|
11.3.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 117/120 |
P9_TA(2021)0392
Implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-UE għall-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 2021 dwar l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-UE għall-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa: il-progress, it-tagħlimiet miksuba u l-ostakli li jridu jingħelbu (2020/2046(INI))
(2022/C 117/13)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 4 u 14 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 113 u 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (1) (id-DAC), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1286/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi programm ta' azzjoni biex jittejjeb it-tħaddim tas-sistema ta' tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020 (Fiscalis 2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1482/2007/KE (2), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE tad-9 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (3), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/2376 tat-8 ta' Diċembru 2015 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (4), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/881 tal-25 ta' Mejju 2016 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (5), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/2258 tas-6 ta' Diċembru 2016 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-aċċess mill-awtoritajiet tat-taxxa għal informazzjoni dwar il-ħasil tal-flus (6), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/822 tal-25 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar l-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni fir-rigward ta' arranġamenti transkonfinali rapportabbli (7), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2020 għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (DAC7) (COM(2020)0314), |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-2 ta' Ġunju 2020 dwar il-futur tal-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni fl-UE, |
|
— |
wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2021 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/EU dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (8), |
|
— |
wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2020 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward ta' miżuri għat-tisħiħ tar-regoli eżistenti u l-espansjoni tal-qafas ta' skambju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni biex jiġu inklużi l-kriptoassi u l-flus elettroniċi, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 2017 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (COM(2017)0781), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-17 ta' Diċembru 2018 dwar ħarsa ġenerali u valutazzjoni tal-istatistika u tal-informazzjoni b'rabta mal-iskambji awtomatiċi fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (COM(2018)0844), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2019 dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (SWD(2019)0327), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 03/2021 bit-titolu “L-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa fl-UE: sies sod, xquq fl-implimentazzjoni”, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tax-taxxa (9), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Mejju 2020 dwar Pjan ta' Azzjoni għal politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (C(2020)2800), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2020 dwar Pjan ta' Azzjoni għal tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġa l-istrateġija ta' rkupru (COM(2020)0312), |
|
— |
wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu “L-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-UE għall-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa” li ġie ppubblikat mid-Direttorat Ġenerali għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari (10), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (BEPS) tad-19 ta' Lulju 2013, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-OECD tad-9 ta' Diċembru 2020 bit-titolu “Rieżami bejn il-Pari tal-Iskambju Awtomatiku ta' Informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji 2020”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta' Settembru 2020 bit-titolu “Miżuri effettivi u koordinati tal-UE għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u r-rifuġji fiskali” (11), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0193/2021), |
|
A. |
billi l-UE jkollha tħabbat wiċċha ma' prattiki tat-taxxa inġusti jew aggressivi, bħall-fatt li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jitilfu bejn EUR 160 biljun u EUR 190 biljun fis-sena (12) bħala riżultat tal-evażjoni tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitti minn multinazzjonali; billi dan it-telf hu ta' daqs sinifikanti fid-dawl tal-kriżi tas-saħħa, soċjali u ekonomika li l-Unjoni qed tiffaċċja u tiġġieled bħalissa; billi l-kontribwenti tal-UE kellhom EUR 1,5 triljun offshore fl-2016, u dan irriżulta f'telf medju ta' dħul mit-taxxa ta' EUR 46 biljun fl-UE bħala riżultat tal-evażjoni tat-taxxa minn individwi (13); billi dawn l-ammonti huma biss parti mill-problema ġenerali tal-evitar tat-taxxa minn individwi u kumpaniji u dan il-valur jitnaqqas b'mod illeġittimu mill-baġits nazzjonali u, għalhekk, jirrappreżenta piż addizzjonali fuq il-kontribwenti konformi; |
|
B. |
billi, f'dawn l-aħħar snin, il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa ttejbet b'mod sinifikanti, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell globali, bil-għan li l-evażjoni, l-evitar u l-frodi tat-taxxa jitrażżnu b'mod aktar effettiv, partikolarment bis-saħħa tal-Istandard Komuni ta' Rappurtar tal-G20/OECD approvat fl-2014; |
|
C. |
billi rivelazzjonijiet ripetuti minn ġurnalisti investigattivi, bħal-LuxLeaks, il-Panama Papers, il-Paradise Papers, l-iskandli cum-ex/cum-cum u, l-aktar reċenti, l-OpenLux, ikkontribwew għal sensibilizzazzjoni akbar u mbuttaw l-UE sabiex tiżviluppa s-sett tal-għodod tagħha kontra l-evitar, l-evażjoni u l-frodi tat-taxxa; billi r-rivelazzjonijiet tal-OpenLux urew il-ħtieġa li l-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa jkun aktar kwalitattiv u jagħti riżultati; |
|
D. |
billi d-DAC li daħlet fis-seħħ f'Jannar tal-2013 u ssostitwiet id-Direttiva tal-Kunsill 77/799/EEC dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, stabbiliet ir-regoli u l-proċeduri għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-iskambju ta' informazzjoni (EOI) bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri, partikolarment l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni (AEOI) dwar l-introjtu u l-assi; |
|
E. |
billi sussegwentement id-DAC ġiet emendata ħames darbiet biex il-kamp ta' applikazzjoni tal-AEOI jiġi gradwalment estiż għal informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji u l-introjtu relatat (DAC2), deċiżjonijiet transfruntieri antiċipati (ACBRs) u arranġamenti antiċipati dwar il-prezzijiet (APA) (DAC3), Rapporti Pajjiż b'Pajjiż (CbCR) ippreżentati minn intrapriżi multinazzjonali (DAC4), biex l-awtoritajiet tat-taxxa jingħataw aċċess għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja kif miġbura skont ir-regoli kontra l-Ħasil tal-Flus (AML) (DAC5), u fl-aħħar nett biex il-kamp ta' applikazzjoni tal-AEOI jiġi estiż għall-arranġamenti transfruntiera dwar l-ippjanar tat-taxxa u jiġu introdotti regoli dwar l-iżvelar obbligatorju għall-intermedjarji (DAC6); |
|
F. |
