|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1946 |
19.8.2026 |
TRADUZZJONI
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Djibouti dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tal-Djibouti fil-qafas tal-operazzjoni ta’ sigurtá marittima tal-Unjoni Ewropea biex tiġi ssalvagwardata l-libertà ta’ navigazzjoni b’rabta mal-kriżi tal-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ASPIDES)
L-UNJONI EWROPEA,
minn naħa waħda, u
IR-REPUBBLIKA TAL-DJIBOUTI, minn hawn 'il quddiem imsejħa “Djibouti” jew “Stat Ospitanti”,
min-naħa l-oħra,
minn hawn 'il quddiem flimkien imsejħin il-“Partijiet”,
IMĦASSBA dwar iż-żieda fl-attakki fuq bastimenti tal-merkanzija, u kummerċjali u filwaqt li jisħqu fuq l-importanza tal-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet tan-navigazzjoni tal-bastimenti tal-Istati kollha fil-Baħar l-Aħmar, inkluż il-bastimenti tal-merkanzija u kummerċjali li jgħaddu mill-Istrett ta' Bab al-Mandab, f'konformità mad-dritt internazzjonali,
WARA LI KKUNSIDRAW:
|
— |
ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2624 (2022) u 2722 (2024), |
|
— |
il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, magħmula f'Montego Bay fl-10 ta' Diċembru 1982, |
|
— |
id-Deċiżjoni (PESK) 2024/583 tal-Kunsill tat-8 ta' Frar 2024 dwar operazzjoni ta' sigurtà marittima tal-Unjoni Ewropea biex tiġi ssalvagwardata l-libertà ta' navigazzjoni b'rabta mal-kriżi tal-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ASPIDES) (1), |
|
— |
l-ittra mir-Repubblika tal-Djibouti datata t-12 ta' Marzu 2024 li taċċetta b'mod partikolari l-iskjerament tal-EUNAVFOR ASPIDES fil-Djibouti biex tikseb l-appoġġ li teħtieġ, |
|
— |
li dan il-Ftehim ma jolqotx id-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet taħt strumenti ta' ftehimiet internazzjonali oħrajn u strumenti oħrajn li jistabbilixxu qrati u tribunali internazzjonali, inkluż l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, |
QABLU DWAR DAN LI ĠEJ:
Artikolu 1
Kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet
1. Dan il-Ftehim għandu japplika għall-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea u l-persunal tagħhom.
2. Dan il-Ftehim għandu japplika biss fit-territorju tal-Istat Ospitanti, inkluż l-ilmijiet interni, il-baħar territorjali u l-ispazju tal-ajru tiegħu.
3. Għall-fini ta' dan il-Ftehim:
|
a) |
“forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea” jew “EUNAVFOR” għandha tfisser il-kwartieri ġenerali militari tal-UE u l-kontinġenti nazzjonali li jikkontribwixxu għall-operazzjoni, il-bastimenti tagħhom, l-inġenji tal-ajru tagħhom, it-tagħmir tagħhom u l-mezzi tat-trasport tagħhom; |
|
b) |
“operazzjoni” għandha tfisser it-tħejjija, l-istabbiliment, l-eżekuzzjoni u l-appoġġ tal-operazzjoni ta’ sigurtá marittima tal-Unjoni Ewropea biex tiġi ssalvagwardata l-libertà ta’ navigazzjoni b’rabta mal-kriżi tal-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ASPIDES) stabbilita mill-Unjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni (PESK) 2024/583; |
|
c) |
“Kmandant tal-Operazzjoni” għandha tfisser il-Kmandant tal-Operazzjoni; |
|
d) |
“Kmandant tal-Forza tal-UE” għandha tfisser il-Kmandant fiż-żona tal-operazzjonijiet; |
|
e) |
“kwartieri ġenerali militari tal-UE” għandha tfisser il-kwartieri ġenerali militari u l-elementi tagħhom, irrispettivament minn fejn jinsabu, taħt l-awtorità tal-kmandanti militari tal-UE li jeżerċitaw il-kmand jew il-kontroll militari tal-operazzjoni; |
|
f) |
