|
22.8.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 207/77 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1649
tal-21 ta’ Awwissu 2023
li jibda investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1930 fuq l-importazzjonijiet tal-plywood tal-betula li joriġinaw mir-Russja, permezz ta’ importazzjonijiet tal-plywood tal-betula kkonsenjati mit-Turkija u mill-Każakistan, kemm jekk dawn ikunu ddikjarati li joriġinaw mit-Turkija u l-Każakistan u kemm jekk le, u li jagħmel l-importazzjonijiet tal-plywood tal-betula kkonsenjati mit-Turkija u l-Każakistan soġġetti għar-reġistrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 13(3) u 14(5) tiegħu,
Wara li infurmat lill-Istati Membri,
Billi:
A. TALBA
|
(1) |
Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq l-importazzjonijiet tal-plywood tal-betula li joriġinaw mir-Russja u biex tagħmel l-importazzjonijiet tal-plywood tal-betula kkonsenjati mit-Turkija u l-Każakistan soġġetti għar-reġistrazzjoni, kemm jekk dawn ikunu ddikjarati li joriġinaw mit-Turkija u l-Każakistan u kemm jekk le. |
|
(2) |
Din it-talba ġiet ippreżentata fl-10 ta’ Lulju 2023 mill-Konsorzju Woodstock (l-“applikant”). |
B. PRODOTT
|
(3) |
Il-prodott ikkonċernat miċ-ċirkomvenzjoni possibbli huwa plywood magħmul biss minn folji tal-injam, kull saff ma għandux jaqbeż il-ħxuna ta’ 6 mm, bis-saffi ta’ barra tal-injam speċifikati taħt is-subintestatura 4412 33, b’tal-anqas saff wieħed ta’ barra magħmul mill-injam tal-betula, miksi jew le, ikklassifikat fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1930 (2) taħt il-kodiċi NM ex 4412 33 00 (il-kodiċi TARIC 4412330010) u li joriġina mir-Russja (“il-prodott ikkonċernat”). Dan huwa l-prodott li għalih japplikaw il-miżuri li huma fis-seħħ bħalissa. Il-prodott investigat huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa preċedenti, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM 4412 33 10 (3) iżda kkonsenjat mit-Turkija u mill-Każakistan, irrispettivament jekk ikunx iddikjarat li joriġina mit-Turkija u l-Każakistan (il-kodiċijiet TARIC 4412331010 u 4412331020 (“il-prodott investigat”). |
C. MIŻURI EŻISTENTI
|
(4) |
Il-miżuri li huma fis-seħħ attwalment u li possibbilment qiegħed ikun hemm iċ-ċirkomvenzjoni tagħhom huma miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1930 (“il-miżuri eżistenti”). |
D. RAĠUNIJIET
|
(5) |
It-talba fiha provi biżżejjed li qiegħed ikun hemm ċirkomvenzjoni tal-miżuri eżistenti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat permezz ta’ importazzjonijiet tal-prodott investigat. B’mod partikolari, il-provi fit-talba juru dan li ġej: |
|
(6) |
Wara l-impożizzjoni tal-miżuri eżistenti, seħħet bidla fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi l-esportazzjonijiet mir-Russja, kif ukoll mit-Turkija u mill-Każakistan lejn l-Unjoni. |
|
(7) |
Din il-bidla tidher li ġejja minn prattika li għaliha ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju, jiġifieri l-kunsinna tal-prodott ikkonċernat permezz tat-Turkija u l-Każakistan lejn l-Unjoni. |
|
(8) |
Barra minn hekk, l-evidenza turi li minħabba dawn il-prattiki deskritti hawn fuq, l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat qegħdin jiġu mminati kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll f’termini ta’ prezzijiet. Jidher li fis-suq tal-Unjoni daħlu volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet tal-prodott investigat. Barra minn hekk, hemm provi biżżejjed li l-importazzjonijiet tal-prodott investigat qegħdin isiru bi prezzijiet dannużi. |
|
(9) |
Fl-aħħar nett, l-evidenza turi li l-prezzijiet tal-prodott investigat huma oġġett ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit qabel għall-prodott ikkonċernat, aġġustat minħabba l-inflazzjoni tal-prezzijiet u ż-żidiet fil-kostijiet li seħħew mill-perjodu ta’ investigazzjoni użat meta ġew stabbiliti l-miżuri eżistenti. |
|
(10) |
Fl-eventwalità li l-prattiki ta’ ċirkomvenzjoni koperti mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, differenti minn dik imsemmija hawn fuq, jiġu identifikati matul l-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista’ tkopri dawn il-prattiki wkoll. |
E. PROĊEDURA
|
(11) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku u li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott investigat soġġetti għal reġistrazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. |
|
(12) |
Sabiex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa għal din l-investigazzjoni, jenħtieġ li l-partijiet interessati kollha jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, iżda mhux aktar tard mil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament. Il-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament japplika għall-partijiet interessati kollha. Jekk ikun meħtieġ, tista’ wkoll tintalab informazzjoni mill-industrija tal-Unjoni. |
|
(13) |
L-awtoritajiet tat-Turkija, tal-Każakistan u tar-Russja se jiġu notifikati bil-bidu tal-investigazzjoni. |
(a) Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlijin u l-korrispondenza
|
(14) |