billi d-dispożizzjonijiet għall-AEOI fl-ambitu tad-DAC1 sad-DAC4 daħlu fis-seħħ bejn Jannar 2015 u Ġunju 2017 u l-impatt inizjali tagħhom jista' jiġi evalwat, filwaqt li għadu kmieni wisq biex jitkejjel l-impatt tad-dispożizzjonijiet tad-DAC5 u d-DAC6, li ma daħlux fis-seħħ qabel Jannar 2018 u Lulju 2020 rispettivament; |
|
G. |
billi f'Lulju 2020 il-Kummissjoni pproponiet emenda oħra biex il-kamp ta' applikazzjoni tal-AEOI jiġi estiż għall-introjtu permezz ta' pjattaformi diġitali (DAC7), fost l-oħrajn, u ħabbret emenda oħra biex ikun hemm aċċess għal informazzjoni dwar il-kriptoassi (DAC8); billi tali reviżjoni tista' tkun opportunità biex jittejjeb il-qafas għall-iskambju ta' informazzjoni kollu kemm hu; |
|
H. |
billi, il-Kunsill ikkonkluda n-negozjati tiegħu dwar diversi reviżjonijiet tad-DAC, inklużi l-proposti reċenti tad-DAC7, mingħajr ma kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, u aġġixxa kontra l-prinċipji ta' kooperazzjoni leali u r-rwol tal-Parlament Ewropew fi proċess konsultattiv kif iddikjarat fl-Artikolu 115 TFUE; |
|
I. |
billi minħabba d-diffikultajiet iffaċċjati fil-Kunsill biex jintlaħaq qbil dwar it-titjib imressaq mill-Kummissjoni, ma ġewx ipprovduti tweġibiet suffiċjenti għall-kwistjonijiet ta' taxxa globali; |
|
J. |
billi għad hemm xi inkonsistenzi bejn l-istandards internazzjonali u dawk Ewropej, partikolarment dwar l-iskadenza għall-komunikazzjoni ta' informazzjoni dwar it-taxxa; billi l-maġġoranza tal-Istati Membri jirrilaxxaw informazzjoni aggregata dwar is-CbCR skont l-Azzjoni 13 tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-BEPS; |
|
K. |
billi l-Unjoni ffirmat ftehimiet ma' pajjiżi terzi inklużi Andorra, il-Liechtenstein, Monaco, San Marino u l-Iżvizzera biex tiżgura l-qsim ta' informazzjoni ekwivalenti għad-DAC2 mal-Istati Membri; billi verżjonijiet suċċessivi tad-DAC ma ġewx soġġetti għal ftehimiet simili; |
|
L. |
billi hemm biss informazzjoni limitata ħafna li hija disponibbli pubblikament dwar l-implimentazzjoni tad-DAC1 sad-DAC4, bi kważi ebda informazzjoni kwantitattiva dwar l-iskambju ta' informazzjoni dwar is-CbCRs fl-ambitu tad-DAC4, u billi l-informazzjoni kwantitattiva dwar l-implimentazzjoni tad-DAC fil-livell ta' Stat Membru hija rari; |
|
M. |
billi l-Parlament jirrispetta bis-sħiħ il-prinċipju tas-sovranità tat-taxxa nazzjonali; |
|
N. |
billi l-informazzjoni disponibbli turi li, l-EOI skont id-dispożizzjonijiet tad-DAC1 u d-DAC2 għall-AEOI żdiedu b'mod sinifikanti mid-dħul tas-seħħ, u li l-Istati Membri skambjaw madwar 11 000 messaġġ b'rabta ma' kważi 16-il miljun kontribwent u introjtu u/jew assi b'valur ta' aktar minn EUR 120 biljun skont id-dispożizzjonijiet tad-DAC1 bejn l-2015 u nofs l-2017 u madwar 4 000 messaġġ li jkopru madwar 8,3 miljun kont b'valur totali ta' kważi EUR 2,9 triljun fl-ambitu tad-DAC2 sal-2018; |
|
O. |
billi d-dispożizzjonijiet tal-AEOI taħt id-DAC3 wasslu għal żieda sinifikanti fl-għadd ta' ACBRs u APAs irrappurtati meta mqabbla mal-perjodu ta' qabel, meta kienu jiġu kondiviżi biss f'okkażjonijiet rari u fuq bażi spontanja minkejja rekwiżit legalment vinkolanti biex jiġu kondiviżi bosta ACBRs u APAs mill-1977, tant li fl-2017 ġew irrappurtati 17 652 ACBR/APA meta mqabbla ma' mhux aktar minn 2 529 fl-2016, 113 fl-2015 u 11 fl-2014; billi s-suċċess ma jistax jitkejjel biss permezz ta' żieda totali fl-għadd ta' ACBRs u APAs irrappurtati, kif muri bir-rivelazzjonijiet ta' LuxLetters; |
|
P. |
billi hija r-responsabbiltà tal-Parlament, flimkien mal-Kunsill, li jeżerċitaw skrutinju politiku fuq il-Kummissjoni, kif stabbilit fit-Trattati skont l-Artikolu 14 TUE, inkluża l-politika ta' infurzar u implimentazzjoni tagħha, u billi dan jirrikjedi aċċess adegwat għall-informazzjoni rilevanti; billi l-Kummissjoni trid tkun responsabbli lejn il-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 17(8) TUE; |
|
Q. |
billi l-Kummissjoni fetħet total ta' 73 proċedura ta' ksur relatati prinċipalment ma' dewmien fit-traspożizzjoni tad-DAC mill-Istati Membri u, sa Jannar 2021, żewġ proċeduri ta' ksur kienu għadhom għaddejjin; billi t-traspożizzjoni dewwiema jew fqira tad-DAC min-naħa tal-Istati Membri ġġustifikat diversi proċeduri ta' ksur u billi dan ix-xenarju jiġġustifika l-pożizzjoni tal-Parlament favur kontroll strett min-naħa tal-Kummissjoni fuq it-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar kwistjonijiet ta' taxxa u, speċifikament, fuq id-dispożizzjonijiet tad-DAC; |
|
R. |
billi l-OECD ħolqot standard globali għall-AEOI bl-Istandard Komuni ta' Rappurtar (CRS) tagħha fl-2014 u aktar minn 100 ġuriżdizzjoni madwar id-dinja impenjaw ruħhom favur l-AEOI ta' kontijiet finanzjarji mill-2021 'il quddiem; |
|
S. |
billi l-Parlament jirrikonoxxi li ma għandu l-ebda setgħa leġiżlattiva fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u għandu biss setgħa leġiżlattiva limitata fuq it-tassazzjoni indiretta; |
|
T. |
billi l-qafas tad-DAC għandu jkun akkumpanjat b'attenzjoni ugwali għall-kapaċità u r-rieda tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa biex tiġi ffaċilitata l-konformità u jinqdew l-interessi tal-kontribwenti; |
|
U. |
billi d-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva fil-Qasam tat-Tassazzjoni trid tkun strument li jsaħħaħ il-ħidma kkoordinata tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali, iżda trid tikkunsidra dimensjonijiet bħal: i) ir-rinfurzar tar-riżorsi tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa (fir-riżorsi umani, finanzjarji u tal-infrastruttura – prinċipalment l-infrastruttura diġitali); ii) il-protezzjoni tad-drittijiet tal-kontribwenti, bħall-protezzjoni tad-data; iii) is-salvagwardja tas-sigriet professjonali u industrijali, bi standards għoljin ta' ċibersigurtà fil-proċess ta' skambju ta' informazzjoni; iv) it-tnaqqis tal-piż amministrattiv u burokratiku fuq il-kontribwenti u l-kumpaniji; v) il-promozzjoni ta' standards ta' prestazzjoni ogħla għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa, bi skadenzi aktar stretti biex jikkonformaw mar-regoli Ewropej; u vi) is-salvagwardja tal-kompetittività tal-kumpaniji tagħna, b'modi aktar sempliċi u rapidi biex tiġi ggarantita l-konformità mar-rekwiżiti amministrattivi; |
|
V. |
billi l-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 irrikjediet sforzi fiskali u baġitarji enormi min-naħa tal-gvernijiet, inkluż fl-għamla ta' għajnuna lill-kumpaniji; billi l-benefiċjarji ta' tali appoġġ iridu jissodisfaw ir-responsabbiltajiet soċjali tagħhom, bħall-kooperazzjoni adegwata mal-awtoritajiet tat-taxxa, sabiex jiġi ggarantit skambju komprensiv ta' informazzjoni dwar it-taxxa; |
|
W. |
billi l-effikaċja tal-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa tiddependi inqas fuq il-kwantità tad-data skambjata, iżda iktar fuq il-kwalità tagħha; billi, għalhekk, il-kwalità u l-kompletezza tad-data huma essenzjali sabiex jinsiltu l-akbar benefiċċji mill-qafas tad-DAC; billi n-nuqqas ta' informazzjoni disponibbli pubblikament dwar id-data kwantitattiva tal-EOI mwettqa skont id-DAC1 sa DAC4 jagħmel l-iskrutinju demokratiku mill-parlamenti nazzjonali u mill-Parlament Ewropew ferm aktar diffiċli; |
|
X. |
billi l-ekonomija progressivament diġitalizzata u globalizzata tippossjedi dimensjonijiet kumplessi u ta' sfida, bħall-assi diġitali u l-kriptoassi, u għalhekk huwa importanti li tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali f'dan il-qasam; billi definizzjoni ċara ta' kriptoassi, konformi max-xogħol li għaddej mal-OECD u t-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF), tkun importanti biex tittejjeb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u tiġi promossa tassazzjoni ġusta; billi l-proliferazzjoni tal-kriptovaluti hija suġġett ta' attwalità u għandha titqies fi kwalunkwe sforz biex tiżdied il-kooperazzjoni amministrattiva, abbażi tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità; |
