RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tas-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet 2012 /* COM/2014/0562 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U
LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u
l-valutazzjoni ġenerali tas-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u
s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet 2012
1.
Introduzzjoni
L-istennija
tal-għomor li dejjem qed togħla flimkien ma' rati tat-twelid baxxi se
jirriżultaw f'tixjiħ kunsiderevoli tal-popolazzjoni tal-Ewropa. Hemm
it-tendenza li ninsew li t-tixjiħ huwa akkwist kbir, partikolarment għaliex
dan jirrifletti s-suċċessi miksuba fit-tnaqqis tal-mortalità, u
l-potenzjali ta' għadd dejjem jiżdied ta' nies anzjani f'sikkithom u
f'saħħithom. Minflok, ħafna drabi dan narawh bħala theddida
għad-dinamiżmu tal-ekonomija u għas-sostenibbiltà tas-sistemi
tal-kura evoluti tal-Ewropa. F'dan
il-kuntest, f'Settembru 2010[1],
il-Kummissjoni kienet ipproponiet li s-sena 2012 tiġi magħżula
bħala s-sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv. Il-Kummissjoni
enfasizzat li s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet tinżamm
l-aħjar jekk niżguraw li dawk tal-ġenerazzjoni ta' 'baby boom'
jibqgħu aktar fit-tul fis-suq tax-xogħol u jibqgħu
f'saħħithom, attivi u indipendenti kemm jista' jkun fit-tul.
Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottaw id-deċiżjoni dwar din
is-Sena Ewropea f'Settembru 2011[2],
u żiedu l-kliem "solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet"
mat-titlu tagħha. Bi qbil
mad-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-Sena Ewropea għat-Tixjiħ
Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (minn hawn 'il quddiem
is-"SE2012" jew "is-Sena"), dan ir-rapport janalizza
l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-kisbiet ġenerali tas-Sena, u
jkompli jibni fuq il-konklużjonijiet ta' evalwazzjoni esterna[3].
2.
KUNTEST
2.1.
Tħejjija tas-Sena
L-ewwel
suġġerimenti li ssir Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u
s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet saru waqt il-presidenza Slovena
fl-ewwel semestru tal-2008. F'Ġunju 2009, il-Kummissjoni varat
konsultazzjoni pubblika bil-għan li tiġbor l-ideat u
s-suġġerimenti mill-partijiet ikkonċernati ewlenin u
mill-esperti dwar kif jista' jinkiseb l-ikbar impatt possibbli minn Sena
Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà Bejn
il-Ġenerazzjonijiet. Il-Kunsill wera
interess f'din l-inizjattiva f'Novembru 2009 meta talab lill-Kummissjoni
tiżviluppa attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni għall-promozzjoni
tat-tixjiħ attiv, fost affarijiet oħra permezz ta' Sena Ewropea.[4] L-għażla
tat-temi saret b'approċċ komprensiv – l-impjiegi, is-saħħa
u l-għajxien indipendenti, il-parteċipazzjoni, is-solidarjetà
interġenerazzjonali – u kienet konsistenti ma' analiżijiet u
inizjattivi politiċi li saru qabel dwar it-tixjiħ attiv fil-livell
tal-UE u f'livell internazzjonali, iżda anki ma' kwistjonijiet ta'
interess immedjat, b'mod speċifiku fil-kuntest tal-Istrateġija
Ewropa 2020. L-inklużjoni tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet
ġiet promossa mill-Parlament Ewropew[5]. Is-Sena Ewropea
ħabtet mal-għaxar anniversarju tal-Pjan ta' Ħidma
Internazzjonali ta' Madrid dwar it-Tixjiħ[6] li enfasizza
li, bħala għan ewlieni ta' żvilupp, in-nies, huma u
jixjieħu, għandhom jibqgħu jibbenefikaw mill-istess
aċċess għall-parteċipazzjoni attiva fil-ħajja
ekonomika, soċjali, kulturali u politika tas-soċjetà tagħhom.
2.2.
Is-Sena Ewropea 2012 u l-għanijiet
tagħha
Is-SE2012
fittxet li tindirizza l-isfidi ta' Ewropa li qed tixjieħ permezz tat-tixjiħ
attiv fl-oqsma tal-impjiegi, tal-parteċipazzjoni u l-għajxien
indipendenti, billi tqis il-ħtiġijiet u d-drittijiet tan-nies anzjani
flimkien mal-potenzjal tagħhom u l-kontribut li jagħtu fl-ekonomija u
fis-soċjetà. L-għan
ġenerali tas-Sena kien li jiġu mmobilizzati l-atturi rilevanti
fil-promozzjoni tat-tixjiħ attiv u tas-solidarjetà
interġenerazzjonali. Fost dawn l-atturi hemm l-Istati Membri,
l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom, is-sħab soċjali,
is-soċjetà ċivili u l-komunità tan-negozju, inklużi
l-intrapriżi żgħar u medji. L-għanijiet
speċifiċi huma stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni,
u jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej: • li ssir sensibilizzazzjoni ġenerali tal-valur
tat-tixjiħ attiv u li jkun żgurat li dan jingħata post ewlieni
fl-aġenda politika; • li jitħeġġeġ id-dibattitu, li
jkun hemm skambju ta' informazzjoni u li jiġi żviluppat
it-tagħlim reċiproku biex jiġu promossi politiki dwar
it-tixjiħ attiv; • li jinħoloq qafas għall-impenn u
għall-azzjoni konkreta mill-Unjoni u l-Istati Membri bl-involviment
tal-partijiet ikkonċernati; • li jiġu promossi attivitajiet li jgħinu
biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età[7], biex
jintgħelbu l-isterjotipi u l-ostakli.