“kontinġenti nazzjonali”, għandha tfisser l-unitajiet, il-bastimenti u l-inġenji tal-ajru u l-elementi li jappartjenu lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u lil Stati oħrajn li jipparteċipaw fl-operazzjoni; |
|
g) |
“persunal tal-EUNAVFOR” għandha tfisser il-persunal ċivili u militari assenjat lill-EUNAVFOR, kif ukoll il-persunal insedjat għat-tħejjija tal-operazzjoni u l-persunal fuq missjoni għal Stat Mittenti jew istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-qafas tal-operazzjoni, preżenti fit-territorju tal-Istat Ospitanti, bl-eċċezzjoni tal-persunal impjegat lokalment u l-persunal impjegat minn kuntratturi kummerċjali internazzjonali; |
|
h) |
“persunal impjegat lokalment” għandha tfisser il-membri tal-persunal li jkunu ċittadini tal-Istat Ospitanti jew ikunu residenti permanenti fih; |
|
i) |
“faċilitajiet” għandha tfisser il-bini, l-akkomodazzjoni u l-art kollha meħtieġa għall-EUNAVFOR u għall-persunal tagħha; |
|
j) |
“Stat Mittenti” għandha tfisser Stat li jipprovdi kontinġent nazzjonali għad-dispożizzjoni tal-EUNAVFOR; |
|
k) |
“ilmijiet” għandha tfisser l-ilmijiet interni u l-baħar territorjali tal-Istat Ospitanti, kif ukoll l-ispazju tal-ajru fuq dawn l-ilmijiet; |
|
l) |
“korrispondenza uffiċjali”, għandha tfisser kull korrispondenza relatata mal-operazzjoni u mal-funzjonijiet tagħha. |
Artikolu 2
Dispożizzjonijiet ġenerali
1. L-EUNAVFOR u l-persunal tiegħu għandhom jirrispettaw il-liġijiet u r-regolamenti tal-Istat Ospitanti u għandhom jastjenu minn kull azzjoni jew attività li tkun inkompatibbli mal-objettivi tal-operazzjoni.
2. L-EUNAVFOR għandha tinforma, minn qabel u regolarment, lill-gvern tal-Istat Ospitanti bin-numru tal-membri tal-persunal tagħha li jgħaddu mit-territorju tal-Istat Ospitanti jew li jkunu stazzjonati fih, kif ukoll bl-identità tal-bastimenti, l-inġenji tal-ajru u l-unitajiet li joperaw fl-ilmijiet jew li jidħlu fil-portijiet tal-Istat Ospitanti.
3. Kwalunkwe skjerament propost ta' ċittadini ta' Stat terz parteċipanti fl-operazzjoni jew żjara minnhom fil-Djibouti hija nnotifikata minn qabel permezz ta' note verbale lill-Djibouti sabiex jinkiseb l-awtorizzazzjoni tagħha. Fin-nuqqas ta' oġġezzjoni bil-miktub mill-Djibouti fi żmien ħmistax-il (15) jum mill-wasla ta' dik in-notifika, l-iskjerament ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi kkonċernati jew iż-żjara minnhom għandhom jitqiesu li jkunu rċevew awtorizzazzjoni taċita mill-awtoritajiet tal-Djibouti.
Artikolu 3
Identifikazzjoni
1. Il-membri tal-persunal tal-EUNAVFOR li jkunu fuq l-art fit-territorju tal-Istat Ospitanti dejjem iġorru magħhom il-passaport jew il-karta tal-identità militari tagħhom.
2. Il-vetturi, l-inġenji tal-ajru, il-bastimenti u l-mezzi l-oħrajn tat-trasport tal-EUNAVFOR għandhom ikollhom fuqhom marki ta' identifikazzjoni jew pjanċi tar-reġistrazzjoni distintivi tal-EUNAVFOR, li dwarhom għandhom ikunu notifikati minn qabel l-awtoritajiet tal-Istat Ospitanti.
3. L-EUNAVFOR għandha jkollha d-dritt li turi l-bandiera tal-Unjoni Ewropea u marki distintivi, bħal ma huma insinji militari, titoli u simboli uffiċjali, fuq il-faċilitajiet, il-vetturi u l-mezzi l-oħrajn tat-trasport tagħha. L-uniformijiet tal-persunal tal-EUNAVFOR għandu jkollhom emblema distintiva tal-EUNAVFOR.
4. Il-bnadar jew l-insinji nazzjonali tal-kontinġenti nazzjonali li jikkostitwixxu l-operazzjoni jistgħu jkunu murija fuq il-faċilitajiet, il-vetturi u l-mezzi l-oħrajn tat-trasport kif ukoll fuq l-uniformijiet tal-EUNAVFOR, f’konformità mad-deċiżjoni tal-Kmandant tal-Forza tal-UE.
