European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/3791

17.7.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta’ Lulju 2026

dwar ir-regoli li jirregolaw il-programm uffiċjali ta’ traineeship tal-Kummissjoni Ewropea

(C/2026/3791)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 58(2)(e) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-programm uffiċjali tat-traineeships tal-Kummissjoni jipprovdi għarfien uniku dwar il-prijoritajiet, il-politiki u l-amministrazzjoni tagħha u jippermettilhom jesperjenzaw b’mod dirett kif tiffunzjona u kif jiffunzjonaw l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE.

(2)

L-Unjoni tal-Ħiliet (2) għandha l-għan li ssaħħaħ is-sistemi tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tal-ħiliet ta’ kwalità, inklużivi u adattabbli biex tindirizza n-nuqqas u d-diskrepanzi fil-ħiliet u żżid il-kompetittività tal-UE. Dan jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu l-attraenza, l-eċċellenza u l-inklużività tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (“VET”) bħala perkors ta’ apprendiment ta’ valur ugwali bħall-edukazzjoni għolja, inkluż għan-nisa.

(3)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2014 dwar Qafas ta’ Kwalità għat-Traineeships (3) tirrakkomanda t-titjib tal-kwalità tat-traineeships biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni, il-qgħad jew l-inattività għax-xogħol.

(4)

Ċerti dispożizzjonijiet u politiki ta’ implimentazzjoni interni li japplikaw għall-persunal, bħad-Deċiżjoni C(2023) 8630 dwar il-fastidju psikoloġiku u sesswali (4), jenħtieġ li japplikaw għat-trainees ukoll. Huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

(5)

L-istrateġija tal-Kummissjoni dwar ir-riżorsi umani (5) tirrikonoxxi li jeħtieġ li jsir aktar biex jiġi żgurat li l-persunal tal-Kummissjoni jirrifletti s-soċjetà li jaqdi. Din id-Deċiżjoni għandha l-għan li tintroduċi approċċ aktar varjat u inklużiv għall-programm ta’ Traineeship tal-Blue Book billi tinkludi l-gradwati tal-VET.

(6)

Din id-Deċiżjoni tirrispetta l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (“ir-Regolamenti tal-Persunal”) (6).

(7)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tiżgura li t-trainees jintgħażlu abbażi tal-ogħla standards ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità, abbażi tal-aktar firxa ġeografika wiesgħa possibbli miċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni. F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirregola l-bilanċ ġeografiku tal-persunal tal-Kummissjoni (7), il-bilanċ ġeografiku tat-trainees tal-Blue Book se jiġi mmonitorjat mid-Direttorat Ġenerali għar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà (“DĠ HR”), u jistgħu jiġu applikati miżuri rilevanti biex tiġi indirizzata kwalunkwe disparità sinifikanti. Barra minn hekk, it-traineeships kollha tal-Blue Book jenħtieġ li jkunu aċċessibbli għaċ-ċittadini tal-pajjiżi kandidati li jipparteċipaw fi strateġija ta’ qabel l-adeżjoni.

(8)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tiżgura li t-trainees magħżula jibbenefikaw bis-sħiħ mill-programm ta’ Traineeship tal-Blue Book permezz ta’ parteċipazzjoni attiva u kontribut għall-attivitajiet tiegħu, filwaqt li juru wkoll livell suffiċjenti ta’ profiċjenza fil-lingwa Ingliża, Franċiża jew Ġermaniża.

(9)

Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tiżgura li t-traineeships jiġu offruti lill-akbar numru possibbli ta’ kandidati eliġibbli. Għalhekk huwa meħtieġ li l-opportunitajiet ta’ traineeship jiġu limitati għall-kandidati li għandhom inqas minn sitt ġimgħat (42 jum kalendarju) ta’ esperjenza ta’ xogħol fi kwalunkwe istituzzjoni, korp jew aġenzija partikolari tal-Unjoni.

(10)

Soġġett għall-finanzjament disponibbli, din id-Deċiżjoni tintroduċi allowances addizzjonali, tnaqqas il-perjodu ta’ żmien għar-rifużjoni tal-kostijiet tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-assenjazzjoni, u taġġusta l-għotja ta’ kull xahar abbażi tal-post tal-assenjazzjoni.

(11)

Għalhekk, id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(2005) 458 dwar ir-regoli li jirregolaw l-iskema ta’ traineeships uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea, C(2007) 1221 dwar l-iffissar tal-ammont tal-għotja lit-trainees taħt l-iskema ta’ traineeships uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea jenħtieġ li jitħassru u jiġu sostitwiti b’din id-Deċiżjoni,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tirregola l-programm ta’ Traineeship tal-Blue Book.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“Traineeship tal-Blue Book” tfisser il-programm uffiċjali ta’ traineeship tal-Kummissjoni Ewropea;

(b)

“trainee” tfisser individwu li jieħu sehem fil-programm ta’ Traineeship tal-Blue Book, irrispettivament mill-post tal-assenjazzjoni;

(c)

“Uffiċċju tat-Traineeships” tfisser l-entità responsabbli għall-ġestjoni amministrattiva tal-programm tat-Traineeship tal-Blue Book;

(d)

“kandidat” tfisser individwu li applika formalment għall-Blue Book Traineeship irrispettivament mill-istatus tal-għażla tiegħu;

(e)

“offerta ta’ traineeship” tfisser offerta magħmula mill-Kummissjoni biex tikkonkludi ftehim ta’ traineeship;

(f)

“ftehim ta’ traineeship” tfisser kuntratt bejn il-Kummissjoni u trainee, li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet tal-programm ta’ traineeship, inklużi r-responsabbiltajiet, l-obbligi u l-benefiċċji tat-trainee, kif ukoll id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni.

