2006R0952 — MT — 01.10.2016 — 006.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 952/2006 tad-29 ta’ Ġunju 2006 (ĠU L 178 1.7.2006, p. 39) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 551/2007 tat-22 ta’ Mejju 2007 |
L 131 |
7 |
23.5.2007 |
|
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 707/2008 ta’ l-24 ta’ Lulju 2008 |
L 197 |
4 |
25.7.2008 |
|
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 826/2008 ta’ l-20 ta’ Awwissu 2008 |
L 223 |
3 |
21.8.2008 |
|
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1053/2009 tal-5 ta’ Novembru 2009 |
L 290 |
61 |
6.11.2009 |
|
|
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1369/2011 tal-21 ta’ Diċembru 2011 |
L 341 |
38 |
22.12.2011 |
|
|
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 994/2013 tas-16 ta’ Ottubru 2013 |
L 276 |
1 |
17.10.2013 |
|
|
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2000 tad-9 ta' Novembru 2015 |
L 292 |
4 |
10.11.2015 |
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 952/2006
tad-29 ta’ Ġunju 2006
li jipprovdi regoli dettaljati għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 dwar il-ġestjoni tas-suq intern taz-zokkor u l-iskema tal-kwoti
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET PRELIMINARI
Artikolu 1
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, li jirrigwarda b’mod partikolari d-determinazzjoni tal-produzzjoni, l-approvazzjoni ta’ manifatturi u rfinituri, il-prezz u s-sistema ta’ kwoti, il-kundizzjonijiet biex jinxtara u biex jinbigħ iz-zokkor ta’ intervent u l-ħżin privat għas-sena tas-suq 2007/2008.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dawn it-termini għandhom dawn it-tifsiriet:
a) “materja prima”: il-pitravi, il-kannamiela, iċ-ċikwejra, iċ-ċereali, iz-zokkor li jiġi raffinat jew kull forma intermedjarja ta’ dawn il-prodotti li għandhom jiġu pproċessati fi prodott lest;
b) “prodott lest”: iz-zokkor, ix-xiropp tal-inulina jew l-iżoglukożju;
c) “fabbrikant”: impriża ta’ produzzjoni ta’ prodotti lesti, minbarra l-fabbriki tar-raffinar bħal m’huma definiti fil-punt 13 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006;
d) “post tal-ħżin”: sajlo jew maħżen.
KAPITOLU II
DETERMINAZZJONI TAL-PRODUZZJONI
Artikolu 3
Produzzjoni ta’ zokkor
1. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, il-“produzzjoni ta’ zokkor” tfisser il-kwantità totali, espressa f’zokkor abjad, ta’:
a) zokkor abjad;
b) zokkor mhux raffinat;
c) zokkor intervertit;
d) xiroppi li jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji li ġejjin, hawn taħt imsemmijin bħala “xiroppi”:
i) xiroppi ta’ sukrożju jew ta’ zokkor intervertit, b’purezza ta’ għallinqas 70 % u prodotti mill-pitravi taz-zokkor,
ii) xiroppi ta’ sukrożju jew ta’ zokkor intervertit, b’purezza ta’ għallinqas 75 % u prodotti mill-kannamiela.
2. Il-produzzjoni taz-zokkor ma tinkludix:
(a) kwantitajiet ta’ zokkor abjad prodott minn zokkor abjad, zokkor mhux ipproċessat jew xroppijiet li ma kinux prodotti fl-impriża li mmanifatturat iz-zokkor abjad;
(b) kwantitajiet ta’ zokkor abjad prodott minn zokkor abjad, zokkor mhux ipproċessat, xroppijiet jew kinsiet taz-zokkor li ma kinux prodotti tul is-sena tas-suq li fiha kien manifatturat iz-zokkor abjad;
c) il-kwantitajiet ta’ zokkor mhux raffinat prodotti minn xiroppi li ma kinux prodotti fl-impriża li tiffabbrika dan iz-zokkor mhux raffinat;
d) il-kwantitajiet ta’ zokkor mhux raffinat prodotti minn xiroppi li ma kinux prodotti matul l-istess sena ta’ kummerċjalizzazzjoni bħal dik li fiha ġie ffabbrikat dan iz-zokkor mhux raffinat;
(e) kwantitajiet ta’ zokkor abjad jew mhux ipproċessat ipproċessati f’zokkor abjad tul is-sena tas-suq konċernat mill-impriża li pproduċiethom;
f) il-kwantitajiet ta’ xiroppi li huma pproċessati f’zokkor jew f’zokkor intervertit matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni inkwistjoni fl-impriża li pproduċiethom;
g) il-kwantitajiet ta’ zokkor, ta’ zokkor intervertit u ta’ xiroppi prodotti taħt l-iskema ta’ arranġamenti għall-ipproċessar;
h) il-kwantitajiet ta’ zokkor intervertit prodotti minn xiroppi li ma kinux prodotti fl-impriża li tiffabbrika dan iz-zokkor intervertit;
i) il-kwantitajiet ta’ zokkor intervertit prodotti minn xiroppi li ma kinux prodotti matul l-istess sena ta’ kummerċjalizzazzjoni bħal dik li fiha kien iffabbrikat dan iz-zokkor intervertit.
3. Il-produzzjoni ta’ zokkor huwa espress f’zokkor abjad bil-mod li ġej:
a) għaz-zokkor abjad, billi ma jiġux ikkunsidrati d-differenzi fil-kwalità;
b) għaz-zokkor mhux raffinat, skont ir-rendiment tiegħu ddeterminat b’konformità mal-punt III tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 318/2006;
c) għaz-zokkor intervertit, billi tiġi allokata l-produzzjoni tiegħu tal-koeffiċjent 1;
(d) fil-każ ta’ xroppijiet abbażi tal-kontenut ta’ zokkor li jista’ jkun estratt determinat skond il-paragrafi 5 u 6;
(e) fil-każ ta’ xroppijiet minn zokkor invertit fuq il-bażi tal-kontenut taz-zokkor kif determinat mill-metodu ta’ Kromatografija Likwida bi Prestazzjoni Għolja.
4. It-trab taz-zokkor li ġej minn sena ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ qabel huwa espress f’zokkor abjad skont il-kontenut tiegħu ta’ sukrożju.
5. Il-purità perċentwali ta’ xroppijiet għandha tkun ikkalkolata billi l-kontenut totali taz-zokkor ikun diviż bil-kontenut ta’ materja niexfa u r-riżultat immultipplikat b’100. Il-kontenut ta’ materja niexfa għandu jkun determinat permezz ta’ refraktometrija.
6. Il-kontenut ta’ zokkor li jista’ jkun estratt għandu jkun ikkalkolat billi titnaqqas id-differenza bejn il-kontenut ta’ materja niexfa u l-grad ta’ polarizzazzjoni ta’ dak ix-xropp, immultiplikata b’1,70, mill-grad ta’ polarizzazzjoni tax-xropp konċernat.
Madankollu, il-kontenut ta’ zokkor li jista’ jiġi estratt jista’ jkun stabbilit, għal sena tas-suq sħiħa, abbażi tar-rendiment reali fi xroppijiet.
Artikolu 4
Produzzjoni ta’ iżoglukożju
1. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, “produzzjoni ta’ iżoglukożju” tfisser il-kwantità ta’ prodott miksub mill-glukożju jew il-polimeri tiegħu li għandu kontenut f’piż fl-istat xott ta’ għallinqas 10 % ta’ fruttożju, jkun xi jkun il-kontenut ta’ fruttożju ’l barra minn dan il-limitu. Il-produzzjoni ta’ iżoglukożju hija espressa f’materja xotta u ddeterminata b’konformità mal-paragrafu 2.
2. Il-produzzjoni ta’ iżoglukożju hija ddeterminata immedjatament kif jispiċċa l-proċess ta’ iżomerizzazzjoni u qabel kull operazzjoni ta’ separazzjoni tal-komponenti tiegħu ta’ glukożju u ta’ fruttożju jew kull operazzjoni ta’ taħlit, billi jingħadd fiżikament il-volum tal-prodott hu kif inhu u jiġi determinat il-kontenut ta’ materja xotta skont il-metodu refrattometriku.
3. Kull impriża għandha tiddikjara mingħajr dewmien kull installazzjoni li tuża għall-iżomerizzazzjoni tal-glukożju jew tal-polimeri tiegħu.
Din id-dikjarazzjoni hija ppreżentata lill-Istat Membru fit-territorju fejn tinsab din l-installazzjoni imsemmija. Dan l-Istat Membru jista’ jeżiġi mingħand il-persuna kkonċernata kull informazzjoni supplimentari f’dan ir-rigward.
Artikolu 5
Produzzjoni ta’ xiropp tal-inulina
1. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, “produzzjoni ta’ xiropp tal-inulina” tfisser il-kwantità ta’ prodott miksub wara l-idroliżi ta’ inulina jew ta’ oligofruttożji li għandha kontenut ta’ fruttożju f’piż fi stat xott ta’ għallinqas 10 % ta’ fruttożju f’forma libera jew f’forma ta’ sukrożju, ikun xi jkun l-kontenut ta’ fruttożju wara dan il-limitu, u li għandha purezza ta’ għallinqas 70 %. Il-produzzjoni ta’ xiropp tal-inulina hija espressa f’materja xotta ekwivalenti-zokkor/iżoglukożju.
“Purezza” tfisser il-perċentwal ta’ monosakkaridi u disakkaridi fil-materja xotta, iddeterminata skont il-metodu tal-International Commission for Uniform Methods of Sugar Analysis, hawn taħt imsemmi bħala “metodu Icumsa”, (ICUMSA method GS7/8/4-24).
2. Il-produzzjoni ta’ xiropp tal-inulina huwa ddeterminat mit-total tal-operazzjonijiet li ġejjin:
a) għadd fiżiku tal-volum tal-prodott hu kif inhu immedjatament wara l-ħruġ tal-ewwel unità ta’ tkessiħ wara kull idroliżi u qabel kull operazzjoni ta’ separazzjoni tal-komponenti tiegħu ta’ glukożju u ta’ fruttożju jew kull operazzjoni ta’ taħlit;
b) determinazzjoni tal-kontenut ta’ materja xotta bil-metodu refrattometriku u kejl tal-kontenut ta’ fruttożju f’piż fl-istat xott, fuq il-bażi ta’ teħid ta’ kampjun rappreżentattiv kuljum;
c) konverżjoni tal-kontenut ta’ fruttożju għal 80 % tal-piż fl-istat xott, billi tiġi allokata l-kwantità determinata f’materja xotta bil-koeffiċjent li jirrappreżenta r-relazzjoni bejn il-kontenut ta’ fruttożju mkejjel tal-kwantità msemmija tax-xiropp u 80 %;
d) espressjoni f’ekwivalenti-zokkor/iżoglukożju bl-applikazzjoni tal-koeffiċjent 1.9.
3. Kull impriża hija obbligata li tiddikjara mingħajr dewmien kull installazzjoni li tuża għall-idroliżi tal-inulina kif ukoll il-kwantitajiet annwali u l-użu tal-prodotti stabbiliti fil-paragrafu 1 li l-purezza tagħhom hija inqas minn 70 %.
Din l-informazzjoni hija ppreżentata lill-Istat Membru fit-territorju li fiha tinsab l-installazzjoni imsemmija. Dan l-Istat Membru jista’ jeżiġi li l-persuna kkonċernata tagħti kull informazzjoni supplimentari b’mod partikolari bil-għan li jiġi assigurat li l-prodotti stabbiliti fl-ewwel inċiż ma jkunux użati bħala ħlewwa għall-ikel għall-bniedem fis-suq Komunitarju.
L-Istat Membru kkonċernat għandu jagħti lill-Kummissjoni, l-aktar tard fil-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, rapport dettaljat li fih ikun hemm l-informazzjoni relatata mas-sena ta’ qabel. L-ewwel rapport għandu jingħata l-aktar tard fil-31 ta’ Jannar 2007.
Artikolu 6
Produzzjoni ta’ impriża
1. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, “produzzjoni ta’ zokkor, ta’ iżoglukożju jew ta’ xiropp tal-inulina ta’ impriża” tfisser il-produzzjoni ta’ zokkor, ta’ iżoglukożju jew ta’ xiropp tal-inulina, kif huma ddefiniti fl-Artikoli 3, 4 u 5 ta’ dan ir-Regolament, li huma effettivament prodotti minn din l-impriża.
2. Il-produzzjoni totali ta’ zokkor, iżoglukożju jew ta’ xiropp tal-inulina ta’ impriża, għal sena ta’ kummerċjalizzazzjoni speċifika, hija l-produzzjoni stabbilita fil-paragrafu 1:
— miżjuda bil-kwantità ta’ zokkor, iżoglukożju jew ta’ xiropp tal-inulina ttrasferita għal din is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni u mnaqqsa bil-kwantità ta’ zokkor, iżoglukożju jew ta’ xiropp tal-inulina ttrasferiti għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ wara, b’konformità mal-Artikoli 14 u 19 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 rispettivament;
— miżjuda bil-kwantità prodotta minn dawk li jipproċessaw fil-qafas tal-kuntratti ta’ xogħol fuq rikjesta b’konformità mal-paragrafu 3 u mnaqqsa bil-kwantità prodotta mill-impriża għall-prinċipali fil-qafas ta’ kuntratti ta’ xogħol fuq rikjesta b’konformità mal-paragrafu 3.
