|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/872 |
28.7.2026 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/872
tal-21 ta’ April 2026
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/3005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-miżuri u s-salvagwardji li għandhom jiġu implimentati mill-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG biex jisseparaw l-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG tagħhom mill-attivitajiet l-oħra tagħhom
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/3005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2024 dwar it-trasparenza u l-integrità tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (ESG), u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/2088 u (UE) 2023/2859 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16(5), it-tielet subparagrafu, tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta’ kunflitti ta’ interess li jistgħu jirriżultaw meta l-impjegati tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG li jkunu involuti direttament fil-proċess ta’ valutazzjoni tal-elementi kklassifikati kellhom ikunu involuti fi kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 16(1), il-punti (c), (d), jew (f), tar-Regolament (UE) 2024/3005, jenħtieġ li l-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (ESG) jiżguraw li tali persunal kritiku jkollu rwoli u responsabbiltajiet delineati b’mod ċar u jiġi assenjat lil strutturi distinti fi ħdan il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG. Sabiex jiġi evitat il-fluss involontarju ta’ informazzjoni sensittiva fi ħdan strutturi jew oqsma tan-negozju u attivitajiet differenti, jenħtieġ li dawk il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG japplikaw ukoll miżuri ta’ separazzjoni fiżika, inkluż l-assenjazzjoni ta’ spazji tax-xogħol iddedikati lill-analisti tal-klassifikazzjoni, biex jisseparaw fiżikament lil tali persunal mill-impjegati tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG li huma involuti fi kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2024/3005. |
|
(2) |
Għall-istess raġuni, jenħtieġ li dawk il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG diġà involuti jew li beħsiebhom jinvolvu ruħhom f’servizzi u f’attivitajiet ta’ investiment, f’attivitajiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew f’attivitajiet tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jkollhom fis-seħħ miżuri addizzjonali fil-forma ta’ sigurtà tal-informazzjoni u kontrolli relatati man-network, politiki u proċeduri interni, taħriġ, miżuri kuntrattwali u kontrolli tal-monitoraġġ tal-konformità, inkluż ir-rieżami tal-komunikazzjonijiet tal-impjegati involuti fil-proċess ta’ valutazzjoni ta’ element ikklassifikat. |
|
(3) |
Sabiex jiġu identifikati kunflitti ta’ interess attwali jew potenzjali, fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG li jkollu l-ħsieb li jipprovdi parametri referenzjarji permezz tal-istess entità ġuridika jenħtieġ li jkollu fis-seħħ salvagwardji addizzjonali fir-rigward tar-remunerazzjoni u l-arranġamenti ta’ kumpens tal-impjegati jew ta’ persuni oħra li huma involuti direttament fil-proċess ta’ valutazzjoni, fil-produzzjoni u fl-offerta ta’ klassifikazzjonijiet ESG, u fl-arranġamenti prekuntrattwali. |
|
(4) |
Peress li dan ir-Regolament jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/3005, li japplika mit-2 ta’ Lulju 2026, huwa xieraq li d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi differita għal dik id-data. |
|
(5) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni. |
|
(6) |
L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament u analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Miżuri u salvagwardji li għandhom jittieħdu mill-fornituri tal-klassifikazzjoni ESG li jipprovdu, jew li beħsiebhom jipprovdu, kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2024/3005
Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (ESG) li jipprovdu, jew li beħsiebhom jipprovdu, kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 16(1), tar-Regolament (UE) 2024/3005 għandhom:
|
(a) |
ikollhom fis-seħħ proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u strutturi organizzazzjonali, b’linji ta’ rapportar speċifiċi u allokazzjoni speċifika ta’ funzjonijiet u responsabbiltajiet, li jiżguraw li l-impjegati involuti direttament fil-proċess ta’ valutazzjoni ta’ element ikklassifikat ma jkunu involuti fl-ebda waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2024/3005; |
|
(b) |
jimplimentaw miżuri ta’ separazzjoni fiżika għall-impjegati u għal persuni oħra involuti direttament fil-proċess ta’ valutazzjoni ta’ element ikklassifikat u għall-persunal li jipprovdi kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2024/3005 b’mod li jissalvagwardja l-indipendenza u l-imparzjalità tal-impjegati u ta’ persuni oħra involuti direttament fil-proċess ta’ valutazzjoni ta’ element ikklassifikat; |
|
(c) |
jiżguraw li l-impjegati u persuni oħra involuti direttament fil-proċess ta’ valutazzjoni ta’ element ikklassifikat jissottomettu darba kull 12-il xahar awtodikjarazzjoni li tiddikjara li mhumiex involuti fl-għoti ta’ kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2024/3005. |
Artikolu 2
Miżuri u salvagwardji fir-rigward tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 16(1), il-punti (d) u (f), tar-Regolament (UE) 2024/3005
1. Meta jkunu involuti fl-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 16(1), il-punti (d) jew (f), tar-Regolament (UE) 2024/3005, il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jimplimentaw il-miżuri u s-salvagwardji li ġejjin:
|
(a) |
kontrolli diġitali li jipprevedu aċċess ibbażat fuq ir-rwol; |
|
(b) |
kontrolli tal-informazzjoni li jippermettu metodi tal-immarkar tal-ilma u livelli ta’ klassifikazzjoni tad-data; |
|
(c) |
politiki u proċeduri għall-ġestjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali; |
|
(d) |
taħriġ regolari tal-impjegati dwar l-importanza tal-ostakli għall-informazzjoni; |
|
(e) |
obbligi kuntrattwali li jirrikjedu li l-impjegati jikkonformaw mal-politiki interni matul l-impjieg tagħhom; |
|
(f) |
attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità biex jiġu identifikati kunflitti ta’ interess. |
2. Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jivvalutaw jekk il-miżuri u s-salvagwardji implimentati skont il-paragrafu 1 humiex adegwati għall-finijiet tal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/3005 mill-inqas darba kull 24 xahar. Meta dik il-valutazzjoni tkun negattiva, il-korp maniġerjali għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ rimedju.
Artikolu 3
Miżuri speċifiċi u addizzjonali li għandhom jittieħdu mill-fornituri tal-klassifikazzjoni ESG li jipprovdu, jew li beħsiebhom jipprovdu, attivitajiet kif imsemmi fl-Artikolu 16(3), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/3005
Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG awtorizzati f’konformità mal-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) 2024/3005 mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq biex jipprovdu parametri referenzjarji għandhom jimplimentaw, minbarra l-miżuri u s-salvagwardji stabbiliti fl-Artikolu 2, dawn kollha li ġejjin:
|
(a) |
miżuri li jiżguraw li l-arranġamenti ta’ kumpens u ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni applikabbli għall-impjegati u għal persuni oħra involuti direttament fil-proċess ta’ valutazzjoni ta’ element ikklassifikat ma jiġux affettwati minn kunflitti ta’ interess reali jew potenzjali li joriġinaw mill-involviment tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG fl-attività tal-forniment tal-parametri referenzjarji; |
|
(b) |
arranġamenti biex jiġi żgurat li l-produzzjoni u l-offerta tal-klassifikazzjonijiet ESG ma jiddependux fuq użu mekkanistiku tal-kostitwenti jew tal-output ta’ parametru referenzjarju li għalih il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ikun l-amministratur; |
|
(c) |
valutazzjoni dokumentata ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interess attwali jew potenzjali qabel ma l-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG jidħol f’kuntratt għall-forniment ta’ servizzi għal:
|
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mit-2 ta’ Lulju 2026.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ April 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L, 2024/3005, 12.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/3005/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1095/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/872/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)