|
Y. |
billi l-politiki tat-taxxa huma fil-qalba tas-sovranità nazzjonali fl-ambitu fiskali u tat-taxxa, u jirrappreżentaw kompetenzi nazzjonali; billi kwalunkwe deċiżjoni ewlenija fil-livell Ewropew trid tkun ibbażata fuq rispett strett għal-loġika intergovernattiva li tirregola dan il-qasam tal-integrazzjoni Ewropea; billi d-deċiżjonijiet importanti dwar l-integrazzjoni ulterjuri dwar din il-kwistjoni jridu dejjem jittieħdu b'rispett sħiħ tat-trattati, il-kompetenzi nazzjonali u s-sovranità nazzjonali fl-ambitu fiskali u tat-taxxa; billi l-Parlament jaqbel mal-ambizzjoni li jinstabu soluzzjonijiet innovattivi dwar kwistjonijiet ta' taxxa, filwaqt li jżomm f'moħħu l-qafas istituzzjonali li rridu nippreservaw; |
|
Z. |
billi l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni trid tkun strument li jsaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa minn individwi u intrapriżi, permezz ta' kanali ta' komunikazzjoni mtejba u prattiki tal-EOI effettivi; |
|
AA. |
billi r-reviżjonijiet konsekuttivi tad-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva fil-Qasam tat-Tassazzjoni juru li din hija dimensjoni ta' interess kontinwu għall-Istati Membri u għal dawk li jfasslu l-politika Ewropea, li l-istrumenti Ewropej qed jevolvu gradwalment u progressivament skont loġika ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib u li ċ-ċittadini huma konxji mill-valur miżjud tas-soluzzjonijiet Ewropej fir-rigward tal-indirizzar ta' kwistjonijiet marbuta mat-tassazzjoni, prinċipalment fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa; |
|
AB. |
billi l-EOI dwar l-introjtu u l-qligħ kapitali minn individwi, b'mod partikolari dwar proprjetà immobbli, huwa mminat mill-użu ta' kumpaniji tal-isem; |
|
AC. |
billi, fil-qafas attwali, l-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji ta' ishma fil-kumpaniji mhux qed tiġi skambjata awtomatikament; |
|
AD. |
billi l-family offices ta' spiss ikollhom assi transfruntiera kbar permezz ta' sjieda diretta f'kumpaniji jew permezz ta' entitajiet ta' investiment b'numru limitat ta' azzjonisti (14); billi tali istituzzjonijiet finanzjarji jistgħu jbatu minn interessi konfliġġenti li jikkontribwixxu għal rappurtar mhux affidabbli ta' informazzjoni dwar it-taxxa; billi l-qligħ kapitali mhux realizzat ta' individwi miżmum barra l-pajjiż f'kumpaniji b'taxxa baxxa ftit li xejn huwa kopert mis-sistemi ta' taxxa nazzjonali; billi dan jippermetti li individwi b'valur nett għoli jakkumulaw il-ġid, billi jibnu fuq introjtu intaxxat b'rati baxxi, filwaqt li l-klassijiet medji jistgħu jakkumulaw biss il-ġid abbażi ta' introjtu intaxxat bis-sħiħ; |
|
AE. |
billi qafas tal-EOI effettiv u li jiffunzjona tajjeb jista' jtaffi l-pressjonijiet baġitarji fl-Istati Membri kollha; |
Rekwiżiti ta' kopertura u ta' rapportar
|
1. |
Jilqa' l-fatt li l-istituzzjonijiet tal-UE qed itejbu u jwessgħu b'mod kontinwu l-kamp ta' applikazzjoni tal-EOI sabiex jitrażżnu l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, inklużi l-proposta reċenti dwar id-DAC7, kif ukoll il-pjanijiet għad-DAC8; jinnota, madankollu, li filwaqt li l-kamp ta' applikazzjoni tal-qafas tad-DAC żdied b'mod kostanti, ftit li xejn ingħatat attenzjoni biex jittejbu l-kwalità u l-kompletezza tad-data ugwalment; |
|
2. |
Jenfasizza li l-EOI bejn l-amministraturi tat-taxxa ttejjeb b'mod sinifikanti kemm fil-livell globali kif ukoll f'dak tal-UE; ifakkar li d-DAC2, id-DAC3, id-DAC4, id-DAC6 u d-DAC7 huma marbutin direttament mal-ħidma mwettqa fil-livell tal-OECD; iqis li l-miżuri miftiehma fil-livell globali jikkostitwixxu standard minimu għall-UE; |
|
3. |
Jinnota li l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni aħjar tar-regoli mill-awtoritajiet tat-taxxa huma meħtieġa sabiex jiġi mminimizzat ir-riskju tan-nuqqas ta' dikjarazzjoni tad-dħul u jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiggarantixxi infurzar aħjar tar-regoli; jinnota, madankollu, li ċerti tipi ta' introjtu u assi għadhom esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni, u dan jippreżenta riskju li jiġu evitati l-obbligi tat-taxxa; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa u l-aktar mod xieraq, u tippreżenta proposti konkreti, biex tinkludi l-informazzjoni dwar is-sjieda li ġejja, l-elementi ta' introjtu u l-assi mhux finanzjarji fl-AEOI: (a) is-sidien benefiċjarji ta' proprjetà immobbli u kumpaniji; (b) qligħ kapitali relatat mal-proprjetà immobbli u qligħ kapitali relatat mal-assi finanzjarji, inkluż in-negozjar tal-munita, b'mod partikolari biex jinstabu modi kif l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jkunu infurmati aħjar biex jidentifikaw il-qligħ kapitali realizzat; (c) introjtu minn dividendi mhux ta' kustodja; (d) assi mhux finanzjarji bħal flus, art, deheb jew oġġetti oħra ta' valur miżmuma f'portijiet ħielsa, deposti jew kaxxi ta' sikurezza għad-depożiti; (e) sjieda ta' jottijiet u ġettijiet privati; u (f) kontijiet fi pjattaformi kbar ta' self bejn il-pari, finanzjament kollettiv u pjattaformi simili; |
|
4. |
Josserva li l-effikaċja tad-DAC1 hija serjament limitata mill-fatt li l-Istati Membri huma meħtieġa biss li jirrappurtaw mill-inqas żewġ kategoriji ta' introjtu; jieħu nota tal-emenda reċenti li tobbliga lill-Istati Membri jiskambjaw l-informazzjoni kollha li tkun disponibbli, fuq tal-anqas erba' kategoriji ta' introjtu fir-rigward tal-perjodi taxxabbli mill-2024 'il quddiem; jistieden lill-Kummissjoni biex, wara valutazzjoni tal-impatt, tagħmilha obbligatorja li jsir rapportar dwar il-kategoriji kollha ta' introjtu u assi fil-kamp ta' applikazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw reġistri effettivi u aċċessibbli għal finijiet tal-EOI; jinnota li tali sforzi jkunu ta' benefiċċju anke għall-ġbir tat-taxxa fil-livell nazzjonali; |
|
5. |
Josserva l-isfida maħluqa mill-ġbir ta' informazzjoni dwar il-flus elettroniċi u/jew tal-kriptoassi, kif ukoll l-inklużjoni diffiċli tagħhom fl-AEOI minħabba l-indipendenza tagħhom mill-intermedjarji; jitlob li jinħoloq qafas komprensiv għall-ġbir ta' informazzjoni dwar il-flus elettroniċi u l-kriptoassi; |
|
6. |
Josserva li d-definizzjoni ta' Istituzzjonijiet Finanzjarji (FIs) tar-rapportar u t-tipi ta' kontijiet li jeħtieġ li jiġu rrappurtati fid-DAC2 tinvolvi riskju ta' ċirkomvenzjoni u żieda fil-burokrazija; jitlob li ssir valutazzjoni u, jekk ikun xieraq, tiġi ppreżentata proposta mingħand il-Kummissjoni biex testendi l-obbligi ta' rapportar għal tipi rilevanti oħra ta' FIs, filwaqt li tevita burokrazija żejda, iżda tqis mill-ġdid il-kwalifika ta' Entitajiet ta' Investiment b'numru limitat ta' azzjonisti bħala FIs, tirrieżamina d-definizzjoni ta' kontijiet esklużi u tneħħi l-limiti applikabbli għall-kontijiet ta' entità diġà eżistenti; ifakkar li, b'sistemi tal-IT adegwati, prattika ta' ebda eżenzjoni u ebda livell limitu tista' tikkontribwixxi għal inqas burokrazija; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-obbligu tal-FIs, meta ma jkollhomx informazzjoni x'jirrappurtaw, li jissottomettu dikjarazzjonijiet nulli, bil-għan li titnaqqas il-burokrazija; |
|
7. |