3. Il-kwantità ta’ zokkor prodott fil-qafas ta’ kuntratti ta’ xogħol fuq rikjesta minn impriża (hawn taħt imsemmija “dak li jipproċessa”), għall-impriża oħra (hawn taħt imsemmija “prinċipal”), hija kkunsidrata bħala produzzjoni ta’ prinċipal, fuq rikjesta miktuba u ffirmata kif suppost, indirizzata lill-Istat Membru li għandu x’jaqsam ma’ dawn iż-żewġ impriżi inkwistjoni, jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tiġi rrispettata:
a) il-produzzjoni totali ta’ zokkor ta’ dak li jipproċessa hija inferjuri mill-kwota tiegħu;
(b) il-produzzjoni totali taz-zokkor tat-trasformatur u ta’ l-appaltatur huwa iktar mis-somma tal-kwoti tagħhom, jew
(i) għas-sena tas-suq 2006/2007, is-somma ta’ l-egħtiebi ffissati għalihom skond l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 493/2006 ( 1 );
(ii) għas-sena tas-suq 2007/2008, is-somma ta’ l-egħtiebi ffissati għalihom skond l-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 290/2007 ( 2 );
(iii) mis-sena tas-suq 2008/2009, is-somma ta’ l-egħtiebi ffissati għalihom skond l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 jew meta applikabbli skond l-Artikolu 19a (1) ta’ dak ir-Regolament.
Il-produzzjoni totali ta’ zokkor ta’ impriża, stabbilita fil-punt b tal-ewwel inċiż, hija l-produzzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 li magħha jiġi miżjud it-trasferiment mis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ qabel u l-kwantità prodotta minn dawk li jipproċessaw għall-impriża imsemmija, fil-qafas ta’ kuntratti ta’ xogħol fuq rikjesta, u li minnha tiġi mnaqqsa l-kwantità prodotta mill-impriża għall-prinċipali, fil-qafas ta’ kuntratti ta’ xogħol fuq rikjesta.
Minnflok il-kwantitajiet stabbiliti fit-tieni inċiż li huma effettivament prodotti, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu, meta r-riżultat ikun superjuri, iżommu l-produzzjonijiet stmati fuq il-bażi tal-kuntratti ta’ kunsinna magħmula mill-impriżi.
4. Jekk il-fabbrika tal-prinċipal u dik ta’ min jipproċessa jinsabu fi Stati Membri differenti, ir-rikjesta stabbilita fil-paragrafu 3 hija indirizzata liż-żewġ Stati Membri kkonċernati. F’dan il-każ, l-Istati Membri inkwistjoni jiddeċiedu dwar ir-risposta li għandha tingħata u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jivverifikaw jekk l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu msemmi ġewx issoddisfati.
5. Il-kwantità ta’ zokkor prodott minn wieħed li jipproċessa tista’ tiġi kkunsidrata bħala produzzjoni tal-prinċipal f’każ ta’ forza maġġuri, rikonoxxuta mill-Istat Membru, li jeħtieġ l-ipproċessar f’zokkor tal-pitravi, tal-kannamiela jew tal-għasel iswed f’impriża oħra li mhijiex dik tal-prinċipal.
KAPITOLU III
APPROVAZZJONI TAL-FABBRIKANTI U TAL-FABBRIKI TAR-RAFFINAR
Artikolu 7
Talba għall-approvazzjoni
1. L-impriżi li jistgħu jiksbu approvazzjoni huma dawk li jagħmlu t-talba u li jipprattikaw attività ta’:
a) fabbrikanti taz-zokkor;
b) fabbrikanti tal-iżoglukożju;
c) fabbrikanti tax-xiropp tal-inulina;
d) fabbrika tar-raffinar full-time skont l-Artikolu 2(13) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006.
It-talba stabbilita fl-ewwel inċiż tingħata lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri li fihom l-impriża tipprattika l-attività tagħha.
Impriża tista’ titlob l-approvazzjoni għal waħda jew bosta attivitajiet stabbiliti fl-ewwel inċiż.
2. Fit-talba tagħha għall-approvazzjoni, l-impriża għandha tagħti l-isem tagħha, l-indirizz, il-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ zokkor, iżoglukożju jew xiropp tal-inulina u, jekk ikun il-każ, in-numru ta’ siti ta’ produzzjoni stabbiliti fl-Istat Membru filwaqt li għandha tispeċifika l-indirizz u l-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ kull sit.
3. Impriża li titlob għall-approvazzjoni skont il-punt d tal-ewwel inċiż tal-paragrafu 1, għandha tagħti l-prova li hija tikkorrispondi għad-definizzjoni tal-Artikolu 2(13) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006.
Artikolu 8
Obbligi
1. Għall-finijiet tal-ksib tal-approvazzjoni, l-impriża tintrabat bil-miktub:
a) li tinnotifika mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kull modifika fl-informazzjoni prevista fl-Artikolu 7(2);
b) li żżomm disponibbli għall-awtorità kompetenti tal-Istat Membru r-reġistri b’konformità mal-Artikolu 9 u l-prezzijiet ta’ bejgħ stabbiliti b’konformità mal-Artikolu 13;
c) li tirraporta l-informazzjoni lill-Istat Membru b’konformità mal-Artikolu 21;
d) li tipprovdi, jekk din tkun mitluba mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, kull informazzjoni jew dokumenti ta’ ġustifikazzjoni għall-ġestjoni u l-kontroll.
2. L-approvazzjoni tieħu l-forma ta’ att mill-awtorità kompetenti, flimkien ma’ dokument iffirmat mill-impriża li jerġa’ jsemmi l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 1.
3. L-approvazzjoni tiġi rtirata jekk jiġi osservat li waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma tkunx aktar issodisfata. L-irtirar jista’ jsir matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni. M’għandux effet retroattiv.
Artikolu 9
Reġistri
L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tiddetermina r-reġistri li kull impriża approvata b’konformità mal-Artikoli 7 u 8 għandha żżomm, għal kull sit ta’ produzzjoni, kif ukoll kull kemm żmien għandhom jiġi aġġornati, li għandu jkun għallinqas kull xahar.
Dawn ir-reġistri għandhom jinżammu mill-impriża matul għallinqas it-tliet snin ta’ wara dik is-sena u jkollhom għallinqas l-elementi li ġejjin:
1. il-kwantitajiet ta’ materja prima riċevuti, u, għall-pitravi u l-kannamiela, il-kontenut ta’ zokkor kif kien iddeterminat waqt il-kunsinna fl-impriża;
2. jekk ikun il-każ, il-prodotti lesti jew nofshom lesti riċevuti;
3. il-kwantitajiet ta’ prodotti lesti miksuba, kif ukoll il-kwantitajiet ta’ prodotti sekondarji;
4. it-telf li sar minħabba l-ipproċessar;
5. il-kwantitajiet meqruda kif ukoll il-ġustifikazzjoni tad-distruzzjoni tagħhom;
6. il-kwantitajiet ta’ prodotti lesti mibgħuta.
Artikolu 10
Kontrolli
1. Matul kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha twettaq kontrolli fuq kull fabbrikant jew fabbrika tar-raffinar approvata.
2. Il-kontrolli għandhom l-iskop li jassiguraw l-eżattezza u l-kompletezza tal-informazzjoni tar-reġistri stabbiliti fl-Artikolu 9 u tar-rapporti stabbiliti fl-Artikolu 21, b’mod partikolari permezz ta’ analiżi tal-koerenza bejn il-kwantitajiet ta’ materji primi ikkunsinnati u l-kwantitajiet ta’ prodotti lesti miksubin kif ukoll ta’ konnessjoni mad-dokumenti kummerċjali jew dokumenti oħra relatati.
Il-kontrolli għandhom jinkludu verifika tal-eżattezza tal-istrumenti tal-użin u tal-analiżi fil-laboratorju li jintużaw biex jiddeterminaw il-kunsinni ta’ materji primi u d-dħul tagħhom fil-produzzjoni, il-prodotti miksuba u l-movimenti tal-ħażniet.
Il-kontrolli għandhom jinkludu verifika tal-eżattezza u l-kompletezza tal-informazzjoni li tintuża biex jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-bejgħ medji ta’ kull xahar tal-impriża, stabbiliti fl-Artikolu 13(2).
Għall-fabbrikanti taz-zokkor, il-kontrolli għandhom isiru wkoll fir-rigward tal-ħarsien tal-obbligu li jitħallas prezz minimu lill-produttur tal-pitravi.
Għallinqas darba kull sentejn, il-kontrolli għandhom jinkludu verifika fiżika tal-ħażniet.
3. Jekk jiġi stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li ċerti elementi tal-kontroll jistgħu jiġu implimentati fuq il-bażi ta’ kampjun, dan għandu jassigura li jkun hemm livell ta’ kontroll affidabbli u rappreżentattiv.
4. L-Istat Membru jista’ jeżiġi li l-impriżi approvati jirrikorru għas-servizz ta’ persuna li tiċċertifika l-kontijiet, li l-istatut tagħha jkun rikonoxxut fl-Istat Membru, biex tistabbilixxi ċertifikazzjoni tal-informazzjoni tal-prezz stabbilita fl-Artikolu 13.
5. Għal kull kontroll għandu jkun hemm rapport ta’ kontroll iffirmat mill-kontrollur, li jispeċifika bi preċiżjoni d-diversi elementi tal-kontroll. Dan ir-rapport għandu jindika b’mod partikolari:
a) id-data tal-kontroll u l-persuni preżenti;
b) il-perijodu kkontrollat u l-kwantitajiet ikkonċernati;
c) it-tekniċi ta’ kontroll użati, inkluża, jekk huwa l-każ, referenza għall-metodi tat-teħid tal-kampjuni;
d) ir-riżultati tal-kontroll u l-miżuri ta’ korrezzjoni li eventwalment jsiru meħtieġa;
e) evalwazzjoni tal-gravità, tal-iskala, tal-livell ta’ persistenza u t-tul ta’ żmien tad-difetti u nuqqas ta’ qbil li jistgħu jiġu osservati kif ukoll l-elementi l-oħra kollha li għandhom jiġu kkunsidrati għall-applikazzjoni ta’ sanzjoni.
Kull rapport ta’ kontroll għandu jiġi arkivjat għallinqas matul it-tliet snin ta’ wara s-sena ta’ kontroll, b’mod li jista’ jintuża faċilment mis-servizzi ta’ kontroll tal-Kummissjoni.
6. L-Istati Membri għandhom jassistu lil xulxin biex ikunu żgurati kontrolli effettivi, u biex ikun żgurat il-kontroll fuq l-awtentiċità ta’ dokumenti sottomessi u/jew il-preċiżjoni tad-dejta skambjata.
Artikolu 11
Sanzjonijiet
1. Jekk l-awtorità kompetenti tal-Istat Memrbu tosserva nuqqas ta’ qbil bejn il-ħażniet fiżiċi u l-informazzjoni tar-reġistri stabbilita fl-Artikolu 9 jew xi difett fil-koerenza bejn il-kwantitajiet ta’ materja prima u ta’ prodotti lesti miksuba jew bejn id-dokumenti relatati u l-informazzjoni jew kwantitajiet iddikjarati jew elenkati, hija għandha tiddetermina jew, jekk ikun il-każ, tistma l-kwantitajiet reali ta’ produzzjoni u tal-ħażniet għal dik is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni u eventwalment tas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ qabel.
Kull kwantità li wasslet għal dikjarazzjoni inkorretta, li kellha riżultat ta’ vantaġġ finanzjarju mhux dovut, hija soġġetta għal ħlas ta’ 500 euro għal kull tunnellata tal-kwantità inkwistjoni.
2. Jekk l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tosserva li l-impriża ma ssodisfatx l-obbligi tagħha stabbiliti fl-Artikolu 8, u fil-każ tan-nuqqas ta’ dokumenti ta’ ġustifikazzjoni biżżejjed għall-objettivi tal-kontroll stabbiliti fl-Artikolu 10(2), l-awtorità kompetenti għandha timponi sanzjoni ta’ 500 euro għal kull tunnellata, li tkun applikata għal kwantità fissa ta’ prodott lest iddeterminata mill-Istat Membru skont il-gravità tal-infrazzjoni.
3. Il-paragrafi 1 u 2 ma japplikawx fil-każ li n-nuqqas ta’ qbil u difetti ta’ koerenza osservati jkunu inqas minn 5 % f’piż tal-kwantità ta’ prodotti lesti ddikjarati jew elenkati u li huma soġġetti għall-kontroll jew jekk jirriżultaw minn ommissjonijiet jew sempliċi żbalji amministrattivi, b’kundizzjoni li jittieħdu miżuri ta’ rettifika biex jkun evitat li dawn id-difetti jirrepetu ruħhom fil-futur.
4. Is-sanzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 mhumiex applikabbli f’każ ta’ forza maġġuri.
Artikolu 12
Rapporti lill-Kummissjoni
1. L-Istat Membru għandu jirraporta lill-Kummissjoni:
a) il-lista tal-impriżi approvati;
b) il-kwota attribwita lil kull fabbrikant approvat.
Ir-rapport għandu jingħata l-aktar tard fil-31 ta’ Jannar ta’ kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni. Għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007, l-ewwel rapport għandu jingħata l-aktar tard fil-31 ta’ Lulju 2006.