KAPITOLU II

TIPI TA’ TRAINEESHIPS U KRITERJI TA’ ELIĠIBBILTÀ RELATATI

Artikolu 3

Kriterji ta’ eliġibbiltà

1.   Il-kandidati għandu jkollhom mill-inqas 18-il sena fid-data tal-bidu tat-traineeship tagħhom.

2.   Il-kandidati għandhom ikunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ċittadini ta’ pajjiż kandidat li jibbenefikaw minn strateġija ta’ qabel l-adeżjoni. F’ċirkostanzi eċċezzjonali u debitament ġustifikati, is-servizz, li jixtieq jaċċetta applikazzjonijiet għal traineeships minn ċittadini ta’ pajjiżi oħra mhux tal-UE, irid ifittex qbil minn qabel mid-DĠ HR.

3.   Matul il-fażi tal-għażla, ċerti dipartimenti tal-Kummissjoni jistgħu jiddeċiedu li ma jiftħux il-pożizzjonijiet tat-traineeship tagħhom għal kandidati magħżula minn qabel ta’ nazzjonalitajiet mhux tal-UE minħabba n-natura tal-kompiti ppjanati, irrispettivament mill-paragrafu 2. L-informazzjoni rilevanti, kif ipprovduta mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, għandha tiġi ppubblikata fuq sit web apposta ġestit mill-Uffiċċju tat-Traineeships.

4.   Il-kandidati li jkollhom kwalunkwe esperjenza professjonali preċedenti jew attwali f’istituzzjoni, korp jew aġenzija Ewropea (8) itwal minn sitt ġimgħat (42 jum kalendarju) qabel ma jibdew it-traineeship tagħhom għandhom jiġu esklużi mit-traineeship. Dan jinkludi kwalunkwe tip ta’ traineeship (formali jew informali, imħallas jew mhux imħallas, sħiħ jew part-time), kif ukoll li wieħed ikun assistent parlamentari akkreditat jew assistent ta’ Membru tal-Parlament Ewropew, konsulent jew riċerkatur intra-muros, membru tal-persunal temporanju, membru tal-persunal kuntrattwali, membru tal-persunal interim, eċċ.

Artikolu 4

Tipi ta’ Traineeships tal-Blue Book u kriterji speċifiċi ta’ eliġibbiltà relatati

1.   Għandu jkun hemm żewġ tipi ta’ traineeships: traineeships fl-amministrazzjoni mmirati lejn gradwati tal-edukazzjoni għolja u gradwati tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (“VET”), u traineeships fit-traduzzjoni.

2.   Skont it-tip speċifiku ta’ Traineeship tal-Blue Book, il-kandidati għandhom jissodisfaw ukoll il-kundizzjonijiet li ġejjin:

2.1.

Għat-Traineeship tal-Blue Book fl-amministrazzjoni mmirat lejn gradwati tal-edukazzjoni għolja, il-kandidati għandhom:

(a)

ikollhom livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma ta’ mill-inqas tliet snin, li jikkorrispondi għal-livell 6 tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (“QEK”) attestat b’ċertifikat ta’ lawrja mogħti qabel l-iskadenza tal-applikazzjoni,

(b)

ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta’ mill-inqas l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż b’mill-inqas livell C1 tal-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza (“QKERL”) u għall-kandidati li huma ċittadini ta’ Stat Membru, ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea, b’mill-inqas livell B2 tal-QKERL.

2.2.

Għat-Traineeship tal-Blue Book fl-amministrazzjoni mmirat lejn gradwati tal-VET, il-kandidati għandhom:

(a)

ikollhom kwalifika tal-VET ta’ mill-inqas il-livelli 3, 4 jew 5 tal-QEK, attestata b’ċertifikat ta’ kwalifika vokazzjonali mogħti qabel l-iskadenza tal-applikazzjoni,

(b)

ikollhom għarfien tajjeb ta’ mill-inqas l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż b’mill-inqas livell B2 tal-QKERL u, għal kandidati li huma ċittadini ta’ Stat Membru, ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea, b’mill-inqas livell A2 tal-QKERL.

2.3.

Għat-Traineeship tal-Blue Book fit-traduzzjoni, il-kandidati għandhom:

(a)

ikollhom livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma ta’ mill-inqas tliet snin, li jikkorrispondi għal-livell 6 tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (“QEK”) attestat b’ċertifikat ta’ lawrja mogħti qabel l-iskadenza tal-applikazzjoni,

(b)

ikollhom lingwa prinċipali, li tkun lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fil-livell C2 tal-QKERL jew lingwa materna, it-tieni lingwa, li għandha tkun l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż, b’livell ta’ mill-inqas C1 tal-QKERL, u t-tielet lingwa, li għandha tkun kwalunkwe lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea b’livell ta’ mill-inqas B2 tal-QKERL.