Josserva li d-DAC3 fiha ċerti punti moħbija u jista' jkollha effetti negattivi imprevisti bħal amministrazzjonijiet tat-taxxa li ma jiskambjawx ACBRs jekk dawn ikunu favorevoli wisq, jew amministrazzjonijiet tat-taxxa li jirrikorru għal arranġamenti informali sabiex jevitaw l-iskambji, kif żvelat bil-prattika ta' deċiżjonijiet tat-taxxa paralleli permezz tal-“ittri ta' informazzjoni” fil-Lussemburgu; jiddeplora t-trattament preferenzjali ta' individwi b'valur nett għoli; jitlob, għalhekk, li l-kamp ta' applikazzjoni tal-EOI fl-ambitu tad-DAC3 jitwessa' biex jinkludi arranġamenti informali, APAs u ACBRs mhux “antiċipati” (pereżempju ftehimiet ta' wara t-tranżazzjoni jew wara s-sottomissjoni tad-dikjarazzjonijiet), persuni fiżiċi u deċiżjonijiet li għadhom validi, iżda li nħarġu, ġew emendati jew imġedda qabel l-2012; jesprimi dispjaċir għall-fatt li t-talbiet preċedenti tal-Parlament Ewropew f'dan ir-rigward s'issa ġew injorati; jesprimi dispjaċir li d-dħul tad-data tad-DAC 3 huwa nieqes mill-kwalità u għadu ma jintużax b'mod wiesa' jew ma ġiex sfruttat mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri; jagħti parir li għandha tintbagħat notifika speċifika lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa meta kumpanija li tibbenefika minn deċiżjoni tat-taxxa fl-ambitu tad-DAC 3 ikollha preżenza taxxabbli; |
|
8. |
Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-APAs bilaterali u multilaterali huma esklużi mill-EOI fl-ambitu tad-DAC3 meta ftehim internazzjonali dwar it-taxxa relatat ma jipprevedix l-iżvelar tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jinnegozjaw mill-ġdid il-ftehimiet eżistenti u ma jagħtux il-kunsens tagħhom għal kwalunkwe ftehim internazzjonali futur dwar it-taxxa li ma jippermettix l-iżvelar ta' APAs; |
|
9. |
Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-informazzjoni sommarja fid-direttorju ċentrali tal-ACBRs u l-APAs ta' spiss tkun qasira wisq biex tintuża mingħajr ma jkun hemm għalfejn tintalab informazzjoni addizzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida dwar x'għandhom jipprovdu l-amministrazzjonijiet tat-taxxa bħala sommarju, u dan għandu jinkludi l-implikazzjonijiet tat-taxxa diretti u indiretti rilevanti kollha bħar-rati tat-taxxa effettivi; |
|
10. |
Jiddeplora l-prattika ta' deċiżjonijiet tat-taxxa paralleli fil-Lussemburgu, esposti bir-rivelazzjonijiet ta' LuxLetters, li twassal biex l-arranġamenti informali ma jiġux irrappurtati kif meħtieġ mid-DAC3; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta b'urġenza l-ksur potenzjali tar-rekwiżiti tad-DAC3 mil-Lussemburgu u minn Stati Membri oħra bi prattiki simili u jekk ikun meħtieġ tniedi proċedimenti ta' ksur; |
|
11. |
Jilqa' l-fatt li għadd kbir ta' pajjiżi, inklużi ħafna Stati Membri, qed jirrilaxxaw informazzjoni anonimizzata u aggregata, meħuda mir-rapporti tal-CbCRs kif mitlub skont id-DAC4 jew l-Azzjoni 13 tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-BEPS; jesprimi dispjaċir għall-fatt li minoranza ta' Stati Membri mhumiex jippubblikaw din l-informazzjoni f'bażijiet tad-data internazzjonali; jitlob approċċ armonizzat f'dan ir-rigward u jinsisti li l-Kummissjoni tintegra dan l-obbligu fir-reviżjoni futura tad-DAC; |
|
12. |
Jirrakkomanda li jiġi rivedut il-kamp ta' applikazzjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-intrapriżi multinazzjonali (MNEs) li huma proprjetarji ta' diversi entitajiet fl-istess ġuriżdizzjoni sabiex tittejjeb il-kwalità tal-informazzjoni filwaqt li jiġu evitati spejjeż eċċessivi ta' konformità; |
|
13. |
Josserva li l-konsistenza tal-iżvelar obbligatorju fl-ambitu tad-DAC6 hija affettwata b'mod negattiv mill-ambigwità fl-interpretazzjoni tal-karatteristiċi distintivi min-naħa tal-Istati Membri individwali; jitlob, għalhekk, aktar ċarezza fil-formulazzjoni tal-kriterju tal-benefiċċju prinċipali għall-karatteristiċi distintivi fil-kategoriji A u B; |
|
14. |
Ifakkar li d-dispożizzjonijiet tad-DAC huma applikabbli għal kull intrapriża li hija obbligata bid-dmirijiet ta' rappurtar; ifakkar, madankollu, li l-MNEs u l-SMEs għandhom differenzi sinifikanti fir-rigward tal-politiki ta' konformità tagħhom u dan irid jitqies fir-reviżjonijiet futuri tad-DAC; jifhem, għalhekk, li l-ispejjeż ta' konformità u l-piż amministrattiv tal-SMEs iridu jitnaqqsu; |
|
15. |
Ifakkar li r-regoli Ewropej dwar il-kooperazzjoni amministrattiva ma jiħdux post ir-regoli nazzjonali iżda pjuttost jipprovdu standards minimi għall-iskambju ta' informazzjoni u għal azzjonijiet kooperattivi; |
|
16. |
Jirrikonoxxi li sabiex jittejbu l-objettivi tad-DAC, l-enfasi għandha tkun fuq l-għeluq tal-lakuni eżistenti fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ aktar milli fuq il-ħolqien ta' regoli leġiżlattivi ġodda; |
Obbligi ta' diliġenza dovuta u sjieda benefiċjarja
|
17. |
Jinnota li l-informazzjoni skambjata hija ta' volum kbir, iżda ta' kwalità limitata; jilqa' r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA); josserva li l-kontijiet konġunti jippreżentaw ċerti diffikultajiet għall-FIs; huwa mħasseb dwar il-fatt li informazzjoni impreċiża jew li ma għadhiex tintuża dwar ir-residenza tat-taxxa miżmuma mill-FIs u l-abbuż permezz ta' residenzi differenti jistgħu jwasslu għal nuqqas ta' skambju ta' informazzjoni meta dan ikun neċessarju; jiddeplora l-użu ta' viżi u passaporti tad-deheb biex jiġi evitat l-EOI u jtenni t-talba tiegħu biex jitneħħew gradwalment dawn l-iskemi eżistenti kollha; jistieden lill-Kummissjoni testendi l-proċedimenti ta' ksur tagħha għall-Istati Membri kollha li joffru viżi tad-deheb; jitlob li jkun hemm proċeduri ta' infurzar aktar b'saħħithom fil-livell tal-Istati Membri u li jiġu stabbiliti sistemi domestiċi ta' penali li japplikaw għal rappurtar mhux korrett jew mhux komplut li jkollu effett ta' deterrent effettiv; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi żjarat fuq il-post fl-Istati Membri u tivvaluta l-effikaċja tal-iskemi ta' monitoraġġ tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta' kontrolli tal-kwalità u tal-kompletezza tad-data tad-DAC, l-għoti ta' feedback regolari għall-informazzjoni riċevuta, u rapporti dwar l-utilità tal-interventi lill-Kummissjoni biex jittejjeb it-teħid tad-deċiżjonijiet fil-ġejjieni, kif ukoll proċeduri għall-awditjar ta' entitajiet obbligati li jirrappurtaw dwar il-kwalità u l-kompletezza tad-data mibgħuta; jirrikonoxxi li l-informazzjoni skambjata bejn l-Istati Membri permezz tad-DAC u s-sistemi sottostanti hija kunfidenzjali; |
|
18. |
Jirrimarka li ma hemm l-ebda sanzjoni preskritta għall-FIs li ma jirrappurtawx jew li jirrappurtaw informazzjoni b'mod falz jew b'mod inkorrett, u li l-miżuri jvarjaw b'mod sinifikanti madwar l-Istati Membri; ifakkar li skont l-Artikolu 25a tad-DAC, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw penali effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-entitajiet ta' rappurtar. jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kummissjoni ma tivvalutax id-daqs jew l-effett ta' deterrent tal-penali f'kull Stat Membru, u li l-Kummissjoni ma offriet l-ebda punt ta' riferiment għal tqabbil jew gwida f'dan ir-rigward; jitlob aktar sanzjonijiet armonizzati u effettivi b'effett ta' deterrent għan-nuqqas ta' konformità; |
|
19. |
Jirrakkomanda l-inklużjoni ta' markatur biex jindika sjieda konġunta ta' detenturi ta' kontijiet differenti sabiex jiġi evitat rappurtar doppju u biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni preċiża tal-bilanċi tal-kontijiet; jissuġġerixxi wkoll li l-entitajiet jistgħu jirreġistraw is-sehem tas-sjieda ta' kull detentur ta' kont, u jindikaw meta kont jinżamm minn sidien minn ġurisdizzjonijiet differenti; |