Fil-kaz ta’ irtirar tal-approvazzjoni, l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.
2. L-Istat Membru għandu jagħti lill-Kummissjoni l-aktar tard fil-31 ta’ Marzu wara s-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernata rapport annwali li jinkludi n-numru ta’ kontrolli li saru b’konformità mal-Artikolu 10 kif ukoll, għal kull kontroll, id-difetti osservati, l-azzjonijiet li ttieħdu wara u s-sanzjonijiet applikati.
KAPITOLU IV
PREZZIJIET
Artikolu 13
Stabbiliment tal-prezzijiet medji
1. Kull xahar, l-impriżi approvati b’konformità mal-Artikoli 7 u 8 ta’ dan ir-Regolament kif ukoll dawk li jipproċessaw li huma approvati b’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 għandhom jistabbilixxu, rispettivament għaz-zokkor abjad taħt il-kwota u z-zokkor abjad ’l barra mill-kwota:
a) għax-xahar ta’ qabel, il-prezz medju tal-bejgħ, rispettivament tax-xiri, kif ukoll il-kwantità mibjugħa, rispettivament mixtrija, li tikkorrispondi;
b) għal dak ix-xahar u x-xahrejn ta’ wara, il-prezz medju ta’ bejgħ proviżorju, rispettivament tax-xiri, u l-kwantità li tikkorrispondi stabbilita fil-qafas tal-kuntratti jew tranżazzjonijiet oħra.
Il-prezz jikkonċerna z-zokkor abjad, mhux ippakkjat, li ħareġ mill-fabbrika u tal-kwalità tipika ddefinita fil-punt II tal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006.
Id-distinzjoni bejn zokkor li hu parti mill-kwota u zokkor li mhux parti mill-kwota ma tapplikax għar-raffinaturi.
2. Sabiex isiru l-kontrolli stabbiliti fl-Artikolu 10, l-impriżi approvati għandhom iżommu, għallinqas għal tliet snin wara s-sena li fiha ġew stabbiliti, l-informazzjoni użata għall-istabbiliment tal-prezzijiet u tal-kwantitajiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
3. Id-dispożizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx japplikaw għall-proċessuri li x-xiri taz-zokkor tagħhom ma jaqbiżx 2 000 tunnellata kull sena kalendarja.
Artikolu 14
Informazzjoni dwar il-prezzijiet
Kull xahar, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli dwar il-prezz medju għaz-zokkor abjad ikkomunikat matul ix-xahar ta’ qabel id-data tal-informazzjoni.
Il-prezz jinbidel skont jekk ikunx zokkor abjad taħt il-kwota jew ’il barra mill-kwota.
L-informazzjoni hija bbażata fuq il-medja peżata tal-prezzijiet stabbiliti mill-impriżi skont l-Artikolu 13(1)(a) u rrapportata b’konformità mal-Artikolu 15.
Artikolu 14 a
Informazzjoni addizzjonali
Minbarra l-prezzijiet miġbura fil-livell tal-Komunità skond l-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummisjsoni għandha tgħarraf ukoll lill-Kumitat ta’ Ġestjoni għaz-Zokkor bil-prezzijiet u l-kwantitajiet ta’ zokkor mhux ipproċessat u abjad importat minn pajjiżi ta’ l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku skond l-arranġamenti għal prodotti li joriġinaw minn ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta’ Stati ta’ l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (AKP) pprovduti fi ftehimiet li jistabbilixxu, jew iwasslu għall-istabbiliment, ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika ( 3 ) u mill-pajjiżi l-anqas żviluppati elenkati fil-Kolonna D ta’ l-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005 ( 4 ) abbażi ta’ dikjarazzjonijiet doganali u d-dejta disponibbli fil-bażi tad-dejta ta’ l-Uffiċċju Statistiku tal-Komunitajiet Ewropej.
Artikolu 15
Dispożizzjonijiet tranżitorji għar-rapport tal-informazzjoni dwar il-prezz
Mhux iktar tard mill-20 ta’ Ottubru 2006, l-20 ta’ Jannar 2007, l-20 ta’ April 2007, l-20 ta’ Lulju 2007, l-20 ta’ Ottubru 2007, l-20 ta’ Jannar 2008 u l-20 ta’ April 2008, l-impriżi approvati skond l-Artikoli 7 u 8 ta’ dan ir-Regolament u l-proċessuri approvati skond l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-prezzijiet stabbiliti skond l-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-Regolament matul it-tliet xhur preċedenti.
Ir-riċeviment, it-trattament u ż-żamma tal-informazzjoni mill-Kummissjoni huma assigurati b’mod li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni.
L-operaturi l-oħra fis-settur taz-zokkor, u b’mod partikolari dawk li jixtru, jistgħu jirrapportaw lill-Kummissjoni l-prezz medju taz-zokkor, stabbilit skont ir-regoli indikati fl-Artikolu 13. L-operaturi għandhom jindikaw isimhom, l-indirizz u l-isem korporattiv.
Artikolu 15 a
Dispożizzjonijiet finali għall-għarfien ta’ dejta dwar il-prezzijiet
Kull impriża soġġetta għall-obbligu stabbilit fl-Artikolu 13 għandha, qabel il-15 ta’ kull xahar, tikkomunika d-dejta stabbilita skond l-Artikolu 13(1) lill-Istat Membru li ta l-approvazzjoni. L-ewwel komunikazzjoni lill-Istat Membru għandha ssir qabel il-15 ta’ Awissu 2008 u għandha tikkonċerna d-dejta stabbilita f’Mejju u f’Ġunju ta l-2008.
Kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni qabel it-tmiem ta' kull xahar, il-medji tal-prezzijiet miġbura fil-livell nazzjonali, kif ukoll it-total tal-kwantitajiet korrispondenti u d-devjazzjonijiet standard. Il-medji u d-devjazzjonijiet standard għandhom ikunu pponderati bil-kwantitajiet ikkomunikati mill-impriżi skont il-paragrafu preċedenti. Il-komunikazzjoni għandha ssir skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 ( 5 ).
L-irċevuta, l-ipproċessar u l-ħażna tad-dejta mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni għandhom isiru b’tali mod li jiggarantixxu l-kunfidenzjalità xierqa tad-dejta.
Fuq sempliċi talba lill-Istat Membru, il-Kummissjoni jista’ jkollha aċċess għal dejta individwali mibgħuta minn operaturi approvati skond l-Artikolu 13(1).
Operaturi oħra fis-settur taz-zokkor, b’mod partikolari ix-xerrejja, jistgħu jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-prezz medju għal zokkor stabbilit skond l- Artikolu 13. Operaturi għandhom jagħtu isimhom, l-isem kummerċjali u l-indirizz.
Artikolu 16
Kuntratt ta’ kunsinna
1. Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(5) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, huwa meqjus bħala kuntratt ta’ kunsinna l-kuntratt konkluż bejn il-fabbrikant taz-zokkor u il-bejjiegħ il-pitravi li jipproduċi hu stess.
2. Jekk fabbrikant jittrasferixxi, skont l-Artikolu 14 jew l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, il-kwantità tal-produzzjoni tiegħu għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ wara, il-kwota ta’ dan il-fabbrikant hija kkunsidrata mnaqqsa għal dik is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni mill-kwantità ttrasferita għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(5) tar-Regolament imsemmi.
3. Il-kuntratti kkunsidrati bħala konklużi qabel iż-żrigħ huma dawk konklużi qabel ma jispiċċa ż-żrigħ kollu, u f’kull każ:
— qabel l-1 ta’ April fl-Italja,
— qabel l-1 ta’ Mejju fl-Istati Membri l-oħra.
Artikolu 16a
Termini ta’ xiri għal pitravi
Ftehim interprofessjonali u kuntratti ta’ kunsinna msemmija fl-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandhom jikkonformaw mat-termini ta’ xiri stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 17
Żieda u tnaqqis fil-prezz
1. Għall-applikazzjoni taż-żieda u t-tnaqqis fil-prezz stabbiliti fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, il-prezz minimu tal-pitravi taħt il-kwota stabbilit fil-paragrafu 1 tal-Artikolu imsemmi huwa, għal kull 0,1 % tal-kontenut ta’ sukrożju:
a) miżjud b’minimu ta’:
i) 0,9 % għall-kontenuti ta’ aktar minn 16 % u inqas jew ugwali għal 18 %;
ii) 0,7 % għall-kontenuti ta’ aktar minn 18 % u inqas jew ugwali għal 19 %;
iii) 0,5 % għall-kontenuti ta’ aktar minn à 19 % u inqas jew ugwali għal 20 %;
b) imnaqqas b’massimu ta’:
i) 0,9 % għall-kontenuti ta’ inqas minn 16 % u aktar jew ugwali għal 15,5 %;
ii) 1 % għall-kontenuti ta’ inqas minn 15,5 % u aktar jew ugwali għal 14,5 %.
Għall-pitravi b’kontenut ta’ sukrożju ta’ aktar minn 20 % japplika għallinqas il-prezz minimu aġġustat b’konformità mal-punt (a)(iii).
2. Il-kuntratti ta’ kunsinna u l-ftehimiet interprofessjonali stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 jistgħu jistabbilixxu, għaż-żieda u t-tnaqqis fil-prezz stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu:
a) żieda supplimentari għall-kontenuti ta’ sukrożju ta’ aktar minn 20 %;
b) tnaqqis supplimentari għall-kontenuti ta’ sukrożju ta’ inqas minn 14,5 %.
Dawn il-kuntratti u ftehimiet jistgħu jistabbilixxu, għall-pitravi li għandhom kontenut ta’ sukrożju ta’ inqas minn 14,5 %, definizzjoni ta’ pitravi li jistgħu jiġu pproċessati f’zokkor, jekk it-tnaqqis fil-prezz supplimentari għall-kontenuti ta’ sukrożju ta’ inqas minn 14,5 % u ta’ aktar jew ugwali għall-kontenut minimu ta’ sukrożju stabbilit f’din id-definizzjoni huma stabbiliti fil-kuntratti u l-ftehimiet imsemmija.
Jekk il-kuntratti u l-ftehimiet ma jipprevedux id-definizzjoni stabbilita fit-tieni inċiż, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jistabbilixxi din id-definizzjoni. F’dan il-każ, huwa għandu jistabbilixxi fl-istess ħin it-tnaqqis fil-prezz supplimentari stabbilit fl-inċiż imsemmi.
KAPITOLU V
KWOTI U ĦLAS FUQ IL-PRODUZZJONI
Artikolu 18
Kwoti addizzjonali ta’ zokkor
1. Il-kwoti addizzjonali ta’ zokkor stabbiliti fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 jistgħu jiġu attribwiti biss lil fabbrikanti ta’ zokkor li kellhom kwota fl-2005/2006.
2. Fit-talba tagħha tal-kwota addizzjonali ta’ zokkor, l-impriża għandha tindika jekk tixtieqx tibbenefika mill-kwota addizzjonali mis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 jew 2007/2008.
Meta jattribwixxi l-kwota addizzjonali lil xi impriża, l-Istat Membru għandu jindika minn liema sena ta’ kummerċjalizzazzjoni għandha tidħol fis-seħħ l-attribuzzjoni. Madankollu, l-attribuzzjonijiet li saru qabel l-1 ta’ Jannar 2007 jidħlu fis-seħħ mis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2007/2008.
3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-iskadenza għall-ħlas ta’ l-ammont ta’ darba msemmi fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol mid-deċiżjoni tagħhom dwar dik l-iskadenza.
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lil kull impriża taz-zokkor ikkonċernata bl-ammont li jrid jitħallas, ta’ l-inqas xahar qabel l-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu u mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar 2008.
Artikolu 19
Kwoti ta’ iżoglukożju supplimentari
1. L-Italja, il-Litwanja u l-Iżvezja għandhom jattribwixxu l-kwoti ta’ iżoglukożju supplimentari stabbiliti fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 fuq waħda jew aktar mill-erba’ snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 sal-2009/2010, b’mod li jevitaw kull diskriminazzjoni bejn l-operaturi kkonċernati.
2. Il-ħlas tal-ammont uniku stabbilit fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 għandu jsir minn kull impriża kkonċernata qabel data ta’ għeluq li tiġi stabbilita mill-Istat Membru u li ma tistax tkun aktar tard mill-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li fiha l-kwota ta’ iżoglukożju supplimentari tkun attribwita.
Jekk l-ammont uniku ma jkunx imħallas sal-aktar tard fid-data ta’ għeluq stabbilita fl-ewwel inċiż, il-kwoti ta’ iżoglukożju supplimentari ma jitqisux li ġew allokati lill-impriża kkonċernata.
3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 2 fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol mid-deċiżjoni tagħhom dwar dik l-iskadenza.
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw kull impriża ta’ l-isoglukożju kkonċernata dwar l-ammonti li għandhom jitħallsu ta’ l-inqas xahar qabel l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 2 u mhux iktar tard mit-30 ta’ Novembru tas-sena tal-kummerċ minn meta l-kwota tiġi allokata.
Artikolu 20
Allokazzjoni tal-ħsad tal-pitravi
Iz-zokkor li jiġi estratt mill-pitravi miżrugħin matul sena ta’ kummerċjalizzazzjoni speċifika huwa attribwit għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ wara.