KAPITOLU III

PROĊEDURI TA’ APPLIKAZZJONI, PRESELEZZJONI U GĦAŻLA

Artikolu 5

Applikazzjoni

1.   L-Uffiċċju tat-Traineeships għandu jistabbilixxi l-proċedura tal-applikazzjoni, u l-applikazzjonijiet kollha għandhom jiġu ppreżentati f’konformità ma’ dik il-proċedura. L-istruzzjonijiet kollha meħtieġa għandhom jiġu ppubblikati fuq sit web apposta ġestit mill-Uffiċċju tat-Traineeships.

2.   Il-kandidati għandhom jippreżentaw applikazzjoni waħda biss għal sessjoni partikolari ta’ traineeship.

3.   Il-kandidati għandhom jipprovdu kopji ta’ lawrji jew ċertifikati oħra bħala prova tal-kwalifiki kollha meħtieġa, inklużi l-istudji kollha, iċ-ċertifikat ta’ kwalifika tal-VET, l-esperjenza professjonali u internazzjonali ddikjarata fl-applikazzjoni tagħhom. Għal studji u taħriġ iddikjarati li jkunu għaddejjin, għandha tkun meħtieġa dikjarazzjoni uffiċjali mill-istituzzjoni jew mill-fornitur rilevanti.

4.   Il-kandidati li ċ-ċertifikati tal-lawrja universitarja tagħhom ma jinħarġux f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandhom jintalbu jipprovdu traduzzjoni ta’ dawn id-dokumenti bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.

5.   L-għarfien tal-lingwi ddikjarati fl-applikazzjoni għandu jkun appoġġat kif xieraq minn ġustifikazzjoni xierqa, inklużi ċertifikati ta’ lawrja u prova li jkunu studjaw għal ċertu perjodu ta’ żmien fil-lingwa inkwistjoni. Dan ir-rekwiżit ma japplikax għal-lingwa materna tal-kandidat.

6.   L-Uffiċċju tat-Traineeships għandu jirrifjuta awtomatikament l-applikazzjonijiet kollha li jaslu wara d-data tal-għeluq. Il-kandidati għandhom jipprovdu d-dokumenti ta’ sostenn kollha kif meħtieġ mill-proċedura stabbilita. L-Uffiċċju tat-Traineeships ma għandu jaċċetta l-ebda bidla fl-informazzjoni wara l-iskadenza għall-applikazzjonijiet.

Artikolu 6

Preselezzjoni

1.   L-objettiv ewlieni tal-preselezzjoni huwa li tipprovdi lid-dipartimenti tal-Kummissjoni bl-aħjar għażla possibbli ta’ kandidati bl-aktar firxa wiesgħa possibbli ta’ sfondi edukattivi u mill-aktar firxa ġeografika wiesgħa possibbli fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri, li minnha d-dipartimenti tagħha jistgħu jagħmlu l-għażla finali tagħhom.

2.   L-Uffiċċju tat-Traineeships għandu jwettaq il-preselezzjoni skont il-linji gwida u l-kriterji tal-preselezzjoni ppubblikati fuq sit web apposta. Il-preselezzjoni hija kunfidenzjali u r-riżultati tagħha huma disponibbli biss għall-Uffiċċju tat-Traineeships.

3.   L-Uffiċċju tat-Traineeships jirriżerva d-dritt li jemenda l-proċess u l-kriterji tal-preselezzjoni kif u meta jkun meħtieġ. L-Uffiċċju tat-Traineeships għandu jippubblika dawn il-bidliet fuq sit web apposta qabel il-bidu tal-perjodu tal-applikazzjoni.

4.   L-Uffiċċju tat-Traineeships għandu jidentifika l-aħjar kandidati li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla abbażi tal-informazzjoni ddikjarata fil-formola tal-applikazzjoni.

5.   L-Uffiċċju tat-Traineeships għandu japplika r-rati ta’ gwida skont id-dispożizzjonijiet ġenerali għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 12(1) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea.

6.   L-Uffiċċju tat-Traineeships għandu jinforma lill-kandidati dwar il-preselezzjoni tagħhom wara l-kontroll tal-eliġibbiltà u l-verifika tad-dokumenti ta’ sostenn.

Artikolu 7

Għażla

1.   Kandidati magħżula minn qabel

1.1.   L-Uffiċċju tat-Traineeships għandu jinkludi l-kandidati magħżula minn qabel f’bażi tad-data li tkun disponibbli għad-dipartimenti u s-servizzi kollha li jipparteċipaw fil-programm tat-Traineeship tal-Blue Book għall-għażla finali, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-Blue Book Virtwali. Il-Blue Book Virtwali għandu jkun fih sa tliet darbiet aktar applikanti milli jkun hemm pożizzjonijiet ta’ traineeship disponibbli.

