|
30.6.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 163/34 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 570/2010
tad-29 ta' Ġunju 2010
li jagħmel l-importazzjonijiet ta' modems bla wajers ta' netwerk ta' żona wiesgħa (WWAN) li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikoli 10(4) u 14(5) tiegħu,
Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
|
(1) |
Il-Kummissjoni rċeviet talba, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, biex tagħmel l-importazzjonijiet ta’ modems bla wajers ta' netwerk ta' żona wiesgħa (WWAN) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina suġġetti għal reġistrazzjoni. |
A. IL-PRODOTT IKKONĊERNAT
|
(2) |
Il-prodott ikkonċernat b'din ir-reġistrazzjoni huwa modem bla wajers ta' netwerk ta' żona wiesgħa (WWAN) b'antenna tar-radju u li jipprovdi konnettività tad-dejta tal-Protokoll tal-Internet (PI) għat-tagħmir tal-computing u li jinkludi r-routers Wi-Fi li fihom modem WWAN (WWAN/Wi-Fi routers), li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi tan-NM ex 8471 80 00 u ex 8517 62 00 . |
B. TALBA
|
(3) |
Wara li rċeviet ilment mingħand Option NV (minn hawn ’il quddiem “l-applikant”), il-Kummissjoni ddeterminat li hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta' proċediment u għalhekk, b'konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, ħabbret permezz ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (l-“Avviż ta’ Bidu”) il-bidu ta’ proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ modems bla wajers ta' netwerk ta' żona wiesgħa (WWAN) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. |
|
(4) |
Rigward il-kwalità għat-tressiq tal-ilment, l-applikant huwa l-produttur uniku tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni Ewropea, li tirrappreżenta 100 % tat-total tal-produzzjoni tal-Unjoni Ewropea. |
|
(5) |
Rigward id-dumping, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, il-pajjiż ikkonċernat qed jitqies li huwa pajjiż b'ekonomija mhux tas-suq. Fl-assenza tal-produzzjoni magħrufa tal-prodott ikkonċernat barra l-Unjoni Ewropea u l-pajjiż ikkonċernat, il-kwerelant stabbilixxa valur normali għall-pajjiż ikkonċernat fuq il-bażi tal-prezzijiet imħallsa fil-fatt jew il-prezzijiet li jridu jitħallsu fl-Unjoni għall-prodott simili aġġustati kif xieraq fejn meħtieġ biex jinkludu marġini ta' qliegħ raġonevoli. L-allegazzjoni ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil tal-valur normali stabbilit b’dan il-mod mal-prezzijiet ta’ esportazzjoni (fil-livell ta' ġbir mill-post tal-manifattura) tal-prodott li qed jiġi investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Fuq din il-bażi l-marġini kkalkulat ta’ dumping huwa sinifikanti għall-pajjiż esportatur ikkonċernat, jiġifieri b'eċċess ta' 150 %. |
|
(6) |
L-applikant jitlob ukoll li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat isiru suġġetti għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku ħalli l-miżuri jkunu jistgħu jiġu sussegwentement applikati fuq dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ dik ir-reġistrazzjoni. |
C. IL-BAŻIJIET GĦAR-REĠISTRAZZJONI
|
(7) |
Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, ma jistgħux jiġu imposti miżuri provviżorji qabel 60 jum mill-bidu. Madankollu, skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku, dazju definittiv anti-dumping jista’ jiġi intaxxat fuq prodotti li jkunu ddaħħlu għall-konsum mhux iktar minn 90 jum qabel id-data tal-applikazzjoni tal-miżuri provviżorji, sakemm il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu jiġu sodisfatti, u l-importazzjonijiet ikunu ġew reġistrati b'konformità mal-Artikolu 14(5). Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tista’, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, titlob lill-awtoritajiet tad-dwana jieħdu l-passi meħtieġa għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, ħalli l-miżuri jkunu jistgħu jiġu sussegwentement applikati fuq dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ dik ir-reġistrazzjoni. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru soġġetti għal reġistrazzjoni wara talba mill-industrija tal-Unjoni li jkun fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika azzjoni bħal din. |