Madankollu, Spanja, l-Italja u l-Portugall jistgħu, kemm-il darba jkun hemm sistema ta’ kontroll adegwata, jiddeċiedu li z-zokkor li jkun estratt mill-pitravi miżrugħin fil-ħarifa ta’ sena ta’ kummerċjalizzazzjoni speċifika jiġi attribwit għal dik is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni stess.
Spanja, l-Italja u l-Portugall għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħhom fil-qafas ta’ dan l-Artikolu sa mhux aktar tard mill-30 ta’ Settembru 2006.
Artikolu 20a
Ħlas fuq il-produzzjoni
Mis-sena tal-kummerċ 2007/2008, l-Istati Membri għandhom, mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, jinnotifikaw lil kull produttur approvat taz-zokkor u ta’ l-isoglukożju l-ħlas fuq il-produzzjoni li għandu jitħallas għas-sena tal-kummerċ attwali.
Artikolu 21
Rapporti dwar il-produzzjoni u l-ħażniet
1. Kull manifattur jew rfinitur approvat għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih seħħew il-produzzjoni jew l-irfinar, qabel l-20 ta’ kull xahar, il-kwantitajiet totali, espressi bħala zokkor abjad, taz-zokkrijiet u x-xroppijiet indikati fl-Artikolu 3(1)(a) sa (d):
(a) li huma ta’ proprjetà tiegħu jew koperti minn garanzija, u
(b) maħżuna f’ċirkolazzjoni libera f’territorju tal-Komunità fl-aħħar tax-xahar preċedenti.
Dawk il-kwantitajiet għandhom jitqassmu f’:
(a) zokkor prodott minn dik l-impriża bl-ispeċifikazzjoni tal-kwantitajiet ta’ zokkor ta’ kwota u dawk f’eċċess tal-kwota, trasferiti ’l quddiem jew irtirati skond l-Artikoli 14 jew 19 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006. Barra minn hekk, fil-kwantitajiet ta’ zokkor ta’ kwota fl-aħħar tax-xhur ta’ Lulju, Awwissu u Settembru, il-kwantità li tirriżulta mill-produzzjoni ta’ zokkor taħt is-sena tas-suq ta’ wara;
(b) zokkor ieħor.
2. Kull Stat Membru għandu jirraporta lill-Kummissjoni qabel l-aħħar tat-tieni xahar wara x-xahar inkwistjoni, il-kwantità ta’ zokkor maħżuna fl-aħhar ta’ kull xahar mill-impriżi stabbiliti fil-paragrafu 1, mqassmin f’tip ta’ zokkor b’konformità mat-tieni inċiż tal-paragrafu imsemmi.
F’każ ta’ ħażna fi Stati Membri differenti minn dak li jagħmel ir-rapport lill-Kummissjoni, dan ta’ l-aħħar għandu jinforma lill-Istati Membri kkonċernati, qabel l-aħħar tax-xahar li jmiss, dwar il-kwantitajiet maħżuna u l-postijiet ta’ ħażna fit-territorju tagħhom.
3. Kull fabbrikant ta’ iżoglukożju jew ta’ xiropp tal-inulina approvat għandu jirrapporta, qabel it-30 ta’ Novembru, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn issir il-produzzjoni, dwar il-kwantitajiet ta’ iżoglukożju espressi f’materja xotta jew, rispettivament, ta’ xiropp tal-inulina espressi fl-ekwivalenti ta’ zokkor abjad, soġġetti għal dritt ta’ proprjetà u maħżuna f’ċirkolazzjoni libera fit-territorju tal-Komunità fl-aħħar tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ qabel, mqassma f’:
a) iżoglukożu jew xiropp tal-inulina prodotti mill-impriża msemmija, filwaqt li jiġu speċifikati l-kwantitajiet taħt il-kwota, ’il barra mill-kwota jew ittrasferiti b’konformità mal-Artikolu 14 jew l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006;
b) oħrajn.
Kull Stat Membru għandu jirraporta lill-Kummissjoni, qabel il-31 ta’ Diċembru, il-kwantitajiet ta’ iżoglukożju u xiropp tal-inulina maħżuna fl-aħhar tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ qabel, mqassma b’konformità mal-ewwel inċiż.
4. Kull impriża li tipproduċi l-iżoglukożju għandha tirraporta lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ssir il-produzzjoni, qabel il-15 ta’ kull xahar, il-kwantitajiet ta’ iżoglukożju, espressi f’materja xotta, effettivament prodotti matul ix-xahar ta’ qabel.
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jirraportaw lill-Kummissjoni, għal kull xahar u qabel l-aħħar tat-tieni xahar ta’ wara, il-produzzjoni ta’ iżoglukożju ta’ kull impriża kkonċernata.
Il-kwantitajiet prodotti taħt l-iskema ta’ perfezzjonament attiv għandhom jiġu rraportati separatament.
Artikolu 22
Bilanċi ta’ provvista
1. Għal kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni jiġu stabbiliti xi bilanċi Komunitarji ta’ provvista ta’ zokkor, iżoglukożju u xiropp tal-inulina. Dawn il-bilanċi huma kkonsolidati fl-aħħar tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ wara.
2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jirraportaw lill-Kummissjoni, qabel l-1 ta’ Marzu, il-produzzjoni proviżorja ta’ zokkor u ta’ xiropp tal-inulina ta’ dik is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, għal kull impriża li tinsab fit-territorju tagħhom. Il-produzzjoni ta’ zokkor hija mqassma xahar xahar.
Għad-dipartimenti Franċiżi tal-Gwadelup u Martinique, kif ukoll għal Spanja għal dak li għandu x’jaqsam maz-zokkor prodott mill-kannamiela, il-produzzjoni proviżorja hija stabbilita u rraportata qabel l-1 ta’ Lulju.
3. L-Istati Membri għandhom jirraportaw lill-Kummissjoni, qabel l-1 ta’ Ġunju, il-meded u l-produzzjonijiet, minn naħa waħda, tal-pitravi li ser jintużaw għall-produzzjoni, rispettivament ta’ zokkor, bijoetanol jew prodotti oħra, u min-naħa l-oħra ta’ ċikwejra li ser jintużaw għall-produzzjoni ta’ xiropp tal-inulina, ta’ dik is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, u fuq bażi proviżorja, tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ wara.
4. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jirraportaw lill-Kummissjoni, qabel it-30 ta’ Novembru, il-produzzjonijiet definittivi ta’ zokkor, iżoglukożju u ta’ xiropp tal-inulina tas-sena ta’ kummerċjalizzazzzjoni ta’ qabel, għal kull impriża li tinsab fit-territorju tagħhom. Il-produzzjoni totali ta’ zokkor hija mqassma xahar xahar.
5. Meta jkun meħtieġ li tiġi mmodifikata l-produzzjoni definittiva ta’ zokkor fuq il-bażi ta’ informazzjoni rraportata stabbilita fil-paragrafu 4, id-differenza li tirriżulta hija kkunsidrata meta tkun stabbilita l-produzzjoni definittiva tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li matulha ġiet osservata din id-differenza.
KAPITOLU VI
INTERVENT PUBBLIKU
SEZZJONI 1
Offerti għall-intervent
Artikolu 23
Offerta
1. L-offerta għall-intervent għandha ssir bil-miktub lill-aġenzija ta’ intervent tal-Istat Membru fit-territorju fejn iz-zokkor offrut ikun jinsab fil-mument tal-offerta.
2. L-offerta għall-intervent tista’ tkun aċċettata biss jekk tkun ippreżentata minn fabbrikant approvat b’konformità mal-Artikoli 7 u 8, għal zokkor mill-produzzjoni tiegħu taħt il-kwota ta’ dik is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, maħżun separatament fil-mument tal-offerta f’post tal-ħżin approvat b’konformità mal-Artikolu 24.
3. Għal kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw għall-intervent il-kwantitajiet massimi biss li huma indikati fl- ►M2 Anness I ◄ għal kull wieħed minnhom. Fil-każ li l-offerti għall-intervent jaqbżu l-kwantità massima, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tapplika għall-offerti koeffiċjent uniku ta’ tnaqqis, b’mod li l-kwantità totali aċċettata tkun ugwali għall-kwantità disponibbli.
4. Qabel il-bidu ta’ kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, il-Kummissjoni għandha timmodifika l-kwantitajiet stabbiliti fl- ►M2 Anness I ◄ ta’ dan ir-Regolament skont l-aġġustamenti stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 u fi ħdan il-limitu tal-kwantità totali stabbilita fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament imsemmi.
Il-kwantitajiet stabbiliti fl- ►M2 Anness I ◄ ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu mmodifikati, jekk ikun il-każ, matul l-aħħar trimestru ta’ kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, skont il-kwantitajiet li ma ntużawx, b’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 39(2) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 u fil-limitu tal-kwantità totali stabbilita fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament imsemmi.
Artikolu 24
Approvazzjoni tal-post tal-ħżin
1. L-approvazzjoni għandha tingħata, b’talba tal-fabbrikant lill-aġenzija ta’ intervent, lil kull post ta’ ħżin li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:
a) huwa adattat għaż-żamma taz-zokkor;
b) jinsab f’post li joffri possibiltajiet ta’ trasport neċessarju għall-irtirar taz-zokkor mill-ħżin;
c) jippermetti li jkun hemm ħżin distint tal-kwantitajiet offerti għall-intervent.
Xi kundizzjonijiet supplimentari jistgħu jiġu rikjesti mill-aġenziji ta’ intervent.
2. L-approvazzjoni tal-post tal-ħżin tingħata għall-ħżin ta’ prodott ippakkjat jew mhux ippakkjat. Din tistabbilixxi limitu ta’ kwantità ta’ ħżin li jikkorrispondi għal massimu ta’ ħamsin darba aktar mill-kapaċità ta’ kuljum tal-irtirar mill-ħżin li l-applikant jintrabat li jagħmel disponibbli għall-aġenzija ta’ intervent. L-approvazzjoni tindika l-kwantità totali li tingħata għaliha u l-kapaċità ta’ kuljum tal-irtirar mill-ħżin.
3. Iz-zokkor għandu jinħażen b’mod li jista’ jkun identifikat u jkun aċċessibbli. Għandu jitqiegħed fuq pelits meta jkun ippakkjat, ħlief meta jkun ippakkjat ġo “big bags”.
4. L-approvazzjoni tiġi irtirata mill-aġenzija ta’ intervent meta jiġi osservat li waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3 ma tkunx issodisfata aktar. L-irtirar tal-approvazzjoni jista’ jseħħ matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni. L-irtirar m’għandux effet retroattiv.
Artikolu 25
Kwalità minima taz-zokkor
1. Iz-zokkor offrut għall-intervent għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:
a) ikun prodott taħt il-kwota matul l-istess sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li fiha ġiet ippreżentata l-offerta;
b) ikun f’forma ta’ kristalli.
2. Iz-zokkor abjad offrut għall-intervent għandu jkun ta’ kwalità soda, ġenwina u kummerċjabbli, b’kontenut ta’ umdità ugwali jew inqas minn 0,06 % u bi tnixxija libera.
3. Iz-zokkor mhux raffinat offrut għall-intervent għandu jkun ta’ kwalità soda, ġenwina u kummerċjabbli u jkollu rendiment, ikkalkulat b’konformità mal-punt III tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 ta’ mhux inqas minn 89 %.
Meta jkun zokkor tal-kannamiela mhux raffinat, iz-zokkor għandu jkollu fattur ta’ sigurtà ta’ mhux aktar minn 0,30,
Meta jkun zokkor tal-pitravi mhux raffinat, iz-zokkor għandu jkollu:
— valur pH ta’ mhux inqas minn 7,9 fil-mument meta tiġi aċċettata l-offerta,
— kontenut ta’ zokkor intervertit ta’ mhux aktar minn 0,07 %,
— temperatura li ma tkunx ta’ riskju għal żamma tajba,
— fattur ta’ sigurtà ta’ mhux aktar minn 0,45 meta l-livell ta’ polarizzazzjoni huwa ugwali jew aktar minn 97, jew kontenut ta’ umdità ta’ mhux aktar minn 1,4 % meta l-livell ta’ polarizzazzjoni jkun inqas minn 97.
Il-fattur ta’ sigurtà huwa stabbilit billi jiġi diviż il-perċentwal tal-kontenut ta’ umdità taz-zokkor kkonċernat bid-differenza bejn 100 u l-livell ta’ polarizzazzjoni ta’ dan iz-zokkor.
Artikolu 26
Lott
Kull offerta ta’ zokkor għall-intervent hija ppreżentata f’forma ta’ lott.
Għall-finijiet ta’ din is-sezzjoni, “lott” tfisser kwantità ta’ zokkor ta’ mhux inqas minn 2 000 tunnellata li għandha l-istess kwalità u l-istess mod ta’ preżentazzjoni u li tinsab fl-istess post ta’ ħżin.
Artikolu 27
Kontenut tal-offerta
1. L-offerta indirizzata lill-aġenzija ta’ intervent għandha tindika:
a) l-isem u l-indirizz tal-offerent;
b) il-post tal-ħżin fejn iz-zokkor jinsab fil-mument tal-offerta;
c) il-kapaċità ta’ irtirar iggarantit għat-tneħħija taz-zokkor offrut;
d) il-kwantità netta taz-zokkor offrut;
e) in-natura, il-kwalità taz-zokkor offrut u s-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li fiha ġie prodott;
f) il-mod ta’ preżentazzjoni taz-zokkor.