2.3.
Riżorsi
Id-deċiżjoni
dwar is-SE2012 iddefiniet pakkett baġitarju ta' ħames miljun euro
għall-perjodu ta' bejn Jannar 2011 u Diċembru 2012. Ma
ġewx allokati krediti ġodda għas-Sena Ewropea, u l-finanzjament
ittieħed minn approprijazzjonijiet finanzjarji eżistenti. Il-baġit
għas-Sena Ewropea ntuża primarjament biex jiffinanzja l-attivitajiet
ta' komunikazzjoni tas-Sena (il-websajt tal-UE, sostenn lill-Istati Membri
għall-komunikazzjoni, pubblikazzjonijiet, vidjos, xogħol
ġurnalistiku, eċċ.), b'ammonti iżgħar miżmumin
għall-ftuħ tal-konferenza fid-Danimarka u għall-għeluq f'Ċipru,
kif ukoll għall-evalwazzjoni esterna tas-Sena. Meta mqabbla ma'
Snin Ewropej oħrajn riċenti, is-SE2012 kellha baġit ferm
iżgħar. Minħabba f'hekk, ma kienx disponibbli finanzjament
dirett għall-Istati Membri. Madankollu dan ma naqqasx l-impenn tagħhom
lejn is-SE2012. Il-finanzi allokati għall-attivitajiet ta' komunikazzjoni
ntużaw biex isostnu għadd kbir ta' attivitajiet fil-livell
nazzjonali. L-evalwaturi
esterni sabu li l-istrutturi maniġerjali u l-għodda li ntużaw
fil-livell tal-UE kienu xierqa u ħadmu sew.
3.
IS-SENA EWROPEA 2012 - L-IMPLIMENTAZZJONI U
L-ATTIVITAJIET EWLENIN
3.1.
L-attivitajiet fil-livell tal-UE
Il-biċċa
l-kbira tal-attivitajiet fil-livell tal-UE kienu maħsubin biex isostnu
lill-partijiet ikkonċernati fl-Istati Membri u biex jiffaċilitaw
il-parteċipazzjoni tagħhom fis-Sena Ewropea. B'hekk il-programm
tal-UE ġie implimentat b'kooperazzjoni mill-qrib mal-koordinaturi
nazzjonali għas-Sena Ewropea u mal-Koalizzjoni tal-Partijiet
Ikkonċernati. L-attività ewlenija fil-livell Ewropew kienet kampanja ta'
komunikazzjoni u promozzjoni implimentata minn kuntrattur. Il-punt
ċentrali tal-attivitajiet ta' din il-kampanja kien il-websajt tas-SE[8]
li xandar l-informazzjoni fi 23 lingwa, iżda ħafna mill-kontenut dwar
inizjattivi speċifiċi seta' jixxandar biss bil-lingwa nazzjonali
tal-pajjiż ikkonċernat u bl-Ingliż. Il-websajt ippropona wkoll
materjal promozzjonali għall-użu mill-partijiet ikkonċernati
waqt l-avvenimenti tagħhom. Il-kuntrattur
tal-komunikazzjonijiet ikkoordina netwerk ta' relazzjonijiet mal-mezzi
tax-xandir (l-istampa / l-internet / ir-radju u t-televiżjoni) biex kemm
jista' jkun tinfirex il-komunikazzjoni magħhom dwar l-avvenimenti ewlenin;
dawn tal-aħħar ixxandru wkoll f'bullettin ta' kull xahar. Inħarġu
ħames pubblikazzjonijiet b'appoġġ tal-partijiet
ikkonċernati. Tnejn minn dawn kienu lesti qabel ma bdiet is-Sena u taw
il-fatti u ċ-ċifri: il-"Eurobarometer Special Survey on Active
Ageing" (li pprovda skedi informattivi speċifiċi għal kull
pajjiż tal-UE lil 27 Stat Membru u lil ħames pajjiżi li mhumiex
fl-UE)[9],
u l-Eurostat ħareġ ritratt statistiku dwar it-tixjiħ attiv u
s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet[10]. Eżatt qabel
il-bidu tas-Sena, ġie ppubblikat fuljett bit-titlu "How to promote
active ageing in Europe", prodott konġuntament mill-Kumitat
tar-Reġjuni u l-Pjattaforma Ewropea tal-AGE, biex jgħarraf
lill-partijiet ikkonċernati dwar l-iskemi ta' finanzjament li jistgħu
jintużaw b'rabta mat-tixjiħ attiv, u stieden lill-partijiet
ikkonċernati, partikolarment dawk reġjonali u lokali, biex
jagħmlu l-aħjar użu minnhom possibbli. Tabilħaqq,
waħda mill-ġustifikazzjonijiet biex is-SE2012 ma ġietx allokata
baġit ikbar kienet li ħafna mill-attivitajiet setgħu jieħdu
l-finanzjament permezz ta' programmi eżistenti. The Social
Europe Guide "Demography, active ageing and pensions"[11]
tat idea ġenerali tax-xejriet demografiċi ewlenin li qed
tiffaċċa l-Ewropa, kif ukoll tar-reazzjonijiet politiċi
meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw minn
dawn ix-xejriet. Il-fuljett dwar "Il-kontribut tal-UE
għat-tixjiħ attiv u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet"[12] ta
f'aktar dettall il-bosta inizjattivi tal-UE li jistgħu jgħinu lil
dawk li jfasslu l-politika u lill-partijiet ikkonċernati fl-Istati Membri
biex jimplimentaw l-aġenda dwar it-tixjiħ attiv. Huwa enfasizza li
t-tixjix attiv jirrikjedi interventi politiċi f'ħafna oqsma
differenti, bħalma huma dawk tal-impjieg, il-pensjonijiet, l-edukazzjoni,
is-saħħa, l-innovazzjoni, ir-riċerka, it-trasport, l-ICT u
d-djar. Il-Kummissjoni
Ewropea organizzat ukoll ħafna avvenimenti u konferenzi matul is-sena.
