbli tiżdied b’mod sinifikanti fil-futur qarib. |
|
10. |
Hemm erba’ MNOs fir-Renju Unit. Apparti mill-Partijiet, hemm EE (4) u Vodafone. L-MNOs fir-Renju Unit kollha skjeraw in-networks tagħhom ma’ MNO ieħor. Il-ftehimiet ta’ qism tan-netwerks fis-seħħ huma CTIL/Beacon bejn O2 u Vodafone, minn naħa, u MBNL bejn Three u BT/EE, min-naħa l-oħra. Dawn il-ftehimiet taw kontribut għall-kompetittività tas-suq. |
|
11. |
Is-suq fir-Renju Unit huwa kkaratterizzat ukoll minn għadd kbir ta’ operaturi tat-telekomunikazzjoni mobbli li mhumiex sidien ta’ netwerk. Dawn huma n-netwerks virtwali tal-mowbajl u r-rivendituri tad-ditta, li flimkien jissejħu non-MNOs. |
|
12. |
L-MNOs u n-non-MNOs ibigħu kuntratti tal-mowbajl lill-konsumaturi finali direttament mill-ħwienet tagħhom, onlajn, inkella bit-telekummerċjalizzazzjoni. Dawn ibigħu wkoll il-kuntratti indirettament minn bejjiegħa indipendenti (bħal Dixons), u dawn il-bejjiegħa jbigħu l-abbonamenti tal-mowbajl permezz tal-ħwienet tagħhom, onlajn u permezz tat-telekummerċjalizzazzjoni. Fejn jidħlu l-bejjiegħa indipendenti, tista’ ssir distinzjoni bejn il-bejjiegħa indipendenti speċjalisti minn naħa waħda, u bejjiegħa ġenerali u bejjiegħa speċjalisti tal-prodotti elettroniċi, min-naħa l-oħra. |
VI. SWIEQ RELEVANTI
|
13. |
Il-Kummissjoni qajmet oġġezzjonijiet dwar l-effetti tat-Tranżazzjoni fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni għall-konsumaturi u s-servizzi għall-operaturi għall-aċċess u l-oriġinazzjoni tat-telefonati fuq in-netwerks tat-telefonija mobbli pubbliċi. Għaldaqstant, is-swieq tal-prodotti u ġeografiċi għal dawn il-prodotti huma definiti kif ġej: |
a. Is-suq tal-konsumaturi għal servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli
|
14. |
Il-Kummissjoni tqis li, f’konformità mal-prassi deċiżjonali tagħha, is-servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli huma suq separat mis-servizzi ta’ telekomunikazzjoni fissa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li s-servizzi tal-mowbajl u servizzi over the top (“OTT”) mhumiex sostitwibbli, minħabba li jkun hemm bżonn mill-inqas konnessjoni tad-dejta mobbli biex jiġu aċċessati servizzi ta’ messaġġi istantanji u tal-vuċi OTT. Minħabba l-penetrazzjoni limitata ħafna ta’ offerti b’iktar minn servizz wieħed (multiple-play) b’komponent tat-telekomunikazzjoni mobbli fir-Renju Unit, għall-finijiet tal-każ preżenti mhuwiex neċessarju li jiġi definit suq tal-prodotti separat għal offerti multiple-play li jinkludu komponent tat-telekomunikazzjoni mobbli. |
|
15. |
Fejn jidħol is-suq tal-forniment ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli lill-konsumaturi aħħarin, b’mod konsistenti mal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, il-Kummissjoni tikkonkludi li swieq separati għall-forniment ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli fil-livell ta’ konsumaturi ma għandux jiġi identifikat skont: it-tip ta’ teknoloġija (2G, 3G u 4G); it-tip ta’ servizz (telefonati, SMS/MMS u dejta); it-tip ta’ kuntratt (imħallas bil-quddiem jew b’lura), u t-tip ta’ konsumatur aħħari (negozju u privat). Is-servizzi mħallsin bil-quddiem u b’lura, kif ukoll is-servizzi lil klijenti kummerċjali u privati huma vvalutati bħala segmenti separati. |
|
16. |
Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni investigat id-distinzjoni possibbli bejn servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli mibjugħin f’kuntratti, inkluż ix-xiri ta’ telefon (“kuntratti b’telefon”) u abbonamenti b’servizz biss (“kuntratti SIM biss”), kif ukoll distinzjoni possibbli skont il-kanal ta’ distribuzzjoni (dirett jew indirett). Jidher li dawn id-distinzjonijiet huma partikolarment relevanti fir-Renju Unit. Il-Kummissjoni tqis li ma hemmx bżonn tad-definizzjoni ta’ swieq separati b’dan il-mod peress li dawn id-distinzjonijiet jikkostitwixxu segmenti pjuttost differenti fl-istess suq. |
|
17. |
B’konformità mad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, u mal-fehma tal-Parti Notifikanti, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-suq ġeografiku relevanti għall-valutazzjoni ta’ dan il-każ huwa nazzjonali fl-ambitu tiegħu, u jikkorrispondi għat-territorju tar-Renju Unit. |
b. Is-suq tal-operaturi għall-aċċess u l-oriġinazzjoni tat-telefonati fuq netwerks tat-telekomunikazzjoni mobbli pubbliċi
|
18. |
Bħal fil-każijiet preċedenti, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-suq tal-prodotti rilevanti għall-valutazzjoni ta’ dan il-każ huwa s-suq għall-aċċess għall-operaturi u l-oriġinazzjoni kollha fuq netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ambitu ġeografiku tas-suq huwa t-territorju tar-Renju Unit. |
VII. VALUTAZZJONI KOMPETITTIVA
a. Is-suq tal-konsumaturi għal servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli
(i) Effetti orizzontali mhux koordinati li jirriżultaw mill-eliminazzjoni ta’ restrizzjonijiet kompetittivi importanti
|
19. |
It-Tranżazzjoni tkun tikkombina l-operazzjonijiet ta’ O2 u Three, rispettivament l-ewwel u r-raba’ attur skont l-ammont ta’ abbonati (it-tieni u r-raba’ fil-fatturat) fis-suq għall-konsumatur għall-forniment ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli fir-Renju Unit, u b’hekk toħloq l-ikbar operatur fis-suq fin-numru ta’ abbonati u l-fatturat u żżid b’mod sinifikanti l-livell ta’ konċentrazzjoni tas-suq. |
|
20. |
Three hija l-aħħar operatur ta’ netwerk li daħal fis-suq u ilha tixpruna l-kompetizzjoni mindu daħlet, pereżempju billi biddlet ix-xejra tal-industrija ta’ restrizzjoni tal-użu tad-dejta u taż-żidiet fil-prezzijiet tad-dejta. L-imġiba riċenti u attwali tagħha fis-suq turi li hija l-iktar attur aggressiv u innovattiv. B’mod partikolari, toffri l-iktar prezzijiet kompetittivi fil-kanal dirett, u offriet il-4G mingħajr ebda spiża addizzjonali, biex b’hekk ġiegħlet lill-industrija tabbanduna l-istrateġiji li tbigħ 4G bi prezz ogħla. Offriet ukoll proposti popolari bħal roaming internazzjonali b’xejn u kienet l-ewwel waħda li nediet servizz ta’ “voice over LTE” (“VoLTE”). Minkejja li daħlet tard fis-suq, Three rnexxielha tibni netwerk eċċellenti kif juri stħarriġ indipendenti, testijiet tan-netwerk imwettqin minn ditti indipendenti li jistħarrġu l-prestazzjoni tan-netwerks, u d-dejta minn Ofcom, ir-regolatur nazzjonali. B’mod partikolari, in-netwerk tagħha ġie kklassifikat bħala l-iktar wieħed affidabbli min-netwerks fir-Renju Unit. |
|
21. |
Fin-nuqqas tat-Tranżazzjoni, aktarx li Three tkompli tikkompeti bis-saħħa. Fuq il-bażi tal-evidenza disponibbli fil-fajl tagħha, il-Kummissjoni tqis li huwa improbabbli li l-ħila ta’ Three li tikkompeti sejra tonqos b’mod materjali fis-sentejn-tlieta li jmiss. B’mod partikolari, kif hemm spjegat fl-Anness C (sommarju ta’ liem huwa mehmuż), huwa improbabbli li tesperjenza [limitazzjonijiet tal-kapaċità]. Barra minn hekk, Three qiegħda finanzjarjament fis-sod […]. […] analiżi esterni jipprevedu negozju li jespandi b’mod dinamiku. |
|
22. |
Għaldaqstant, Three qabel it-Tranżazzjoni tikkostitwixxi forza kompetittiva importanti skont il-paragrafu 37 tal-Linji Gwida dwar Amalgamazzjonijiet Orizzontali, jew f’kull każ teżerċita restrizzjoni kompetittiva importanti f’dak is-suq, u li aktarx li tkompli teżerċita tali restrizzjoni fin-nuqqas tat-Tranżazzjoni. |
|
23. |
O2 għandha l-iktar marka b’saħħitha fis-suq u fl-aħħar seba’ snin kisbet l-ogħla punteġġi ta’ sodisfazzjon fost il-konsumaturi b’mod konsistenti. Is-suċċess tagħha huwa dovut għall-proposti tagħha ffokati fuq il-klijenti bħat-tariffa trasparenti u flessibbli tagħha Refresh, il-programm ta’ lealtà popolari tagħha, l-esperti teknoloġiċi tagħha li jmorru tajjeb mal-klijenti u s-servizz eċċellenti tagħha għall-konsumaturi. Nediet ukoll non-MNOs popolari bħal giffgaff u hija sid ta’ 50 % ta’ Tesco Mobile. Il-popolarità tagħha mal-klijenti u l-immaġni tal-marka tagħha huwa assi b’saħħtu li jeżerċitaw pressjoni sinifikanti fuq kompetituri oħrajn. Kif spjegat fl-Anness C (li huwa mehmuż sommarju tiegħu), il-Kummissjoni tqis li l-ħila ta’ O2 li tikkompeti se […]. Barra minn hekk, għandha wkoll finanzi f’saħħithom u b’hekk għandha l-ħila li tinvesti u tikber. |