2. L-aġenzija ta’ intervent tista’ teżiġi xi indikazzjonijiet supplimentari.
3. L-offerta jkollha mehmuża magħha dikjarazzjoni ta’ l-offerent li tiċċertifika li z-zokkor inkwistjoni ma kienx suġġett ta’ miżura ta’ intervent bix-xiri, li huwa l-proprjetarju u li z-zokkor jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt a tal-Artikolu 25(1).
Artikolu 28
Investigazzjoni tal-offerti
1. L-offerta tibqa’ valida għal perijodu ta’ tliet ġimgħat mill-jum meta tiġi ppreżentata. Madankollu, din tista’ tiġi rtirata waqt il-perijodu msemmi bl-approvazzjoni tal-aġenzija ta’ intervent.
2. L-aġenzija ta’ intervent tinvestiga l-offerta. L-aktar tard fl-aħhar tal-perijodu stabbilit fil-paragrafu 1, hija taċċetaha. Madankollu hija tirrifjuta l-offerta jekk l-investigazzjoni turi li waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa ma tkunx issodisfata.
SEZZJONI 2
Ħżin
Artikolu 29
Kuntratt ta’ ħżin
1. Il-kuntratt ta’ ħżin li għandu jsir qabel ma tiġi aċċettata l-offerta bejn l-offerent u l-aġenzija ta’ intervent inkwistjoni huwa konkluż għal żmien determinat.
Il-kuntratt ta’ ħżin jidħol fis-seħħ ħames ġimgħat wara d-data meta tiġi aċċettata l-offerta u jagħlaq fl-aħhar tal-għaxart ijiem li fihom tispiċċa t-tneħħija taz-zokkor inkwistjoni.
Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “għaxart ijiem”, għal kull xahar tal-kalendarju, ifissru wieħed mill-perijodi mill-1 sal-10, mill-11 sal-20 u mill-21 sal-aħhar tax-xahar.
2. Il-kuntratt tal-ħżin jinkludi b’mod partikolari:
a) il-klawżola li tgħid li l-kuntratt jagħlaq fil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament b’avviż ta’ għallinqas għaxart ijiem;
b) l-ammont tal-ispejjeż tal-ħżin li għandu jitħallas mill-aġenzija ta’ intervent;
3. L-ispejjeż tal-ħżin huma mħallsin mill-aġenzija ta’ intervent għall-perijodu mill-bidu tal-għaxart ijiem li fihom jidħol fis-seħħ il-kuntratt stabbilit fil-paragrafu 2 sal-għeluq ta’ dan il-kuntratt.
4. L-ispejjeż tal-ħżin ma jistgħux jaqbżu ammont ta’ 0,48 euro għal kull tunnellata u għal kull għaxart ijiem.
5. Il-kuntratt tal-ħżin jagħlaq fl-aħħar tat-tneħħija stabbilita fl-Artikolu 50,
Artikolu 30
Trasferiment ta’ proprjetà
1. It-trasferiment tal-proprjetà taz-zokkor li huwa s-suġġett ta’ kuntratt ta’ ħżin isir waqt il-ħlas taz-zokkor inkwistjoni.
2. Il-bejjiegħ jibqa’, sat-tneħħija, responsabbli għall-kwalità taz-zokkor stabbilita fil-paragrafu 1 u tal-ippakkjar li fih ġie aċċettat iz-zokkor bl-intervent.
Artikolu 31
Konformità tal-kwalità jew tal-ippakkjar
1. Il-bejjiegħ huwa obbligat li jissostitwixxi mingħajr dewmien il-kwantità ta’ zokkor inkwistjoni li l-kwalità tagħha ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 b’kwantità ekwivalenti li tissodisfa dawn il-kundizzjonjiet u li tinsab jew fl-istess post tal-ħżin, jew f’post ieħor tal-ħżin li huwa approvat b’konformità mal-Artikolu 24.
2. Meta z-zokkor maħżun jkun ippakkjat u jiġi osservat li l-ippakkjar ma jissodisfax aktar l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti, l-aġenzija ta’ intervent teżiġi li l-bejjiegħ jissostiwixxih b’ippakkjar li jikkonforma.
SEZZJONI 3
Kundizzjonijiet tax-xiri bl-intervent
Artikolu 32
Prezz tax-xiri u l-kwalità taz-zokkor abjad
1. Il-prezz tax-xiri bl-intervent taz-zokkor abjad huwa:
— 505,52 euro għal kull tunnellata matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007;
— 433,20 euro għal kull tunnellata matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2007/2008;
— 323,52 euro għal kull tunnellata matul is-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009 u 2009/2010,
2. Iz-zokkor abjad huwa kklassifikat f’erba’ kategoriji bil-mod li ġej:
a) kategorija 1: iz-zokkor ta’ kwalità aħjar mill-kwalità tipika;
b) kategorija 2: iz-zokkor ta’ kwalità tipika kif definita fil-punt II tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 318/2006;
c) kategoriji 3 u 4: iz-zokkor ta’ kwalità inferjuri mill-kwalità tipika.
3. Iz-zokkor tal-kategorija 1 għandhom il-karatteristiċi li ġejjin:
a) kwalità soda, ġenwina u kummerċjabbli, xott, fi kristalli granulati omoġenji, bi tnixxija libera:
b) umdità massima: 0,06 %;
c) kontenut massimu ta’ zokkor intervertit: 0,04 %;
d) in-numru ta’ punti ma jaqbiżx it-total ta’ 8, jew:
— 6 għall-kontenut ta’ rmied,
— 4 għat-tip ta’ kulur iddeterminat skont il-metodu tal-Istitut tat-Teknoloġija tal-Agrikoltura ta’ Brunswick (minn issa ’l quddiem imsejjaħ “il-metodu Brunswick”),
— 3 għall-kulur tas-soluzzjoni ddeterminat skont il-metodu ICUMSA.
Punt wieħed għandu jikkorrispondi għal:
a) 0,0018 % tal-kontenut tal-irmied iddeterminat bl-użu tal-metodu ICUMSA f'28° Brix;
b) 0,5 unità tat-tip ta' kulur iddeterminat bl-użu tal-metodu Brunswick;
c) 7,5 unità tal-kulur tas-soluzzjoni ddeterminata bl-użu tal-metodu ICUMSA.
4. Iz-zokkor tal-kategorija 3 għandu l-karatteristiċi li ġejjin:
a) kwalità soda, ġenwina u kummerċjabbli, xott, fi kristalli granulati omoġenji, bi tnixxija libera;
b) polarizzazzjoni minima: 99,7° S;
c) umdità massima: 0,06 %:
d) kontenut massimu ta’ zokkor intervertit: 0,04 %;
e) tip ta’ kulur: massimu Nru 6, iddeterminat skont il-metodu Brunswick.
5. Il-kategorija 4 tinkludi iz-zokkor li m’humiex fil-kategoriji 1, 2 u 3.
6. Il-prezz tax-xiri stabbilit fil-paragrafu 1 huwa mnaqqas bi:
a) 7,30 euro għal kull tunnellata, meta z-zokkor ikun tal-kategorija 3;
b) 13,10 euro għal kull tunnellata, meta z-zokkor ikun tal-kategorija 4.
Artikolu 33
Prezz tax-xiri taz-zokkor mhux raffinat
1. Il-prezz tax-xiri bl-intervent taz-zokkor mhux raffinat huwa:
— 397,44 euro għal kull tunnellata matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007;
— 359,04 euro għal kull tunnellata matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2007/2008;
— 268,16 euro għal kull tunnellata matul is-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009 u 2009/2010,
2. Il-prezz tax-xiri stabbilit fil-paragrafu 1 huwa:
a) miżjud meta r-rendiment taz-zokkor ikkonċernat huwa aktar minn 92 %;
b) mnaqqas meta r-rendiment taz-zokkor ikkonċernat huwa inqas minn 92 %.
3. L-ammont taż-żieda jew tat-tnaqqis, espress f’euro għal kull tunnellata, huwa ugwali għad-differenza bejn il-prezz tal-intervent taz-zokkor mhux raffinat u dan l-istess prezz li jkollu koeffiċjent. Dan il-koeffiċjent huwa ottenut billi jiġi diviż ir-rendiment taz-zokkor mhux raffinat ikkonċernat bi 92 %.
4. Ir-rendiment taz-zokkor mhux raffinat huwa kkalkulat b’konformità mal-punt III tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 318/2006.
Artikolu 34
Limiti ta’ żmien għall-ħlas
L-aġenzija ta’ intervent tagħmel il-ħlas l-aktar kmieni fil-mija u għoxrin jum mill-jum li fih ġiet aċċettata l-offerta, sakemm il-kontrolli relatati mal-verifika tal-piż u l-karatteristiċi tal-kwalità tal-lottijiet offerti jkunu lesti b’konformità mas-Sezzjoni 4.
SEZZJONI 4
Kontrolli
Artikolu 35
Kampjun għall-finijiet tal-kontroll ta’ kwalità
Fiż-żmien stabbilit fl-Artikolu 34, jittieħdu erba’ kampjuni rappreżentattivi sabiex ikunu analizzati, minn esperti approvati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru inkwistjoni, jew minn esperti magħżula bi ftehim komuni mill-aġenzija ta’ intervent u dak li qed ibiegħ. Jingħata kampjun lil kull parti kontraenti. Iż-żewġ kampjuni oħra huma miżmuma minn espert jew f’laboratorju approvat mill-awtoritajiet kompetenti.
L-operazzjonijiet ta’ analiżi ta’ kull kampjun huma magħmula darbtejn u l-medja taż-żewġ riżultati tkun ikkunsidrata bħala r-riżultat tal-analiżi tal-kampjun inkwistjoni.
Artikolu 36
Tilwim relatat mal-kwalità
1. Fil-każ ta’ differenza osservata bejn ir-riżultati tal-analiżi li tkun saret mill-bejjiegħ u mix-xerrej b’konformità mal-Artikolu 35, il-medja aritmetika taż-żewġ riżultati miksuba tkun determinanti għall-għażla tal-kategorija taz-zokkor inkwistjoni jekk id-differenza tkun:
— għaz-zokkor tal-kategorija 1, inqas jew ugwali għal punt wieħed għal kull waħda mill-karatteristiċi stabbiliti fil-punt d tal-Artikolu 32(3);
— għaz-zokkor tal-kategorija 2, inqas jew ugwali għal żewġ punti għal kull waħda mill-karatteristiċi stabbiliti għad-definizzjoni ta’ din il-kategorija, għal dawk li jkunu ddeterminati bil-punti.
Madankollu, analiżi ta’ arbitraġġ tista’ ssir mil-laboratorju stabbilit fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 35, b’talba ta’ waħda mill-partijiet kontraenti. F’dan il-każ, tiġi maħduma l-medja aritmetika bejn ir-riżultat tal-analiżi ta’ arbitraġġ u dik tar-riżultati tal-analiżi tal-bejjiegħ u tal-analiżi tax-xerrej li huwa l-aktar qrib tar-riżultat tal-analiżi ta’ arbitraġġ.
Din il-medja hija determinanti għall-għażla tal-kategorija taz-zokkor inkwistjoni. Jekk ir-riżultat tal-analiżi ta’ arbitraġġ jinsab f’distanza ugwali mir-riżultati tal-analiżi li għamlu dak li qed ibiegħ u dak li qed jixtri, l-analiżi ta’ arbitraġġ tkun l-unika li tiddetermina l-kategorija taz-zokkor inkwistjoni.
2. Meta d-differenza osservata bejn ir-riżultati tal-analiżi li tkun saret mill-bejjiegħ u x-xerrej, b’konformità mal-Artikolu 35, tkun aktar minn dik stabbilita fl-ewwel jew it-tieni punt tal-ewwel inċiż tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, skont il-każ, issir analiżi ta’ arbitraġġ minn laboratorju approvat mill-awtoritajiet kompetenti. F’dan il-każ, il-proċedura stabbilita fit-tieni inċiż tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tapplika.
3. Għat-tilwim dwar il-limitu massimu għat-tip ta’ kulur taz-zokkor tal-kategorija 3, il-polarizzazzjoni, l-umdità jew il-kontenut ta’ zokkor intervertit, il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 1 u 2 tapplika.
Madankollu, id-differenzi stabbiliti fil-paragrafu 1 huma sostitwiti b’:
— 1,0 unità tat-tip ta’ kulur għaz-zokkor tal-kategorija 3,
— 0,2 S għall-polarizzazzjoni,
— 0,02 % għall-umdità,
— 0,01 % għall-kontenut ta’ zokkor intervertit.
4. Meta jkun hemm tilwim bejn il-partijiet kontraenti, wara l-applikazzjoni tal-Artikolu 35, għas-suġġett tar-rendiment taz-zokkor mhux raffinat li nxtara, issir analiżi ta’ arbitraġġ mil-laboratorju stabbilit fl-ewwel inċiż tal-Artikolu msemmi. F’dan il-każ, tiġi maħduma l-medja aritmetika bejn ir-riżultat tal-analiżi ta’ arbirtraġġ u dik tar-riżultati tal-analiżi tal-bejjiegħ u tal-analiżi tax-xerrej li huwa l-aktar qrib tar-riżultat tal-analiżi ta’ arbitraġġ.