1.2.   Filwaqt li jqis il-ħtiġijiet tad-dipartimenti u tas-servizzi u d-disponibbiltà tal-baġit, l-Uffiċċju tat-Traineeships għandu jiddetermina l-għadd ta’ pożizzjonijiet ta’ traineeship li għandhom jiġu attribwiti lil kull servizz għal kull sessjoni ta’ traineeship. Is-servizzi għandhom iħejju deskrizzjoni dettaljata tal-impjieg li tiddeskrivi r-rekwiżiti u r-responsabbiltajiet ewlenin għal kull pożizzjoni allokata.

1.3.   L-Uffiċċju tat-Traineeships għandu jistabbilixxi l-proċedura għall-kandidati magħżula minn qabel li permezz tagħha jistgħu japplikaw għal dawn il-pożizzjonijiet. Il-proċedura għandha tiġi ppubblikata fuq sit web apposta. Meta ma jinstab l-ebda kandidat xieraq jew ma tasal l-ebda applikazzjoni għal pożizzjoni speċifika, is-servizzi jistgħu jfittxu b’mod proattiv fost il-kandidati magħżula minn qabel fil-Blue Book Virtwali biex jidentifikaw kandidati xierqa li jissodisfaw il-kriterji predefiniti għal dawk il-pożizzjonijiet.

1.4.   Id-Deċiżjoni finali biex jintgħażlu kandidati taqa’ esklussivament taħt ir-responsabbiltà tad-dipartimenti u s-servizzi tal-Kummissjoni u għandha tidħol fis-seħħ biss meta l-Uffiċċju tat-Traineeships jibgħat l-offerta ta’ kollokament.

2.   Kandidati magħżula

2.1.   L-Uffiċċju tat-Traineeships għandu jiffirma u jibgħat offerta ta’ traineeship lill-kandidati kollha magħżula biex jiffirmawha. L-offerta ta’ traineeship għandha titqies bħala aċċettata u għalhekk titqies bħala ftehim ta’ traineeship ladarba tkun ġiet iffirmata mill-kandidat u riċevuta mill-Uffiċċju tat-Traineeships. Il-kandidati magħżula jistgħu jiġu offruti biss pożizzjoni waħda ta’ traineeship għal sessjoni ta’ traineeship partikolari.

2.2.   L-Uffiċċju tat-Traineeships għandu jiżgura li l-kandidati magħżula mhux tal-UE jipprovdu d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa mill-awtoritajiet tal-pajjiż biex jirrisjedu u jaħdmu legalment matul it-traineeship tagħhom.

2.3.   Il-kandidati magħżula li jirrifjutaw offerta ta’ traineeship għandhom jiġu esklużi mill-proċess tal-għażla li jkun għaddej.

3.   Applikanti li ma ntgħażlux

L-applikanti li ma jintgħażlux jistgħu jerġgħu japplikaw għal kwalunkwe sessjoni ta’ traineeship sussegwenti billi jissottomettu applikazzjoni ġdida, inklużi dokumenti ta’ sostenn.

4.   Irtirar

Fi kwalunkwe stadju tal-applikazzjoni, il-preselezzjoni u l-għażla, il-kandidati jistgħu jirtiraw l-applikazzjoni tagħhom billi jinfurmaw lill-Uffiċċju tat-Traineeships b’tali deċiżjoni bil-miktub. L-applikazzjoni tagħhom imbagħad tiġi rtirata mill-istadji sussegwenti tal-proċess tal-(pre)selezzjoni jew tal-għażla. Huma jistgħu jerġgħu japplikaw għal kwalunkwe sessjoni sussegwenti ta’ traineeship billi jissottomettu applikazzjoni ġdida, inklużi dokumenti ta’ sostenn.

5.   Ipproċessar tad-data personali

Il-proċedura tal-għażla skont dan il-kapitolu għandha tikkonforma mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) dwar id-data personali fl-istadji kollha tal-proċess tal-applikazzjoni.

L-Uffiċċju tat-Traineeships ma għandux jerġa’ juża l-fajls tal-applikanti minn sessjoni għal oħra.

KAPITOLU IV

TUL TA’ ŻMIEN U SESSJONIJIET TAT-TRAINEESHIP

Artikolu 8

1.   Kull sessjoni ta’ traineeship għandha ddum ħames xhur.

2.   F’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, bi ftehim mal-entità ospitanti, it-traineeship jista’ jitqassar għal perjodu ta’ inqas minn ħames xhur, b’durata minima ta’ tliet xhur. F’każijiet bħal dawn, il-ftehim ta’ traineeship għandu jibda fl-1 jew fis-16-il jum ta’ xahar partikolari.

3.   Il-limitazzjoni skont il-paragrafu 1 ma tapplikax għal trainees li jkomplu bħala parti mill-Kumitat ta’ Kollegament skont l-Artikolu 26.

4.   Hemm żewġ sessjonijiet ta’ traineeship fis-sena:

(a)

mill-1 ta’ Marzu sal-31 ta’ Lulju; u

(b)

mill-1 ta’ Ottubru sal-aħħar ġurnata ta’ Frar tas-sena ta’ wara.