L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Qabel ma jippreżentaw informazzjoni u/jew data lill-Kummissjoni li tkun soġġetta għal drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, il-partijiet interessati jridu jitolbu permess speċifiku mingħand id-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti espliċitament a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment ta’ difiża tal-kummerċ u b) li tingħata l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-dritt tad-difiża. |
|
(15) |
Il-preżentazzjonijiet bil-miktub kollha, inkluża l-informazzjoni mitluba f’dan ir-Regolament, il-kwestjonarji mimlijin u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li jkun intalab trattament kunfidenzjali għalihom għandhom jiġu mmarkati “Sensitive (4)”. Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistednin jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali. |
|
(16) |
Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni mmarkata “Sensitive” huma mitlubin jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, filwaqt li jimmarkawha “For inspection by interested parties” . Jenħtieġ li dawn is-sommarji jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli. |
|
(17) |
Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha bil-format u l-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta. |
|
(18) |
Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://webgate.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi talbiet biex jiġu rreġistrati bħala partijiet interessati, dokumenti skenjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni. |
|
(19) |
Sabiex ikollhom aċċess għal TRON.tdi, il-partijiet interessati jkollhom bżonn kont tal-EU Login. L-istruzzjonijiet kollha dwar kif wieħed jirreġistra u juża TRON.tdi jinsabu hawnhekk: https://webgate.ec.europa.eu/tron/resources/documents/gettingStarted.pdf. Meta jużaw TRON.tdi jew ittra elettronika, il-partijiet interessati jkunu qegħdin jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fis-sit tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://circabc.europa.eu/ui/group/2e3865ad-3886-4131-92bb-a71754fffec6/library/8b8ed0a2-9f75-4195-bf72-7f7c62b9ae4f/details. |
|
(20) |
Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz elettroniku validu u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-ittra elettronika li jiffunzjona u li jiġi kkonsultat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni se tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-ittra elettronika biss, dment li ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet bl-ittri elettroniċi, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmijin hawn fuq. |
|
(21) |
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
TRON.tdi: https://webgate.ec.europa.eu/tron/tdi Indirizz elettroniku: TRADE-TRADE-R799-BIRCH-PLYWOOD-AC-TURKEY@ec.europa.eu TRADE-TRADE-R799-BIRCH-PLYWOOD-AC-KAZAKHSTAN@ec.europa.eu |
(b) Ġbir ta’ informazzjoni u seduti ta’ smigħ
|
(22) |
Il-partijiet interessati kollha inkluż l-industrija tal-Unjoni, l-importaturi u kwalunkwe assoċjazzjoni rilevanti huma mistiedna jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dment li dawn il-preżentazzjonijiet isiru sal-iskadenza prevista fl-Artikolu 3(2). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, dment li jippreżentaw talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn jenħtieġ li jinstemgħu. |
(c) Talbiet għal eżenzjonijiet
|
(23) |
F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott investigat jistgħu jiġu eżentati mill-miżuri jekk l-importazzjoni ma tkunx tikkostitwixxi ċirkomvenzjoni. |
|
(24) |
Peress li ċ-ċirkomvenzjoni possibbli sseħħ barra mill-Unjoni, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet lill-produtturi tal-prodott investigat fit-Turkija u l-Każakistan li jistgħu juru li mhumiex involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni kif definit fl-Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament bażiku. Jekk ikun hemm produtturi li jixtiequ jiksbu eżenzjoni, jenħtieġ li dawn jippreżentaw ruħhom sal-limitu ta’ żmien indikat fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament. Kopji tal-formola tat-talba għal eżenzjoni għall-produtturi esportaturi fit-Turkija u l-Każakistan u l-kwestjonarji għall-importaturi fl-Unjoni huma disponibbli fil-fajl għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2677. Il-kwestjonarji għandhom jiġu ppreżentati sal-limitu taż-żmien indikat fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament. |
F. REĠISTRAZZJONI
|
(25) |
Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott investigat għandhom ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni sabiex ikun żgurat li, jekk mill-investigazzjoni jirriżulta li tkun ikkonstatata ċirkomvenzjoni, ikun jista’ jiġi impost ammont xieraq ta’ dazji anti-dumping, li ma jaqbiżx id-dazju residwu impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1930, mid-data li fiha tkun ġiet imposta r-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet. |
G. LIMITI TA’ ŻMIEN
|
(26) |
Sabiex ikun hemm amministrazzjoni tajba, jenħtieġ li jiġu ddikjarati l-limiti taż-żmien li fihom:
|
|
(27) |