|
24. |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li O2 qabel it-Tranżazzjoni teżerċita restrizzjoni kompetittiva importanti u li aktarx li tkompli teżerċita restrizzjoni bħal din fin-nuqqas tat-Tranżazzjoni. |
|
25. |
Il-Kummissjoni tosserva wkoll li Three u O2 huma l-uniċi operaturi ta; netwerk tat-telekomunikazzjoni mobbli fir-Renju Unit li s-sehem mis-suq rispettiv tagħhom baqa’ jikber b’mod konsistenti tul l-aħħar snin u li jikkompetu mill-qrib ma’ xulxin u mal-MNOs l-oħrajn. |
|
26. |
It-Tranżazzjoni tkun qed telimina r-restrizzjonijiet kompetittivi li jeżerċitaw Three u O2 fuq xulxin u fuq l-MNOs l-oħrajn, u dan jirriżulta f’kompetizzjoni ferm iktar dgħajfa fis-suq għall-konsumatur. B’mod partikolari, fuq il-bażi tal-evidenza kumplessa fil-fajl tagħha, jidher li aktarx li l-entità fuża sejra tikkompeti b’mod inqas aggressiv u żżid il-prezzijiet. Hi ssir l-ikbar MNO bi ftit jew ebda inċentiv li tkun aggressiva fil-prezzijiet. Il-Kummissjoni ssib li hu probabbli li, fid-dawl tal-istorja ta’ EE u Vodafone u l-istrateġija u l-pożizzjonar attwali, aktarx li jsegwu ż-żidiet fil-prezzijiet tal-entità fuża. |
|
27. |
Barra minn hekk, kif intwera fit-Taqsima VII.a.ii ta’ dan is-sommarju, il-Kummissjoni ssib ukoll li t-Tranżazzjoni aktarx li jkollha impatt negattiv fuq il-ħila li l-MNOs li jifdal jikkompetu, u min-naħa tiegħu dan aktarx li jnaqqas il-ħila ta’ dawk l-atturi li jikkompetu fuq il-prezz u parametri oħrajn (innovazzjoni, kwalità tan-netwerk). Tabilħaqq, it-Tranżazzjoni sejra xxekkel il-ftehimiet ta’ qsim ta’ netwerks eżistenti li qegħdin jaħdmu tajjeb fis-suq tat-telekomunikazzjoni mobbli fir-Renju Unit. |
|
28. |
Fid-dawl tal-ħila limitata tagħhom li jikkompetu, speċjalment fuq id-dejta, u sabiex jinnovaw fid-dawl tad-dipendenza tagħhom fuq l-MNOs, il-Kummissjoni tqis li dawk li n-non-MNOs mhumiex sejrin ikunu kapaċi jikkumpensaw għat-telf fil-pressjoni kompetittiva li jirriżulta mit-Tranżazzjoni. Il-bejjiegħa speċjalisti indipendenti (Dixons), filwaqt li ġeneralment jirnexxilhom itejbu fuq l-offerti tal-MNOs, ma għandhomx il-ħila li jikkumpensaw għat-telf fil-kompetizzjoni fost l-MNOs. |
|
29. |
Il-Kummissjoni wettqet ukoll valutazzjoni kwantitattiva approfondita tal-effetti probabbli fuq il-prezzijiet li ġġib magħha l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq għall-konsumatur. Tali valutazzjoni kwantitattiva ssir fid-dettall fl-Anness A għad-Deċiżjoni (5). Fin-nuqqas tal-ħsara li tirriżulta mill-qsim tan-netwerks, il-Kummissjoni tqis li l-Partijiet ikollhom inċentivi kbar sabiex iżidu l-prezzijiet wara t-Tranżazzjoni. […]. |
|
30. |
Il-Kummissjoni tqis li l-analiżi kwantitattiva tagħha ssostni l-konklużjonijiet miksubin mill-investigazzjoni kwalitattiva tas-suq. Fil-fehma tal-Kummissjoni, it-Tranżazzjoni aktarx li tiġġenera inċentiv imdaqqas sabiex jiżdiedu l-prezzijiet fis-suq tat-telekomunikazzjoni mobbli fir-Renju Unit. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-[…] klijent ta’ Three u O2 huma mistennijin jaffaċċjaw żidiet fil-prezzijiet li jkunu sinifikantement ogħla mill-medja. |
(ii) Effetti mhux koordinati orizzontali li jirriżultaw mill-qsim tan-netwerks
|
31. |
Kif intqal iktar ’il fuq, l-erba’ operaturi tan-netwerks daħlu f’żewġ ftehimiet ta’ qsim tan-netwerks: Vodafone u O2 fil-ftehimiet CTIL/Beacon u Three u BT/EE fil-ftehimiet MBNL. Illum, l-imsieħba ta’ kull ftehim ta’ qsim tan-netwerk għandhom inċentiv li jiżviluppaw l-elementi kondiviżi tan-netwerks tagħhom bejniethom, bil-għan li jiksbu netwerk aħjar mill-MNOs l-oħrajn u, b’mod partikolari, mill-MNOs fil-ftehim ta’ qsim tan-netwerks l-ieħor. |
|
32. |
Wara t-Tranżazzjoni, tintilef din id-dinamika kompetittiva vantaġġjuża. L-entità fuża tkun parti miż-żewġ ftehimiet ta’ qsim tan-netwerks u la Vodafone u lanqas BT/EE ma jkollha sieħeb impenjat għalkollox fil-qsim tan-netwerks f’CTIL/Beacon u MBNL, rispettivament. |
|
33. |
F’iktar dettall, il-Kummissjoni tqis li l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ konsolidazzjoni tan-netwerks kif ippreżentata lill-Kummissjoni mill-Parti Notifikanti, wara t-tnaqqis tal-MNOs f’kompetizzjoni, tkun ta’ ħsara sinifikanti għall-pożizzjoni kompetittiva ta’ wieħed mill-imsieħba tal-Partijiet jew għat-tnejn li huma fil-ftehimiet ta’ qsim tan-netwerks. |
|
34. |
Il-Parti Notifikanti ppreżentat b’mod partikolari żewġ pjanijiet ta’ konsolidazzjoni tan-netwerk, il-“Pjan Ippreferut” u l-“Pjan Alternattiv”. |
|
35. |
Il-Pjan Ippreferut aktarx li jirriżulta f’impediment sinifikanti għall-ħila ta’ BT/EE li tikkompeti fis-swieq tat-telekomunikazzjoni mobbli fir-Renju Unit. |
|
36. |
Il-Pjan Alternattiv aktarx li jirriżulta f’impediment sinifikanti għall-ħila ta’ BT/EE u Vodafone li jikkompetu fis-swieq tat-telekomunikazzjoni mobbli fir-Renju Unit. Jagħmel ħsara wkoll, iżda sa ċertu punt inqas, lill-pożizzjoni kompetittiva ta’ BT/EE. |
|
37. |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-ebda wieħed minn dawn il-pjanijiet ma jipprovdi għal impenn tal-entità fuża li timplimenta l-konsolidazzjoni tan-netwerk kif ippreżentata lill-Kummissjoni. Waqt li tqis ix-xenarji ta’ integrazzjoni possibbli l-oħrajn, il-Kummissjoni tikkonkludi li anki fix-xenarji kollha l-oħrajn li analizzat il-Kummissjoni, it-Tranżazzjoni tkun ta’ ħsara għall-pożizzjoni kompetittiva ta’ waħda mill-imsieħba tal-Partijiet jew għat-tnejn li huma fil-ftehimiet ta’ qsim tan-netwerks. |
|
38. |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li t-Tranżazzjoni aktarx li tnaqqas il-pressjoni kompetittiva eżerċitata minn wieħed mill-MNOs l-oħrajn jew miż-żewġ MNOs l-oħrajn li huma sħab tal-Partijiet fil-ftehimiet ta’ qsim tan-netwerks. |
|
39. |
Barra minn hekk, is-sitwazzjoni ta’ qsim tan-netwerk li tirriżulta mit-Tranżazzjoni skont il-Pjan Alternattiv aktarx li twassal għal inqas investimenti fl-infrastruttura tan-netwerks fl-industrija kollha kemm hi, u b’hekk tnaqqas il-livell ta’ kompetizzjoni effettiva li kien jipprevali fin-nuqqas tat-Tranżazzjoni. |
|
40. |
Il-pressjoni kompetittiva mnaqqsa u l-investimenti mnaqqsin fl-infrastruttura tan-netwerks fi ħdan l-industrija aktarx li jġibu magħhom xkiel sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva f’suq oligopolistiku li fih numru limitat ta’ atturi u ostakoli kbar għad-dħul għal din ir-raġuni wkoll. |
(iii) Fatturi kumpensatorji
|
41. |
Fuq il-bażi tal-investigazzjoni tagħha fis-suq, il-Kummissjoni tqis li ma hemm ebda saħħa tax-xerrej jew dħul fis-suq kumpensatorju li jpattu għall-effetti antikompetittivi possibbli tat-Tranżazzjoni. |
(iv) Konklużjoni
|
42. |
Peress li l-effetti mhux koordinati orizzontali deskritti hawn fuq ma jistgħux jiġu kumpensati bis-saħħa tal-effiċjenzi (ara t-Taqsima VII.c ta’ dan is-sommarju), fuq il-bażi ta’ dan li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-Tranżazzjoni tkun twassal għal xkiel sinifikanti fil-kompetizzjoni effettiva fis-suq għall-konsumatur għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli fir-Renju Unit. |
b. Is-suq tal-operaturi għall-aċċess u l-oriġinazzjoni tat-telefonati fuq netwerks tat-telekomunikazzjoni mobbli pubbliċi
(i) Effetti orizzontali mhux koordinati li jirriżultaw mill-eliminazzjoni ta’ restrizzjonijiet kompetittivi importanti
|
43. |