L-evalwazzjoni esterna kkonfermat il-kontribut qawwi ta' dawn għall-kisba
tal-għanijiet tas-SE2012. L-avveniment
tal-ftuħ, bit-titlu “Stay Active – what does it take”, li ġie ospitat
mill-Presidenza Daniża tal-UE f'Copenhagen fit-18 u d-19
ta' Jannar 2012. Il-programm ta' jumejn inkluda d-diskorsi ta'
żewġ ministri tal-gvern Daniż u ta' żewġ Kummissarji
tal-UE. Is-seduti indirizzaw firxa ta' temi, fosthom kwistjonijiet dwar is-suq
tax-xogħol, kif wieħed jibqa' attiv u f'saħħtu,
l-inklużjoni u l-għoti tas-setgħa, l-innovazzjoni u
l-volontarjat. "Ir-rapportaġġ
dwar it-tixjiħ u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet" kien
it-titlu ta' konferenza li saret fi Brussell fid-19 u l-20 ta' Marzu. Dan
kellu l-għan li jagħti opportunità lill-ġurnalisti jaqsmu
l-ideat tagħhom dwar kif għandhom ikopru kwistjonijiet marbutin
mat-tixjiħ attiv u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet fil-mezzi
tax-xandir. Fit-3 ta' April 2012,
saret Konferenza dwar is-Sħubija ta' Innovazzjoni Ewropea dwar
it-Tixjiħ f'Saħħtu u Attiv, "European Innovation
Partnership on Active and Healthy Ageing: From plan to action" biex
jinġabru l-ideat dwar kif jistgħu jiġu implimentati
l-azzjonijiet tas-Sħubija. Il-Kummissarju László Andor fetaħ il-konferenza
b'diskors li fih enfasizza s-sinerġiji bejn is-SE2012 u s-Sħubija. Il-konferenza
dwar il-governanza tajba għat-tixjiħ attiv u b'saħħtu,
“Good governance for active and healthy ageing” (Brussell,
l-4 ta' Ġunju 2012), uriet li l-promozzjoni tat-tixjiħ
attiv teħtieġ tfassil tal-politika integrat, li jinvolvi livelli
diversi ta' gvern u oqsma politiċi differenti. Il-konferenza
“Active ageing-the potential for society” li saret bejn id-9 u l-11
ta' Lulju 2012 f'Dublin, bi ftuħ mill-Kummissarju
għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Ms Máire Geoghegan Quinn, kienet
tiffoka fuq l-aspetti umani u soċjali, kif ukoll l-implikazzjonijiet
tat-tixjiħ attiv, u fuq ir-relazzjonijiet bejn it-tixjiħ, l-ekonomija
u l-innovazzjoni. L-avveniment studja wkoll l-oqsma fejn hemm ħtieġa
ta' aktar riċerka u nieda l-pubblikazzjoni "Population ageing in
Europe: facts, implications and policies", li tippreżenta
r-riżultati tar-riċerka ffinanzjata mill-UE dwar id-demografija. Il-konferenza
tal-Kummissjoni "One Step Up in later life: learning for active ageing and
intergenerational solidarity" (Brussell, 19-21 Novembru 2012) ġibdet
rappreżentanza qawwija minn: awtoritajiet governattivi, fosthom
il-Koordinaturi Nazzjonali tal-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea tat-Tagħlim
għall-Adulti; partijiet ikkonċernati internazzjonali, Ewropej u
nazzjonali; l-edukazzjoni għolja u r-riċerka; is-sħab
soċjali; in-negozji; u proġetti ffinanzjati fil-Programm Grundtvig
għat-Tagħlim Tul il-Ħajja. Ir-riżultati ta' din
il-konferenza kienu Memorandum u sensiela ta' studji kuntestwali dwar
it-tagħlim għal tixjiħ attiv u f'saħħtu u l-impjieg u
t-tagħlim interġenerazzjonali. Fit-13 ta' Novembru 2012
saret ċerimonja ta' premjazzjoni fi Brussell tas-Sena Ewropea
għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet. Din
iffokat fuq nies li huma ta' ispirazzjoni u fuq inizjattivi li taw kontribut
sinifikanti lit-tixjiħ attiv u s-solidarjetà bejn
il-ġenerazzjonijiet. Il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi,
l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, is-Sur László Andor, ħabbar
ir-rebbieħa tas-seba' kategoriji ta' premijiet. Il-Premju
annwali tal-UE għall-Belt Aċċessibbli, li ngħata
mill-Viċi President Viviane Reding
fit-3 ta' Diċembru 2012, ta attenzjoni speċjali
lill-ħtiġijiet ta' aċċessibbiltà tan-nies anzjani. Fost il-ġurija
tal-UE kien hemm rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet tal-anzjani.
