European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2781

12.12.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (Euratom) 2023/2781

tat-8 ta’ Diċembru 2023

li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Enerġija fil-Peniżola Koreana (KEDO)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 101, it-tieni paragrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Jenħtieġ li jiġi konkluż il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Enerġija fil-Peniżola Koreana (KEDO) (il-“Ftehim”).

(2)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi applikat b’mod retroattiv mill-31 ta’ Mejju 2021 u jenħtieġ li jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Mejju 2024,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu uniku

Il-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Enerġija fil-Peniżola Koreana (KEDO) hija b’dan approvata.

It-test tal-Ftehim hu mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

N. CALVIÑO SANTAMARÍA


ANNESS

FTEHIM BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA U L-ORGANIZZAZZJONI GĦALL-IŻVILUPP TAL-ENERĠIJA FIL-PENIŻOLA KOREANA

IL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA,

Minn hawn ‘il quddiem imsejħa "il-Komunità", u

L-ORGANIZZAZZJONI GĦALL-IŻVILUPP TAL-ENERĠIJA FIL-PENIŻOLA KOREANA,

Minn hawn ‘il quddiem imsejħa "il-KEDO",

Billi:

1.

Il-KEDO twaqqfet skont il-Ftehim tad-9 ta’ Marzu 1995 dwar it-Twaqqif tal-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Enerġija fil-Peniżola Koreana, kif emendat fid-19 ta’ Settembru 1997, bejn il-Gvernijiet tar-Repubblika tal-Korea, tal-Ġappun u tal-Istati Uniti tal-Amerka;

2.

It-tmien Ftehim konkluż bejn il-Komunità u l-KEDO skada fil-31 ta’ Mejju 2021;

3.

Wara d-deċiżjoni tiegħu li jtemm il-proġett tal-KEDO tar-reatturi nukleari li jużaw l-ilma ordinarju, u wara d-deċiżjoni tal-2007 li jaqdi d-dmirijiet tas-Segretarjat b’persunal imnaqqas ħafna u b’faċilitajiet tal-uffiċċju minimi, fl-2021 il-Bord Eżekuttiv tal-KEDO ddeċieda li l-KEDO tkompli lil hinn mill-31 ta’ Mejju 2021;

4.

Kemm il-Komunità u kemm il-KEDO esprimew ix-xewqa li jkomplu l-kooperazzjoni tagħhom bl-għan li jimplimentaw it-tmiem tal-proġett tar-reatturi nukleari li jużaw l-ilma ordinarju, u li jsir ix-xoljiment b’mod ordnat tal-KEDO;

5.

Wara l-31 ta’ Mejju 2021, il-Ftehim iġġedded awtomatikament kull sena. Għalhekk jeħtieġ li tiġi prevista applikazzjoni retroattiva tal-Ftehim. Jenħtieġ li l-Ftehim jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Mejju 2024.

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ qabel

Sakemm mhux speċifikat mod ieħor f’xi Artikolu ta’ hawn taħt, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ qabel bejn il-Komunità u l-KEDO, li skada fil-31 ta’ Mejju 2021, għandhom jibqgħu japplikaw skont dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Kontribuzzjoni tal-Komunità

Ma għandu jkun hemm l-ebda kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità lill-baġit tal-KEDO skont dan il-Ftehim.

Artikolu 3

Durata

Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Mejju 2024.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ mal-iffirmar tiegħu mill-Komunità u l-KEDO, u għandu jkun effettiv fuq bażi retroattiva mill-1 ta’ Ġunju 2021.

Magħmul fi Brussell fi … il-jum ta’ … 2023, f’żewġ kopji oriġinali

Għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

Magħmul fi New York fi … il-jum ta’ … 2023, f’żewġ kopji oriġinali

Għall-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Enerġija fil-Peniżola Koreana


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2781/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)