Minbarra s-suq tal-konsumaturi, il-Partijiet huma attivi fis-suq tal-operaturi għall-aċċess tan-netwerk u l-oriġinazzjoni tat-telefonati. F’dan is-suq, l-MNOs jipprovdu servizzi ta’ hosting lin-non-MNOs li, min-naħa tagħhom, joffru servizzi għall-konsumatur lill-abbonati. |
|
44. |
Bħalissa, l-erba’ MNOs kollha kemm huma joffru aċċess tal-operaturi lin-non-MNOs. L-ikbar host tal-operaturi bħalissa huwa EE, segwit mill-qrib minn O2. Kemm EE kif ukoll O2 għandhom sehem mis-suq li qegħdin jikbru b’mod stabbli rispettivament. Vodafone hija t-tielet l-ikbar host u s-sehem mis-suq tagħha ilu jonqos għal dawn l-aħħar tliet snin. Three hija l-iżgħar host tal-aċċess għall-operaturi. |
|
45. |
Minkejja s-sehem mis-suq storikament u relattivament baxx ta’ Three, il-Kummissjoni tqis li, abbażi tal-investigazzjoni tas-suq tagħha, Three hija forza kompetittiva importanti fis-suq tal-operaturi. Il-Kummissjoni wettqet analiżi tas-sehem tal-konsumaturi kkontestati riċentament skont il-valur projjettat. Skont dawn, is-sehem ta’ Three huwa [10-20] %. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet evidenza li Three tejbet l-pożizzjoni tagħha fis-suq tal-operaturi b’mod sinifikanti. Three ilha tieħu sehem f’għadd ta’ proċessi kompetittivi inkluż għall-ikbar non-MNOs u kkonkludiet kuntratti ma’ non-MNOs b’potenzjal ta’ tkabbir li sejrin jippermettulha tkompli tikber fil-ġejjieni fin-nuqqas tat-Tranżazzjoni. Barra minn hekk, il-preżenza ta’ Three fin-negozjati fil-livell tal-operaturi għandha impatt kompetittiv anki f’sitwazzjonijiet li fihom Three ma ratx suċċess. Fuq il-bażi tal-investigazzjoni tas-suq tagħha, il-Kummissjoni tqis li Three tipprovdi rati kompetittivi lill-operaturi għal teknoloġiji ġodda, bħall-4G. Fuq il-bażi tal-investigazzjoni tas-suq tagħha, il-Kummissjoni tqis li Three investiet kemm fin-netwerk tagħha kif ukoll fir-riżorsi tagħha sabiex tkun tista’ tikkompeti b’mod iktar effettiv f’dan is-suq. Finalment, fuq il-bażi tal-investigazzjoni tas-suq tagħha, il-Kummissjoni tikkonkludi li kemm Three stess kif ukoll il-parteċipanti l-oħrajn fis-suq (inklużi MNOs kompetituri u klijenti operaturi non-MNOs) iqisu li Three hija kompetitur importanti. |
|
46. |
Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tqis li Three tikkostitwixxi forza kompetittiva importanti, skont il-paragrafu 37 tal-Linji Gwida dwar l-Amalgamazzjonijiet Orizzontali. Fin-nuqqas tat-Tranżazzjoni, Three tkompli tikber fis-suq tal-operaturi u teżerċita restrizzjoni kompetittiva importanti fuq O2 u l-MNOs l-oħrajn. |
|
47. |
B’rabta ma’ O2, fuq il-bażi tal-investigazzjoni fis-suq, il-Kummissjoni tqis li O2 teżerċita restrizzjoni kompetittiva importanti fuq Three u l-MNOs l-oħrajn qabel it-Tranżazzjoni u li din fin-nuqqas tat-Tranżazzjoni tkompli. |
|
48. |
Wara t-Tranżazzjoni, il-Kummissjoni tqis li t-tnaqqis fl-għadd ta’ hosts għall-operaturi jtaffi l-pożizzjoni kompetittiva tan-non-MNOs. Barra minn hekk, l-entità fuża aktarx li jkollha inqas inċentivi li tospita non-MNOs b’termini kummerċjalment attraenti milli jkollhom Three u O2 fin-nuqqas tal-fużjoni. Finalment, it-tnaqqis fil-kompetizzjoni fis-suq tal-operaturi aktarx li ma jkunx irkuprat mill-kompetituri li jifdal fis-suq, BT/EE u Vodafone. |
(ii) Fatturi kumpensatorji
|
49. |
Fuq il-bażi tal-investigazzjoni tagħha tas-suq, il-Kummissjoni tqis li ma hemm ebda saħħa tax-xerrej jew dħul fis-suq kumpensatorju li jpattu għall-effetti antikompetittivi possibbli tat-Tranżazzjoni. |
(iii) Konklużjoni
|
50. |
Peress li l-effetti mhux koordinati orizzontali deskritti hawn fuq ma jistgħux jiġu kompensati bis-saħħa tal-effiċjenzi (ara t-Taqsima VII.c ta’ dan is-sommarju), fuq il-bażi ta’ dan li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-Tranżazzjoni tkun twassal għal xkiel sinifikanti fil-kompetizzjoni effettiva fis-servizzi għall-operaturi għall-aċċess u l-oriġinazzjoni tat-telefonati fuq networks tat-telefonija mobbli pubbliċi fir-Renju Unit. |
c. Effiċjenzi
|
51. |
Skont il-Parti Notifikanti, it-Tranżazzjoni sejra twassal għal effiċjenzi sinifikanti fin-netwerk u fl-iskala. L-effiċjenzi fin-netwerk jirriżultaw peress li konsolidazzjoni tan-netwerk ta’ aċċess bir-radju (“RAN”) iġġib magħha densifikazzjoni tas-siti, użu ikbar tal-ispettru (bl-iskjerament tal-ispettru kombinat fuq grilja iktar densa), u użu iktar effiċjenti tal-ispettru (b’mod partikolari permezz ta’ “aggregazzjoni tal-operaturi”). Dawn il-benefiċċji tekniċi jġibu magħhom żieda fil-kapaċità tan-netwerk, fil-kwalità u l-veloċità tan-netwerk meta mqabbla ma’ Three u O2 f’daqqa fin-nuqqas tat-Tranżazzjoni. Ibaxxu wkoll l-ispejjeż tan-netwerk. Dawn l-effetti jkunu ta’ benefiċċju għall-konsumaturi peress li: (i) l-entità fuża […]; (ii) tnaqqis fl-ispejjeż inkrementali tan-netwerk jingħaddew lill-klijenti mill-entità fuża f’termini ta’ prezz orħos; u (iii) l-entità fuża teżerċita pressjoni kompetittiva ikbar fuq Vodafone u EE li twassal sabiex dawn ir-rivali jraħħsu l-prezzijiet tagħhom. Għad li dawn l-effiċjenzi tan-netwerk skont il-“Pjan Alternattiv” ta’ Three ma jistgħux jibdew jimmaterjalizzaw qabel tard f’[…], il-Parti Notifikanti tiddikjara li dawn xorta waħda għandhom jitqiesu li jissodisfaw il-kriterju ta’ tempestività tal-Kummissjoni peress li mhumiex soġġetti għal inċertezza. Barra minn hekk, l-ekonomiji ta’ skala u l-ispejjeż fissi ffrankati miġjubin mit-Tranżazzjoni jiffaċilitaw il-ħila tal-entità fuża sabiex tagħmel investimenti fil-ġejjieni, speċjalment fl-ispettru. |
|
52. |
Fir-rigward tat-tempestività tal-effiċjenzi tan-netwerk, il-Kummissjoni tqis li għad hemm inċertezza sinifikanti rigward it-twaqqit u l-firxa tal-integrazzjoni u l-investimenti tan-netwerks u, b’hekk, dwar kemm kienu jinkisbu l-effiċjenzi ddikjarati. Barra minn hekk, il-fatt li li l-effiċjenzi tan-netwerk mhuwiex iddikjarat li sejrin jimmaterjalizzaw qabel […] iwassal ukoll għal inċertezza sinifikanti dwar is-sitwazzjoni li fiha t-tali dikjarazzjonijiet dwar l-effiċjenza jimmaterjalizzaw qabel. Għaldaqstant, anki jekk l-effiċjenzi tan-netwerk iddikjarati mill-Parti Notifikanti jissodisfaw it-tliet kriterji tal-Linji Gwida dwar l-Amalgamazzjonijiet Orizzontali (li mhuwiex il-każ, kif spjegat fil-paragrafi li ġejjin), il-Kummissjoni tqis li l-piż li jista’ jingħata lil tali dikjarazzjonijiet dwar l-effiċjenza huwa limitat. |
|
53. |
Rigward il-benefiċċji tekniċi mill-konsolidazzjoni taż-żewġ netwerks, il-Kummissjoni tosserva li jidher li huwa plawżibbli li t-Tranżazzjoni tkun tippermetti li jiġi skjerat l-ispettru konġunt fuq netwerk iktar dens meta mqabbel ma’ xenarju li fihom jibqgħu awtonomi. Madankollu, il-firxa ma setgħetx tiġi vverifikata kif xieraq bl-informazzjoni pprovduta mill-Parti Notifikanti. Il-Partijiet ikollhom alternattivi realistiċi wkoll sabiex jespandu l-kapaċità fuq bażi awtonoma. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li kwalunkwe benefiċċju fil-kwalità minn veloċitajiet ikbar tat-tniżżil aktarx li jkun limitat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-benefiċċji tekniċi allegati kif ukoll il-benefiċċji assoċjati fl-ispejjeż u l-kwalità ma jissodisfawx il-kriterji ta’ verifikabbiltà u speċifiċità tal-fużjoni. |
|
54. |
Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li hemm dualità bejn l-argumenti tal-Parti Notifikanti fejn (i) l-entità fuża […]. Fil-fehma tal-Kummissjoni, iż-żewġ linji ta’ raġunament huma aspett kunċettwalment differenti tal-istess effett. |
|
55. |
[Il-Kummissjoni ma tistax tivverifika l-argumenti tal-Parti Notifikanti dwar din il-kwistjoni.] |
|
56. |