|
20. |
Jinnota li d-DAC5 ipprovdiet aċċess mill-awtoritajiet tat-taxxa għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja kif miġbura skont ir-regoli kontra l-ħasil tal-flus (AML). josserva li l-ħames Direttiva AML (AMLD5) wessgħet il-kamp ta' applikazzjoni għall-interazzjoni bejn l-AML u d-DAC u li l-AMLD5 kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri sal-10 ta' Jannar 2020; jinnota wkoll li għalhekk l-effikaċja tad-DAC tiddependi ħafna mid-direttivi kontra l-ħasil tal-flus (AML) li huma stabbiliti fil-livell tal-Istati Membri; josserva li l-effikaċja tad-DAC hija mminata mill-implimentazzjoni ħażina ta' dawn id-direttivi, min-nuqqas ta' infurzar effettiv u mid-dgħufijiet li fadal fil-qafas tal-AML bħal (i) il-fatt li s-sjieda benefiċjarja mhijiex iddeterminata għal kontijiet individwali miżmuma minn entitajiet mhux finanzjarji attivi (NFE), (ii) in-nuqqas ta' informazzjoni tas-sjieda benefiċjarja għall-proprjetajiet immobiljari u l-kuntratti tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja, (iii) in-nuqqas ta' reġistri nazzjonali interkonnessi b'mod partikolari proprjetà immobbli b'reġistri tas-sjieda benefiċjarja, u (iv) in-nuqqas ta' definizzjonijiet komuni għas-sjieda benefiċjarja, id-diliġenza dovuta u r-reati ta' taxxa; |
|
21. |
Jesprimi dispjaċir għall-istat attwali tat-traspożizzjoni għall-AMLD4 madwar l-Istati Membri (15), u li l-Kummissjoni nediet proċeduri ta' ksur kontra tmien Stati Membri f'Diċembru 2020 u tliet Stati Membri fi Frar 2021 (16), filwaqt li jinnota li l-iskadenza tat-traspożizzjoni għal dawn id-dispożizzjonijiet kienet is-27 ta' Ġunju 2017; jesprimi dispjaċir ukoll għall-fatt li għall-AMLD5 (17), bi skadenza għat-traspożizzjoni tal-10 ta' Jannar 2020, tnedew proċeduri ta' ksur kontra 16-il Stat Membru (18); |
|
22. |
Josserva bi tħassib li fl-aktar valutazzjoni reċenti tal-miżuri AML tal-pajjiżi mwettqa mill-FATF, it-18-il Stat Membru inklużi fil-valutazzjoni (19), ma kellhomx prestazzjoni tajba fl-indikaturi ewlenin tal-effikaċja, pereżempju, meta ġew ikklassifikati fir-rigward tal-applikazzjoni adegwata tal-miżuri tal-AML, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri vvalutati ġew ikklassifikati li għandhom livell “moderat” jew “baxx” ta' effikaċja, fejn Spanja biss ġiet ikklassifikata li għandha livell “sostanzjali” ta' effikaċja, u l-ebda Stat Membru ma kiseb livell “għoli” ta' effikaċja (20); |
|
23. |
Josserva li qed jintużaw strutturi dejjem aktar kumplessi biex jaħbu lis-sidien benefiċjarji finali u għalhekk ifixklu l-implimentazzjoni effettiva tar-regoli tal-AML; josserva ulterjorment id-dgħufijiet esposti mir-rivelazzjonijiet OpenLux; jemmen li ma għandu jkun hemm l-ebda livell limitu għar-rapportar tas-sidien benefiċjarji; ifakkar fil-fehma tiegħu li s-sjieda benefiċjarja tat-trusts għandu jkollha l-istess livell ta' trasparenza bħall-kumpaniji fl-ambitu tal-AMLD5, filwaqt li jiġu żgurati salvagwardji xierqa; |
|
24. |
Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta, fi żmien debitu, evalwazzjoni tal-interazzjoni bejn l-AML u d-DAC; |
Sfidi legali u prattiċi
|
25. |
Jinnota li l-Kummissjoni timmonitorja t-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tad-DAC fl-Istati Membri; jirrimarka, madankollu, li s'issa la ħadet azzjoni diretta u effettiva biex tindirizza n-nuqqas ta' kwalità tad-data mibgħuta bejn l-Istati Membri, la għamlet żjarat fl-Istati Membri, u lanqas ma żgurat l-effikaċja tas-sanzjonijiet imposti mill-Istati Membri għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-rapportar tad-DAC; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-attivitajiet tagħha f'dan ir-rigward u tieħu azzjonijiet diretti u effettivi biex tindirizza n-nuqqas ta' kwalità tad-data mibgħuta mill-Istati Membri, tkompli tiżviluppa l-gwida tagħha għall-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni DAC, twettaq analiżi tar-riskju u tuża l-informazzjoni dwar it-taxxa riċevuta, u tniedi proċeduri ta' ksur, billi tuża, fost l-oħrajn, ir-rieżamijiet tal-Forum Globali (21) u tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipprijoritizza l-kwistjoni tat-titjib tal-kwalità tad-data fir-rieżamijiet futuri tal-qafas tad-DAC; |
|
26. |
Josserva bi tħassib li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-2019 enfasizzat li l-Istati Membri ta' spiss ma jmorrux lil hinn mir-rekwiżiti minimi tad-DAC fl-iskambju ta' informazzjoni, u dan ikkontribwixxa għall-iskandlu ta' frodi tat-taxxa cum-ex/cum-cum; josserva b'mod partikolari li l-Istati Membri ma kkooperawx biżżejjed permezz ta' mekkaniżmi xierqa bħall-iskambju spontanju sabiex iwissu lil Stati Membri rilevanti oħra dwar tali skemi; josserva wkoll li minoranza żgħira biss tal-Istati Membri għandha disponibbli informazzjoni kompluta fis-sitt kategoriji kollha ta' introjtu u kapital tad-DAC1; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' skambji aktar effettivi, kompluti u frekwenti; |
|
27. |
Jinnota bi tħassib li l-Forum Globali dan l-aħħar ivvaluta l-implimentazzjoni legali tal-Istandard Komuni ta' Rapportar (CRS) (22) imsejjaħ DAC2 fl-UE, u jinnota l-fatt li mhux l-Istati Membri kollha huma konformi bis-sħiħ skont l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-Forum Globali; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-Istati Membri u tniedi proċeduri ta' ksur sakemm l-Istati Membri kollha jkunu konformi bis-sħiħ; jistenna bil-ħerqa l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-Forum Globali dwar l-infurzar prattiku tas-CRS u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħejju b'mod diliġenti għal dan il-proċess; |
|
28. |
Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Istati Membri rarament jorbtu l-informazzjoni li jibagħtu ma' NIT maħruġ mill-pajjiż ta' residenza tal-kontribwent; jinnota li l-Litwanja u l-Irlanda biss jidhru li jinkludu NIT, kif rikonoxxut mill-pajjiż riċeventi (23); jinnota wkoll li l-kondiviżjoni ta' numri ta' identifikazzjoni tal-kontribwenti (NIT) validi hija kruċjali għall-proċessi effiċjenti tal-EOI; jinnota li n-NIT tal-korporazzjonijiet għandhom jiġu rrapportati wkoll, sabiex jiġi ffaċilitat aktar it-tqabbil tal-informazzjoni rilevanti dwar it-taxxa; ifakkar li kull miżura li tiffaċilita l-identifikazzjoni tal-kontribwenti trid tirrispetta d-drittijiet fundamentali, speċjalment id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data; |
|
29. |
Jilqa' r-rekwiżit fid-DAC7 li jiġi inkluż in-NIT tal-Istat Membru ta' residenza għad-DAC1 u d-DAC2 biex jittejbu t-tqabbil u l-identifikazzjoni tad-data madwar l-Istati Membri, peress li l-identifikazzjoni xierqa tal-kontribwenti hija essenzjali għal EOI effikaċi bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa; huwa mħasseb li kwantitajiet kbar ta' informazzjoni ma jitqabblux mal-kontribwenti rilevanti u ma jintużawx biżżejjed, u dan iwassal għal nuqqasijiet fit-tassazzjoni; |
|
30. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, toħloq għodda ta' validazzjoni għan-NIT; jinnota li din it-tali għodda ta' validazzjoni żżid l-effikaċja tar-rapportar tal-FIs b'mod sinifikanti u għalhekk tnaqqas l-ispejjeż ta' konformità għal dawn l-istituzzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni biex, wara analiżi xierqa u evalwazzjoni tal-impatt, teżamina mill-ġdid il-ħolqien ta' NIT Ewropew; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw analiżi aktar sistematika tad-data mhux imqabbla tad-DAC1 u d-DAC2, u jintroduċu proċeduri għall-analiżi sistematika tar-riskju tal-informazzjoni li jirċievu; |
|
31. |