Din il-medja hija determinanti għall-kalkolu tar-rendiment taz-zokkor mhux raffinat inkwistjoni. Jekk ir-riżultat tal-analiżi ta’ arbitraġġ jinsab f’distanza ugwali mir-riżultati tal-analiżi li għamlu dak li qed ibiegħ u dak li qed jixtri, l-analiżi ta’ arbitraġġ tkun l-unika waħda li tiddetermina r-rendiment taz-zokkor mhux raffinat inkwistjoni.
5. L-ispejjeż tal-analiżi ta’ arbitraġġ stabbiliti fit-tieni inċiż tal-paragrafu 1, huma mħallsin mill-parti kontraenti li qed tagħmel it-talba.
L-ispejjeż tal-analiżi ta’ arbitraġġ stabbiliti fil-paragrafu 2 huma mħallsa f’partijiet ugwali mill-aġenzija ta’ intervent u dak li qed ibiegħ.
L-ispejjeż tal-analiżi ta’ arbitraġġ stabbiliti fil-paragrafu 3 huma mħallsa mill-parti kontraenti li kkuntestat ir-riżultati tal-analiżi magħmula b’applikazzjoni tal-Artikolu 35.
Artikolu 37
Kontroll tal-postijiet tal-ħżin
L-aġenzija kompetenti inkarigata bil-kontroll tagħmel spezzjoni fuq il-post tal-postijiet tal-ħżin b’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2148/96 tal-Kummissjoni ( 6 ).
Artikolu 38
Kontroll tal-piż u l-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu
1. L-esperti stabbiliti fl-Artikolu 35 jipproċedu għall-verifika tal-piż taz-zokkor mibjugħ.
Il-bejjiegħ għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jippermetti lil dawn l-esperti jipproċedu għall-verifika tal-piż u għat-teħid tal-kampjuni.
2. L-ispejjeż tal-verifika tal-piż huma mħallsin mill-bejjiegħ.
3. L-ispejjeż tal-esperti li jagħmlu l-verifika tal-piż u li jieħdu l-kampjuni huma mħallsin mill-aġenzija ta’ intervent.
4. Il-kwantità tista’ tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-kontijiet tal-istokk li għandha tikkorrispondi mal-esiġenzi professjonali kif ukoll ma’ dawk tal-aġenzija ta’ intervent, sakemm:
a) il-kontijiet tal-istokk juru l-piż li ġie kkalkulat bl-użin u l-karatteristiċi ta’ kwalità fiżiċi fil-mument tal-użin filwaqt li l-użin ma jistax ikun sar aktar minn għaxar xhur qabel;
b) dak li jaħżen jiddikjara li l-lott offrut jikkorrispondi fl-elementi kollha tiegħu għall-indikazzjonijiet stabbiliti fil-kontijiet tal-istokk;
c) il-karatteristiċi ta’ kwalità osservati fil-mument tal-użin jaqblu ma’ dawk tal-kampjuni rappreżentattivi.
SEZZJONI 5
Bejgħ bl-intervent
Artikolu 39
Bejgħ
1. L-aġenziji ta’ intervent jistgħu jbiegħu zokkor biss wara li t-tpoġġija għall-bejgħ tkun deċiża skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 39(2) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006.
2. It-tpoġġija għal-bejgħ taz-zokkor fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(3) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 issir b’aġġudikazzjoni jew bi proċedura oħra ta’ bejgħ.
3. Waqt id-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-aġġudikazzjoni, ikunu stabbiliti l-kundizzjonijiet tal-aġġudikazzjoni, u b’mod partikolari d-destinazzjoni taz-zokkor li għandu jinbiegħ.
Għall-finijiet ta’ din is-sezzjoni, “destinazzjoni” tfisser:
a) l-għalf tal-annimali;
b) l-esportazzjoni;
c) għanijiet oħra, jekk ikun il-każ, li għandhom jiġu ddeterminati.
L-aġġudikazzjoni tikkonċerna, skont il-każ, il-prezz tal-bejgħ, l-ammont tal-primjum ta’ denaturazzjoni jew l-ammont tar-restituzzjoni mal-esportazzjoni.
4. Il-kundizzjonijiet tal-aġġudikazzjoni għandhom jassiguraw l-ugwaljanza fl-aċċess u tat-trattament ta’ kull min hu interessat ikun xi jkun il-post tal-istabbiliment tiegħu fil-Komunità.
Artikolu 40
Avviż ta’ aġġudikazzjoni
1. L-aġġudikazzjoni hija assigurata mill-aġenzija ta’ intervent ikkonċernata għall-kwantitajiet ta’ zokkor inkwistjoni li qed iżżomm.
2. Kull aġenzija ta’ intervent ikkonċernata tistabbilixxi avviż ta’ aġġudikazzjoni li tippubblika għallinqas tmint ijiem qabel il-bidu tal-perijodu stabbilit għall-preżentazzjoni tal-offerti.
L-aġenzija ta’ intervent tagħti l-avviż ta’ aġġudikazzjoni, kif ukoll l-emendi kollha tiegħu, lill-Kummissjoni qabel ma jiġi ppubblikat.
3. L-avviż ta’ aġġudikazzjoni jindika b’mod partikolari:
a) l-isem u l-indirizz tal-aġenzija ta’ intervent li jagħmel l-aġġudikazzjoni;
b) il-kundizzjonijiet tal-aġġudikazzjoni;
c) il-limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni tal-offerti;
d) il-lottijiet ta’ zokkor li jitpoġġew għall-aġġudikazzjoni, u, għal kull lott:
— ir-referenza,
— il-kwantità,
— id-denominazzjoni ta’ kwalità taz-zokkor inkwistjoni,
— il-mod ta’ preżentazzjoni,
— il-lok tal-post fejn iz-zokkor inkwistjoni huwa maħżun,
— l-istadju tal-kunsinna,
— jekk ikun il-każ, l-eżistenza ta’ possibbiltajiet ta’ tagħbija fuq mezzi tat-trasport ta’ fuq ix-xmara, il-baħar jew ferroviji.
Għall-finijiet ta’ din is-sezzjoni, “lott” tfisser kwantità ta’ zokkor li għandha l-istess denominazzjoni ta’ kwalità, l-istess mod ta’ preżentazzjoni u li tkun fl-istess post tal-ħżin. L-offerta minima għal kull aġġudikazzjoni parzjali hija 250 tunnellata.
4. L-aġenzija ta’ intervent tieħu id-dispożizzjonijiet li tikkunsidra utli biex tippermetti lil dawk interessati li jagħmlulha t-talba biex teżamina z-zokkor li qed jinbiegħ.
Artikolu 41
Aġġudikazzjoni
1. Għal kull attribuzzjoni tal-aġġudikazzjoni għandu jkun hemm kuntratt ta’ bejgħ għall-kwantità ta’ zokkor attribwita. L-attribuzzjoni tal-aġġudikazzjoni ssir, skont il-każ, skont l-elementi li ġejjin li jidhru fl-offerta:
a) il-prezz li għandu jħallas ix-xerrej;
b) l-ammont tal-primjum tad-denaturazzjoni;
c) l-ammont tar-restituzzjoni mal-esportazzjoni.
2. Il-prezz li għandu jħallas ix-xerrej huwa:
a) fil-każ stabbilit fil-punt a tal-paragrafu 1, dak li jidher fl-offerta;
b) fil-każ stabbilit fil-punti b u c tal-paragrafu 1, dak li jidher fil-kundizzjonijiet tal-aġġudikazzjoni.
Artikolu 42
Kundizzjonijiet tal-aġġudikazzjoni
1. Għat-tpoġġija għall-aġġudikazzjoni taz-zokkor, il-kundizzjonijiet għall-aġġudikazzjoni li ġejjin huma determinati fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-aġġudikazzjoni:
a) il-kwantità totali jew il-kwantitajiet li tpoġġew għall-aġġudikazzjoni;
b) id-destinazzjoni;
c) il-limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni tal-offerti;
d) il-prezz li għandu jitħallas mix-xerrej fil-każ li z-zokkor ser jintuża għall-għalf tal-annimali jew għall-esportazzjoni.
2. Xi kundizzjonijiet supplimentari jistgħu jiġu stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-aġġudikazzjoni, b’mod partikolari:
a) l-ammont tal-prezz minimu taz-zokkor li qed jinbiegħ għal destinazzjoni li mhux dik tal-għalf tal-annimali jew tal-esportazzjoni;
b) l-ammont massimu għall-primjum tad-denaturazzjoni jew għar-restituzzjoni mal-esportazzjoni;
c) il-kwantità minima għal kull persuna li qed tagħmel l-offerta jew għal kull lott;
d) il-kwantità massima għal kull persuna li qed tagħmel l-offerta jew għal kull lott;
e) iż-żmien li fih ikunu validi b’mod partikolari t-titlu tal-primjum tad-denaturazzjoni jew tal-liċenzja għall-esportazzjoni.
Artikolu 43
Aġġudikazzjoni permanenti
1. Jekk ikun opportun minħabba s-sitwazzjoni ezistenti fis-suq taz-zokkor fil-Komunità, tista’ tinfetaħ aġġudikazzjoni permanenti għat-tpoġġija għall-bejgħ.
Matul iż-żmien ta’ validità tal-aġġudikazzjoni permanenti jkun hemm aġġudikazzjonijiet parzjali.
2. Il-pubblikazzjoni tal-avviż tal-aġġudikazzjoni permanenti ssir biss għall-ftuħ tagħha. L-avviż jista’ jiġi emendat jew issostitwit matul iż-żmien ta’ validità tal-aġġudikazzjoni permanenti. Huwa emendat jew issostitwit jekk, matul dan iż-żmien ta’ validità, jkun hemm xi emenda tal-kundizzjonijiet ta’ aġġudikazzjoni.
Artikolu 44
Preżentazzjoni tal-offerta
1. L-offerti ppreżentati jiġu mogħtija lill-aġenzija ta’ intervent f’forma elettronika.
2. L-offerta tindika:
a) ir-referenza tal-aġġudikazzjoni;
b) l-isem u l-indirizz ta’ min qed jagħmel l-offerta;
c) ir-referenza tal-lott;
d) il-kwantità li għaliha qed issir l-offerta;
e) għal kull tunnellata, espressi f’euro b’żewġ deċimali, skont il-każ:
— il-prezz propost, minbarra t-taxxi interni,
— l-ammont tal-primjum ta’ denaturazzjoni propost,
— l-ammont propost tar-restituzzjoni mal-esportazzjoni.
L-aġenzija ta’ intervent tista’ teżiġi xi indikazzjonijiet supplimentari.
3. Offerta li tikkonċerna bosta lottijiet hija kkunsidrata waħda li għanda offerti daqs kemm tikkonċerna lottijiet.
4. Offerta hija valida jekk:
a) qabel ma jispiċċa ż-żmien għall-preżentazzjoni tal-offerti, tingħata prova li garanzija ta’ aġġudikazzjoni ta’ 200 euro għal kull tunnellata ta’ zokkor ġiet stabbilita;
b) ikollha dikjarazzjoni minn dak li qed jagħmel l-offerta li biha jintrabat, għall-kwantità ta’ zokkor li għaliha, jekk ikun il-każ, sar ix-xerrej, bi primjum ta’ denaturazzjoni, jew restituzzjoni mal-esportazzjoni:
— li jitlob titlu ta’ primjum ta’ denaturazzjoni u li jistabbilixxi l-garanzija meħtieġa għal dan, għal aġġudikazzjoni għal zokkor li ser jintuża għall-għalf tal-annimali,
— li jitlob liċenzja għall-esportazzjoni u jistabbilixxi l-garanzija meħtieġa għal din, għal aġġudikazzjoni għal zokkor li ser jintuża għall-esportazzjoni.
5. Offerta tista’ tindika li tkun ikkunsidrata ppreżentata biss jekk l-attribuzzjoni tal-aġġudikazzjoni:
a) tikkonċerna l-kwantità kollha jew parti determinata indikata fl-offerta;
b) issir l-aktar tard f’data u f’ħin determinati.
6. Offerta li ma tkunx ippreżentata b’konformità mal-paragrafi 1 sa 5 jew li għandha xi kundizzjonijiet oħra li mhumiex dawk stabbiliti fl-avviż tal-aġġudikazzjoni ma tkunx aċċettata.
7. Offerta ppreżentata ma tistax tkun irtirata.
Artikolu 45
Eżaminazzjoni tal-offerti
1. L-eżaminazzjoni tal-offerti ssir mill-aġenzija ta’ intervent mingħajr il-preżenza tal-pubbliku. Il-persuni li jitħallew jidħlu għall-eżaminazzjoni jinżammu sigrieti.
2. L-offerti jiġu rraportati mingħajr dewmien lill-Kummissjoni.
Artikolu 46
Stabbiliment tal-ammonti
Meta l-kundizzjonijiet tal-aġġudikazzjoni ma jipprovdux prezz minimu jew ammont massimu għall-primjum ta’ denaturazzjoni jew għar-restituzzjoni mal-esportazzjoni, dawn jiġu stabbiliti wara l-eżaminazzjoni tal-offerti, filwaqt li jiġu kkunsidrati b’mod partikolari l-kundizzjonijiet tas-suq u l-possibiltajiet ta’ bejgħ, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 39(2) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006. Madankollu, jista’ jkun deċiż li l-aġġudikazzjoni ma titkomplix.