Rigward it-tieni argument, il-Kummissjoni ma teskludix li t-tranżazzjoni tista’ sa ċertu punt tnaqqas l-ispejjeż tan-netwerk inkrimentali tal-entità fuża b’relazzjoni mal-Partijiet fin-nuqqas tat-tranżazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-allegazzjoni tal-Parti Notifikanti ta’ ebda spejjeż tan-netwerk inkrimentali jew inqas spejjeż ma tgħaddix mit-testijiet tal-ispeċifiċità u l-verifikabbiltà tal-fużjoni. Il-Kummissjoni tiċħad l-allegazzjoni li l-entità fuża ma jkollhiex spejjeż tan-netwerk inkrimentali, u ma tistax tivverifika l-livell ta’ spejjeż tan-netwerk inkrimentali għall-entità fuża propost mill-Parti Notifikanti minħabba l-limitazzjonijiet serji fl-immudellar użat u n-nuqqas ta’ dejta neċessarja pprovduta mill-Parti Notifikanti. Barra minn hekk, anki kieku l-allegazzjoni li l-entità fuża ma jkollhiex spejjeż inkrimentali kienet verifikabbli u speċifika għall-fużjoni, il-fatt li tali tnaqqis jingħadda lill-konsumaturi ma jkunx biżżejjed sabiex ipatti għall-inċentivi li jiżdiedu l-prezzijiet u t-Tranżazzjoni xorta waħda aktarx li tkun iġġib magħha żidiet sinifikanti fil-prezzijiet. |
|
57. |
Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-effiċjenzi allegati mill-Parti Notifikanti b’rabta mal-pressjoni kompetittiva ikbar fuq EE u Vodafone permezz ta’ kwalità ogħla ma jissodisfawx it-tliet kriterji ta’ verifikabbiltà, speċifiċità għall-fużjoni u benefiċċju għall-konsumaturi, peress li tali effiċjenzi huma bbażati fil-parti l-kbira fuq suppożizzjonijiet u argumenti diġà miċħudin mill-Kummissjoni. |
|
58. |
Finalment, rigward l-allegazzjoni tal-Parti Notifikanti li l-ekonomiji ta’ skala u l-ispejjeż fissi ffrankati jiffaċilitaw il-ħila tal-entità fuża li tagħmel investimenti fil-ġejjieni u tixtri iktar spettru, il-Kummissjoni tqis li l-effiċjenzi permezz ta’ spejjeż fissi ffrankati, anki li kieku kienu verifikabbli u speċifiċi għall-fużjoni, ma jibbenefikawx lill-konsumaturi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-allegata ħila ikbar li jinxtara l-ispettru minħabba t-Tranżazzjoni mhijiex verifikabbli u, fi kwalunkwe każ, il-Parti Notifikanti ma wrietx kif tali effiċjenza tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi. |
VIII. IMPENJI
a. Proċedura u twaqqit
|
59. |
Sabiex tindirizza t-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikati fid-Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet, il-Parti Notifikanti ppreżentat tliet settijiet ta’ impenji: Il-Parti Notifikanti ppreżentat l-ewwel sett fit-2 ta’ Marzu 2016 (“l-Ewwel Impenji”). Fil-15 ta’ Marzu 2016, il-Parti Notifikanti ppreżentat impenji riveduti (“it-Tieni Impenji”). Il-Kummissjoni nediet test tas-suq fuq it-Tieni Impenji fit-18 ta’ Marzu 2016 (“l-Eżami tas-Suq”), indirizzat lil (1) fornituri attwali u futuri potenzjali tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli fir-Renju Unit, fornituri ta’ servizzi tal-infrastruttura fis-settur tat-telekomunikazzjoni mobbli, kif ukoll l-assoċjazzjonijiet MVNO Europe u iMVNOx; u (2) regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjoni, inkluż l-Ofcom. Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tar-Renju Unit, il-Ġermanja u n-Netherlands ippreżentaw fehmiethom dwar it-Tieni Impenji. Wara l-Eżami tas-Suq, il-Parti Notifikanti ppreżentat sett rivedut ieħor ta’ impenji fis-6 ta’ April 2016 (“it-Tielet Impenji”). |
b. Deskrizzjoni tat-Tieni Impenji
|
60. |
It-Tieni Impenji kien fihom il-komponenti li ġejjin: (1) l-Impenn ta’ Operatur li Jidħol Ġdid (“New Entrant Operator - NEO”); (2) l-Impenn ta’ Tesco Mobile; (3) l-Impenn ta’ Qsim tan-Netwerks; u (4) l-Impenn tas-Suq tal-Operaturi. |
(i) L-Impenn ta’ Tesco Mobile
|
61. |
Skont l-Impenn ta’ Tesco Mobile, Three timpenja ruħha, l-ewwel nett, li tiddivesti s-sehem tagħha ta’ 50 % f’Tesco Mobile. |
|
62. |
It-tieni, Three tieħu impenn li toffri ftehim għall-operaturi abbażi tal-kapaċità lil Tesco Mobile għal perjodu ta’ […]snin. Three tqiegħed għad-dispożizzjoni sa […] % tal-kapaċità tan-Netwerk għal tariffa annwali fissa li trid tiġi miftiehma bejn Three u Tesco Mobile. Three tqiegħed il-kapaċità għad-dispożizzjoni diment li Tesco Mobile jkollha n-netwerk ewlieni tagħha stess. Sakemm Tesco ma jkollhiex in-netwerk ewlieni tagħha stess, Three tieħu impenn li tkompli bl-arranġamenti ta’ aċċess għall-operaturi li bħalissa hemm fis-seħħ bejn O2 UK u Tesco Mobile. |
(ii) L-Impenn NEO
|
63. |
Skont l-Impenn NEO, Three tieħu impenn li, l-ewwel nett, tiddivesti interess proprjetarju fin-netwerk frazzjonali perpetwu, li jammonta sa […]% tal-kapaċità (“Sehem fil-Kapaċità”) fin-Netwerk lil NEO wieħed jew tnejn. L-ammont minimu ta’ kapaċità li għandu jintuża min-NEO(s) ivarja maż-żmien. NEO ma jitħalliex jerġa’ jbigħ il-kapaċità. |
|
64. |
In-NEO/NEOs iħallas/su prezz fiss miftiehem lil Three b’kunsiderazzjoni għall-interess proprjetarju tan-netwerk li jintitolah(om) għall-użu tas-Sehem fil-Kapaċità. Barra minn hekk, in-NEO(s) se jħallas/su, fuq bażi annwali, sehem li jikkorrispondi għall-perċentwal tal-interess proprjetarju tiegħu/tagħhom tal-ispejjeż operatorji, kif ukoll spejjeż ta’ titjib u manteniment tal-kapital kontinwi mġarrbin minn Three għan-Netwerk flimkien ma’ redditu fuq il-kapital. |
|
65. |
In-NEO(s) se jkollu/hom aċċess nondiskriminatorju għall-elementi kollha tan-Netwerk u għat-teknoloġiji, il-funzjonijiet u s-servizzi tar-radju attwali u futuri kollha li jiġu skjerati fin-Netwerk. In-NEO(s) se jkollu/hom jipprovdi/u n-netwerk(s) ewlieni tiegħu/hom stess. |
|
66. |
In-NEO(s) sej jiġi/u aġġornat(i) u kkonsultat(i) fuq il-pjanijiet direzzjonali għat-teknoloġija u n-network ta’ Three. Three sejra żżomm kontroll esklużiv fuq id-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw l-operat tan-Netwerk u l-investimenti fin-Netwerk. Three sejra tiddiskuti b’bona fide t-talbiet mill-NEO(s) għal investimenti fin-netwerk li mhumiex parti mill-pjan direzzjonali tan-netwerk. Jekk ma jkun jista’ jintlaħaq ebda qbil fuq tali investimenti, dawn jiġu implimentati bl-ispiża titħallas kollha mill-NEO(s) (jekk l-investiment jista’ jkun separat teknikament fuq in-Netwerk għall-użu proprju min-NEO) jew inkella b’kontribuzzjoni finanzjarja limitata minn Three (li tikseb dritt sħiħ li tuża tali investiment). |
|
67. |
L-interess proprjetarju ma jistax jiġi ttrasferit għal perjodu ta’ […] snin. Wara dan il-perjodu, jista’ jiġi ttrasferit, soġġett għal dritt tal-ewwel rifjut minn Three. |
|
68. |
In-NEO jista’ jitlob li l-interess proprjetarju jiġi pprovdut lin-NEO li tuża prijoritizzazzjoni tal-interfaċċja tal-ajru bħal 4G MOCN jew funzjonalità ekwivalenti. |
|
69. |
It-tieni, Three tieħu impenn li toffri għażla lill-NEO(s) li jużaw b’mod esklużiv il-kapaċità pprovduta fuq total ta’ spettru ta’ […] Mhz f’baned differenti tal-ispettru li bħalissa huma proprjetà ta’ O2 UK (“Għażla ta’ Użu tal-Ispettru fil-Mira”). L-Għażla ta’ Użu tal-Ispettru fil-Mira tkun disponibbli mis-sena numru […] wara l-akkwiżizzjoni tal-interess proprjetarju tan-netwerk u tkun soġġetta għal diversi kundizzjonijiet. |
|
70. |
It-tielet, Three tieħu impenn li toffri għażla li biha n-NEO(s) ikun(u) jista’/għu jixtri lil O2 UK (“Għażla ta’ Divestiment ta’ O2 UK”). L-Għażla ta’ Divestiment ta’ O2 UK tista’ tiġi eżerċitata min-NEO(s) fi żmien […]-il xahar wara d-divestiment tal-interess proprjetarju tan-netwerk u hija soġġetta għal għadd ta’ kundizzjonijiet. Jekk in-NEO(s) jippreferi/u jixtri/u sehem fi Three minflok, Three tieħu impenn li tiddiskuti din it-talba b’bona fide. |
|
71. |
Finalment, Three tista’ tiddeċiedi jekk tipprovdix l-interess proprjetarju tan-netwerk lil NEO wieħed jew tnejn. F’każ ta’ żewġ NEOs, is-sehem mill-kapaċità ta’ NEO wieħed ikun tal-inqas ta’ […] %. L-Għażla ta’ Użu tal-Ispettru fil-Mira u l-Għażla ta’ Divestiment ta’ O2 UK sejjer ikollhom jiġu eżerċitati min-NEO bl-interess proprjetarju ta’ […] %. Three tista’ tiddeċiedi wkoll li tipprovdi interess proprjetarju ta’ […]% biss diment li s-sehem mill-kapaċità mqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ Tesco Mobile jkun jammonta hu wkoll għal […]% u mhux […]%. |