L-avveniment tal-għeluq tas-SE2012 "From visions to actions" sar
f'Nicosia fl-10 ta' Diċembru 2012. Dan inbeda
b'dikjarazzjoni mill-President tar-Repubblika ta' Ċipru, u wara sar diskors
mill-Kummissarju László Andor. Il-programm kien ikopri firxa ta' kwistjonijiet,
fosthom il-qagħda preżenti tat-tixjiħ fl-Ewropa u
l-potenzjalitajiet tal-anzjani li s'issa għadhom mhumiex jintużaw. Minbarra
l-attivitajiet li nbdew mill-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenzi, tul is-Sena
kien hemm attivitajiet ta' xi istituzzjonijiet oħrajn ukoll, li ħadmu
mill-qrib mal-koalizzjoni tal-partijiet ikkonċernati u mas-soċjetà
ċivili. Il-Kumitat
Ekonomiku u Soċjali Ewropew kien attiv b'mod partikolari tul is-Sena
Ewropea. Dan ħalaq grupp biex jikkoordina l-attivitajiet marbutin
mas-Sena. Il-grupp organizza ħames avvenimenti pubbliċi fuq temi
differenti u konferenza tal-għeluq tas-Sena[13]. Il-Kumitat
tar-Reġjuni wkoll ta kontribut importanti għas-Sena billi fl-14 ta' Frar 2014[14]
organizza Forum bil-għan li jistimula aktar inizjattivi ġodda
fil-livelli lokali u reġjonali, u li jinħalqu aktar sħubijiet
għall-promozzjoni tat-tixjiħ attiv u biex tissaħħaħ
is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Is-SE2012
gawdiet ukoll l-appoġġ qawwi ta' koalizzjoni wiesgħa ta'
organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mmexxija mill-Pjattaforma
Ewropea tal-AGE, li kibret għal aktar minn 60 membru. Il-membri
tal-Koalizzjoni ħadu sehem f'ħafna attivitajiet tul is-Sena Ewropea,
u żviluppaw pjan direzzjonali li ġie ppreżentat fil-konferenza
tal-ftuħ tas-Sena fit-18 ta' Jannar 2012 f'Copenhagen. L-evalwazzjoni
esterna fil-kapitolu 3.6 enfasizzat il-komplementarjetà qawwija bejn
is-SE2012 u attivitajiet politiċi oħrajn li qed isiru,
bħall-White Paper dwar il-Pensjonijiet, il-Forum Demografiku, it-Tieni
Programm dwar is-Saħħa, l-Att dwar l-Aċċessibbiltà, u b'mod
speċjali, is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar
it-Tixjiħ attiv u b'Saħħtu.
3.2.
L-implimentazzjoni fil-pajjiżi
parteċipanti
Il-pajjiżi
kollha li ħadu sehem (is-27 Stat Membru, l-Islanda, il-Liechtenstein u
n-Norveġja) ħatru Koordinatur Nazzjonali (KN) kull wieħed. Il-ħidma
tagħhom bdiet ħafna qabel il-ftuħ tas-Sena Ewropea - l-ewwel
laqgħa li kellhom saret fit-30 ta' Novembru 2010. Il-KN
ħejjew attivitajiet nazzjonali, fejn ippromovew l-attivitajiet lokali u
reġjonali b'mod li involvew lill-partijiet ikkonċernati kollha
fis-Sena Ewropea. Ippreżentaw il-programmi ta' ħidma nazzjonali
lill-Kummissjoni u taw idea ġenerali tal-attivitajiet nazzjonali ppjanati
għal matul l-2012[15]. Il-programmi ta'
ħidma nazzjonali kienu jirriflettu kuntesti politiċi diversi, b'mod
speċjali dwar il-ħtiġijiet tat-tixjiħ attiv,
il-prijoritajiet politiċi u d-disponibbiltà tar-riżorsi. Madankollu,
il-Kummissjoni pproponiet għadd ta' avvenimenti u attivitajiet u b'mod
partikolari l-organizzazzjoni tal-avvenimenti nazzjonali tal-ftuħ u
tal-għeluq, kif ukoll il-kampanji "Ġenerazzjonijiet
fl-Iskola" u "Jum il-Forzanzjana" u l-iskema ta' premjazzjoni
Ewropea. L-evalwazzjoni esterna tikkonferma r-rilevanza tat-tipi ta'
attivitajiet imwettqin. L-avvenimenti
tal-ftuħ kienu jinvolvu total ta' 4 500 parteċipant, u ntwera
ħafna appoġġ politiku bil-parteċipazzjoni ta' nies
politiċi mlaħħqin. Biex
jintlaħaq pubbliku aktar mifrux, 15-il pajjiż ħatru 115-il
ambaxxatur tas-SE2012. Dawn ġew minn ambjenti diversi: akkademiċi,
rappreżentanti tal-NGOs, ġurnalisti, atturi u kummerċjanti.
L-għadd ta' ambaxxaturi maħtura varja bejn wieħed (fl-Estonja,
fl-Ungerija u fil-Polonja) u 38, fl-Awstrija. L-inizjattiva
"generations @ school" ġiet proposta biex jiġi
ċċelebrat il-Jum Ewropew għas-Solidarjetà bejn
il-Ġenerazzjonijiet (id-29 ta' April). L-idea kienet li
l-anzjani jitħeġġu jidħlu fl-iskejjel u li l-istudenti u
l-anzjani jidħlu fi djalogu interġenerazzjonali. Dan kien mod
effettiv biex intlaħqu l-iskejjel madwar l-Ewropa u biex titrawwem
il-parteċipazzjoni fis-Sena f'livell lokali. L-inizjattiva għenet
ukoll biex tattira l-attenzjoni tal-mezzi tax-xandir, partikolarment il-midja
lokali. Il-Kummissjoni appoġġat l-inizjattiva permezz tal-kuntrattur
tal-komunikazzjonijiet tagħha, li pprovda websajt iddedikat, materjal ta'
gwida, riżorsi u sostenn prattiku għal xi inizjattivi lokali. Il-"Jum
il-Forzanzjana" mmarka l-Jum Internazzjonali tal-Anzjani
(l-1 ta' Ottubru) u kien maħsub biex jimmobilizza lin-nies ta'
età avvanzata biex jagħmlu xogħol ta' volontarjat. L-inizjattiva Jum
il-Forzanzjana ngħatat appoġġ mifrux madwar l-Ewropa, u kienu
preżenti politiċi mlaħħqa, uffiċjali u
rappreżentanti tal-NGOs u personalitajiet għall-avvenimenti ewlenin,
li kienu qegħdin jagħmluha ta' ambaxxaturi tas-SE2012. Il-Kummissjoni
Ewropea appoġġat 25 minn dawn l-avvenimenti. Madankollu,
l-evalwazzjoni esterna wriet li din l-inizjattiva ma ntlaqgħitx minn
pubbliku wiesa' daqs ta' generations@school, aktarx minħabba li
tħabbret aktar tard u f'format mhux daqstant preċiż (ara
l-paġni 52 u 79 tal-evalwazzjoni esterna). Is-SE2012 tat
bidu għal għadd kbir ta' inizjattivi għall-promozzjoni
tat-tixjiħ attiv fl-Istati Membri. B'kollox, ġew implimentati 748
inizjattiva nazzjonali u tranżnazzjonali matul is-Sena, u dawn huma biss
dawk li dehru fil-websajt tal-UE. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà
ċivili ppromovew 291 minn dawn l-inizjattivi. Il-Ġermanja, Spanja u
l-Italja kienu l-pajjiżi li kellhom l-ikbar għadd ta' inizjattivi li
dehru fil-websajt tal-UE, u warajhom kien hemm Franza, l-Awstrija u l-Polonja.