Artikolu 9

Terminazzjoni bikrija mit-trainees

It-trainees li jkunu jixtiequ jtemmu t-traineeship tagħhom qabel id-data tat-tmiem stipulata fil-ftehim tat-traineeship għandhom jintalbu jippreżentaw talba bil-miktub lill-Uffiċċju tat-Traineeships sal-iskadenzi stabbiliti u kkomunikati lit-trainees fil-bidu tat-traineeship u wara li jkunu infurmaw lill-konsulent tat-traineeship u lill-koordinatur tat-traineeship tagħhom.

It-traineeship jista’ jintemm biss fil-15 jew fl-aħħar jum ta’ kull xahar.

Artikolu 10

Terminazzjoni bikrija mill-Kummissjoni

1.   L-Uffiċċju tat-Traineeships jista’ jtemm it-traineeship fi kwalunkwe mument, jekk isir evidenti li t-trainee konxjament għamel dikjarazzjonijiet ħżiena jew ipprovda dikjarazzjonijiet jew dokumentazzjoni foloz fiż-żmien tal-applikazzjoni jew matul il-perjodu tat-traineeship bi ksur tal-Artikolu 5.

2.   Wara talba sostanzjata mis-servizz tar-riżorsi umani tal-entità ospitanti, l-Uffiċċju tat-Traineeships jista’ jtemm it-traineeship fi kwalunkwe mument wara li jisma’ lit-trainee. Ir-raġunijiet għat-terminazzjoni jistgħu jinkludu ksur ta’ din id-Deċiżjoni, inklużi t-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, il-ftehim tat-traineeship, jew sitwazzjonijiet relatati ma’ prestazzjoni insuffiċjenti jew mal-imġiba tat-trainee.

3.   Meta ssir talba skont il-paragrafu 2 għal prestazzjoni insuffiċjenti (inklużi ħiliet lingwistiċi insuffiċjenti), it-trainees għandhom jiġu nnotifikati mill-konsulent tat-traineeship tagħhom dwar il-prestazzjoni insuffiċjenti u jiġu mistiedna mill-Uffiċċju tat-Traineeships għal diskussjoni bl-għan li jtejbu l-prestazzjoni tagħhom. It-traineeship jista’ jintemm biss jekk il-prestazzjoni ma titjiebx matul il-ġimagħtejn ta’ wara dik id-diskussjoni.

Artikolu 11

Sospensjoni tat-traineeship

1.   F’każijiet eċċezzjonali u wara talba bil-miktub sostanzjata mit-trainee li tiddikjara r-raġunijiet rilevanti, l-Uffiċċju tat-Traineeships jista’ jagħti sospensjoni sa xahrejn, dment li l-perjodu ta’ traineeship attiv totali jammonta għal mill-inqas tliet xhur.

2.   L-għotja għat-traineeship u pagamenti oħra għandhom jiġu sospiżi għall-perjodu rilevanti, u t-trainee ma għandu jkun intitolat għar-rimborż tal-ebda spiża tal-ivvjaġġar jew assigurazzjoni tas-saħħa u tal-inċidenti mġarrba b’rabta mal-perjodu ta’ sospensjoni. Kwalunkwe talba għal rimborż tal-assigurazzjoni tas-saħħa magħmula mit-trainee matul dan il-perjodu ma għandhiex tiġi rimborżata.

3.   It-trainees jistgħu jirritornaw biex ilestu l-parti mhux kompluta tat-traineeship biss sa tmiem il-perjodu inizjali tat-traineeship.

KAPITOLU V

KWISTJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 12

Għotja ta’ kull xahar

1.   Għotja ta’ kull xahar

1.1.   It-trainees għandhom jingħataw għotja ta’ kull xahar. L-għotja ta’ kull xahar lit-trainees hija stabbilita għal 25 % tas-salarju bażiku ta’ uffiċjal fil-grad AD5, skala 1. L-għotja bażika għandha tiġi ppubblikata għal kull sessjoni ta’ traineeship fil-bidu ta’ kull perjodu ta’ applikazzjoni fuq sit web apposta ġestit mill-Uffiċċju tat-Traineeships.

1.2.   Wara l-aġġornament annwali jew intermedju tas-salarju bażiku tal-uffiċjali u aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea, l-għotja ta’ kull xahar tista’ tiġi aġġornata għas-sessjoni futura, biex tiġi allinjata mal-livell aġġustat tas-salarju bażiku msemmi fil-paragrafu 1.1. L-għotja ta’ kull xahar aġġornata għandha tibqa’ l-istess għat-tul tas-sessjoni ta’ traineeship.

2.   Aġġustament għall-għoli tal-ħajja f’postijiet oħra

L-għotja ta’ kull xahar li jirċievu t-trainees li huma assenjati f’post li mhuwiex Brussell u l-Lussemburgu għandha tkun soġġetta għal koeffiċjent tal-korrezzjoni li japplika għal dawk is-siti b’analoġija għall-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal. L-ammont aġġustat tal-għotjiet għat-traineeships għandu jiġi ppubblikat fuq sit web apposta ġestit mill-Uffiċċju tat-Traineeships.