Artikolu 4
Qsim tal-fruntieri u moviment fit-territorju tal-Istat Ospitanti
1. Il-membri tal-persunal tal-EUNAVFOR m'għandhomx jidħlu fit-territorju tal-Istat Ospitanti ħlief bil-preżentazzjoni ta' passaport validu, u, jekk ikun l-ewwel dħul, ħlief fil-każ tal-ekwipaġġi tal-bastimenti u tal-inġenji tal-ajru tal-EUNAVFOR, bil-preżentazzjoni ta' ordni ta' missjoni individwali jew kollettiva maħruġa mill-EUNAVFOR. Meta huma jidħlu fit-territorju tal-Istat Ospitanti, jitilqu minnu jew ikunu qegħdin fih, huma għandhom ikunu eżenti minn spezzjonijiet fil-qafas tal-formalitajiet tal-immigrazzjoni u tal-kontroll doganali. L-ekwipaġġi tal-bastimenti u tal-inġenji tal-ajru tal-EUNAVFOR għandhom ikunu eżenti mir-regoli applikabbli relatati mal-viża.
2. Il-membri tal-persunal tal-EUNAVFOR għandhom ikunu eżenti mir-regoli applikabbli tal-Istat Ospitanti dwar ir-reġistrazzjoni u l-kontroll tal-barranin, iżda m'għandhom jiksbu l-ebda dritt għal residenza jew domiċilju permanenti fit-territorju tal-Istat Ospitanti.
3. L-Istat Ospitanti għandu jiġi pprovdut, għal fini ta' informazzjoni, b'lista ġenerali tar-riżorsi tal-EUNAVFOR li jidħlu fit-territorju tiegħu.
Dawn ir-riżorsi għandu jkollhom marka ta' identifikazzjoni tal-EUNAVFOR. L-EUNAVFOR għandha tkun eżenti milli tipproduċi xi dokument doganali ieħor kif ukoll minn kull tip ta' spezzjoni.
4. Il-membri tal-persunal tal-EUNAVFOR jistgħu jsuqu vetturi bil-mutur u jinnavigaw bastimenti u inġenji tal-ajru fit-territorju tal-Istat Ospitanti bil-kondizzjoni li jkollhom, skont il- każ, liċenzja tas-sewqan, ċertifikat ta' kaptan ta' bastiment jew liċenzja ta' bdot valida nazzjonali, internazzjonali jew militari, li tkun inħarġet minn wieħed mill-Istati Mittenti.
5. Għall-finijiet tal-operazzjoni, l-Istat Ospitanti għandu jagħti lill-EUNAVFOR u lill-persunal tagħha l-libertà tal-moviment u tal-ivvjaġġar fit-territorju tiegħu, inkluż l-ilmijiet u l-ispazju tal-ajru tiegħu. Il-libertà tal-moviment fil-baħar territorjali tal-Istat Ospitanti għandha tinkludi partikolarment il-waqfien u l-ankraġġ.
6. Għall-finijiet tal-operazzjoni, l-EUNAVFOR tista' twettaq l-illanċjar, l-inżul jew it-teħid abbord ta' inġenji tal-ajru jew tagħmir militari fl-ilmijiet.
7. Għall-finijiet tal-operazzjoni, l-EUNAVFOR u l-mezzi tat-trasport li tikri jistgħu jużaw it-toroq, il-pontijiet, il-laneċ, l-ajruporti u l-portijiet mingħajr ma jħallsu taxxi jew tariffi simili. L-EUNAVFOR m'għandhiex tkun eżenti minn kontributi finanzjarji bħala kumpens għas-servizzi li tibbenefika minnhom fuq talba tagħha.
8. Il-Djibouti tawtorizza lill-EUNAVFOR biex taċċessa u tuża faċilitajiet militari barranin fil-Djibouti għall-fini tal-iskjerament ta' massimu ta' għaxar (10) persuni.
L’EUNAVFOR għandha tinnotifika lill-Djibouti, permezz ta' note verbale, dwar l-għadd ta' persunal skjerat fl-1 ta Jannar 2026 fil-faċilitajiet militari msemmija hawn fuq, fil-limiti tal-massimu msemmi fl-ewwel paragrafu.