Artikolu 47
Attribuzzjoni tal-aġġudikazzjoni
1. Ħlief jekk ikun deċiż li ma titkomplix l-aġġudikazzjoni jew l-aġġudikazzjoni parzjali u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3, l-aġġudikazzjoni tiġi attribwita lil dawk li l-offerta tagħhom ma tkunx inferjuri għall-prezz minimu jew li ma tkunx aktar mill-ammont massimu tal-primjum ta’ denaturazzjoni jew minn dak tar-restituzzjoni mal-esportazzjoni.
2. Għall-istess lott, l-aġġudikazzjoni hija attribwita lil dak li l-offerta tiegħu tindika, skont il-każ, il-prezz l-aktar għoli, jew l-ammont l-inqas għoli għall-primjum ta’ denaturazzjoni jew għar-restituzzjoni mal-esportazzjoni.
Jekk il-lott ma jispiċċax totalment ma’ din l-offerta, il-kwantità li tifdal hija attribwita lill-offerenti skont il-livell tal-prezz propost billi jibdew mill-aktar wieħed għoli, jew skont il-livell tal-ammont propost għall-primjum ta’ denaturazzjoni jew għar-restituzzjoni mal-esportazzjoni billi jibdew mill-inqas wieħed għoli.
3. Meta, għal lott jew parti minn lott, bosta persuni joffru l-istess prezz, jew l-istess ammont għall-primjum ta’ denaturazzjoni jew għar-restituzzjoni mal-esportazzjoni, l-aġenzija ta’ intervent tattribwixxi l-kwantità inkwistjoni permezz ta’ wieħed mill-modi li ġejjin:
a) bi pro rata tal-kwantitajiet li jidhru fl-offerti kkonċernati;
b) billi jqassmu l-kwantità msemmija bejn l-offerenti bi ftehim magħhom;
c) bix-xorti.
Artikolu 48
Drittijiet u obbligi li jiġu mill-attribuzzjoni
1. Meta z-zokkor ser jintuża għall-għalf tal-annimali, l-attribuzzjoni tal-aġġudikazzjoni twassal:
a) għad-dritt għall-ħruġ, għall-kwantità li għaliha ġie attribwit il-primjum ta’ denaturazzjoni, ta’ titlu ta’ primjum ta’ denaturazzjoni, li jaċċenna b’mod partikolari l-primjum indikat fl-offerta;
b) għall-obbligu li jitolbu dan it-titlu, għal din il-kwantità, mill-aġenzija ta’ intervent fejn ġiet ippreżentata l-offerta.
2. Meta z-zokkor jintuża għall-esportazzjoni, l-attribuzzjoni tal-aġġudikazzjoni twassal:
a) għad-dritt għall-ħruġ, għall-kwantità li għaliha ġiet attribwita r-restituzzjoni mal-esportazzjoni, ta’ liċenzja għall-esportazzjoni li taċċenna b’mod partikolari r-restituzzjoni mal-esportazzjoni, indikat fl-offerta, kif ukoll, għaz-zokkor abjad, il-kategorija stabbilita fl-avviż tal-aġġudikazzjoni;
b) għall-obbligu li jitolbu din il-liċenzja, għal din il-kwantità u, għal dak li għandu x’jaqsam maz-zokkor abjad, għal din il-kategorija, mill-aġenzija ta’ intervent fejn ġiet ippreżentata l-offerta.
3. Id-dritt huwa eżerċitat u l-obbligu huwa ssodisfat fi tmintax-il jum wara l-jum ta’ għeluq għall-preżentazzjoni tal-offerti.
4. Id-drittijiet u obbligi li jiġu mill-attribuzzjoni tal-aġġudikazzjoni ma jistgħux ikunu ttrasferiti.
Artikolu 49
Dikjarazzjoni tal-attribuzzjoni
1. L-aġenzija ta’ intervent tagħti minnufih lix-xerrejja dikjarazzjoni ta’ attribuzzjoni tal-aġġudikazzjoni u tinforma lil dawk kollha li għamlu offerta bir-riżultat tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-aġġudikazzjoni.
2. Id-dikjarazzjoni ta’ attribuzzjoni tal-aġġudikazzjoni tindika għallinqas:
a) ir-referenza għall-aġġudikazzjoni;
b) ir-referenza tal-lott u l-kwantità attribwita;
c) skont il-każ, il-prezz, l-ammont tal-primjum ta’ denaturazzjoni jew dak tar-restituzzjoni mal-esportazzjoni li jintgħażlu għall-kwantità attribwita.
Artikolu 50
Tneħħija taz-zokkor mixtri
1. Ħlief f’każ ta’ forza maġġuri, it-tneħħija taz-zokkor mixtri jsir l-aktar tard erba’ ġimgħat wara l-jum li fih tiġi rċevuta d-dikjarazzjoni ta’ attribuzzjoni stabbilita fl-Artikolu 49. Ix-xerrej u l-aġenzija ta’ intervent jistgħu jiddeċiedu li jekk isir kuntratt ta’ ħżin, f’dan iż-żmien, bejn ix-xerrej u dak li jaħżen iz-zokkor inkwistjoni, dan jissostitwixxi t-tneħħija.
Madankollu, l-aġenzija ta’ intervent tista’ tipprevedi żmien aktar twil għat-tneħħija tal-lottijiet iddeterminati u sakemm ikun meħtieġ, meta jkollha xi diffikultajiet ta’ irtirar mill-ħażna.
2. F’każ ta’ forza maġġuri, l-aġenzija ta’ intervent tiddetermina l-miżuri li taħseb li jkunu meħtieġa minħabba ċ-ċirkostanza invokata mix-xerrej.
Artikolu 51
Kupun ta’ tneħħija
1. It-tneħħija taz-zokkor mixtri mix-xerrej jew kuntratt tal-ħżin b’konformità mal-Artikolu 50(1) jistgħu jsiru biss wara il-ħruġ ta’ kupun ta’ tneħħija għall-kwantità attribwita.
Madankollu, xi kupuni tat-tneħħija jistgħu joħorġu għal frazzjonijiet tal-kwantità msemmija.
Kull kupun ta’ tneħħija huwa maħruġ mill-aġenzija ta’ intervent ikkonċernata, b’talba mill-persuna kkonċernata.
2. L-aġenzija ta’ intervent toħroġ kupun ta’ tneħħija biss jekk tingħata l-prova li x-xerrej stabbilixxa garanzija li tiggarantixxi l-ħlas, fiż-żmien stipulat, tal-prezz taz-zokkor attribwit jew jekk irrilaxxa dokument kummerċjali ta’ ħlas.
Il-garanzija kif ukoll id-dokument kummerċjali ta’ ħlas jikkorrispondu għall-prezz li għandu jitħallas, mix-xerrej, għall-kwantità ta’ zokkor li għaliha talab għal kupun ta’ tneħħija.
Artikolu 52
Ħlas
1. Il-ħlas taz-zokkor attribwit għandu jsir lill-aġenzija ta’ intervent l-aktar tard fit-tletin jum wara li joħroġ kupun ta’ tneħħija.
2. Ħlief f’każ ta’ forza maġġuri, il-garanzija stabbilita fl-Artikolu 51(2) tkun rilaxxata biss għall-kwantità li għaliha x-xerrej, fiż-żmien stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ħallas il-prezz tax-xiri lill-aġenzija msemmija. Dan ir-rilaxx isir minnufih.
3. F’każ ta’ forza maġġuri, l-aġenzija ta’ intervent tiddetermina l-miżuri li taħseb huma meħtieġa minħabba c-cirkostanza invokata mix-xerrej.
Artikolu 53
Trasferiment ta’ proprjetà
1. Il-proprjetà taz-zokkor li huwa s-suġġett tal-attribuzzjoni tal-aġġudikazzjoni huwa trasferit fil-mument meta jitneħħa z-zokkor.
2. Madankollu, l-aġenzija ta’ intervent u x-xerrej jistgħu jiddeċiedu li jsir f’mument ieħor. Meta jkun hemm ftehim bejn l-aġenzija ta’ intervent u x-xerrej b’konformità mal-Artikolu 50(1), dawn jiddeċiedu flimkien il-mument li fih isir it-trasferiment ta’ proprjetà.
3. Il-ftehim dwar il-mument tat-trasferiment ta’ proprjetà huwa validu biss jekk ikun magħmul bil-miktub.
Artikolu 54
Determinazzjoni tal-kategorija jew tar-rendiment
Għad-determinazzjoni tal-kategorija jew tar-rendiment taz-zokkor inkwistjoni, waqt it-tneħħija, japplikaw l-Artikoli 35 u 36.
Madankollu, il-partijiet kontraenti jistgħu jiddeċiedu, wara l-attribuzzjoni tal-aġġudikazzjoni, li r-riżultati tad-determinazzjoni tal-kategorija jew tar-rendiment validu għaz-zokkor mixtri mill-aġenzija ta’ intervent huma wkoll validi għaz-zokkor mibjugħ wara l-aġġudikazzjoni.
Artikolu 55
Adattament tal-prezz taz-zokkor
1. Meta l-applikazzjoni tal-Artikoli 35 u 36 twassal, għaz-zokkor abjad, għad-determinazzjoni ta’ xi kategorija inferjuri minn dik stabbilita fl-avviż ta’ aġġudikazzjoni, il-prezz taz-zokkor jiġi adattat, għad-destinazzjonijiet stabbiliti fil-punti b u c tat-tieni inċiż tal-Artikolu 39(3), b’konformità mal-Artikolu 32(6).
2. Meta jkun iddeterminat, għaz-zokkor abjad li ser jintuża għall-esportazzjoni, li jaqa’ taħt kategorija oħra milli dik prevista fl-avviż ta’ aġġudikazzjoni, il-kategorija msemmija fil-liċenzja għall-esportazzjoni tiġi rettifikata.
3. Meta l-applikazzjoni tal-Artikoli 35 u 36 twassal, għaz-zokkor mhux raffinat, għad-determinazzjoni ta’ rendiment li m’huwiex dak previst fl-avviż ta’ aġġudikazzjoni:
a) il-prezz taz-zokkor huwa adattat b’konformità mal-Artikolu 33;
b) l-ammont tal-primjum ta’ denaturazzjoni jew l-ammont tar-restituzzjoni mal-esportazzjoni huwa adattat billi jiġi mmultiplikat b’koeffiċjent ugwali għar-rendiment iddeterminat diviż bir-rendiment indikat fl-avviż ta’ aġġudikazzjoni.
Artikolu 56
Rilaxx tal-garanzija
1. Ħlief f’każ ta’ forza maġġuri, il-garanzija ta’ aġġudikazzjoni tkun rilaxxata biss għall-kwantità li għaliha:
a) jew ix-xerrej:
— talab, wara li ssodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa, titlu ta’ primjum ta’ denaturazzjoni, jew liċenzja għall-esportazzjoni,
— ikkostitwixxa l-garanzija stabbilita fl-Artikolu 51(2), jew ta d-dokument kummerċjali ta’ ħlas stabbilit fl-Artikolu 51(2),
— neħħa z-zokkor fiż-żmien stipulat;
b) jew li ma ngħatatx wara l-offerta.
2. Ir-rilaxx tal-garanzija jsir minnufih.
3. F’każ ta’ forza maġġuri, l-aġenzija ta’ intervent tiddetermina l-miżuri li taħseb ikunu meħtieġa minħabba ċ-ċirkostanza invokata mix-xerrej.
Artikolu 57
Rapporti tal-kwantitajiet
L-Istati Membri jirraportaw lill-Kummissjoni, hekk kif isiru jafuhom, il-kwantitajiet ta’ zokkor abjad u ta’ zokkor mhux raffinat:
— offruti iżda li ma jkunux għadhom aċċettati mill-aġenzija ta’ intervent;
— aċċettati mill-aġenzija ta’ intervent;
— mibjugħin mill-aġenzija ta’ intervent.
▼M3 —————
KAPITOLU VII
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI
Artikolu 58
Il-komunikazzjonijiet u n-notifiki
Il-komunikazzjonijiet u n-notifiki msemmija fl-Artikolu 5(3) u fl-Artikoli 12, 21 u 22 għandhom isiru skont ir-Regolament (KE) Nru 792/2009 ( 7 ).
Artikolu 59
Revoki
Ir-Regolamenti (KE) Nru 1261/2001, (KE) Nru 1262/2001 u (KE) Nru 314/2002 huma revokati.
Madankollu r-Regolamenti (KE) Nru 1261/2001 u (KE) Nru 314/2002 jibqgħu applikabbli għall-produzzjoni tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2005/2006 u r-Regolament (KE) Nru 1262/2001 jibqa’ applikabbli għaz-zokkor aċċettat bl-intervent qabel l-10 ta’ Frar 2006.
Artikolu 60
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Japplika mill-1 ta’ Lulju 2006.