3.   Terminazzjonijiet bikrija mitluba mit-trainees

Ħlief għat-terminazzjonijiet skont l-Artikolu 28, it-trainees li t-traineeship tagħhom jintemm qabel id-data tat-tmiem iddikjarata fil-ftehim tat-traineeship għandhom jintalbu jirrimborżaw il-proporzjon tal-għotja ta’ kull xahar riċevuta wara d-data tat-terminazzjoni. Il-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni tas-saħħa u tal-inċidenti li jkunu diġà tnaqqsu mill-għotja ta’ kull xahar ma għandhomx jiġu rimborżati.

Artikolu 13

Allowance tal-ivvjaġġar

1.   Soġġett għall-finanzjament disponibbli, it-trainees għandhom jirċievu allowance tal-ivvjaġġar bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar imġarrba għall-ivvjaġġar lejn u mill-post ta’ assenjazzjoni fil-bidu u fit-tmiem tat-traineeship tagħhom. L-allowance titħallas bħala pagament ta’ darba fil-bidu tat-traineeship.

2.   L-allowance tal-ivvjaġġar għandha tiġi stabbilita mid-DĠ HR abbażi tad-distanza medja bejn il-bliet kapitali tal-UE u Brussell, jiġifieri 1 300 km, u l-ammont korrispondenti kif previst fil-programm Erasmus+. L-ammont eżatt għandu jiġi ppubblikat fuq sit web apposta ġestit mill-Uffiċċju tat-Traineeships.

3.   Meta t-trainees jagħżlu li jtemmu t-traineeship qabel ma jlestu l-perjodu minimu ta’ traineeship għal raġunijiet għajr mard serju jew force majeure, l-Uffiċċju tat-Traineeships għandu jirkupra nofs l-allowance tal-ivvjaġġar imħallas.

Artikolu 14

Allowance għall-akkomodazzjoni għat-trainees assenjati fil-Lussemburgu

1.   Soġġett għall-finanzjament disponibbli, it-trainees assenjati lid-dipartimenti tal-Kummissjoni fil-Lussemburgu u li jgħixu fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu matul it-traineeship tagħhom għandhom jirċievu allowance supplimentari għall-akkomodazzjoni biex ikopru parzjalment l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni tagħhom. Din l-allowance għandha titħallas flimkien mal-għotja ta’ kull xahar mal-preżentazzjoni tad-dokumenti rilevanti li jagħtu prova li t-trainee qed jgħix fil-Lussemburgu matul it-traineeship.

2.   L-ammont tal-allowance għall-akkomodazzjoni għandu jikkorrispondi għal 20 % tal-għotja ta’ kull xahar prevista għal kull sessjoni ta’ traineeship u għandu jiġi ppubblikat fuq sit web apposta ġestit mill-Uffiċċju tat-Traineeships fil-bidu ta’ kull perjodu ta’ applikazzjoni.

Artikolu 15

Allowance għall-ikel u għat-trasport pubbliku

Fejn ma jkun hemm l-ebda għajnuna oħra għall-ikel u t-trasport pubbliku fis-seħħ u soġġett għall-finanzjament disponibbli, it-trainees jistgħu jirċievu allowance ta’ kull xahar, li tikkontribwixxi għall-ispejjeż tal-ikel u tat-trasport pubbliku tagħhom. L-ammont ta’ din l-allowance għandu jikkorrispondi għal 5 % tal-għotja ta’ kull xahar u għandu jiġi ppubblikat fuq sit web apposta ġestit mill-Uffiċċju tat-Traineeships fil-bidu ta’ kull perjodu ta’ applikazzjoni. L-allowance għandha titħallas flimkien mal-għotja ta’ kull xahar.

Artikolu 16

Allowance ta’ kuljum u allowance tal-ivvjaġġar għaż-żjarat relatati mat-traineeship mill-post ta’ assenjazzjoni fi Brussell

1.   It-trainees li l-post tal-assenjazzjoni tagħhom ma jkunx Brussell huma intitolati jirċievu allowance tal-ivvjaġġar meta jiġu mistiedna uffiċjalment fi Brussell mill-Uffiċċju tat-Traineeships biex jattendu avveniment u/jew taħriġ speċifiku.

2.   Minbarra l-allowance u taħt l-istess kundizzjonijiet kif stabbiliti fil-paragrafu 1, it-trainees li l-post tal-assenjazzjoni tagħhom ma jkunx Brussell u li ma għandhomx post ta’ residenza fi Brussell huma intitolati jirċievu allowance ta’ kuljum li għandha tikkorrispondi għall-allowance ta’ sussistenza ta’ kuljum stabbilita għall-Belġju skont l-Artikolu 13 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

3.   L-allowance ta’ sussistenza ta’ kuljum għandha tkun l-istess bħall-allowance ta’ sussistenza ta’ kuljum stabbilita għall-persunal statutorju fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2025) 2495 dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 11, 12 u 13 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-ivvjaġġar awtorizzat. Il-modalitajiet u l-proċedura li għandhom jiġu segwiti huma stabbiliti mill-Uffiċċju tat-Traineeships.

Artikolu 17

Fond ta’ kontinġenza

Id-DĠ HR jista’ jiddeċiedi li jagħti pagament ad hoc lit-trainees jew lill-qraba tagħhom f’każijiet ta’ tbatija eċċezzjonali jew f’ċirkostanzi eċċezzjonali (eż. inċident serju jew il-mewt ta’ trainee).