Jieħu nota tal-fatt li l-informazzjoni skambjata fuq talba (EOIR) ta' spiss instabet li mhijiex kompluta u kienet tirrikjedi aktar kjarifiki; Jesprimi dispjaċir għall-fatt li fil-qafas tal-EOIR, l-awtoritajiet ta' spiss jieħdu sa sitt xhur u aktar biex jipprovdu informazzjoni mid-data tal-wasla tat-talba; jinnota b'dispjaċir li ma hemm l-ebda limitu ta' żmien għal kwalunkwe skambju ta' segwitu u dan joħloq il-potenzjal għal aktar dewmien; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi din id-dispożizzjoni, inkluż għal talbiet ta' segwitu, għal mhux aktar tard minn tliet xhur; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tingħata l-mandat biex tivvaluta b'mod sistematiku l-livell ta' kooperazzjoni minn pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-indikazzjonijiet li l-EOIR ma' diversi pajjiżi terzi, inkluża l-Iżvizzera, mhijiex sodisfaċenti; |
|
32. |
Jiddeplora l-fatt li Stat Membru wieħed, Malta, irċieva punteġġ ġenerali “parzjalment konformi” fir-rieżami bejn il-pari mill-Forum Globali għall-EOIR, u dan ifisser li l-istandard tal-EOIR huwa implimentat parzjalment biss u dan iwassal għal effetti prattiċi sinifikanti (24); jinnota li 19-il Stat Membru mhumiex kompletament konformi “mal-informazzjoni dwar is-sjieda u l-identità” (25); jinnota li sitt Stati Membri mhumiex kompletament konformi “mal-informazzjoni tal-kontabbiltà” (26); jinnota li ħames Stati Membri mhumiex kompletament konformi “mal-informazzjoni bankarja” (27); jinnota li seba' Stati Membri mhumiex kompletament konformi “mal-aċċess għall-informazzjoni” (28); jinnota li tliet Stati Membri mhumiex kompletament konformi “mad-drittijiet u s-salvagwardji” (29); jinnota li ħames Stati Membri mhumiex kompletament konformi mal-“mekkaniżmi EOI” (30); jinnota li tliet Stati Membri mhumiex kompletament konformi mal-“kunfidenzjalità” (31); jinnota li tliet Stati Membri mhumiex kompletament konformi “mad-drittijiet u s-salvagwardji” (32); jinnota li disa' Stati Membri mhumiex kompletament konformi “mal-kwalità u t-tempestività tar-risponsi” (33); jinnota li fil-qosor ma ġie identifikat l-ebda nuqqas materjali fi tmien Stati Membri biss (34); jesprimi dispjaċir għall-fatt li ġew identifikati nuqqasijiet materjali fi 18-il Stat Membru (35); jesprimi dispjaċir kbir għall-fatt li ċerti Stati Membri għandhom klassifikazzjoni baxxa dwar kwistjonijiet speċifiċi bħall-informazzjoni dwar is-sjieda u l-identità; jistieden lill-Istati Membri jiksbu klassifikazzjoni konformi fir-rieżami bejn il-pari li jmiss; jinnota li n-nuqqas ta' prestazzjoni tal-Istati Membri jdgħajjef serjament il-kredibilità tal-UE fil-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa fuq livell internazzjonali; jistenna li l-Kummissjoni tuża mingħajr aktar dewmien l-għodod legali u mhux legali kollha biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni tkun qed tiġi implimentata kif suppost; jistieden lill-Kummissjoni tniedi proċeduri ta' ksur sakemm l-Istati Membri kollha jkunu konformi bis-sħiħ; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ mal-objettivi tad-DAC u l-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki tal-EOI; |
|
33. |
Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni fid-DAC7 biex jiġi ċċarat l-istandard ta' “rilevanza prevedibbli” li jeħtieġ li jiġi ssodisfat fil-kuntest tal-EOIR u jistieden lill-Kummissjoni tfassal linji gwida biex tiżgura approċċ standardizzat u użu aktar effettiv tad-dispożizzjonijiet tal-EOIR; |
|
34. |
Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni għamlet disponibbli diversi għodod għall-Istati Membri biex jiżviluppaw l-EOI u l-aħjar prattiki kif ukoll l-appoġġ tal-IT, prinċipalment permezz tal-programm Fiscalis 2020; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi promoss aktar l-iskambju tal-aħjar prattiki u li tiġi żviluppata gwida dwar l-użu tal-informazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tad-DAC3 u d-DAC4; |
|
35. |
Jinnota li l-użu tal-informazzjoni fl-ambitu tad-DAC għal kwistjonijiet mhux fiskali jirrikjedi awtorizzazzjoni minn qabel mill-Istat Membru li jibgħatha, li mhux dejjem tingħata għalkemm din l-informazzjoni tista' tkun utli biex tiżdied l-effiċjenza tal-investigazzjonijiet kriminali u investigazzjonijiet oħra, u t-talba ġeneralment tkun ibbażata fuq termini ġustifikati; jinsisti li l-użu tal-informazzjoni skambjata fl-ambitu tad-DAC għandu dejjem ikun awtorizzat għal skopijiet oħra minbarra kwistjonijiet ta' taxxa meta dan ikun permess skont il-liġijiet tal-Istat Membru riċevitur għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi; iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ favur standards għoljin ta' rispett għad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, bħala kontribwenti; |
|
36. |
Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill dgħajjef il-bidliet proposti mill-Kummissjoni għad-DAC7, b'mod partikolari fir-rigward ta' awditi konġunti u talbiet tal-grupp (talbiet dwar grupp ta' kontribwenti mhux identifikati individwalment); jistieden lill-Kunsill jirrevedi l-pożizzjoni attwali tiegħu u jadotta l-bidliet issuġġeriti mill-Kummissjoni kif propost; jinnota li l-għadd ta' talbiet tal-grupp huwa limitat ħafna, peress li ħames Stati Membri biss bagħtu talba tal-grupp waħda jew aktar fl-2017; jistieden lill-Kummissjoni tħejji formola standard ta' talba tal-grupp u tinkludiha fir-regolament ta' implimentazzjoni relevanti (36); ifakkar li sabiex din l-opportunità u l-kontrolli simultanji jkollhom suċċess, huwa meħtieġ taħriġ essenzjali għall-impjegati tal-awtoritajiet tat-taxxa fil-leġiżlazzjoni tat-taxxa barranija, il-lingwi, l-ispeċjalizzazzjoni u l-ħiliet interpersonali; |
|
37. |
Jirrikonoxxi l-valur miżjud tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-appoġġ permanenti mill-Kummissjoni dwar l-għoti tas-setgħa lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali; jissottolinja r-rwol speċjali tal-programm Fiscalis 2020 f'dan ir-rigward; ifakkar li, madankollu, l-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali jeħtieġu rinfurzar sinifikanti fir-riżorsi umani, finanzjarji u infrastrutturali tagħhom; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom għal livelli suffiċjenti ta' investiment fl-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali; jistenna bil-ħerqa s-sejbiet tal-grupp il-ġdid tal-proġett Fiscalis dwar l-użu ta' analitika avvanzata biex titkejjel il-kwalità tad-data fi ħdan qafas komuni; |
|
38. |
Jieħu nota tas-sejbiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (37) li jista' jsir aktar f'termini ta' monitoraġġ, l-iżgurar tal-kwalità tad-data u l-użu tal-informazzjoni riċevuta sabiex l-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa jsir aktar effettiv; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu s-sejbiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri fil-ħidma futura dwar il-qafas tad-DAC; |
Aċċess għad-data u l-monitoraġġ
|
39. |
Jinnota bi tħassib kbir li ma hemmx biżżejjed evidenza biex tiġi vvalutata l-kwalità tar-rappurtar skont id-dispożizzjonijiet tad-DAC1 u d-DAC2, minħabba l-fatt li huma biss ftit l-Istati Membri li sistematikament iwettqu kontrolli tal-kwalità fuq id-data skambjata skont id-DAC1 u d-DAC2; jinnota bi tħassib kbir li l-informazzjoni mhix irrappurtata biżżejjed, u li dik li qed tiġi rrappurtata mhux qed tintuża biżżejjed; jinnota wkoll li ftit sar monitoraġġ tal-effikaċja tas-sistema; jesprimi dispjaċir għall-fatt li d-data dwar l-EOI fl-ambitu tad-dispożizzjonijiet tad-DAC, li hija disponibbli pubblikament, mhix biżżejjed biex jiġu vvalutati b'mod adegwat l-evoluzzjoni tal-iskambji tal-informazzjoni u l-effikaċja tagħhom; |