Dawn l-attivitajiet kienu jiffokaw l-iżjed fuq l-iskambju
tal-għarfien u tal-esperjenza, kif ukoll fuq is-sensibilizzazzjoni. Skont
l-istħarriġiet li saru mill-evalwatur (ara l-kapitolu 3.2
tal-evalwazzjoni esterna), is-suġġett li ġibed l-aktar
attenzjoni kien il-parteċipazzjoni fis-soċjetà, u warajh
is-solidarjetà interġenerazzjonali. Intlaħaq tajjeb il-fatt li t-tema
tas-Sena kienet wiesgħa biżżejjed biex tippermetti għadd
ta' suġġetti differenti, u li minħabba f'hekk il-partijiet
ikkonċernati setgħu jagħżlu suġġett li kien
l-iżjed rilevanti għalihom. L-evidenza li toħroġ
mir-riżultati tal-istħarriġ onlajn tal-Koordinaturi Nazzjonali
turi li t-tipi ta' attivitajiet li saru kienu rilevanti
għall-ħtiġijiet tal-Istati Membri u taċ-ċittadini
tal-UE. Il-Koordinaturi Nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati rrispondew
li setgħu jagħżlu l-inizjattivi u jaddattawhom
għall-kuntesti u l-prijoritajiet tagħhom, ħafna drabi
bl-appoġġ tal-kuntrattur tal-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni.
3.3.
L-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u
tal-inklużjoni soċjali
L-integrazzjoni
tal-ugwaljanza bejn is-sessi kienet ilha fil-ħsieb mill-fażi
tat-tħejjija tas-SE2012, u kienet irrappreżentata sew fil-Koalizzjoni
tal-partijiet ikkonċernati u fil-programmi ta' ħidma ta' bosta Stati
Membri, fejn ingħatat attenzjoni speċifika għall-qagħda
tan-nisa li huma mdaħħlin fiż-żmien, iżda ma tantx
ingħatat attenzjoni lill-esperjenzi tal-irġiel anzjani. In-nisa kienu
rrappreżentati sew fost il-Koordinaturi Nazzjonali u fost il-kelliema u
l-parteċipanti fl-avvenimenti li saru waqt is-SE (ara l-kapitolu 5
tal-evalwazzjoni esterna). Is-SE2012
kopriet ukoll firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet marbutin
mad-diżabbiltà, speċjalment kwistjonijiet ta' saħħa u ta'
għajxien indipendenti tan-nies anzjani. Kemm fil-livell tal-UE kif ukoll
dak tal-Istati Membri, l-inizjattivi indirizzaw id-diżabbiltà direttament
u indirettament. L-attivitajiet tas-SE2012 fil-biċċa l-kbira
tagħhom żguraw li l-avvenimenti jkunu aċċessibbli u qiesu
aspetti diversi, bħal-lingwa tas-sinjali u t-trasport. Fil-websajt tal-UE
kien hemm l-għażla ta' tipi akbar, iżda l-evalwazzjoni esterna
osservat li din setgħet tfasslet b'mod aktar aċċessibbli
għal medda usa ta' nies b'diżabbiltajiet bħall-persuni neqsin
mill-vista u dawk neqsin mis-smigħ.
4.
X'KISBET IS-SE2012?
4.1.
Is-SE2012 laħqithom l-għanijiet
tagħha?