Fil-każ ta' ċirkostanzi eċċezzjonali rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea u l-Djibouti, u b'mod partikolari fil-każ li l-operazzjoni ma jkollhiex kwartieri imbarkati, l-EUNAVFOR tista' tipprevedi skjerament temporanju addizzjonali ta' għoxrin (20) persuna f'waħda minn dawn il-faċilitajiet militari għal perjodu ta' sitt (6) xhur. Iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali u d-dettalji ta' dan il-proġett ta’ skjerament għandhom jiġu nnotifikati permezz ta' note verbale lill-Djibouti sabiex tikseb il-kunsens tagħha. Fin-nuqqas ta' oġġezzjoni bil-miktub mill-Djibouti fi żmien ħmistax-il (15) jum mill-wasla ta' dik in-notifika, l-iskjerament addizzjonali temporanju għandu jitqies li jkun awtorizzazzat taċitament mill-awtoritajiet tal-Djibouti. Hekk kif iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali jispiċċaw, in-numru ta' persunal skjerat fil-faċilitajiet militari barranin fil-Djibouti għandu jitnaqqas għal massimu ta' għaxar (10) persuni.
Artikolu 5
Privileġġi u immunitajiet tal-EUNAVFOR mogħtija mill-Istat Ospitanti
1. Il-faċilitajiet, il-bastimenti u l-inġenji tal-ajru tal-EUNAVFOR għandhom ikunu invjolabbli. Madankollu, l-aġenti tal-Istat Ospitanti jistgħu jidħlu fihom bil-kunsens tal-Kmandant tal-Forza tal-UE.
2. L-EUNAVFOR, kif ukoll il-beni u r-riżorsi tagħha, irrispettivament minn fejn jinsabu u mid-detentur tagħhom, għandu jkollhom immunità mill-ġuriżdizzjoni.
3. Il-faċilitajiet u t-tagħmir tal-EUNAVFOR, il-beni oħra fil-faċilitajiet imsemmija hawn fuq, kif ukoll il-mezzi ta' trasport tal-EUNFAVFOR għandhom ikunu ħielsa minn kull tfittxija, rekwiżizzjoni, sekwestru jew miżura ta' eżekuzzjoni.
4. L-arkivji u d-dokumenti tal-EUNAVFOR għandhom ikunu dejjem invjolabbli, ikunu fejn ikunu.
5. Il-korrispondenza uffiċjali tal-EUNAVFOR għandha tkun invjolabbli.
6. L-Istat Ospitanti għandu jawtorizza d-dħul ta' oġġetti għall-operazzjoni u jagħtihom eżenzjoni minn kull dazju doganali, taxxa jew tariffi simili, ħlief għall-ispejjeż għal ħżin, trasport u servizzi oħra mwettqa.
7. L-EUNAVFOR għandha tkun eżenti mill-imposti, it-taxxi u t-tariffi simili kollha nazzjonali, reġjonali jew komunali fir-rigward ta' merkanzija mixtrija u importata, servizzi pprovduti u faċilitajiet użati minnha għall-finijiet tal-operazzjoni.
L-EUNAVFOR m'għandhiex tkun eżenti minn imposti jew ħlasijiet oħra li jirrappreżentaw ħlas għal servizzi mwettqa.
Artikolu 6
Privileġġi u immunitajiet tal-persunal tal-EUNAVFOR mogħtija mill-Istat Ospitanti
1. Il-persunal tal-EUNAVFOR ma jista' jkun soġġett għal ebda forma ta' arrest jew detenzjoni. F'każ ta' reat f'postijiet pubbliċi li jiġi nnotat waqt li jkun qed iseħħ minn awtorità tal-pulizija tal-Istat Ospitanti, din għandha, jekk il-persuna li twettaq ir-reat tkun ippreġudikat l-integrità fiżika ta' ċittadin tal-Istat Ospitanti, tkun awtorizzata li żżommha taħt arrest biex tiżgura l-protezzjoni tagħha sakemm jaslu l-awtoritajiet kompetenti tal-EUNAVFOR.
2. Id-dokumenti, il-korrispondenza u l-proprjetà tal-persunal tal-EUNAVFOR għandhom ikunu invjolabbli, ħlief fil-każ ta' miżuri ta' eżekuzzjoni imsemmija fil-paragrafu 6.