Ta’ min jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċitar tad-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-partijiet jippreżentaw lilhom infushom fil-limiti taż-żmien indikati fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament. |
H. NUQQAS TA’ KOOPERAZZJONI
|
(28) |
Jekk xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti taż-żmien stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, il-konstatazzjonijiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. |
|
(29) |
Jekk jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni ma għandhiex titqies u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. |
|
(30) |
Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u, għaldaqstant, il-konstatazzjonijiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat. |
I. SKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI
|
(31) |
L-investigazzjoni se tiġi konkluża, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa’ xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. |
J. PROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI
|
(32) |
Ta’ min jinnota li kull data personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). |
|
(33) |
Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li tinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni hija disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://europa.eu/!vr4g9W |
K. UFFIĊJAL TAS-SEDUTA
|
(34) |
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għall-proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti taż-żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment. |
|
(35) |
L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qegħdin jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti jsiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fiż-żmien debitu. |
|
(36) |
Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u bla dewmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta malajr kemm jista’ jkun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. Fil-prinċipju, l-oqfsa ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-Regolament sabiex jintalbu seduti ta’ smigħ mas-servizzi tal-Kummissjoni japplikaw mutatis mutandis għal talbiet għal seduti ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta. Meta t-talbiet għal seduti jiġu ppreżentati barra mill-iskedi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet li minħabba fihom dawn it-talbiet ikunu saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li debitament iqis l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija f’waqtha tal-investigazzjoni. |
|
(37) |
Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fis-sit web tad-DĠ KUMMERĊ: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_en. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Qiegħda tinfetaħ investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036, sabiex jiġi ddeterminat jekk hux qiegħed ikun hemm ċirkomvenzjoni tal-miżuri imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1930 mill-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-plywood li jikkonsisti biss minn folji tal-injam, b’kull saff li ma jaqbiżx il-ħxuna ta’ 6 mm, bis-saffi ta’ barra tal-injam speċifikati taħt is-subintestatura 4412 33, b’tal-anqas saff wieħed ta’ barra magħmul mill-injam tal-betula, kemm jekk miksi jew le, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM 4412 33 10, ikkonsenjat mit-Turkija u mill-Każakistan, kemm jekk ikun ddikjarat li joriġina mit-Turkija u l-Każakistan u kemm jekk le (il-kodiċijiet TARIC 4412331010 u 4412331020).
Artikolu 2
1. L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.
2. Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
1. Il-partijiet interessati jridu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
2. Biex ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom jiġu kkunsidrati waqt l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jridu jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jibagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarju, it-talbiet għal eżenzjonijiet, jew kwalunkwe informazzjoni oħra fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
3. Il-partijiet interessati jistgħu japplikaw ukoll biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu taż-żmien ta’ 37 jum. Għas-seduti dwar l-istadju tal-bidu tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Kwalunkwe talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Awwissu 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1930 tat-8 ta’ Novembru 2021 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-plywood tal-betula li joriġinaw mir-Russja (ĠU L 394, 9.11.2021, p. 7).
(3) Sal-31 ta’ Diċembru 2021, il-kodiċi TARIC applikabbli kien ta’ 4412330010. Mill-1 ta’ Jannar 2022, ġie sostitwit bil-kodiċi TARIC 4412331010. Mill-1 ta’ Settembru 2022, ġie sostitwit bil-kodiċi NM 4412 33 10.
(4) Dokument “ Sensitive ” huwa dokument li jitqies li jkun kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-Dumping). Dan huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(5) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE, ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.