02017R0185 — MT — 03.02.2017 — 000.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/185 tat-2 ta' Frar 2017 ►C1 li jistabbilixxi miżuri tranżizzjonali għall-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ◄ (ĠU L 029 3.2.2017, p. 21) |
Ikkoreġut b'
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/185
tat-2 ta' Frar 2017
li jistabbilixxi miżuri tranżizzjonali għall-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Artikolu 1
Is-suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-miżuri tranżizzjonali għall-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 għal perjodu ta' tranżizzjoni mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2020.
Artikolu 2
Deroga li tikkonċerna l-forniment dirett ta' kwantitajiet żgħar ta' laħam tat-tjur u tal-lagomorfi
B'deroga mill-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, id-dispożizzjonijiet stipulati f'dak ir-Regolament ma għandhomx japplikaw għall-forniment dirett, mill-produttur lill-konsumatur aħħari jew lill-istabbilimenti tal-imnut lokali li jfornu b'mod dirett lill-konsumatur aħħari, ta' kwantitajiet żgħar ta' laħam tat-tjur u tal-lagomorfi li jinqatlu fir-razzett.
Artikolu 3
Deroga li tikkonċerna r-rekwiżiti tas-saħħa pubblika għall-importazzjoni ta' prodotti ta' oriġini mill-annimali u ta' ikel li fih prodotti ta' oriġini veġetali kif ukoll prodotti pproċessati ta' oriġini mill-annimali
1. L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 ma għandux japplika għall-importazzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali li għalihom, fil-livell tal-Unjoni, ma ġie stabbilit l-ebda rekwiżit armonizzat tas-saħħa pubblika biex jiġu importati.
L-importazzjonijiet ta' dawn il-prodotti għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-saħħa pubblika għall-importazzjoni tal-Istat Membru li jimportahom.
2. B'deroga mill-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, l-operaturi tan-negozji tal-ikel li jimportaw ikel li fih kemm prodotti li joriġinaw mill-pjanti kif ukoll prodotti pproċessati li joriġinaw mill-annimali, minbarra dawk imsemmijin fl-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 28/2012 għandhom ikunu eżentati mill-obbligi previsti fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.
L-importazzjonijiet ta' dawn il-prodotti għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-saħħa pubblika għall-importazzjoni tal-Istat Membru li jimportahom.
Artikolu 4
Deroga li tikkonċerna l-proċeduri tas-saħħa pubblika għall-importazzjonijiet ta' prodotti ta' oriġini mill-annimali
Il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 ma għandux japplika għall-importazzjonijiet ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali li għalihom l-ebda kundizzjoni armonizzata tas-saħħa pubblika għall-importazzjoni ma ġiet stabbilita fil-livell tal-Unjoni.
L-importazzjonijiet ta' dawn il-prodotti għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-saħħa pubblika għall-importazzjoni tal-Istat Membru li jimportahom.
Artikolu 5
Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2020.
Għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.