|
(8) |
It-talba fiha biżżejjed evidenza biex ir-reġistrazzjoni tkun iġġustifikata. Dan huwa appoġġjat iktar minn evidenza minn sorsi oħrajn. |
|
(9) |
Fir-rigward tad-dumping, il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza prima facie li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina qegħdin jiġu dumped, u li l-esportaturi jeżerċitaw id-dumping. L-ilment anti-dumping u t-talba għal reġistrazzjoni fihom evidenza fir-rigward ta' prezzijiet ta' esportazzjoni marbuta mal-perjodu mit-tieni kwart tal-2009 sal-ewwel kwart tal-2010. Barra minn hekk, l-ilment fih tagħrif rigward il-prezzijiet ta' esportazzjoni mill-2006 'l hemm. L-evidenza rigward il-valur normali, li tinsab fl-ilment anti-dumping u t-talba għal reġistrazzjoni, f’dan l-istadju u suġġetta għal aktar dejta li tista’ ssir disponibbli matul l-investigazzjoni, fiha dejta dettaljata li tikkonċerna l-prezzijiet domestiċi u l-ispejjeż tal-produzzjoni mill-produttur uniku tal-Unjoni li jkopru l-perjodu mill-2006 sal-ewwel kwart tal-2010. Fin-nuqqas ta' kwalunkwe pajjiż analogu magħruf li jista' jservi ta' bażi għall-valur normali affidabbli, dan huwa l-aktar tagħrif eżatt u xieraq li jista' jintuża f'dan l-istadju. Din id-data, aġġustata sew għal spejjeż stmati ta’ trasport u spejjeż oħrajn, tidher fil-wiċċ li għandha x’taqsam mal-istess prodott u żmien u l-istess livell ta’ kummerċ, u għalhekk għandha tidher li hija komparabbli fil-wisgħa. Fuq kollox, u meta jitqies l-estent tal-marġini ta’ dumping allegat, din l-evidenza tipprovdi biżżejjed appoġġ f’dan l-istadju li l-esportaturi meqjusa jeżerċitaw id-dumping, u li kien hemm storja ta' dumping fuq perjodu ta' żmien estiż. |
|
(10) |
Fir-rigward tal-ħsara, il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza prima facie li l-prattiki ta’ dumping tal-esportaturi qed joħolqu ħsara materjali jew jistgħu joħolqu ħsara. Din l-evidenza fiha dejta dettaljata, li tinsab fl-ilment dwar l-anti-dumping u t-talba għar-reġistrazzjoni u appoġġjata minn tagħrif minn sorsi oħrajn, li jikkonċernaw il-fatturi ewlenin ta' ħsara stabbiliti fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza prima facie li l-prattiki tal-esportaturi qed joħolqu ħsara jew jistgħu joħolqu ħsara serja. Dan kollu ġġustifika l-ftuħ ta' investigazzjoni ta' salvagwardja. Għandu jkun enfasizzat li t-totalità tal-importazzjonijiet tidher li toriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. |
|
(11) |
Il-Kummissjoni għandha wkoll għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza prima facie, fl-ilment anti-dumping u t-talba għar-reġistrazzjoni u appoġġjata minn tagħrif minn sorsi oħrajn, li l-importaturi kienu jafu, jew misshom kienu jafu, li l-esportaturi jeżerċitaw dumping dannuż jew li x'aktarx ikun dannuż lill-industrija tal-Unjoni. Bħala eżempju, bosta artikli fl-istampa speċjalizzata matul perjodu ta' żmien estiż jissuġġerixxu li l-industrija tal-Unjoni tista’ tbati ħsara minħabba importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi miċ-Ċina. Barra minn hekk, meta jitqies l-estent tad-dumping li jidher li jista’ jkun qed jiġri, ikun raġjonevoli li jiġi konkluż li l-importaturi jkunu jafu, jew imisshom ikunu jafu, bis-sitwazzjoni. |
