11.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 184/20


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1131

tal-10 ta' Lulju 2015

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/505/UE li tawtorizza l-miżura provviżorja meħuda mir-Repubblika Franċiża skont l-Artikolu 129 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) li jirrestrinġi l-użu tal-imluħa tal-ammonju f'materjali ta' insulazzjoni magħmula minn materjal artab ta' ċelluloża

(notifikata bid-dokument C(2015) 4470)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 129(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-14 ta' Ottubru 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/505/UE (2) (“id-Deċiżjoni”) li tawtorizza l-miżura provviżorja meħuda mir-Repubblika Franċiża skont l-Artikolu 129 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 li jirrestrinġi l-użu tal-imluħa tal-ammonju f'materjali ta' insulazzjoni magħmula minn materjal artab ta' ċelluloża.

(2)

Skont l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni, il-miżura provviżorja hija awtorizzata għal perjodu ta' 21 xahar li beda fil-15 ta' Ottubru 2013 u li se jtemm fl-14 ta' Lulju 2015.

(3)

Il-perjodu ta' 21 xahar kien maħsub biex jipprovdi żmien biżżejjed sabiex tiġi konkluża l-proċedura ta' restrizzjoni li, skont l-Artikolu 129(3) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ir-Repubblika Franċiża kellha l-obbligu li tibdieha billi tressaq dossier lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, skont l-Anness XV tal-istess Regolament, sa tliet xhur mill-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni. Id-Deċiżjoni tipprovdi għall-iskadenza tal-awtorizzazzjoni qabel tmiem il-perjodu ta' 21 xahar jekk il-proċedura ta' restrizzjoni tintemm aktar kmieni.

(4)

Minħabba d-diffikultajiet mhux mistennija fir-rigward tal-verifika tal-konformità mwettqa fuq id-dossier skont l-Artikolu 69(4) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, sar dewmien fil-proċedura ta' restrizzjoni, u din aktarx li ma tintemmx qabel ir-rebbiegħa tal-2016.

(5)

Ir-raġunijiet għall-awtorizzazzjoni tal-miżura provviżorja baqgħu l-istess.

(6)

Sabiex tiġi evitata l-inċertezza legali li tkun tirriżulta mill-iskadenza tal-awtorizzazzjoni tal-miżura provviżorja Franċiża qabel il-konklużjoni tal-proċedura ta' restrizzjoni, jeħtieġ li jiġi estiż il-perjodu li għalih hija awtorizzata l-miżura provviżorja.

(7)

Din id-Deċiżjoni hija skont l-opinjoni tal-Kumitat REACH,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/505/UE, il-kliem “21 xahar” jinbidel bil-kliem “36 xahar”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fit-13 ta' Lulju 2015.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Elżbieta BIEŃKOWSKA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/505/UE tal-14 ta' Ottubru 2013 li tawtorizza l-miżura provviżorja meħuda mir-Repubblika Franċiża skont l-Artikolu 129 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) li jirrestrinġi l-użu tal-imluħa tal-ammonju f'materjali ta' insulazzjoni magħmula minn materjal artab ta' ċelluloża (ĠU L 275, 16.10.2013, p. 52).