Artikolu 18

Taxxi u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali

L-għotja u l-allowances għat-traineeship mhumiex irregolati mir-Regolament (KE, Euratom, KEFA) Nru 260/68 tal-Kunsill (10) li japplika għall-uffiċjali u aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea. It-trainees huma unikament responsabbli għad-dikjarazzjoni u l-ħlas ta’ kwalunkwe taxxa u kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali bis-saħħa tal-liġijiet applikabbli fil-post tar-residenza fiskali tagħhom. Fi tmiem it-traineeship, l-Uffiċċju tat-Traineeships għandu jipprovdi ċertifikat li jiddikjara l-ammont tal-għotja u l-allowances riċevuti u jikkonferma li l-ħlasijiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali ma sarux mill-Kummissjoni.

KAPITOLU VI

SIGURTÀ

Artikolu 19

Informazzjoni klassifikata tal-UE u sigurtà tas-sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (11), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (12), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta’ Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni fid-deċiżjonijiet futuri Ewropej, jew tal-Kummissjoni (13), għandhom japplikaw għat-trainees.

Artikolu 20

Skrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi

Kull meta dipartiment tal-Kummissjoni jkun jixtieq jagħżel ċittadin ta’ pajjiż terz għal pożizzjoni ta’ traineeship u jkollu bżonn jagħtih aċċess għal informazzjoni jew networks tal-Kummissjoni, id-Direttorat tas-Sigurtà tad-DĠ HR għandu, fuq talba tal-Uffiċċju tat-Traineeships, iwettaq skrinjar nazzjonali ta’ pajjiż terz biex jevalwa r-riskji potenzjali u jissuġġerixxi miżuri ta’ mitigazzjoni.

KAPITOLU VII

TRAINEES B’DIŻABILITÀ

Artikolu 21

Allowance għad-Diżabilità

1.   Mal-preżentazzjoni ta’ prova ta’ diżabilità rikonoxxuta, maħruġa minn awtorità nazzjonali kompetenti, it-trainees b’diżabilità huma eliġibbli għal allowance supplimentari sa 50 % tal-għotja ta’ kull xahar. Il-proċedura biex tintalab di l-allowance għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-Uffiċċju tat-Traineeships.

2.   F’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati (eż. assistent personali), jista’ jingħata appoġġ finanzjarju addizzjonali. Madankollu, l-għotja ta’ kull xahar, l-allowance tad-diżabbiltà u l-appoġġ finanzjarju addizzjonali ma għandhomx jaqbżu l-ekwivalenti ta’ żewġ għotjiet ta’ kull xahar.

Artikolu 22

Akkomodazzjoni raġonevoli

1.   Id-dipartimenti tal-Kummissjoni għandhom jipprovdu akkomodazzjoni raġonevoli għal trainees b’diżabilità kif rikonoxxut minn ċertifikat ta’ diżabilità maħruġ minn awtorità nazzjonali kompetenti.

2.   Akkomodazzjoni raġonevoli għandha tfisser miżuri xierqa, fejn meħtieġ, biex trainee b’diżabilità jkun jista’ jkollu aċċess għall-programm ta’ traineeship tal-Blue Book u jipparteċipa fih, sakemm tali miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq il-Kummissjoni.

Artikolu 23

Azzjoni posittiva

Id-DĠ HR jista’ jieħu azzjonijiet pożittivi biex jiżgura l-aċċess għall-programm ta’ traineeship għall-kandidati b’diżabilità bil-ħsieb li tiġi żgurata ugwaljanza sħiħa fil-prattika. Il-modalitajiet ta’ tali azzjonijiet se jiġu ppubblikati fuq sit web iddedikat ġestit mill-Uffiċċju tat-Traineeships.

KAPITOLU VIII

DRITTIJIET U OBBLIGI

Artikolu 24

Drittijiet u obbligi tat-trainees

Id-DĠ HR għandu jiżgura l-konformità mar-regoli li jirregolaw it-Traineeship tal-Blue Book stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, fil-ftehim ta’ traineeship, jew fi kwalunkwe dokument rilevanti ieħor adottat biex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni, inklużi formoli ta’ kunflitt ta’ interess.

Artikolu 25

Rappreżentanza tat-Trainees

It-trainees jistgħu jistabbilixxu Kumitat tat-Trainees. Il-membri jiġu eletti mit-trainees u minnhom u r-rwol tagħhom huwa li jirrappreżentaw il-komunità tat-trainees, jassistuhom jekk ikun meħtieġ, u jorganizzaw attivitajiet matul it-traineeship. Il-Kumitat tat-Trainees jaġixxi skont l-istatut tiegħu stess u indipendentement mill-Uffiċċju tat-Traineeships.

Artikolu 26

Kumitat ta’ Kollegament

L-Uffiċċju tat-Traineeships jista’ jippermetti sa sitt trainees jibqgħu għal xahar ieħor fl-aħħar tas-sessjoni ta’ Ottubru, u sa ħames trainees jibqgħu għal tliet xhur oħra fl-aħħar tas-sessjoni ta’ Marzu, biex jiffaċilita t-tranżizzjoni għas-sessjoni ta’ traineeship li jmiss u biex jassisti lit-trainees il-ġodda fit-tħejjija tal-elezzjoni tal-Kumitat tat-Trainees tagħhom.