Skont
l-evalwazzjoni esterna, is-Sena kellha impatt pożittiv fuq
il-kundizzjonijiet għat-tixjiħ attiv, kemm fil-livell Ewropew, kif
ukoll f'dak nazzjonali. L-għanijiet u l-attivitajiet tas-Sena kienu
rilevanti u l-approċċ irnexxielu jilħaq l-għanijiet
(is-sensibilizzazzjoni, l-istimolu tad-dibattiti u t-tagħlim
reċiproku, il-ħolqien ta' qafas għall-impenn u għal azzjoni
konkreta fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età). L-għan tas-sensibilizzazzjoni
nkiseb, fil-biċċa l-kbira permezz ta' inizjattivi u avvenimenti ta'
livelli tal-UE u nazzjonali, li aktar kienu mmirati lejn l-organizzazzjonijiet
u l-gruppi tas-soċjetà ċivili milli lejn l-individwi. L-inizjattiva
generations@school mmobilizzat madwar 480 skola u xi 27 000
parteċipant, filwaqt li l-iskema ta' premjazzjoni Ewropea
ħeġġet il-ħolqien ta' 1 300 avveniment (inkluż
il-maġġoranza tal-avvenimenti ta' generations@school). "Jum
il-Forzanzjana" ġibed aktar minn 11 000 parteċipant. Dawn
l-inizjattivi ġibdu ħafna attenzjoni lejn is-SE2012 mingħand
il-mezzi tax-xandir, u ġibdu l-attenzjoni lejn is-suċċessi u
l-eżempji pożittivi enfasizzati fl-iskema ta' premjazzjoni. B'mod
ġenerali, is-SE2012 iġġenerat ħafna xandir mill-midja,
b'6162 artiklu fl-istampa, 3432 artiklu onlajn u 321 xandiriet. Filwaqt li
l-websajt tal-UE kien riżors importanti għall-partijiet
ikkonċernati, ġibed 212 822 individwi, inqas mill-websajts
tal-UE ta' Snin Ewropej ta' qabel (fis-SE2010 ġie rrappurtat li kien hemm
400 000 ruħ, u fis-SE2011, kien hemm 366 172). Madankollu, ta'
min wieħed jiftakar li 19-il pajjiż kellhom il-websajts nazzjonali. Fil-livell
tal-UE il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-partijiet
ikkonċernati fil-midja soċjali kienet limitata, iżda aktar
sinifikanti f'ċerti pajjiżi. Pereżempju, fi Spanja nħolqu
kontijiet fil-Facebook u Twitter biex titqassam u tixxerred l-informazzjoni
dwar is-SE2012. Fl-evalwazzjoni ta' Spanja, ġie stmat li ntlaħqu
madwar 700 000 ruħ b'dan il-mod. Is-SE2012
irnexxielha tistimula d-dibattitu pubbliku u trawwem it-tagħlim
reċiproku dwar it-temi tat-tixjiħ attiv u s-solidarjetà bejn
il-ġenerazzjonijiet. B'mod partikolari, l-avvenimenti tal-ftuħ
f'Copenhagen u fil-pajjiżi li pparteċipaw kellhom effetti
multiplikaturi. Ġew organizzati wkoll għadd ta' avvenimenti ta'
djalogu addizzjonali matul is-Sena fil-pajjiżi kollha li pparteċipaw.
Kien hemm ukoll fokus qawwi fuq id-disseminazzjoni tal-prassi tajba.
Il-bażi tad-dejta tal-UE kienet strument qawwi għall-iskambju
tal-informazzjoni dwar stejjer ta' suċċess u eżempji
pożittivi. Għadd ta' proġetti nazzjonali u tranżnazzjonali
ppromovew it-tagħlim reċiproku matul is-Sena. Il-ħtieġa
tal-ġlied kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età
ġiet enfasizzata f'bosta avvenimenti pubbliċi u fi proġetti
diversi. F'dan il-kuntest, kienet enfasizzata b'mod partikolari l-importanza li
jiżdiedu l-opportunitajiet għat-tixjiħ attiv fl-impjieg. Tabilħaqq,
is-SE2012 offriet qafas għall-impenn u għall-azzjoni konkreta.
Il-mobilizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar
it-tema tas-SE tista' titqies bħala kisba kbira. L-involviment ta'
gvernijiet reġjonali u lokali kien sinifikanti wkoll, iżda ma sarx
fil-pajjiżi kollha. Is-SE2012
ħeġġet lil xi pajjiżi biex jew isaħħu aġenda
politika nazzjonali dwar it-tixjiħ attiv u s-solidarjetà
interġenerazzjonali li kienet diġà teżisti, jew jiżviluppaw
strateġiji ġodda. Pereżempju, l-Awstrija varat Pjan Federali
għaċ-Ċittadini Anzjani f'Jannar tal-2012. Fi Spanja ġiet
adottata White Paper. Din analizzat l-aspetti ewlenin li jiddeċiedu
l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani. Għadd ta'
pajjiżi varaw programmi ta' politika fl-okkażjoni tas-SE: F'Novembru
2012, il-Belġju waqqaf Kunsill Konsultattiv Federali ġdid
għan-nies anzjani; l-Irlanda ddeċidiet li kull awtorità lokali ta'
żona fil-pajjiż għandu jkollha l-programm tagħha tal-kontea
b'aktar faċilitajiet għall-anzjani sa tmiem l-2013; F'Awwissu 2012,
il-Polonja adottat programm governattiv għall-attivitajiet soċjali
taċ-ċittadini anzjani għas-snin 2012 u 2013.
4.2.
X'se tħalli ta' ġid is-SE2012?
Tul is-SE2012
ġew żviluppati bosta għodda għall-iżvilupp politiku
tal-ġejjieni. Saret edizzjoni ġdida fl-2013 ta' għadd ta'
avvenimenti u attivitajiet li rnexxew, bħall-kampanja promossa fil-livell
tal-UE "generations@school". Ingħatat gwida
għall-iżvilupp ta' reazzjonijiet politiċi għat-tixjiħ
permezz tad-dokument "Guiding Principles on Active Ageing", li
ġie approvat mill-Ministri tal-Affarijiet Soċjali tal-UE
fis-6 ta' Diċembru 2012[16]. Id-19-il
Prinċipju Gwida huma elaborati taħt l-intestaturi tas-Sena:
l-impjieg, il-parteċipazzjoni fis-soċjetà, u l-għajxien
indipendenti. Dawn huma indirizzati lill-Istati Membri u għal-livelli
rilevanti oħrajn tal-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet li jagħtu
sehem biex jitjiebu iżjed il-kundizzjonijiet għat-tixjiħ attiv.