(iii) L-Impenn ta’ Qsim tan-Netwerks
|
72. |
Ir-raba’ komponent huwa l-Impenn ta’ Qsim tan-Netwerks li bih Three tieħu impenn, fost l-oħrajn, li: (1) toffri lil EE għadd ta’ emendi fil-ftehimiet tal-MBNL, inkluża riżoluzzjoni veloċi għat-tilwim, li għandha l-għan li tiffaċilita l-investimenti unilaterali fin-netwerks, li tilħaq qbil fuq pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ġdid ma’ EE fuq il-bażi tal-pjan attwali, u li tirrinunzja milli tivvota wara l-bidla fil-kontroll f’EE fuq ċerti deċiżjonijiet; (2) tlesti n-netwerk Beacon sa skadenza partikolari, toffri lil Vodafone li terġa’ tidħol fil-ftehimiet ta’ qsim attivi ħlief għal […] f’każ li jiġu tterminati mill-entità fuża, u li toffri lil Vodafone l-partizzjonar tat-trażmissjoni tat-traffiku 4G skont ċerti regoli; (3) timplimenta ċerta struttura tan-netwerk (varjazzjoni tal-hekk imsejjaħ “Pjan Ippreferut”, li bih l-entità fuża tieħu impenn għall-grilja Beacon u tuża madwar […] sit addizzjonali tal-MBNL), u (4) li ssaħħaħ il-protezzjoni tal-informazzjoni b’rabta ma’ MBNL u Beacon. Il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju għal MBNL u l-ftehim ta’ qsim attiv skont Beacon ikun ikopri perjodu li jasal sa […]. |
(iv) L-Impenn tas-Suq tal-Operaturi
|
73. |
Skont l-Impenn tas-Suq tal-Operaturi, b’rispett ta’ MVNOs li diġà għandhom ftehim tal-MVNOs jew ma’ Three jew ma’ O2 UK, u tali ftehimiet ma jkunux għadhom jinkludu aċċess għas-servizzi 4G, Three timpenja ruħha li toffri li tinkludi s-servizzi 4G bl-istess rati miżmuma għas-servizzi 4G (jiġifieri mingħajr ma tiswa iktar). |
|
74. |
Fir-rigward ta’ MVNOs li għad m’għandhomx ftehim MVNO jew ma’ Three jew O2 UK, Three timpenja ruħha li toffri aċċess għall-operaturi (inkluż il-4G) lil tali MVNOs ġodda. Il-patti u l-kundizzjonijiet sejrin jiġu referenzjati mal-medja ta’ dawk offruti minn Three u O2 UK mid-data tal-għeluq filwaqt li jittieħdu f’kunsiderazzjoni d-daqs u t-tip tal-MVNO, it-tip ta’ prodotti u servizzi, il-volumi, il-prezzijiet, il-mudell kummerċjali/operazzjonali u patti kummerċjali relevanti oħrajn. Dan l-Impenn għandu jkompli għal 10 snin wara l-għeluq jew f’data li tiġi qabel li fiha H3GI ma tibqax toffri tali teknoloġija lill-klijenti finali tagħha stess. |
c. Valutazzjoni tat-Tieni Impenji
|
75. |
Minkejja ċertu interess fl-Impenn ta’ NEO u l-Impenn ta’ Tesco Mobile, l-eżami tas-suq kien negattiv fuq l-elementi kollha tat-Tieni Impenji. Fuq il-bażi tar-riżultati tal-Eżami tas-Suq, il-Kummissjoni qieset li t-Tieni Impenji ma indirizzawx it-tħassib identifikat dwar il-kompetizzjoni. |
|
76. |
Fir-rigward tal-Impenn ta’ Tesco Mobile, il-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm ċertezza jekk id-divestiment tas-sehem ta’ 50 % ta’ O2 f’Tesco Mobile kienx qatt sejjer jimmaterjalizza. Il-ftehim tal-operaturi bbażat fuq il-kapaċità ma ntlaħaqx fuq il-bażi ta’ impenn sod iżda sempliċi offerta u l-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm ċertezza jekk Tesco Mobile finalment kinitx sejra tikseb aċċess għall-operaturi taħt dak il-ftehim għall-operaturi bbażat fuq il-kapaċità. Anki li kieku dak ikun il-każ, il-Kummissjoni qieset li l-patti tal-ftehim kif stipulati fit-Tieni Impenji ma kinux ċari fuq għadd ta’ elementi. Barra minn hekk, il-kapaċità ta’ […] % offruta fuq in-netwerk ta’ O2 tqieset li ma kinitx biżżejjex biex tippermetti lil Tesco Mobile tikkompeti fit-terminu qasir, medju u fit-tul. Finalment, il-Kummissjoni ma qablitx mal-argument tal-Parti Notifikanti li l-Impenn ta’ Tesco Mobile (anki jekk jittieħed flimkien mal-Impenn NEO) jnaqqas iż-żidiet imbassrin fil-prezzijiet (jew jeliminahom għalkollox). |
|
77. |
B’mod simili, il-Kummissjoni qieset li l-Impenn ta’ NEO ma kienx biżżejjed (anki jekk jittieħed flimkien mal-Impenn ta’ Tesco Mobile) sabiex jindirizza t-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat fis-suq tal-operaturi. B’mod partikolari, NEO kien ikun kummerċjalment u teknikament dipendenti fuq l-MNO host tiegħu. Kien ikollha struttura tal-ispejjeż simili li ma kienx jippermettilha teżerċita restrizzjoni kompetittiva fuq parteċipanti oħrajn fis-suq, u b’mod partikolari fuq l-MNOs u kienet tkun kapaċi tagħmel differenzazzjoni fl-offerta tagħha, inkluż fejn tidħol il-kwalità, sa punt limitat ħafna. Kien hemm dubji fuq il-potenzjal ta’ tkabbir ta’ NEO wkoll. Barra minn hekk, diversi elementi tal-Impenn ta’ NEO, inklużi l-patti kummerċjali ewlenin bħall-ispejjeż annwali li jridu jiġġarrbu min-NEO ma kinux ċari biżżejjed. Finalment, minbarra l-Alternattiva ta’ Użu tal-Ispettru fil-Mira u l-Alternattiva ta’ Divestiment ta’ O2 UK, numru ta’ elementi oħrajn offruti lin-NEO(s) kienu daqstant ieħor fakultattivi u, fid-dawl tal-inċertezza dwar l-implimentazzjoni tagħhom, ma setgħux jiġu kkunsidrati meta ġiet evalwata l-adegwatezza tat-Tieni Impenji. |
|
78. |
L-Impenn ta’ Qsim tan-Netwerks żied mad-diversi inkonsistenzi u inċertezzi rigward il-qsim tan-netwerks minflok ma neħħa l-inċertezzi. L-Impenn ta’ Qsim tan-Netwerks kien inkonsistenti internament mal-pjanijiet iddikjarati tal-Parti Notifikani minħabba li kienet impenjata li timplimenta grilja ta’ netwerks madwar il-pajjiż ibbażata primarjament fuq in-netwerk Beacon filwaqt li fl-istess ħin offriet li tiddivesti n-netwerk Beacon […] wara l-fużjoni. Barra minn hekk, l-Impenn ta’ Qsim tan-Netwerks ma indirizzax l-inċertezza b’rabta mas-sitwazzjoni ta’ qsim tan-netwerks wara l-fużjoni peress li ma kien hemm ebda garanzija (kien saħansitra improbabbli) li EE jew Vodafone kienu sejrin jaċċettaw l-offerti tal-Parti Notifikanti li ħadet impenn li tagħmel skont dak l-Impenn. |
|
79. |
L-emendi proposti tal-ftehimiet MBNL ma kinux biżżejjed sabiex jipprevjenu l-ħsara għall-pożizzjoni kompetittiva ta’ BT/EE wara l-fużjoni. Nofs is-sitt kjarifiki jew emendi proposti sempliċiment tennew l-obbligi kuntrattwali eżistenti. It-tneħħija tal-vot lid-direttur maniġerjali u ż-żieda tal-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni veloċi tat-tilwim ma jindirizzawx it-tħassib kompetittiv. Id-dikjarazzjoni li ebda parti mill-MBNL ma għandu jkollha l-abbiltà li tittardja jew ittellef skjeramenti unilaterali tal-parti l-oħra bi kwalunkwe mezz hija insostanzjata u inċerta wisq fl-implimentazzjoni tagħha. Il-mekkaniżmu veloċi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim mhuwiex sejjer jgħin sabiex tinżamm il-ħila attwali ta’ BT/EE li jagħmlu investimenti unilaterali. Id-deskrizzjoni vaga tal-pjan direzzjonali offruta minn Three li fil-parti l-kbira ttenni l-obbligi eżistenti ta’ Three hija insuffiċjenti wkoll sabiex tindirizza t-tħassib li tqajjem it-tranżazzjoni. |
|
80. |
L-Impenn ta’ Qsim tan-Netwerk marbut ma’ Beacon kien insuffiċjenti sabiex jeskludi li t-Tranżazzjoni tkun ixxekkel il-pożizzjoni kompetittiva ta’ Vodafone. Għad li l-Parti Notifikanti offriet li tkompli bil-qsim attiv mingħajr […], wara t-terminazzjoni unilaterali tal-qsim attiv, aktarx li dan mhuwiex sejjer ikun aċċettabbli għal Vodafone. Is-sottomissjonijiet ta’ Vodafone u O2 lil Ofcom fl-2012 matul l-istabbiliment ta’ Beacon juru […] kienet element integrali tal-arranġamenti ta’ Beacon li mingħajrha l-partijiet ma kinux jibdew bil-qsim attiv. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li Vodafone aktarx li mhijiex sejra taċċetta l-offerta u l-ħsara fil-pożizzjoni kompetittiva ta’ Vodafone wara t-terminazzjoni tal-qsim attiv ma tkunx indirizzata mill-impenji. |
|
81. |
Fuq investimenti inferjuri fl-industrija, is-sitwazzjoni ta’ qsim tan-netwerks fil-mira tal-impenji tkun tirriżulta f’netwerk indipendenti wieħed ta’ BT/EE u żewġ netwerks maqsumin b’mod attiv ta’ Vodafone u l-entità fuża li wieħed minnhom ikollu saff ta’ kapaċità 4G aħjar. Dan aktarx li jwassal għal inqas investimenti fl-industrija mill-MNOs kollha li jifdal. |
