European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2535

12.12.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2535

tas-27 ta’ Novembru 2025

li tissupplimanta d-Deċiżjoni (UE) 2020/2059 u li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tal-Kummerċ stabbilit mill-Ftehim Interim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra, rigward l-emendar ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Protokoll II dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva, fir-rigward tal-akkumulazzjoni ma’ pajjiżi ġirien li qed jiżviluppaw

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Interim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim”), iffirmat fit-30 ta’ Lulju 2009, stabbilixxa qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika. Il-Ftehim ilu jiġi applikat b’mod proviżorju mill-Istat Indipendenti ta’ Papua New Guinea u mir-Repubblika ta’ Fiġi mill-20 ta’ Diċembru 2009 u mit-28 ta’ Lulju 2014 rispettivament. Wara l-adeżjoni tagħhom mal-Ftehim, l-Istat Indipendenti ta’ Samoa u l-Gżejjer Solomon ukoll bdew japplikaw il-Ftehim b’mod proviżorju mill-31 ta’ Diċembru 2018 u s-17 ta’ Mejju 2020 rispettivament.

(2)

Skont l-Artikolu 68 tal-Ftehim u l-Artikolu 41 tal-Protokoll II dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (“il-Protokoll II”), il-Kumitat tal-Kummerċ stabbilit skont il-Ftehim (“il-Kumitat tal-Kummerċ bejn l-UE u l-Paċifiku”) jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll II.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2059 (2) stabbiliet il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tmien laqgħa tal-Kumitat tal-Kummerċ bejn l-UE u l-Paċifiku. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni kienet tinsab f’abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ bejn l-UE u l-Paċifiku mehmuż ma’ dik id-Deċiżjoni.

(4)

Ir-Repubblika ta’ Fiġi u l-Istat Indipendenti ta’ Samoa qajmu riżervi tal-aħħar minuta fir-rigward tal-pożizzjoni li għandha tittieħed u talbu li fil-Protokoll II jinżammu d-dispożizzjonijiet relatati mal-kumulazzjoni ma’ pajjiżi ġirien li qed jiżviluppaw. Konsegwentement, l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ bejn l-UE u l-Paċifiku mehmuż mad-Deċiżjoni (UE) 2020/2059 ma ġiex adottat mill-Kumitat tal-Kummerċ bejn l-UE u l-Paċifiku fit-tmien laqgħa tiegħu.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ bejn l-UE u l-Paċifiku mehmuż mad-Deċiżjoni (UE) 2020/2059 jiġi supplimentat biex jiddaħħlu d-dispożizzjonijiet relatati mal-kumulazzjoni ma’ pajjiżi ġirien li qed jiżviluppaw, u b’hekk jerġgħu jiddaħħlu d-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-verżjoni oriġinali tal-Protokoll II.

(6)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-ħdax-il laqgħa tal-Kumitat tal-Kummerċ bejn l-UE u l-Paċifiku fir-rigward tal-emendar ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Protokoll II.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat tal-Kummerċ bejn l-UE u l-Paċifiku tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ bejn l-UE u l-Paċifiku mehmuż mad-Deċiżjoni (UE) 2020/2059 kif supplimentat mill-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ bejn l-UE u l-Paċifiku mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ stabbilit skont il-Ftehim Interim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra (il-“Kumitat tal-Kummerċ bejn l-UE u l-Paċifiku”) mehmuż mad-Deċiżjoni (UE) 2020/2059 huwa supplimentat f’konformità mal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ bejn l-UE u l-Paċifiku mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-ħdax-il laqgħa tal-Kumitat tal-Kummerċ bejn l-UE u l-Paċifiku għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ bejn l-UE u l-Paċifiku mehmuż mad-Deċiżjoni (UE) 2020/2059 kif supplimentat mill-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ bejn l-UE u l-Paċifiku mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

M. TESFAYE


(1)   ĠU L 272, 16.10.2009, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2009/729/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2059 tas-7 ta’ Diċembru 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Kummerċ stabbilit mill-Ftehim Interim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra, rigward l-emendar ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Protokoll II għall-Ftehim dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/2059/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2535/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)