|
40. |
Jinnota li ma hemm l-ebda qafas komuni tal-UE għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni u l-kisbiet tas-sistema u dan iżid ir-riskju li d-data rrappurtata tkun mhux kompluta jew mhux preċiża; jinnota, barra minn hekk, li huma biss ftit l-Istati Membri li stabbilew u japplikaw proċeduri għall-awditjar tal-informazzjoni ppreżentata mill-FIs fl-ambitu tad-DAC2; |
|
41. |
Jesprimi dispjaċir għall-fatt li, skont il-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni mhix qed timmonitorja b'mod proattiv l-implimentazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni, u mhux qed tipprovdi biżżejjed gwida jew tkejjel l-eżiti u l-impatt tas-sistema; huwa mħasseb ħafna dwar il-fatt li wieħed biss mill-ħames Stati Membri eżaminat mill-Qorti tal-Awdituri wettaq kontrolli tal-kwalità tad-data, li ħadu biss il-forma ta' kontrolli manwali fuq kampjun tad-data limitat u ma ġewx implimentati bħala proċess sistematiku; |
|
42. |
Jirrimarka li r-rati ta' tqabbil juru li ma jintużawx kwantitajiet kbar ta' informazzjoni, peress li dawn ma jitqabblux mal-kontribwenti rilevanti, u li l-Istati Membri mhumiex qed jagħmlu aktar kontrolli ta' data mhux imqabbla; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu qafas komuni biex jitkejjel l-impatt u l-kostijiet-benefiċċji tad-DAC u jagħmlu l-iskambji tad-DAC verifikabbli bis-sħiħ u traċċabbli mill-oriġini sal-użu tad-data, billi jiġi inkluż identifikatur f'kull sett ta' data; jistieden lill-Kummissjoni biex kull sena tippubblika sommarju tal-informazzjoni riċevuta mill-Istati Membri, filwaqt li tqis id-drittijiet u l-kunfidenzjalità tal-kontribwenti; jirrimarka, madankollu, li dan ir-rapport irid ikollu data aggregata u dettaljata għal skrutinju demokratiku xieraq mill-Parlament; jinnota li l-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni ma għandhiex titqies bħala strettament kunfidenzjali jekk l-informazzjoni ma tkunx tista' tiġi attribwita lil kontribwenti uniċi; itenni li l-Kummissjoni għandha tkun intitolata li tfassal u tippubblika rapporti u dokumenti, billi tuża l-informazzjoni skambjata b'mod anonimizzat, sabiex tqis id-dritt tal-kontribwenti għall-kunfidenzjalità u l-konformità mar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (38) dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni; |
|
43. |
Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika statistika anonimizzata u aggregata dwar ir-rapport pajjiż b'pajjiż fuq bażi annwali għall-Istati Membri kollha; jistieden lill-Istati Membri jikkomunikaw ir-rapporti pajjiż b'pajjiż li jirċievu lis-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni; |
|
44. |
Jisħaq li l-evalwazzjoni tal-2019 imwettqa mill-Kummissjoni wriet il-ħtieġa ta' monitoraġġ konsistenti tal-effettività tal-qafas tad-DAC; jistieden lill-Istati Membri jikkomunikaw l-istatistika, il-qligħ mid-dħul mit-taxxi u infomazzjoni rilevanti oħra meħtieġa sabiex tiġi vvalutata b'mod xieraq l-effettività tal-iskambji kollha lill-Kummissjoni fuq bażi annwali; jitlob, fil-każ tal-EOIR, li l-informazzjoni pprovduta tiġi mqassma skont il-pajjiż filwaqt li jiġu rrispettati r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tagħmel monitoraġġ u tevalwa b'mod xieraq l-effikaċja tal-EOI u għalhekk jitlob li ssir evalwazzjoni komprensiva ġdida sa Jannar 2023; |
|
45. |
Jisħaq li l-amministrazzjonijiet tat-taxxa għandhom iħaddnu bis-sħiħ it-trasformazzjoni diġitali u l-potenzjal tagħha li twassal għal allokazzjoni aktar effiċjenti tal-informazzjoni u tnaqqis tal-ispejjeż ta' konformità u l-burokrazija żejda; jenfasizza li dan jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn żieda xierqa fir-riżorsi finanzjarji, umani u tal-IT għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa; |
Konsistenza ma' dispożizzjonijiet oħrajn
|
46. |
Jirrikonoxxi li d-dispożizzjonijiet tad-DAC huma koerenti ħafna mas-CRS tal-OECD, u li jikkoinċidu b'mod sostanzjali mal-Att dwar il-Konformità Fiskali tal-Kontijiet Barranin (FATCA) tal-Istati Uniti, filwaqt li jinkludu wkoll differenzi importanti fir-rigward tiegħu; |
|
47. |
Jiddeplora n-nuqqas ta' reċiproċità fl-ambitu tal-FATCA; josserva li l-Istati Uniti qed isiru faċilitatur sinifikanti tas-segretezza finanzjarja għal dawk li mhumiex ċittadini tal-Istati Uniti; josserva li hemm żewġ lakuni ewlenin: informazzjoni mill-assi tal-Istati Uniti biss hija kondiviża u l-ebda informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja mhi kondiviża; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidħlu f'negozjati ġodda mal-Istati Uniti fil-qafas tal-OECD sabiex tinkiseb reċiproċità sħiħa f'qafas ta' CRS maqbul u msaħħaħ b'mod komuni; jisħaq li dan iwassal għal progress sinifikanti u spejjeż ta' konformità aktar baxxi għall-FIs u jnaqqas b'mod sinifikanti l-piżijiet burokratiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidħlu f'negozjati għal Konvenzjoni dwar it-Taxxa tan-NU; |
|
48. |
Jiddeplora l-effetti sekondarji li l-FATCA għad għandu fuq l-hekk imsejħa Amerikani aċċidentali; jesprimi dispjaċir għall-fatt li, sal-lum, ma nstabet l-ebda soluzzjoni dejjiema fil-livell Ewropew; |
|
49. |
Josserva l-kunflitti possibbli bejn il-qafas tad-DAC u r-Regolamenti (UE) 2016/679 (39) u (UE) 2018/1725 (40); jisħaq li l-ipproċessar tad-data previst fid-dispożizzjonijiet tad-DAC għandu l-uniku objettiv li jaqdi l-interess pubbliku ġenerali fil-qasam tat-tassazzjoni fl-Istati Membri, jiġifieri, li jnaqqas il-frodi tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, jissalvagwardja d-dħul mit-taxxa, u jippromwovi t-tassazzjoni ġusta; |
|
50. |
Jappoġġja l-istedina tal-Kunsill lill-Kummissjoni biex tanalizza sa liema punt ikun fattibbli li tkompli tallinja l-kamp ta' applikazzjoni tal-għodod disponibbli għall-awtoritajiet tat-taxxa skont id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 (41); |
|
51. |
Jilqa' l-ftehimiet simili għad-Direttiva 2014/107/UE dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji ma' pajjiżi terzi, jiġifieri Andorra, il-Liechtenstein, Monaco, San Marino u l-Iżvizzera; jitlob li ssir evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta' tali ftehimiet u, jitlob għalhekk li ssir evalwazzjoni fid-dawl tal-ftehim eżistenti dwar is-CRS; Jitlob ukoll li jsiru ftehimiet simili għad-DACs 3, 5, 6 u 7; |
Konklużjonijiet
|
52. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq reviżjoni komprensiva tal-qafas tad-DAC malajr kemm jista' jkun, abbażi tal-proposti tal-Parlament u ta' konsultazzjoni pubblika wiesgħa; jistieden bil-qawwa lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiskambjaw fehmiet mal-Parlament dwar il-kwistjoni; jesprimi dispjaċir għall-adozzjoni ripetuta ta' deċiżjonijiet tal-Kunsill li jdgħajfu l-proposti tal-Kummissjoni biex jissaħħaħ il-qafas tad-DAC; |
|
53. |
Jesprimi dispjaċir kbir għall-fatt li l-Istati Membri kollha – bl-eċċezzjoni tal-Finlandja u l-Iżvezja – irrifjutaw li jagħtu aċċess lill-Parlament għad-data rilevanti biex jivvaluta l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-DAC; jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet ma tagħtix aċċess lill-Parlament għad-data rispettiva fil-pussess tagħha; iqis li l-Parlament fil-fatt qed jiġi mxekkel milli jeżerċita l-funzjoni tiegħu ta' skrutinju politiku fuq il-Kummissjoni kemm skont l-Artikolu 14 kif ukoll skont l-Artikolu 17(8) TUE; jinnota li dan ir-rapport ta' implimentazzjoni għalhekk għandu nuqqasijiet sinifikanti; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jtemmu r-rifjut tagħhom li jikkondividu d-dokumenti rilevanti f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 li japplika direttament, u jirrispettaw il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali ddikjarat fl-Artikolu 13(2) TUE; jitlob lill-Parlament juża l-mezzi legali kollha għad-dispożizzjoni tiegħu biex jiżgura li jirċievi d-dokumenti kollha meħtieġa għal valutazzjoni sħiħa tal-implimentazzjoni tad-DAC; |