3. Il-persunal tal-EUNAVFOR għandu jkollu immunità mill-ġuriżdizzjoni kriminali tal-Istat Ospitanti.
L-immunità mill-ġuriżdizzjoni kriminali tal-persunal tal-EUNAVFOR tista' tiġi rrinunzjata mill-Istat Mittenti kkonċernat jew l-istituzzjoni kkonċernata tal-UE, skont il-każ. Din ir-rinunzja għandha dejjem issir bil-miktub.
4. Il-persunal tal-EUNAVFOR għandu jgawdi immunità mill-ġuriżdizzjoni ċivili u amministrattiva tal-Istat Ospitanti fir-rigward tal-kliem li jgħid jew jikteb, u l-atti kollha li jwettaq fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu.
Meta jitressaq xi proċediment ċivili kontra membru tal-persunal tal-EUNAVFOR quddiem qorti tal-Istat Ospitanti, il-Kmandant tal-Forza tal-UE u l-awtorità kompetenti tal-Istat Mittenti jew tal-istituzzjoni tal-UE għandhom jiġu nnotifikati minnufih dwaru. Qabel il-bidu tal-ftuħ tal-proċediment quddiem il-qorti kompetenti, il-Kmandant tal-Forza tal-UE u l-awtorità kompetenti tal-Istat Mittenti jew tal-istituzzjoni kkonċernata tal-UE għandha tiċċertifika jekk l-att inkwistjoni kienx twettaq mill-membru tal-persunal tal-EUNAVFOR fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu.
Meta l-att ikun twettaq fil-qadi ta' funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment m'għandux jinbeda u għandu japplika l-Artikolu 15. Jekk l-att ma jkunx twettaq fl-eżerċizzju ta' funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment jista' jitkompla.
L-Istat Ospitanti għandu jiżgura ruħu li l-qorti kompetenti tirrikonoxxi ċ-ċertifikazzjoni mogħtija mill-Kmandant tal-Forza tal-UE u l-awtorità kompetenti tal-Istat Mittenti jew l-istituzzjoni kkonċernata tal-UE.
Jekk il-membru tal-persunal tal-EUNAVFOR ikkonċernat jibda proċedura ċivili, huwa ma jkunx jista' jinvoka aktar l-immunità mill-ġuriżdizzjoni fir-rigward ta' kull kontrotalba relatata direttament mat-talba prinċipali.
5. Il -persunal tal-EUNAVFOR mhuwiex obbligat li jagħti xhieda.
6. Ma tista' tittieħed l-ebda miżura ta' twettiq fir-rigward tal-membru tal-persunal tal-EUNAVFOR ikkonċernat, ħlief jekk jinfetaħ kontrih proċediment ċivili mhux relatat mal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu. Il-beni ta’ dan il-membru tal-persunal tal-EUNAVFOR, li jkunu ċċertifikati mill-Kmandant tal-Forza tal-UE bħala meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu, għandhom ikunu ħielsa minn sekwestru għall-eżekuzzjoni ta' sentenza tal-qorti. Fi proċedimenti ċivili l-persunal tal-EUNAVFOR m'għandu jkun soġġett għall-ebda restrizzjoni tal-libertà personali tiegħu jew għal xi miżuri oħra restrittiva.
7. L-immunità tal-persunal tal-EUNAVFOR mill-ġuriżdizzjoni tal-Istat Ospitanti ma teżentahx mill-ġuriżdizzjoni tal-Istat Mittenti.
8. Il-persunal tal-EUNAVFOR għandu jkun eżenti minn kull forma ta' tassazzjoni fl-Istat Ospitanti kemm fuq ir-remunerazzjoni u l-emolumenti mħallsa lilu mill-EUNAVFOR jew mill-Istati Mittenti, kif ukoll fuq kull dħul li jirċievi minn barra l-Istat Ospitanti.
9. L-Istat Ospitanti għandu, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti li jadotta, jippermetti d-dħul ta' oġġetti għall-użu personali tal-persunal tal-EUNAVFOR u jeżentahom minn kull dazju doganali, taxxa u tariffa relatata ħlief għat-tariffi għal ħżin, it-tariffi tal-ġarr u t-tariffi ta’ servizzi simili.
Il-bagalji personali tal-persunal tal-EUNAVFOR għandhom ikunu eżenti mill-ispezzjoni, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet serji biex wieħed jaħseb li jkun fihom oġġetti li ma jkunux għall-użu personali tiegħu, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom tkun ipprojbita mil-liġi jew ikkontrollata bir-regolamenti ta' kwarantina tal-Istat Ospitanti. Tali spezzjoni għandha titwettaq biss fil-preżenza tal-membru tal-persunal tal-EUNAVFOR ikkonċernat jew ta' rappreżentant awtorizzat tal-EUNAVFOR.