|
82. |
L-Impenn tas-Suq tal-Operaturi rigward l-MVNOs eżistenti kien sempliċi offerta li t-termini tagħha, u għaldaqstant, l-attrattività tagħha għall-MVNOs eżistenti, kienu, l-iktar l-iktar, inċerti. L-aċċess għall-4G kien jingħata bil-prezzijiet attwali għat-3G matul it-terminu sħiħ ta’ 10 snin. Fid-dawl tal-ispejjeż neżlin għad-dejta li l-MNOs ikunu jistgħu jgħaddu lill-klijenti, l-MVNOs ma kinux ikunu jistgħu jikkompetu kontra l-MNOs fit-terminu medju sa twil. Finalment, l-impenn ma kienx jinkludi teknoloġiji futuri bħall-5G. B’rabta mal-MVNOs il-ġodda, l-Impenn tas-Suq tal-Operaturi kien sempliċi offerta wkoll. Il-prezzijiet għall-operaturi kienu jitqabblu kontra l-patti eżistenti u, b’hekk, aktarx li ma kinux ikunu kompetittivi wkoll fit-terminu medju sa twil. Barra minn hekk, il-proċess ta’ parametraġġ referenzjarju ma kienx ċar. Finalment, dan l-impenn lanqas ma kien jinkludi teknoloġiji futuri bħall-5G. |
d. Deskrizzjoni tat-Tielet Impenji
|
83. |
It-Tielet Impenji jinvolvu l-erba’ komponenti li jinsabu wkoll fit-Tieni Impenji fil-forma emendata. L-impenn b’rabta maċ-ċertezza tal-pjanijiet tan-netwerk, li kienu parti mill-Impenn ta’ Qsim tan-Netwerks fit-Tieni Impenji sar bħala impenn għalih. Barra minn hekk, il-Parti Notifikanti tieħu impenn li toffri ftehim għall-operaturi bbażat fuq il-kapaċità lil Virgin Media (“l-Impenn ta’ Virgin Media”). |
|
84. |
Il-Parti Notifikanti emendat id-definizzjoni tal-kapaċità (sabiex tkopri l-kapaċità tan-netwerks kemm ta’ Three kif ukoll ta’ O2) u n-netwerk li fuqu dik il-kapaċità sejra tiġi pprovduta lil Tesco Mobile, lin-NEO(s) u lil Virgin Media (in-netwerk ta’ O2). |
(i) L-Impenn ta’ Tesco Mobile
|
85. |
Għajr id-definizzjoni emendata ta’ kapaċità, ma saret ebda bidla sostanzjali fl-Impenn ta’ Tesco Mobile. |
(ii) L-Impenn NEO
|
86. |
L-iktar bidliet importanti fl-Impenn NEO huma elenkati fil-paragrafi li ġejjin: |
|
87. |
L-ewwel nett, il-Parti Notifikanti speċifikat is-Sehem minimu tal-Kapaċità, espress f’Gbps, għas-snin numru wieħed sa ħamsa. Il-perjodu ta’ żmien li għalih NEO jkollu jieħu impenn ta’ Sehem minimu tal-Kapaċità li jrid jintuża wara s-sena numru […] ġie estiż bi […] u issa japplika sas-sena numru […]. |
|
88. |
It-tieni, It-Tariffi Kurrenti li jridu jitħallsu minn NEO ġew emendati kif ġej: NEO jkollu jħallas tariffi bbażati fuq l-ispejjeż imkejlin b’mod proporzjonat għas-Sehem tal-Kapaċità Eletta. Il-bażi tal-ispejjeż trid tkun miftiehma bejn il-Parti Notifikanti u NEO u tkun tinkludi redditu fuq il-kapital ibbażat fuq il-kost. |
|
89. |
It-tielet, mis-sena numru […] NEO jista’ joffri aċċess għall-operaturi lil MVNOs sa massimu ta’ […]% mis-Sehem mill-Kapaċità Eletta tiegħu. |
|
90. |
Ir-raba’, it-trasferiment tal-Interess tan-Netwerk ma għadux soġġett għad-dritt tal-ewwel rifjut mill-Parti Notifikanti. |
|
91. |
Il-ħames, l-investimenti unilaterali mitlubin minn NEO jingħataw l-istess livell ta’ prijorità bħall-investimenti tal-Parti Notifikanti. |
|
92. |
Is-sitt, l-Impenn NEO issa jipprovdi għall-possibbiltà li NEO jagħżel li ma jipparteċipax f’ċerti funzjonijiet u investimenti. Madankollu, in-nonparteċipazzjoni ma tkunx possibbli fir-rigward ta’ funzjonijiet jew servizzi li jwasslu għal titjib fil-kopertura, il-kapaċità, il-veloċità jew l-ispiża tan-Netwerk. |
|
93. |
Is-seba’, kwalunkwe tilwima bejn NEO u l-Parti Notifikanti b’rabta mal-investimenti unilaterali li ma tistax tiġi solvuta bi ftehim reċiproku tkun soġġetta għal proċedura veloċi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim. |
|
94. |
Tmienja, l-Għażla ta’ Divestiment ta’ O2 UK hija modifikata b’tali mod li t-trasferiment ta’ O2 ma jidħolx fis-seħħ qabel ma titlesta t-tnedija tal-hekk imsejħa “Beacon Single Grid Sites” (“Siti tal-Grilja Unika ta’ Beacon”) li hija meħtieġa sa […] skont il-ftehimiet ta’ Beacon. |
|
95. |
Finalment, l-Impenn ta’ NEO issa huwa impenn bil-quddiem. |
(iii) L-Impenn ta’ Virgin Media
|
96. |
Skont l-Impenn ta’ Virgin Media, il-Parti Notifikanti tieħu impenn li toffri lil Virgin Media sabiex tidħol fi ftehim tal-operaturi bbażat fuq il-kapaċità fuq il-bażi ta’ ftehim imsemmi fit-Tielet Impenji bħala l-Ftehim tal-Operaturi f’Forma Qasira ta’ Virgin Mobile. |
|
97. |
Il-Parti Notifikanti tqiegħed Sehem mill-Kapaċità ta’ madwar […]% tal-kapaċità tan-netwerk kombinat ta’ Three u O2, ipprovduta fuq in-netwerk ta’ O2, għad-dispożizzjoni ta’ Virgin Media għal perjodu ta’ […] snin. |
|
98. |
Għall-kapaċità, Virgin Media tħallas tariffi lill-Parti li Tinnotifika kif speċifikat fil-Ftehim tal-Operaturi f’Forma Qasira ta’ Virgin Mobile, li, fil-prinċipju, jipprovdi għal prezz fiss għall-Gbps għas-Sehem mill-Kapaċità Eletta tiegħu sa tmiem […] u ammont ikkalkolat skont il-metodoloġija tal-ispejjeż u l-ipprezzar stabbilita fl-Appendiċi 3 ta’ dak il-ftehim minn […] sa tmiem it-terminu tal-ftehim. L-impenn finanzjarju minimu ta’ Virgin Media jammonta għal […]mid-data tal-bidu tas-servizz sa tmiem is-sena numru […]. |
|
99. |
Li kieku n-NEO kellu jeżerċita l-Alternattiva ta’ Divestiment ta’ O2 UK, H3GI toffri lil Virgin Mobile ftehim b’kapaċità ekwivalenti. |
|
100. |
Finalment, il-Parti Notifikanti tieħu impenn li tagħmel l-offerta lil Virgin Mobile fi żmien […] jum mid-data tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni kundizzjonali mill-Kummissjoni. L-offerta tibqa’ valida għal perjodu ta’ […] xhur mid-data li fiha tirċiviha Virgin Media. |
(iv) L-Impenn b’Rabta maċ-Ċertezza tal-Pjanijiet tan-Netwerk
|
101. |
Skont l-Impenn b’Rabta maċ-Ċertezza tal-Pjanijiet tan-Netwerk, il-Parti Notifikanti tieħu impenn, soġġett għall-impenji ta’ qsim tan-netwerk, li tuża s-siti kollha ta’ Beacon għall-kopertura bażi u l-grilja tal-kapaċità tan-netwerk konsolidat kif ukoll li tuża mill-inqas […] sit tal-MBNL. |
|
102. |
Barra minn hekk, tieħu impenn li tiskjera […] MHz tal-ispettru downlink fuq in-netwerk ta’ O2 sa […], sabiex tkompli tirradja tal-inqas […] mis-siti ta’ Beacon u tagħti l-possibbiltà lill-klijenti ta’ Three li jagħmlu roaming fuq in-netwerk ta’ Beacon biss safejn jippermettu l-ftehimiet attwali ta’ Beacon. |
|
103. |
Il-Parti Notifikanti inkludiet ukoll impenn li tal-inqas tikseb kopertura tal-popolazzjoni tal-4G ta’ 96 % sal-31 ta’ Diċembru 2017 u li twettaq l-impenji ta’ kopertura tal-popolazzjoni tal-4G tagħha skont il-liċenzja tal-4G sal-31 ta’ Diċembru 2018 kif ukoll impenji li tqiegħed għad-dispożizzjoni tan-NEO kwalunkwe spettru skjerat fuq in-netwerk ta’ O2 u kwalunkwe netwerk ta’ aċċess bir-radju li huwa proprjetà tal-Parti Notifikanti u mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijenti tal-Parti Notifikanti fuq in-netwerk ta’ O2. |
(v) L-Impenn ta’ Qsim tan-Netwerks
|
104. |
Skont l-Impenji ta’ Qsim tan-Netwerks marbutin ma’ BT/EE, il-Parti Notifikanti tieħu impenn li toffri lil BT/EE ftehim li jemenda l-MBNL b’sostanzjalment l-istess patti bħala abbozz ta’ ftehim mehmuż mal-impenji. Barra minn hekk, il-Parti Notifikanti tieħu impenn unilaterali fuq ċerti elementi tal-abbozz tal-ftehim f’każ li BT/EE ma taċċettax l-offerta. |
|
105. |
L-abbozz tal-ftehim jipprovdi għal dispożizzjonijiet dwar l-attivitajiet tal-integrazzjonijiet tan-netwerk tal-entità fuża, l-ostakoli għall-informazzjoni, impenn għal siti minimi, siti li fuqhom Three ma tiskjerax iktar minn […] MHz tal-ispettru, siti li fuqhom Three tiskjera […] spettru, spejjeż tal-integrazzjoni, indennizz għall-ħsara kkaġunata mill-attivitajiet ta’ integrazzjoni, skjeramenti unilaterali, il-mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni veloċi ta’ tilwim, il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju, it-trażmissjoni u r-rinunzja tad-drittijiet miksuba minn Three wara l-akkwiżizzjoni ta’ EE minn BT. |