|
(12) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha evidenza prima facie li ħsara bħal din qed tiġi kkawżata jew tista' tiġi kkawżata minn importazzjonijiet ddampjati fi kwantità f'relattivament qasir żmien li fid-dawl ta' ħin u ta' volum tal-importazzjonijiet ddampjati u ta' ċirkostanżi oħra (bħad-deterjorazzjoni rapida tal-qagħda tal-industrija tal-Unjoni (2), il-fatt li produttur uniku jeżisti fl-Unjoni, iċ-ċiklu tan-negozjati ta' kuntratti f'dan is-suq, it-tul ta' ħajja relattivament qasira ta' prodotti fis-settur, l-ammont sinifikanti ta' spejjeż għar-Riċerka u l-Iżvilupp li jridu jiġu implimentati biex jiġġenerawhom) għandha mnejn tissottovaluta b'mod serju l-effett rimedjali ta' kwalunkwe dazji anti-dumping definittivi, sakemm dazji bħal dawn ma jiġux applikati retroattivament. L-evidenza fir-rigward ta' dawn iċ-ċirkostanzi tinstab fl-ilment ta' anti-dumping u fit-talba għar-reġistrazzjoni u appoġġjata mit-tagħrif minn sorsi oħra. |
|
(13) |
Minħabba f’hekk, il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni f’dan il-każ ġew sodisfatti. |
D. PROĊEDURA
|
(14) |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-talba tal-applikant fiha biżżejjed evidenza biex l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat isiru suġġetti għar-reġistrazzjoni, b'konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. |
|
(15) |
Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jipprovdu evidenza ta' sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, sakemm ikunu għamlu talba bil-miktub u wrew li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu. |
E. REĠISTRAZZJONI
|
(16) |
Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat għandhom isiru suġġetti għal reġistrazzjoni sabiex jiġi żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’sejbiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping, dawk id-dazji, ikunu jistgħu, jekk il-kundizzjonijiet neċessarji jiġu sodisfatti, jiġu intaxxati retroattivament skont id-dispożizzjonijiet legali applikabbli. |
|
(17) |
Kull responsabilità għall-ġejjieni tiġi mis-sejbiet tal-investigazzjoni anti-dumping. L-allegazzjonijiet fl-ilment li jitlob il-bidu ta’ investigazzjoni jaqbżu l-150 % għad-dumping u l-150 % għad-danni. Jekk l-investigazzjoni tikkonferma dawn l-allegazzjonijiet, il-miżura għandha taqbeż is-EUR 60 għal kull unità. |
F. L-IPPROĊESSAR TA’ DEJTA PERSONALI
|
(18) |
Kwalunkwe dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (3). |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-awtoritajiet Doganali qed jiġu b'dan mitluba, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) 1225/2009, biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjoni lejn l-Unjoni ta' modems bla wajers ta' netwerk ta' żona wiesgħa (WWAN) b'antenna tar-radju u li jipprovdu konnettività tad-dejta tal-Protokoll tal-Internet (PI) għat-tagħmir tal-computing u li jinkludu r-routers Wi-Fi li fihom modem WWAN (WWAN/Wi-Fi routers), li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM ex 8471 80 00 u ex 8517 62 00 (kodiċi TARIC 8471 80 00 10, 8517 62 00 11 u 8517 62 00 91). Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
2. Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub, u li jipprovdu evidenza ta' sostenn jew li jitolbu li jinstemgħu fi żmien 20 jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2010.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.
(2) Eżempji ta' din id-deterjorazzjoni rapida jistgħu’ jinstabu fl-ilment li jirrikjedu l-bidu ta' investigazzjoni anti-dumping. Dawn jinkludu iter alia t-tnaqqis bin-nofs tal-produzzjoni, il-multiplikazzjoni b'fattur ta' madwar 4 ta' telf finanzjarju u l-waqgħa ta' madwar 40 % fil-qgħad mill-2008 sal-2009.