Artikolu 7
Persunal impjegat lokalment
1. Il-persunal impjegat lokalment mill-EUNAVFOR għandu jkun esklużivament cittadin tal-Djibouti, ħlief f'każijiet eċċezzjonali fejn il-Djibouti tippermetti l-impjieg ta' barranin residenti fil-Djibouti.
2. Il-persunal impjegat lokalment mill-EUNAVFOR m'għandu jibbenefika minn ebda privileġġ jew immunità. Madankollu, l-Istat Ospitanti għandu jeżerċita l-ġuriżdizzjoni tiegħu fuq dak il-persunal b'tali mod li ma jfixkilx eċċessivament it-twettiq tal-funzjonijiet tal-operazzjoni.
Artikolu 8
Ġuriżdizzjoni kriminali
L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Mittenti jistgħu jeżerċitaw fit-territorju tal-Istat Ospitanti, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta' dan tal-aħħar, is-setgħat kollha ta' ġuriżdizzjoni kriminali u dixxiplinarji kollha mogħtija lilhom bil-liġi tal-Istat Mittenti fir-rigward tal-persunal kollu tal-EUNAVFOR soġġett għal din il-leġiżlazzjoni.
Artikolu 9
Uniformi u armi
1. L-ilbies ta' uniformi għandu jkun soġġett għar-regoli adottati mill-Kmandant tal-Forza tal-UE.
2. Għall-finijiet tal-operazzjoni, il-persunal militari tal-EUNAVFOR jista' jġorr jew jittrasporta armi u munizzjon bil-kundizzjoni li jkun awtorizzat jagħmel dan skont l-ordnijiet tal-ġerarkija militari tiegħu.
Artikolu 10
Appoġġ mill-Istat Ospitanti u għoti ta' kuntratti
1. L-Istat Ospitanti għandu jaċċetta, jekk jintalab, li jgħin lill-EUNAVFOR issib faċilitajiet adatti.
2. Fil-limiti tal-mezzi u l-kapaċitajiet tiegħu, l-Istat Ospitanti għandu jgħin fit-tħejjija, l-istabbiliment, it-twettiq u l-appoġġ għall-operazzjoni.
3. Il-liġi applikabbli għall-kuntratti konklużi mill-EUNAVFOR fl-Istat Ospitanti għandha tkun stabbilita f’dawn il-kuntratti.
4. Kull kuntratt jista' jistipula li l-proċedura tar-riżoluzzjoni tat-tilwim previst fl-Artikolu 15(3) u (4), jirregola t-tilwim li jirriżulta mill-applikazzjoni tiegħu.
5. L-Istat Ospitanti għandu jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-kuntratti konklużi mill-EUNAVFOR ma' entitajiet kummerċjali għall-finijiet tal-operazzjoni.
Artikolu 11
Modifika tal-faċilitajiet
L-EUNAVFOR għandha tkun awtorizzata li tibni jew timmodifika l-faċilitajiet skont il-ħtiġijiet operattivi tagħha, bil-qbil minn qabel tal-Istat Ospitanti.
Artikolu 12
Persunal deċedut tal-EUNAVFOR
1. Il-Kmandant tal-Forza tal-UE għandu jkollu d-dritt li jieħu f'idejh u li jagħmel l-arranġamenti meħtieġa għar-ripatrijazzjoni ta' kull membru deċedut tal-persunal tal-EUNAVFOR, kif ukoll tal-proprjetà personali tiegħu.
2. M'għandha ssir l-ebda awtopsja fuq membru deċedut tal-persunal tal-EUNAVFOR mingħajr il-qbil tal-Istat ikkonċernat u mingħajr il-preżenza ta' rappreżentant tal-EUNAVFOR jew tal-Istat ikkonċernat.
3. L-Istat Ospitanti u l-EUNAVFOR għandhom jikkooperaw b'kull mezz possibbli biex jiżguraw li l-membru deċedut tal-persunal tal-EUNAVFOR jiġi ripatrijat malajr kemm jista' jkun.
Artikolu 13
Sigurtà tal-EUNAVFOR u Pulizija Militari
1. L-Istat Ospitanti għandu jieħu l-miżuri kollha adatti biex jiżgura s-sigurtà tal-EUNAVFOR u tal-persunal tagħha, meta jkunu barra mill-faċilitajiet tagħha.