|
106. |
Bħala impenn unilaterali f’każ li BT/EE ma taċċettax din l-offerta, il-Parti Notifikanti tieħu impenn li tirrinunzja d-drittijiet kollha skont il-ftehimiet MBNL li toġġezzjona għal skjeramenti unilaterali ta’ BT/EE fuq siti li ma jġorrux traffiku f’isem Three, li tirrinunzja għal kwalunkwe dritt skont il-ftehimiet MBNL li tqajjem tħassib fil-Kumitat Tekniku li ma jkunx ta’ natura teknika jew operazzjonali, li ssegwi u tapplika l-mekkaniżmu veloċi għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim stipulat fl-Iskeda 1 għall-ftehim propost għat-tħassib kollu li huwa ta’ natura teknika jew operazzjonali li jirriżulta f’tilwim ma’ BT/EE, li tapprova pjan ta’ direzzjoni għan-negozju ta’ 10 snin skont dak li jinsab fl-Iskeda 2 għall-ftehim propost u li tirrinunzja d-drittijiet tagħha wara l-bidla fil-kontroll ta’ BT/EE skont id-dispożizzjonijiet dwar il-governanza tal-MBNL. |
(vi) L-Impenn tas-Suq tal-Operaturi
|
107. |
L-Impenn tas-Suq tal-Operaturi essenzjalment ġie emendat b’tali mod li jinkludi servizzi 5G ukoll. |
e. Valutazzjoni tat-Tielet Impenji
|
108. |
Minkejja t-titjib li sar meta mqabbel mat-Tieni Impenji, il-Kummissjoni tqis li t-Tielet Impenji ma jindirizzawx it-tħassib dwar il-kompetizzjoni. |
|
109. |
Għad li ntlaħaq qbil fuq dokument dwar il-kundizzjonijiet bejn Tesco u l-Parti Notifikanti, l-Impenn ta’ Tesco Mobile, anki jekk jittieħed mal-Impenn ta’ NEO u l-Impenn ta’ Virgin Mobile huwa inadegwat sabiex jindirizza t-tħassib dwar il-kompetizzjoni fis-suq għall-konsumatur. B’mod partikolari, id-dokument dwar il-kundizzjonijiet mhuwiex parti mit-Tielet Impenji u għaldaqstant ma jistax jittieħed bħala parametru referenzjarju għall-adegwatezza ta’ dan l-impenn. Għalhekk, għadu mhuwiex ċert jekk qatt jimmaterjalizzax ruħu d-divestiment tas-sehem ta’ 50 % ta’ O2 f’Tesco Mobile. B’mod simili, il-ftehim għall-operaturi bbażat fuq il-kapaċità jibqa’ sempliċi offerta u l-patti tal-ftehim kif stipulati fit-Tielet Impenji għadhom mhumiex ċari fuq diversi elementi. Barra minn hekk, minkejja l-fatt li s-sehem mill-kapaċità issa huwa kkalkolat fuq il-bażi tal-kapaċità tan-netwerk ta’ Three wkoll, il-kapaċità ta’ […]% offruta lil Tesco sabiex tkabbar is-sehem mill-abbonati tagħha tibqa’ limitata. Finalment, il-Kummissjoni tkompli ma taqbilx mal-argument tal-Parti Notifikanti li l-Impenn ta’ Tesco Mobile (anki jekk jittieħed flimkien mal-Impenn NEO) inaqqas iż-żidiet imbassrin fil-prezzijiet (jew jeliminahom għalkollox). |
|
110. |
B’mod simili, għad li ntlaħaq qbil fuq id-dokument dwar il-kundizzjonijiet bejn Sky u l-Parti li Tinnotifika, il-Kummissjoni tqis li l-Impenn ta’ NEO jibqa’ insuffiċjenti (anki jekk jittieħed flimkien mal-elementi l-oħrajn tat-Tielet Impenji) sabiex jindirizza t-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat fil-livell tal-konsumatur u tal-operaturi. B’mod partikolari, id-dokument dwar il-kundizzjonijiet mhuwiex parti mit-Tielet Impenji u għaldaqstant ma jistax jittieħed bħala parametru referenzjarju għall-adegwatezza ta’ dan l-impenn. NEO jibqa’ kummerċjalment u teknikament dipendenti fuq l-MNO ospitanti tiegħu bi struttura tal-ispejjeż li ma tħallihx jeżerċita restrizzjoni kompetittiva fuq il-parteċipanti l-oħrajn fis-suq, u b’mod partikolari fuq l-MNOs u ħila limitata ħafna sabiex ivarja l-offerti tiegħu, inkluż f’termini ta’ kwalità. Anki l-potenzjal ta’ tkabbir ta’ NEO jibqa’ iktar limitat minn dak li bassret il-Parti Notifikanti. Barra minn hekk, diversi elementi tal-Impenn NEO, inkluża l-istruttura tal-ispejjeż tiegħu, għadhom mhumiex ċari. Finalment, minbarra l-Alternattiva ta’ Użu tal-Ispettru fil-Mira u l-Alternattiva ta’ Divestiment ta’ O2 UK, numru ta’ elementi oħrajn offruti lin-NEO(s) kienu daqstant ieħor fakultattivi u, fid-dawl tal-inċertezza dwar l-implimentazzjoni tagħhom, ma setgħux jiġu kkunsidrati meta ġiet evalwata l-adegwatezza tat-Tieni Impenji. |
|
111. |
It-termini tal-Impenn ta’ Virgin Media sa ċertu punt mhumiex ċari. Barra minn hekk, dan l-impenn huwa sempliċi offerta għal ftehim għall-operaturi bbażat fuq il-kapaċità, li l-implimentazzjoni tiegħu hija inċerta. Anki li kieku Virgin Media taċċetta l-offerrta, jibqa’ japplika tħassib simili kif stipulat fir-rigward tal-Impenn ta’ Tesco Mobile b’rabta mal-ammont ta’ kapaċità mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ Virgin Media. |
|
112. |
L-impenji marbutin maċ-ċertezza tal-pjanijiet tan-netwerk mhumiex biżżejjed sabiex jindirizzaw l-inċertezzi konsiderevoli rigward is-sitwazzjoni fil-ġejjieni tal-qsim tan-netwerks wara t-Tranżazzjoni. Peress li l-emendi addizzjonali mqabblin mat-Tieni Impenji iktar huma marbutin man-NEO milli jippruvaw itejbu ċ-ċertezza għal BT/EE jew Vodafone, il-valutazzjoni hija materjalment l-istess bħal dik tat-Tieni Impenji. |
|
113. |
Il-ftehim propost ma’ BT/EE ma jindirizzax it-tħassib marbut mal-pożizzjoni kompetittiva ta’ BT/EE. B’mod partikolari, il-ħila ta’ Three li ttellef jew tittardja l-iskjeramenti unilaterali mhijiex imnaqqsa wisq minħabba li “preapprovazzjoni” ta’ ċerti skjeramenti tingħata biss jekk jiġu rrispettati l-kriterji li ppermettew lil Three timblokka jew ixxekkel l-iskjeramenti unilaterali inizjalment. Għalhekk, mhuwiex probabbli li BT/EE taċċetta offerta bħal din. L-impenn unilaterali marbut ma’ BT/EE huwa materjalment l-istess bħal dik l-offerta meħuda bħala impenn fit-Tieni Impenji u, kif ġie diskuss hemm, mhuwiex suffiċjenti sabiex jirrimedja l-ħsara probabbli. |
|
114. |
Rigward l-impenji favur Vodafone, it-Tielet Impenji huma sostanzjalment l-istess bħat-Tieni Impenji u, għaldaqstant, lanqas ma jindirizzaw it-tħassib marbut mal-kompetizzjoni. Dan huwa minnu wkoll għat-tħassib marbut mal-inċertezza tal-pjanijiet ta’ konsolidazzjoni tal-entità fuża. L-emendi fit-Tielet Impenji huma iktar immirati lejn in-NEO milli lejn BT/EE jew Vodafone. |
|
115. |
Għad li l-Impenn tas-Suq tal-Operaturi ġie emendat sabiex jinkludi servizzi 5G, għad għandu l-istess nuqqasijiet identifikati b’rabta mat-Tieni Impenn, speċjalment b’rabta mal-ipprezzar previst għall-aċċess għall-operaturi. Għaldaqstant, l-Impenn tas-Suq tal-Operaturi mhuwiex biżżejjed sabiex jindirizza t-tħassib marbut mal-kompetizzjoni fis-suq tal-operaturi. |
IX. KONKLUŻJONI U PROPOSTA
|
116. |
Fid-dawl ta’ dan kollu li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-Tranżazzjoni timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fis-suq intern jew parti sostanzjali minnu skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Dan għaliex it-Tranżazzjoni ġġib magħha effetti antikompetittivi orizzontali mhux koordinati fis-suq tal-konsumatur għall-forniment ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli għall-konsumatur fir-Renju Unit, minħabba li tinvolvi l-eliminazzjoni ta’ restrizzjonijiet kompetittivi importanti li bħalissal-Partijiet jeżerċitaw fuq xulxin u fuq il-kompetituri l-oħrajn, kif ukoll għaliex it-Tranżazzjoni aktarx li tnaqqas il-pressjoni kompetittiva minn wieħed jew miż-żewġ MNOs l-oħrajn li huma msieħba tal-Partijiet fil-ftehimiet ta’ qsim tan-netwerks u twassal għal inqas investimenti fl-infrastruttura tan-netwerks fi ħdan l-industrija. Barra minn hekk, it-Tranżazzjoni ġġib magħha effetti antikompetittivi mhux koordinati fis-servizzi għall-operaturi għall-aċċess u l-oriġinazzjoni tat-telefonati fuq in-netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli fir-Renju Unit billi tnaqqas in-numru ta’ fornituri ta’ aċċess għall-operaturi. |
|
117. |