L-Artikoli 23, 24, 25, 26, 27, 28, 29, 30, 31, 32, 33, 34, 35, 36, 37 u 38 huma applikabbli sat-30 ta’ Settembru 2010,
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS I
Kwantitajiet skond l-Istat Membru msemmija fl-Artikolu 23(3) għas-sena tas-suq 2007/2008
|
(tunnellati metriċi) |
|
|
Stat Membru |
Kwantitajiet |
|
Il-Belġju |
31 615 |
|
Il-Bulgarija |
170 |
|
Ir-Repubblika Ċeka |
13 346 |
|
Id-Danimarka |
16 213 |
|
Il-Ġermanja |
130 985 |
|
Il-Greċja |
5 687 |
|
Spanja |
31 790 |
|
Franza (metropolitana) |
130 447 |
|
Franza (id-Dipartimenti extra-Ewropej) |
17 208 |
|
L-Italja |
27 012 |
|
Il-Litwanja |
4 013 |
|
L-Ungerija |
10 699 |
|
L-Olanda |
33 376 |
|
L-Awstrija |
14 541 |
|
Il-Polonja |
63 513 |
|
Il-Portugall (il-kontinent) |
537 |
|
Il-Portugall (l-Azores) |
357 |
|
Ir-Rumanija |
3 912 |
|
Is-Slovakkja |
5 278 |
|
Il-Finlandja |
3 225 |
|
L-Iżvezja |
12 306 |
|
Ir-Renju Unit |
43 769 |
ANNESS II
Termini ta’ xiri għal pitravi, imsemmija fl-Artikolu 16a
PUNT I
Għall-iskopijiet ta’ dan l-Anness “Partijiet Kontraenti” tfisser:
(a) impriżi taz-zokkor (iżjed ’il quddiem “manifatturi”);
u
(b) bejjiegħa tal-pitravi (iżjed ’il quddiem “bejjiegħa”).
PUNT II
1. Kuntratti ta’ konsenja għandhom isiru bil-miktub għal kwantità speċifikata ta’ pitravi taħt kwota.
2. Kuntratti ta’ konsenja għandhom jispeċifikaw jekk tistax tkun fornita kwantità addizzjonali ta’ pitravi, u taħt liema termini.
PUNT III
1. Kuntratti ta’ konsenja għandhom jindikaw il-prezzijiet ta’ xiri għall-kwantitajiet ta’ pitravi msemmija fil-punt a) u, jekk xieraq, il-punt b), ta’ l-Artikolu 50(3) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Fil-każ tal-kwantitajiet imsemmija fil-punt a) ta’ l-Artikolu 50(3), dawk il-prezzijiet ma jistgħux ikunu iktar baxxi mill-prezz minimu għal pitravi taħt kwota msemmi fl-Artikolu 49(1).
2. Kuntratti ta’ konsenja għandhom jistabbilixxu kontenut fiss taz-zokkor għall-pitravi. Għandhom jinkludu skala ta’ konverżjoni li turi l-kontenuti differenti taz-zokkor u l-fatturi biex il-kwantitajiet ta’ pitravi forniti jkunu konvertiti għal kwantitajiet li jikkorrispondu għall-kontenut taz-zokkor li jidher fil-kuntratt tal-konsenja.
L-iskala għandha tkun ibbażata fuq ir-renditi li jikkorrispondu għall-kontenuti differenti taz-zokkor.
3. Meta bejjiegħ ikun iffirma kuntratt ta’ konsenja ma’ manifattur għall-konsenja ta’ pitravi kif imsemmi fil-punt a) ta’ l-Artikolu 50(3), il-kunsinji kollha minn dak il-bejjiegħ, konvertiti skond il-paragrafu 2 ta’ dan il-Punt, għandhom ikunu kkunsidrati bħala kunsinji fis-sens tal-punt a) ta’ l-Artikolu 50(3), sal-kwantità ta’ pitravi speċifikata fil-kuntratt ta’ konsenja.
4. Manifatturi li jipproduċu kwantità ta’ zokkor iktar baxxa mill-kwota tagħhom ta’ pitravi li għaliha ffirmaw kuntratti ta’ konsenja qabel iż-żrigħ taħt il-punt a) ta’ l-Artikolu 50(3), għandhom jiddistribwixxu l-kwantità ta’ pitravi li tikkorrispondi għal kull produzzjoni addizzjonali sa l-ammont tal-kwota tagħhom fost il-bejjiegħa li magħhom iffirmaw kuntratti ta’ konsenja qabel iż-żrigħ fis-sens tal-punt a) ta’ l-Artikolu 50(3).
Ftehim interprofessjonali jista’ jidderoga minn din id-dispożizzjoni.
PUNT IV
1. Kuntratti ta’ konsenja għandhom jikkontjenu dispożizzjonijiet li jikkonċernaw id-durata fit-tul u dik normali ta’ kunsinji tal-pitravi.
2. Dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu dawk applikabbli tul is-sena tas-suq preċedenti, b’kont meħud tal-livell ta’ produzzjoni attwali; ftehim interprofessjonali jista’ jidderoga minnhom.
PUNT V
1. Kuntratti ta’ konsenja għandhom jipprovdu għal postijiet ta’ ġbir tal-pitravi.
2. Meta bejjiegħa u manifatturi jkunu diġà ffirmaw kuntratt ta’ konsenja għas-sena tas-suq preċedenti, il-postijiet tal-ġbir miftiehma minnhom għal kunsinji tul dik is-sena tas-suq għandhom jibqgħu f’operazzjoni. Ftehim interprofessjonali jista’ jidderoga minn din id-dispożizzjoni.
3. Kuntratti ta’ konsenja għandhom jipprovdu li l-ispejjeż għat-tagħbija u t-trasport mill-postijiet tal-ġbir għandu jidħol għalihom il-manifattur soġġett għal ftehim speċjali bbażat fuq regoli jew użanzi lokali f’operazzjoni qabel is-sena tas-suq preċedenti.
4. Madankollu, fid-Danimarka, fil-Greċja, fi Spanja, fl-Irlanda, fil-Portugall, fil-Finlandja u fir-Renju Unit, fejn il-pitravi huma kkonsenjati mingħajr ħlas, kuntratti ta’ konsenja għandhom jeħtieġu lill- manifatturi jikkontribwixxu għal spejjeż ta’ tagħbija u trasport u għandhom jistipulaw il-perċentwali jew l-ammonti.
PUNT VI
1. Kuntratti ta’ konsenja għandhom jipprovdu għal punti għall-irċevuta tal-pitravi.
2. Meta bejjiegħa u manifatturi jkunu diġà ffirmaw kuntratt ta’ konsenja għas-sena tas-suq preċedenti, il-punti ta’ riċevuta miftiehma minnhom għal kunsinji tul dik is-sena tas-suq għandhom jibqgħu f’operazzjoni. Ftehim interprofessjonali jista’ jidderoga minn din id-dispożizzjoni.
PUNT VII
1. Kuntratti ta’ konsenja għandhom jipprovdu li l-kontenut taz-zokkor ikun iddeterminat bl-użu tal-metodu polarimetriku. Għandu jittieħed kampjun tal-pitravi fil-ħin meta jkun riċevut.
2. Ftehim interprofessjonali jista’ jipprovdi biex jittieħdu kampjuni fi stadju ieħor. F’dawn il-każijiet, il-kuntratt tal-konsenja jista’ jipprovdi għal korrezzjoni biex tkun ikkumpensata kull waqgħa fil-kontenut taz-zokkor bejn meta jkun riċevut u meta jittieħed il-kampjun.
PUNT VIII
Kuntratti ta’ konsenja għandhom jipprovdu li l-piż gross, it-tara u l-kontenut taz-zokkor ikunu iddeterminati billi tintuża waħda mill-proċeduri li ġejjin:
(a) konġuntement, mill-manifattur u mill-organizzazzjoni kummerċjali tal-kabbâra tal-pitravi, jekk ftehim interprofessjonali jipprovdi hekk;
(b) mill-manifattur, taħt is-sorveljanza ta’ l-organizzazzjoni kummerċjali tal-kabbâra tal-pitravi;
(ċ) mill-manifattur, taħt is-sorveljanza ta’ espert rikonoxxut mill-Istat Membru kkonċernat, sakemm il-bejjiegħ jagħmel tajjeb għall-ispejjeż tiegħu.
PUNT IX
1. Kuntratti ta’ konsenja għandhom jeħtieġu lill-manifatturi jagħmlu wieħed jew iktar minn dawn li ġejjin għall-kwantità sħiħa ta’ pitravi kkonsenjata:
(a) li jirritornaw il-polpa friska mit-tunnellaġġ ta’ pitravi kkonsenjat mingħajr ħlas, lill-bejjiegħ, ex fabbrika;
(b) li jirritornaw parti minn dik il-polpa, ppressata, imnixxfa jew melassata, mingħajr ħlas, lill-bejjiegħ, ex fabbrika;
(ċ) li jirritornaw il-polpa, ppressata jew imnixxfa, lill-bejjiegħ, ex fabbrika; f’dan il-każ, il-manifattur jista’ jeħtieġ lill-bejjiegħ iħallas l-ispejjeż ta’ l-ippressar jew tat-tnixxif;
(d) li jħallsu lill-bejjiegħ kumpens li jqis il-possibiltajiet li tinbiegħ il-polpa kkonċernata.
Meta partijiet mill-kwantità sħiħa ta’ pitravi huma soġġetti għal trattament differenti, il-kuntratt tal-konsenja għandu jimponi iktar minn obbligu wieħed minn dawk previsti fl-ewwel subparagrafu.
2. Ftehim interprofessjonali jista’ jipprovdi biex il-polpa tkun ikkonsenjata fi stadju differenti minn dak imsemmi fil-paragrafu 1(a), (b) u (c).
PUNT X
1. Kuntratti ta’ konsenja għandhom jiffissaw limiti ta’ żmien għal xi ħlasijiet bil-quddiem u għall-ħlas tal-prezz tax-xiri għal pitravi.
2. Il-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu dawk validi tul is-sena tas-suq preċedenti. Ftehim interprofessjonali jista’ jidderoga minn din id-dispożizzjoni.
PUNT XI
Meta kuntratti ta’ konsenja jistabbilixxu regoli li jkopru kwistjonijiet li huma ttrattati f’dan l-Anness, jew meta jikkontjenu dispożizzjonijiet li jirregolaw suġġetti oħra, id-dispożizzjonijiet u l-effetti tagħhom m’għandhomx jikkonfliġġu ma’ dan l-Anness.
PUNT XII
1. Ftehim interprofessjonali kif deskritt fl-Anness III, il-Parti II, il-punt 11 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandu jikkontjeni klawżoli ta’ arbitraġġ.
2. Meta ftehim interprofessjonali fil-livell tal-Komunità, reġjonali jew lokali jistabbilixxi regoli li jkopru suġġetti li huma ttrattati f’dan ir-Regolament, jew meta jikkontjeni dispożizzjonijiet li jirregolaw suġġetti oħra, id-dispożizzjonijiet u l-effetti tiegħu m’għandhomx jikkonfliġġu ma’ dan l-Anness.
3. Ftehim imsemmi fil-paragrafu 2 jistabbilixxi, b’mod partikolari:
(a) regoli dwar id-distribuzzjoni lil bejjiegħa ta’ kwantitajiet ta’ pitravi li l-manifattur jiddeċiedi li jixtri qabel iż-żrigħ, għall-manifattura ta’ zokkor fil-limiti tal-kwota;
(b) regoli dwar id-distribuzzjoni kif imsemmi fil-Punt III(4);
(ċ) l-iskala ta’ konverżjoni msemmija fil-Punt III(2);
(d) regoli dwar l-għażla u l-fornitura ta’ żerriegħa tal-varjetajiet ta’ pitravi li għandhom ikunu prodotti;
(e) il-kontenut minimu ta’ zokkor tal-pitravi li għandu jkun ikkonsenjat;
(f) ħtieġa għal konsultazzjoni bejn il-manifattur u r-rappreżentanti tal-bejjiegħa qabel ma tkun iffisata d-data tal-bidu ta’ kunsinji tal-pitravi;
(g) il-ħlas ta’ primjums lill-bejjiegħa għal kunsinji kmieni jew tard;
(h) dettalji dwar:
(i) il-parti tal-polpa msemmija fil-Punt IX(1)(b),
(ii) l-ispejjeż imsemmija fil-Punt IX(1)(c),
(iii) il-kumpens imsemmi fil-Punt IX(1)(d);
(i) it-tneħħija ta’ polpa mill-bejjiegħ;
(j) mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 49(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, regoli dwar kif xi differenza bejn il-prezz ta’ referenza u l-prezz attwali tal-bejgħ taz-zokkor għandha tkun allokata bejn il-manifattur u l-bejjiegħa.
PUNT XIII
Meta ma jkun hemm ebda ftehim stabbilit interprofessjonalment dwar kif il-kwantitajiet ta’ pitravi maħsuba għall-manifattura ta’ zokkor fil-limiti tal-kwota li l-manifattur joffri li jixtri qabel iż-żrigħ għandhom ikunu allokati fost il-bejjiegħa, l-Istat Membru kkonċernat jista’ huwa stess jistabbilixxi dawn ir-regoli għal din l-allokazzjoni.
Dawk ir-regoli jistgħu ukoll jagħtu lil bejjiegħa tradizzjonali ta’ pitravi lil kooperattivi, drittijiet ta’ konsenja differenti minn dawk li kienu jgawdu li kieku huma kienu jappartjenu għal dawn il-kooperattivi.
( 1 ) ĠU L 89, 28.3.2006, p. 11.
( 2 ) ĠU L 78, 17.3.2007, p. 20. Edizzjoni Speċjali bil-Malti ĠU L 56M, 29.2.2008, p. 130.
( 3 ) ĠU L 348, 31.12.2007, p. 1.
( 4 ) ĠU L 169, 30.6.2005, p. 1.
( 5 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta' Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3).
( 6 ) ĠU L 288, 9.11.1996, p. 6.
( 7 ) ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3.