2. L-EUNAVFOR għandha tkun awtorizzata, fuq l-art fit-territorju tal-Istat Ospitanti u l-ilmijiet interni tiegħu, li tieħu l-miżuri meħtieġa biex tipproteġi l-faċilitajiet, il-bastimenti u l-inġenji tal-ajru tal-EUNAVFOR, kif ukoll il-bastimenti li qed tipproteġi, kontra kull attakk jew intrużjoni esterni, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Ospitanti.
3. Il-Kmandant tal-Forza tal-UE jista' joħloq unità ta' pulizija militari sabiex tinżamm l-ordni fil-faċilitajiet.
4. L-unità tal-pulizija militari stabbilita fil-paragrafu 3 tista' wkoll, f'konsultazzjoni u kooperazzjoni mal-pulizija militari jew il-pulizija tal-Istat Ospitanti, tintervjeni barra mill-faċilitajiet sabiex tiżgura ż-żamma tal-ordni u d-dixxiplina fost il-persunal tal-EUNAVFOR.
Artikolu 14
Komunikazzjoni
1. L-EUNAVFOR tista' tinstalla u topera stazzjonijiet tar-radju mittenti u riċeventi, kif ukoll sistemi satellitari. L-EUNAVFOR għandha tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Ospitanti biex jiġi evitat kull konflitt fl-użu tal-frekwenzi adatti. L-Istat Ospitanti għandu jagħti l-aċċess għall-ispettru tal-frekwenzi konformement mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ tiegħu.
2. L-EUNAVFOR għandu jkollha d-dritt għal komunikazzjoni, mingħajr kwalunkwe restrizzjoni, bir-radju, inkluż radju satellitari, mobbli jew portabbli, bit-telefon, bit-telegrafu, bil-faks u b'mezzi oħrajn, kif ukoll id-dritt li tinstalla t-tagħmir meħtieġ biex tiżgura l-komunikazzjoni meħtieġa ġewwa u bejn il-faċilitajiet, inkluż id-dritt li tqiegħed kejbils u linji fissi għall-finijiet tal-operazzjoni.
3. Fil-faċilitajiet tagħha l-EUNAVFOR tista' tagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex tiżgura t-trażmissjoni tal-posta indirizzata lill-EUNAVFOR jew lill-persunal tagħha jew li tkun qed tintbagħat mill-EUNAVFOR jew mill-persunal tagħha.
4. Il-modalitajiet tal-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu s-suġġett ta' arranġamenti mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Ospitanti.
Artikolu 15
Talbiet għal indennizz f'każ ta' mewt, korriment, dannu jew telf
1. It-talbiet għal indennizz f'każ ta' dannu jew telf ta' beni ċivili jew pubbliċi, kif ukoll it-talbiet għal indennizz f'każ ta' mewt jew korriment ta' persuna u ta' dannu jew telf ta' beni tal-EUNAVFOR, għandhom jiġu solvuti bonarjament.
2. It-talbiet għal indennizz imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitressqu lill-EUNAVFOR permezz tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Ospitanti fir-rigward tat-talbiet imressqa minn persuni ġuridiċi jew fiżiċi mill-Istat Ospitanti, jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Ospitanti fir-rigward tat-talbiet imressqa mill-EUNAVFOR.
3. Meta ma tkunx tista' tinstab soluzzjoni bonarja, it-talba għal indennizz għandha tintbagħat lil kummissjoni ta' indennizz magħmula fuq bażi indaqs minn rappreżentanti tal-EUNAVFOR u rappreżentanti tal-Istat Ospitanti. Id-deċiżjonijiet dwar it-talbiet għandu jintlaħaq bi qbil komuni.