L-applikazzjoni ta' dawn il-Prinċipji Gwida tgħin ukoll biex
jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 biex jiżdiedu
l-impjiegi u jitnaqqas il-faqar, partikolarment minħabba li jkun hemm
iżjed nies li jkunu jistgħu jkomplu jaħdmu għal aktar snin
tul ħajjithom u b'hekk ikollhom drittijiet ta' pensjoni aħjar. Għodda
oħra biex jibqgħu fil-mira l-għanijiet tas-SE2012 kienet
l-iżvilupp ta' Indiċi tat-Tixjiħ Attiv (ITA)[17]
li ġie ppreżentat waqt l-avveniment tal-għeluq u ġie
żviluppat tul is-SE b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Ekonomiku
għall-Ewropa tal-Ġnus Magħquda (UNECE) u maċ-Ċentru
Ewropew għall-Politika tas-Servizzi Soċjali u r-Riċerka (Vjenna).
L-ITA jkejjel id-dimensjonijiet differenti tat-tixjiħ attiv u
jikkwantifika l-potenzjali mhux utilizzati ta' kull pajjiż. Dan
l-Indiċi għandu jgħin lil min ifassal il-politika biex
jidentifika l-isfidi u l-potenzjali mhux utilizzati
għall-parteċipazzjoni aktar attiva tal-anzjani fl-ekonomija u
fis-soċjetà, u jippermetti l-monitoraġġ tal-progress.
L-iżvilupp tal-indiċi għadu għaddej, biex dan jista'
jiġi aġġornat skont id-dejta l-iżjed riċenti u
possibbilment jista' jiġi kkalkulat fil-livelli sottonazzjonali. Il-Koalizzjoni
tal-partijiet ikkonċernati fis-SE2012 ippreżentat pjan direzzjonali
rivedut[18]
fl-10 ta' Diċembru 2012 waqt il-konferenza tal-għeluq
tal-Presidenza ta' Ċipru tas-SE2012 f'Nicosia. Dan kien fih għadd
kbir ta' inizjattivi ta' segwitu li għadhom iżommu r-ritmu li
laħqu waqt is-Sena Ewropea. Waħda minn dawn l-inizjattivi hija
l-iżvilupp ta' Patt tas-Sindki dwar it-tibdil demografiku, fuq il-mudell
tal-patt tas-sindki dwar l-enerġija sostenibbli[19].
Dan ikun jipprovdi qafas li jippermetti lil min ifassal il-politika lokali u
reġjonali jimpenja ruħu biex iwettaq miżuri ġodda
b'reazzjoni għat-tixjiħ. It-twaqqif ta' dan il-patt huwa maħsub
fil-kuntest tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar
it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu (EIP AHA), u l-grupp ta' ħidma
tiegħu dwar "L-innovazzjoni għal bini, bliet u ambjenti favur
l-anzjani". [20] L-EIP AHA
tirrappreżenta kontribut sinifikanti mingħand l-UE biex
jintlaħqu l-miri tas-SE2012[21].
Il-Kummissjoni Ewropea għarfet li popolazzjoni li qed tixjieħ hija
sfida soċjali komuni għall-pajjiżi kollha Ewropej, għalhekk
tat prijorità lil dan il-fatt fl-Unjoni tal-Innovazzjoni, li hija waħda
mill-inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020. L-aktar għan importanti
tas-Sħubija huwa li l-għadd medju ta' snin ta' ħajja
f'saħħitha fl-UE jiżdied b'sentejn sal-2020. Il-Pjan
Strateġiku ta' Implimentazzjoni (PSI) ta' din l-inizjattiva jistabbilixxi
l-azzjonijiet prijoritarji biex tintlaħaq l-isfida tat-tixjiħ permezz
tal-innovazzjoni u jiffoka fuq tliet oqsma ewlenin: il-prevenzjoni, il-kura u
t-trattament, u l-għajxien indipendenti. L-azzjonijiet dwar it-tixjiħ
attiv żviluppati fil-kuntest tas-SE2012 jistgħu jitkomplew fil-qafas
usa tal-EIP AHA, u b'hekk jkunu qegħdin jikkontribwixxu
għall-għanijiet tal-Ewropa 2020.
5.
KONKLUŻJONIJIET
Is-Sena Ewropea
għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet
irnexxielha timpenja l-ħidma ta' bosta atturi governattivi u mhux
governattivi. Għenet biex tat perspettiva aktar pożittiva
tat-tixjiħ tal-popolazzjoni billi enfasizzat il-potenzjali tal-anzjani u
ppromoviet il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fis-soċjetà u
fl-ekonomija. Bosta Stati
Membri u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili użaw is-Sena
Ewropea bħala opportunità biex jiżviluppaw inizjattivi ġodda jew
isaħħu dawk li diġà kienu jeżistu. L-attivitajiet li nbdew
mis-SE2012 urew kemm qed jikber l-interess fit-tixjiħ attiv. Għal dan
il-għan, ġew jew qegħdin jiġu żviluppati bosta
għodda, b'mod partikolari l-prinċipji gwida dwar it-tixjiħ
attiv, l-indiċi tat-tixjiħ attiv, u l-patt dwar it-tibdil
demografiku. Dawk li jfasslu
l-politiki fl-Istati Membri huma mistiedna li jutilizzaw dawn l-għodda
għall-massimu. L-UE se tkompli tappoġġahom. Dan
l-appoġġ se jsir fil-forma ta' gwida politika, b'mod partikolari
fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, fejn ġew indirizzati lill-maġġoranza
tal-Istati Membri r-rakkomandazzjonijet dwar karrieri itwal, u aktar
riċentement, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull
pajjiż dwar il-kura fit-tul. It-tixjiħ attiv huwa wkoll qasam ta'
investiment soċjali importanti, kif ġie enfasizzat fil-Komunikazzjoni
tal-Kummissjoni "Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u
l-Koeżjoni"[22].