It-Tielet Impenji ma jeliminawx it-tħassib identifikat dwar il-kompetizzjoni fis-suq tal-konsumatur għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli u fis-suq tal-operaturi għall-aċċess u l-oriġinazzjoni tat-telefonati fuq in-netwerks tat-telekomunikazzjoni mobbli pubbliċi fir-Renju Unit kompletament u mhumiex komprensivi u effettivi f’kull aspett. |
|
118. |
Għaldaqstant, it-Tranżazzjoni hija ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern u l-Ftehim ŻEE skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. |
Sommarju tal-Anness B
|
1. |
Fl-Anness B, il-Kummissjoni tivvaluta d-dikjarazzjoni tal-Parti Notifikanti li skont liem evidenza minn fużjonijiet riċenti fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet mobbli turi li tali tranżazzjonijiet iwasslu għal kompetizzjoni ikbar. Biex issostni din il-fehma, il-Parti Notifikanti ppreżentat dokument dwar l-effetti fuq il-kompetizzjoni u l-benessri tal-konsumatur tal-akkwiżizzjoni ta’ Orange Austria (“Orange”) minn Hutchison 3G Austria (“H3G”) li saret fl-Awstrija tard fl-2012. Skont il-Parti Notifikanti, l-istudju juri li l-fużjoni fl-Awstrija wasslet għal tnaqqis fil-prezzijiet, żieda fl-investiment u effett pożittiv ġenerali fuq il-benessri tal-konsumatur. Il-Parti Notifikanti kkummentat ukoll fuq studji riċenti oħrajn li, fil-fehma tal-Parti Notifikanti, isostnu dak li ddikjarat. |
|
2. |
Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni l-ewwel nett tosserva li studji ex post tal-fużjonijiet fit-telekomunikazzjoni mobbli fi swieq oħrajn jistgħu jgħinu fil-fehim tal-effetti ġenerali tal-konċentrazzjoni tas-suq fis-settur tat-telekomunikazzjoni mobbli. Madankollu, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax li r-riżultat mit-tali studji jistgħu jieħdu post il-valutazzjoni speċifika tat-Tranżazzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tagħti biss piż evidenzjarju limitat lill-esperjenza miġbura mill-istudju ta’ fużjonijiet fi swieq relatati. F’dan il-każ, bħal f’każijiet oħrajn, il-Kummissjoni tibbaża l-analiżi tagħha tat-Tranżazzjoni primarjament fuq il-valutazzjoni tagħha tal-evidenza u ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ. |
|
3. |
It-tieni, il-Kummissjoni tqis li l-istudju ppreżentat mill-Parti Notifikanti jippreżenta nuqqasijiet kemm f’termini tal-metodoloġija kif ukoll tal-interpretazzjoni tar-riżultati. B’mod speċifiku, (i) il-Kummissjoni ma taqbilx mal-metodoloġija ta’ “qabel u wara” tal-Parti Notifikanti, u tqis li, fil-kuntest tas-swieq tat-telekomunikazzjoni mobbli, il-metodoloġija ta’ “differenza fid-differenzi” hija iktar xierqa sabiex tivvaluta r-relazzjoni kawżali tal-fużjonijiet fl-eżiti tas-suq; (ii) il-Kummissjoni ma taqbilx mal-kejl tal-prezz ta’ unità tal-Parti Notifikanti, li jħallat l-iżviluppi fil-prezzijiet mal-evoluzzjoni tad-domanda u l-konsum, u tqis li l-“basket approach”, li bih il-konsum jinżamm fiss, ikun iktar affidabbli; u (iii) il-Kummissjoni ma taqbilx mal-fehma tal-Parti Notifikanti skont liem il-fużjoni wasslet għal żieda fl-investimenti, il-kwalità u l-benessri tal-konsumatur, peress li l-Parti Notifikanti ma pprovdietx biżżejjed evidenza sabiex tistabbilixxi li tali żidiet kienu dovuti għall-fużjoni. |
|
4. |
It-Tielet, il-Kummissjoni eżaminat studji riċenti li analizzaw l-effetti tal-konsolidazzjoni fuq l-eżiti tas-suq fis-setturi tat-telekomunikazzjoni mobbli. Il-Kummissjoni tqis li, għad li dawn l-istudji jikkontribwixxu għall-fehim tal-effetti tal-konċentrazzjoni tas-suq fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet mobbli, minħabba l-isfidi metodoloġiċi marbutin mal-karatteristiċi kumplessi tas-settur u l-limitazzjonijiet fid-dejta, tali studji ex-post għandhom jiġu interpretati b’momd kawt, speċjalment fil-valutazzjoni ta’ każijiet ta’ fużjonijiet fil-ġejjieni. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-istudji iktar affidabbli juru li “erba’ sa tliet” fużjonjiet għandhom tendenza li jżidu l-prezzijiet, u fir-rigward tal-investimenti, l-evidenza disponibbli mhijiex biżżejjed sabiex minnha jinħarġu konklużjonijiet sodi (għad li, kunċettwalment, studji ta’ kwalità iktar sodi f’dan ir-rigward jindikaw li l-fużjonijiet għandhom tendenza li ma jkollhom ebda effett fuq l-investimenti fil-livell tal-industrija). |
|
5. |
Minkejja dan, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax li r-riżultat minn studji ex post jistgħu jieħdu post il-valutazzjoni speċifika tat-Tranżazzjoni. |
Sommarju tal-Anness C
|
1. |
Fl-Anness C il-Kummissjoni twettaq il-valutazzjoni tal-allegazzjonijiet tal-Parti Notifikanti li [l-kompetittività relattiva futura ta’] Three u O2 [aktarx tmur lura]. |
|
2. |
B’mod preliminari, il-Kummissjoni tosserva li l-kwalità tan-netwerk hija kunċett wiesa’ li huwa ddeterminat minn diversi fatturi, inkluża l-veloċità. Il-veloċità medja esperjenzata minn klijenti f’żoni bi traffiku għoli u fl-eqqel sigħat hija determinata fil-parti l-kbira mill-kapaċità disponibbli u t-traffiku mitlub għal dejta mobbli. Filwaqt li l-veloċità medja hija fattur importanti tal-kwalità tan-netwerk, hemm ħafna oħrajn. |
a. Three
|
3. |
Rigward Three, il-Kummissjoni ssib li llum, minkejja l-parteċipazzjonijiet inferjuri fl-ispettru tagħha b’rabta mat-traffiku li jingħadda meta mqabbla ma’ MNOs oħrajn, in-netwerk ta’ Three m’għandux [kapaċità kostretta] u joffri kwalità ta’ servizz tajba ħafna, kif ikkonfermaw diversi stħarriġijiet fost il-konsumaturi. Dan huwa rifless fiż-żieda kontinwa ta’ Three fis-sehem mis-suq fl-aħħar snin. |
|
4. |
[Il-Kummissjoni ssib li l-evidenza ta’ Three mhijiex konvinċenti.] |
|
5. |
[Il-Kummissjoni ssib li l-evidenza ta’ Three mhijiex konvinċenti.] |
|
6. |
[Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ma taqbilx mal-valutazzjoni ta’ Three tal-kostrezzjoni tal-kapaċità tagħha.] |
|
7. |
[Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iżviluppi futuri ma taqbilx mal-valutazzjoni ta’ Three.] |
|
8. |
[Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-abbiltà ta’ Three li tikkompeti mhijiex se tiddeterjora.] |
b. O2
|
9. |
Fir-rigward ta’ O2, il-Kummissjoni tqis li n-network ta’ O2 (partikolarment is-saff tal-4G tagħha) [jista’ joffri servizz ta’ kwalità tajba]. In-netwerk ta’ O2 joffri wkoll kwalità tajba ħafna ta’ servizz lill-klijenti tagħha, kif ikkonfermat mis-sodisfazzjon għolja fost il-konsumaturi u miż-żidiet riċenti fis-sehem mis-suq ta’ O2. |
|
10. |
Il-Kummissjoni tqis li […] O2 [tista’ toffri servizz ta’ kwalità tajba fuq in-network tagħha]. |
|
11. |
[Il-Kummissjoni ssib li l-evidenza kuntrarja ta’ O2 mhijiex konvinċenti.] |
|
12. |
[Il-Kummissjoni ssib li l-evidenza ta’ O2 mhijiex konvinċenti.] |
|
13. |
[Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iżviluppi futuri ma taqbilx mal-valutazzjoni ta’ O2.] |
|
14. |
[Il-Kummissjoni tikkonkludi li mhuwiex probabbli li l-abbiltà ta’ O2 li tikkompeti se tiddeterjora.] |
[…]
(2) Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għas-sempliċità fit-test li ġej, it-terminu “Parti Notifikanti” se jintuża biex jirreferi għal H3GI, CKHH u s-sussidjarji l-oħrajn ta’ din tal-aħħar.
Fid-9 ta’ Marzu 2016, Hutchison 3G UK Investments Limited bidlet l-isem tal-entità ġuridika tagħha għal CK Telecoms UK Investments Limited (“CTUI”), li b’hekk hija l-entità li din id-Deċiżjoni tindirizza.
(3) ĠU C 310, 19.9.2015, p. 5.
(4) Minħabba li BT għalqet l-akkwiżizzjoni tagħha ta’ EE, għall-finijiet tal-valutazzjoni tat-tranżazzjoni, wara l-approvazzjoni inkondizzjonata tal-fużjoni mill-Competition and Markets Authority (CMA), l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tar-Renju Unit, il-Kummissjoni tqis lil BT u EE bħala entità waħda.
(5) Il-valutazzjoni kwantitattiva mwettqa mill-Kummissjoni hija bbażata wkoll fuq id-dejta miġbura fi stħarriġ fost il-konsumaturi (l-“Istħarriġ”). Il-kwestjonarju u l-metodoloġija użata fl-Istħarriġ jinstabu fl-Annessi D u E tad-Deċiżjoni, rispettivament.