4. Meta ma tkunx tista' tinstab soluzzjoni fil-kummissjoni ta' indennizz, japplikaw ir-regoli li ġejjin:
|
a) |
it-talbiet għal ammont ta' EUR 80 000 jew inqas għandhom jiġu riżolti b'mezzi diplomatiċi bejn l-Istat Ospitanti u r-rappreżentanti tal-UE; |
|
b) |
it-talbiet għal ammont akbar minn EUR 80 000 għandhom jitressqu quddiem tribunal tal-arbitraġġ, li d-deċiżjonijiet tagħha għandhom ikunu vinkolanti. |
5. It-tribunal tal-arbitraġġ stabbilit fil-paragrafu 4(b) għandu jkun magħmul minn tlett arbitri, li wieħed minnhom ikun maħtur mill-Istat Ospitanti, ieħor ikun maħtur mill-EUNAVFOR u t-tielet wieħed ikun maħtur bi qbil komuni bejn il-Istat Ospitanti u l-EUNAVFOR. Jekk waħda mill-Partijiet ma taħtarx arbitru fi żmien xahrejn, jew jekk ma jkunx jista' jintlaħaq qbil bejn l-Istat Ospitanti u l-EUNAVFOR dwar il-ħatra tat-tielet arbitru, l-arbitru inkwistjoni għandu jinħatar mill-President tal-Qorti Suprema tal-Djibouti.
6. Għandhom jiġu konklużi arranġamenti amministrattivi bejn l-EUNAVFOR u l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Ospitanti sabiex jiġi definit il-mandat tal-kummissjoni ta' indennizz u tat-tribunal tal-arbitraġġ, il-proċeduri applikabbli f'dawn l-organi u l-kondizzjonijiet li bihom għandhom jiġu ppreżentati t-talbiet għal indennizz.
Artikolu 16
Kollegament u tilwim
1. Il-kwistjonijiet kollha marbutin mal-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu eżaminati b'mod konġunt mir-rappreżentanti tal-EUNAVFOR u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Ospitanti.
2. Jekk ma jkunx hemm soluzzjoni minn qabel, it-tilwim rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jiġi solvut esklużivament b'mezzi diplomatiċi bejn l-Istat Ospitanti u r-rappreżentanti tal-UE.
Artikolu 17
Dispożizzjonijiet oħra
1. Kull meta dan il-Ftehim jirreferi għall-privileġġi, l-immunitajiet u d-drittijiet tal-EUNAVFOR u tal-persunal tal-EUNAVFOR, il-Gvern tal-Istat Ospitanti għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom u għall-konformità magħhom min-naħa tal-awtoritajiet lokali kkonċernati tal-Istat Ospitanti.
2. L-ebda dispożizzjoni ta' dan il-Ftehim m'hi maħsuba jew m'għandha tinftiehem li tidderoga minn kull dritt li jista' jkollu Stat Membru tal-UE jew kull Stat ieħor li jikkontribwixxi għall-EUNAVFOR bis-saħħa ta' strumenti ta' ftehim oħrajn.
Artikolu 18
Arranġamenti implimentattivi
Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim, il-kwistjonijiet operattivi, amministrattivi, finanzjarji jew tekniċi jistgħu jkunu s-suġġett ta' arranġamenti separati li jiġu konklużi bejn il-Kmandant tal-Forza tal-Unjoni Ewropea u l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Ospitanti.
Artikolu 19
Dħul fis-seħħ u terminazzjoni
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fil-jum meta jiġi ffirmat u għandu jibqa' fis-seħħ għal perjodu ta' tnax (12)-il xahar li warajh il-Partijiet jaqblu li jagħmlu valutazzjoni inizjali. Dan il-Ftehim għandu jiġġedded għal perjodi suċċessivi ta' sena, sakemm waħda mill-Partijiet ma tagħtix lill-Parti l-oħra avviż ta' terminazzjoni mill-inqas xahar qabel.
2. Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 4(7), l-Artikolu 5(1), (2), (3),(6) u (7), l-Artikolu 6(1), 6(3), 6(4), 6(6), 6(8) u 6(9), l-Artikolu 11 u l-Artikolu 15 għandhom jitqiesu li japplikaw mid-data tal-iskjerament tal-ewwel membri tal-persunal tal-EUNAVFOR jekk dik id-data tkun qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.
3. Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat abbażi ta' ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet.
4. It-terminazzjoni ta' dan il-Ftehim ma għandhiex taffettwa d-drittijiet jew l-obbligi li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni tiegħu qabel tali terminazzjoni.
B’XHIEDA TA’ DAN, il-Plenipotenzjarji sottoskritti, awtorizzati kif meħtieġ għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.
Magħmul f’Djibouti, fis-sittax-il jum ta’ Lulju tas-sena elfejn u sitta u għoxrin, f’żewġ kopji, bil-lingwa Franċiża.
Għall-Unjoni Ewropea
Għar-Repubblika tal-Djibouti
(1) ĠU UE L, 2024/583, 12.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/583/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2026/1946/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)