F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri biex
jużaw il-Prinċipji Gwida għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà
bejn il-Ġenerazzjonijiet u l-Indiċi tat-Tixjiħ Attiv. Għaldaqstant,
it-tixjiħ attiv u b'saħħtu huwa waħda mill-prijoritajiet
għall-investiment tal-Fond Soċjali Ewropew fil-perjodu pprogrammat
tal-2014 sal-2020. Il-finanzjament ta' proġetti li jippromwovu
t-tixjiħ attiv huwa disponibbli f'medda wiesgħa ta' programmi u
strumenti finanzjarji tal-UE. Waħda mill-prijoritajiet tas-Sħubija
Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu
hija li tikkombina dawn il-programmi/strumenti mal-prijoritajiet identifikati
għat-tixjiħ attiv u f'saħħtu filwaqt li jiġi evitat
l-irduppjar bejn strument u ieħor.[23] Rigward
il-pilastru dwar l-għajxien indipendenti tas-SE2012, il-Kummissjoni
tappoġġa lill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali fil-produzzjoni
ta' rapport dwar il-kura fit-tul li ġie ppubblikat f'Ġunju 2014.
Dan eżamina kif jista' jingħalaq id-distakk bejn id-domanda
għall-kura fit-tul u l-forniment tagħha permezz ta' investiment
xieraq f'miżuri li jnaqqsu l-ħtieġa tal-kura fit-tul u
jżidu l-effiċjenza li biha tingħata din il-kura, fost mezzi
oħrajn bl-użu ta' servizzi negħjunin mit-teknoloġija[24]. Huwa
kompla wkoll jibni fuq l-eżempji mis-sħab tal-EIP AHA. Il-ħidma
fuq dawn il-kwistjonijiet tkompli wkoll fil-kuntest tas-Sħubija Ewropea
għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu, li turi
kif l-UE tista' tgħin lill-Istati Membri billi tiffaċilita l-iskambju
tal-aħjar prattiki, billi tirriċerka u tittestja soluzzjonijiet
ġodda, u billi trawwem l-innovazzjoni teknika u soċjali Is-SE2012 tat
kontribut biex it-tixjiħ attiv iddaħħal sew fl-aġendi
politiċi tal-Ewropa u f'bosta aġendi politiċi nazzjonali
b'aproċċ transettorjali u b'diversi partijiet ikkonċernati. Dan
il-momentum irid jinżamm. Is-solidarjetà kbira bejn
il-ġenerazzjonijiet li tikkaratterizza lis-soċjetajiet u lis-sistemi
tas-servizzi tal-kura Ewropej tista' tkompli tinżamm biss, fil-kuntest
tal-popolazzjonijiet li qegħdin jixjieħu u tal-baġits ristretti,
billi nippromwovu t-tixjiħ attiv fil-forom kollha tiegħu. [1] COM(2010) 462 finali,
6.9.2010. [2] Id-Deċiżjoni
Nru 940/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-14 ta' Settembru 2011 dwar is-Sena Ewropea
għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet
(2012), ĠU L 246, 23.9.2011, p. 5-10. [3] L-Evalwazzjoni tas-Sena
Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn
il-Ġenerazzjonijiet 2012 ("Evaluation of the European Year for Active
Ageing and Solidarity between Generations 2012", Ecorys, December 2012),
ibbażata fuq l-analiżi ta' dejta li nġabret minn
stħarriġ ta' Koordinaturi Nazzjonali u partijiet ikkonċernati
nazzjonali, minn intervisti, minn riċerka bbażata fuq id-dokumentazzjoni,
minn analiżijiet tal-midja soċjali u minn studji ta' każijiet. [4] Council conclusions of 20
November 2009 on healthy and dignified ageing [5] Riżoluzzjoni
tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2010 dwar l-isfida
demografika u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet (2010/2027(INI)). [6] United Nations Report of
the Second World Assembly on Ageing, Madrid, 8-12 April 2002. A/CONF.179/9. [7] Ara d-Direttiva
tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi
qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u
fix-xogħol [8] http://europa.eu/ey2012 [9] http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb_special_379_360_en.htm [10] http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/product_details/publication?p_product_code=KS-EP-11-001 [11] http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=6805 [12]
http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=8710&langId=en [13] http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.events-and-activities-closing-conference-ey2012 [14] www.cor.europa.eu/EY2012 [15] http://europa.eu/ey2012/ey2012main.jsp?catId=986&langId=en [16] Id-Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar
is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn
il-Ġenerazzjonijiet (2012): It-Triq ’il Quddiem, Brussell,
is-7 ta' Diċembru 2012. [17] http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=1837&furtherNews=yes [18] http://www.age-platform.eu/images/stories/Updated_EY2012_Roadmap_Coalition_FINALVERSION1.doc [19] http://www.covenantofmayors.eu [20] http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=8710&langId=en [21] "Il-progress
tal-Pjan Strateġiku tal-Implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea
għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu"
COM(2012) 83finali [22] COM(2013) 83 final 20.2.2013. [23] COM(2012) 83finali [24] Ara l-istudju ta'
riċerka li jappoġġa l-Kumitat għall-Protezzjoni
Soċjali ICT-AGE : Long Term Care Strategies for Independent Living of
Elderly People li twettaq minn EC JRC IPTS. http://is.jrc.ec.europa.eu/pages/EAP/eInclusion/carers_ICTAGE.html