|
54. |
Jifhem li d-DAC, peress li tikkonċerna kwistjonijiet ta' taxxa, hija dimensjoni intergovernattiva dwar l-integrazzjoni Ewropea; ifakkar, madankollu, li l-politiki tat-taxxa huma essenzjali biex jiġu ssodisfati l-objettivi strateġiċi tal-UE, prinċipalment dawk relatati mal-AML, il-finanzjament tat-terroriżmu, il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, eċċ.; jiddeplora l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar ir-reviżjonijiet konsekuttivi tad-DAC, abbażi tal-mitigazzjoni ripetuta tal-proposti tal-Kummissjoni u n-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-Parlament; jistieden lill-Kunsill jirrieżamina l-attitudni tiegħu lejn il-Parlament dwar kwistjonijiet ta' taxxa u, b'mod speċifiku, dwar ir-reviżjonijiet tad-DAC; iħeġġeġ lill-Kunsill jagħti aċċess għall-informazzjoni rilevanti dwar l-implimentazzjoni tad-DAC, sabiex jiġi garantit skrutinju demokratiku xieraq mill-Parlament; |
|
55. |
Jifhem li d-DAC għandha effett doppju: tidentifika l-frodi permezz tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni u tiskoraġġiha billi żżid il-possibbiltà li l-frodaturi jiġu identifikati filwaqt li ma tħallihomx mingħajr kastig; jirrikonoxxi li huwa aktar diffiċli li jiġi kkwantifikat tali effett ta' deterrent, madankollu jistieden lill-Kummissjoni tkompli tikkunsidra dan l-aspett tad-DAC fl-evalwazzjonijiet futuri tagħha; |
o
o o
|
56. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri. |
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 25.
(3) ĠU L 359, 16.12.2014, p. 1.
(4) ĠU L 332, 18.12.2015, p. 1.
(6) ĠU L 342, 16.12.2016, p. 1.
(8) Testi adottati, P9_TA(2021)0072.
(9) ĠU C 108, 26.3.2021, p. 8.
(10) Studju – “L-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-UE għall-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa”, il-Parlament Ewropew, id-Direttorat Ġenerali għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari, id-Direttorat għall-Valutazzjoni tal-Impatt u l-Valur Miżjud Ewropew, l-Unità tal-Evalwazzjoni Ex Post, 4 ta' Frar 2021.
(11) ĠU C 429, 11.12.2020, p. 6.
(12) Dover, R. et al: “Indaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-taxxa korporattiva fi ħdan l-Unjoni Ewropea, Parti I: Valutazzjoni tal-kobor tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa korporattiva”, il-Parlament Ewropew, id-Direttorat Ġenerali għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari, l-Unità tal-Valur Miżjud Ewropew, Settembru 2015.
(13) Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, Dokumenti dwar it-Tassazzjoni, Dokument ta' Ħidma Nru 76, “Stima tal-Evażjoni tat-Taxxa Internazzjonali minn Individwi”, Settembru 2019, https://ec.europa.eu/taxation_customs/system/files/2019-10/2019-taxation-papers-76.pdf.
(14) Rapport Finali, Ecorys, “Monitoring the amount of wealth hidden by individuals in international financial centres and impact of recent internationally agreed standards on tax transparency on the fight against tax evasion” (Monitoraġġ tal-ammont ta' ġid moħbi mill-individwi fiċ-ċentri finanzjarji internazzjonali u l-impatt tal-istandards maqbula reċentament fil-livell internazzjonali dwar it-trasparenza tat-taxxa u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa).
(15) Mill-25 ta' Novembru 2020. Ara s-sit web tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-Direttiva IV dwar il-Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (AMLD IV) – l-istatus tat-traspożizzjoni fuq: https://ec.europa.eu/info/publications/anti-money-laundering-directive-4-transposition-status_mt
(16) Informazzjoni mit-22 ta' Diċembru 2020: Iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Estonja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, ir-Rumanija u s-Slovakkja (ara s-sit web tal-Kummissjoni Ewropea: https://ec.europa.eu/info/strategy/decision-making-process_mt). Fi Frar 2021 tnedew tliet proċeduri ta' ksur addizzjonali kontra l-Ġermanja, il-Portugall u r-Rumanija https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/inf_21_441
(17) Mill-25 ta' Novembru 2020. Ara s-sit web tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-Direttiva V dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (AMLD V) – l-istatus tat-traspożizzjoni fuq https://ec.europa.eu/info/publications/anti-money-laundering-directive-5-transposition-status_mt
(18) Informazzjoni mit-22 ta' Diċembru 2020: l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja. Ara s-sit web tal-Kummissjoni Ewropea: https://ec.europa.eu/info/strategy/decision-making-process_mt
(19) Il-Belġju, Ċipru, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, Spanja, l-Awstrija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, is-Slovakkja, is-Slovenja, il-Finlandja, l-Iżvezja, il-Portugall u l-Ungerija.
(20) It-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja, ir-4 Sensiela ta' Klassifikazzjoni, Novembru 2020, l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja.
(21) Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta' Informazzjoni għal Skopijiet ta' Taxxa.
(22) https://www.oecd-ilibrary.org/docserver/175eeff4-en.pdf?expires=1614245801&id=id&accname=ocid194994&checksum=C36736F5E5628939095D507381D7D7C5
(23) https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2021/662603/EPRS_STU(2021)662603_EN.pdf
(24) https://www.oecd-ilibrary.org/taxation/global-forum-on-transparency-and-exchange-of-information-for-tax-purposes-malta-2020-second-round_d92a4f90-en
(25) L-Estonja, l-Awstrija, l-Ungerija, il-Belġju, il-Lussemburgu, il-Bulgarija, il-Kroazja, in-Netherlands, Ċipru, il-Polonja, iċ-Ċekja, il-Portugall, id-Danimarka, ir-Rumanija, is-Slovakkja, il-Greċja, il-Ġermanja, Malta u Spanja. Sors: noti tal-qiegħ 25/34: https://www.oecd-ilibrary.org/taxation/global-forum-on-transparency-and-exchange-of-information-for-tax-purposes-peer-reviews_2219469x?_ga=2.61374444.131706240.1621422687-1265388792.1602508229
(26) Il-Kroazja, Ċipru, il-Greċja, is-Slovakkja, Spanja u Malta.
(27) L-Ungerija, Malta, in-Netherlands, id-Danimarka u s-Slovakkja.
(28) L-Awstrija, l-Ungerija, il-Belġju, il-Latvja, iċ-Ċekja, il-Portugall u s-Slovakkja.
(29) L-Ungerija, il-Belġju u l-Lussemburgu.
(30) L-Awstrija, il-Latvja, Ċipru, iċ-Ċekja u l-Portugall.
(31) Il-Belġju, il-Latvja u l-Ungerija.
(32) L-Ungerija, il-Latvja u ċ-Ċekja.
(33) L-Italja, Malta, Franza, il-Lussemburgu, il-Bulgarija; Il-Portugall, ir-Rumanija, il-Greċja u l-Ġermanja.
(34) L-Estonja, l-Italja, il-Finlandja, il-Litwanja, Franza, is-Slovenja, l-Iżvezja u l-Irlanda.
(35) https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2021/662603/EPRS_STU(2021)662603_EN.pdf
(36) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2378 tal-15 ta' Diċembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1156/2012 (ĠU L 332, 18.12.2015, p. 19).
(37) https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=57680
(38) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(39) Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(40) Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(41) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1).