KAPITOLU IX

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 27

Ilmenti

It-trainees li jixtiequ jikkontestaw deċiżjoni meħuda skont din id-Deċiżjoni jistgħu jiktbu lill-Uffiċċju tat-Traineeships. L-Uffiċċju tat-Traineeships għandu jwieġeb lit-trainees malajr kemm jista’ jkun.

It-trainees li jqisu lilhom infushom vittma ta’ amministrazzjoni ħażina għandhom id-dritt li jressqu lment quddiem l-Ombudsman Ewropew wara li jressqu l-allegazzjonijiet tagħhom bil-miktub lill-Uffiċċju tat-Traineeships. L-Uffiċċju tat-Traineeships għandu jwieġeb lit-trainees malajr kemm jista’ jkun.

Artikolu 28

Force majeure

F’każijiet ta’ force majeure, l-Uffiċċju tat-Traineeships jista’ jissospendi, itemm jew jimmodifika l-ftehim ta’ traineeship meta l-kundizzjonijiet biex jiġu ssodisfati l-objettivi tat-traineeship ma jkunux jistgħu jiġu ssodisfati.

Artikolu 29

Implimentazzjoni u monitoraġġ

Id-DĠ HR għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ effettivi ta’ din id-Deċiżjoni fi ħdan id-dipartimenti tal-Kummissjoni u għandu jiżgura li tiġi applikata b’mod konsistenti.

Artikolu 30

Tħassir

1.   Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2005) 458 dwar ir-regoli li jirregolaw l-iskema ta’ traineeships uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 1221 dwar l-iffissar tal-ammont tal-għotja lit-trainees taħt l-iskema ta’ traineeships uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea huma mħassra.

2.   Traineeships li għalihom il-proċess ta’ applikazzjoni beda qabel l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom ikomplu jiġu rregolati mid-Deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 31

Data ta’ dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha u għandha tapplika mill-fażi tal-applikazzjoni tal-ewwel sessjoni ta’ traineeship wara dik id-data.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kummissjoni

Piotr SERAFIN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).

(2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, L-Unjoni tal-Ħiliet tal-5 ta’ Marzu 2025 bit-titlu “L-Unjoni tal-Ħiliet” [COM(2025) 90].

(3)   ĠU C 88, 27.3.2014, p. 1.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2023 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-fastidju psikoloġiku u sesswali, u li tħassar id-Deċiżjoni C(2006) 1624/3 [C(2023) 8630].

(5)  Il-Komunikazzjoni lill-Kummissjoni — Strateġija ġdida għar-Riżorsi Umani għall-Kummissjoni’ [C(2022) 2229].

(6)  Stabbilit bir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Novembru 2025 dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 12(1) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea [C(2025) 7357].

(8)  Il-lista sħiħa tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni tista’ tiġi kkonsultata fuq is-siti web tal-Unjoni Ewropea: Il-profili tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE | l-Unjoni Ewropea.

(9)  Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(10)  Ir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 260/68 tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-proċedura għall-applikazzjoni tat-taxxa għall-benefiċċju tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 8, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1968/260/oj).

(11)   ĠU L 23, 17.3.2015, p. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/444/oj.

(12)   ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41; ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/443/oj.

(13)   ĠU L 6, 11.1.2017, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/46/oj.


ANNESS

Termini u kundizzjonijiet li jirregolaw il-programm ta’ Traineeship tal-Blue Book

1.   Kundizzjonijiet ġenerali tax-xogħol

1.1.    Post tat-traineeship

It-traineeships għandhom isiru fil-post tad-dipartiment tal-Kummissjoni li fih ikun ġie assenjat it-trainee.

L-arranġamenti ta’ ħidma ibridi li japplikaw għall-uffiċjali u aġenti oħra kif stabbilit fl-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2022) 1788 għandhom japplikaw ukoll għat-trainees b’analoġija. Għalhekk it-trainees jistgħu jikkombinaw it-telexogħol u x-xogħol fl-uffiċċju. Jistgħu jitħallew ukoll jagħmlu telexogħol minn post lil hinn mill-post ta’ assenjazzjoni tagħhom għal massimu ta’ 5 ijiem għal kull sessjoni ta’ traineeship jekk jiksbu l-approvazzjoni tas-superjur ġerarkiku dirett tagħhom.

1.2.    Sigħat tax-xogħol u jiem ta’ liv

Il-ħinijiet tax-xogħol għandhom ikunu dawk applikabbli għall-uffiċjali u aġenti oħra, kif stabbilit fl-Artikolu 5.1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2022) 1788. It-trainees għandhom ikunu intitolati għall-istess festi pubbliċi bħall-uffiċjali tal-Kummissjoni. It-trainees għandhom jirreġistraw is-sigħat tax-xogħol ta’ kuljum tagħhom u jistgħu jikkumpensaw iżda ma jistgħux jirkupraw sahra.

It-trainees għandhom ikunu intitolati għal jumejn liv annwali għal kull xahar ta’ traineeship. Dan id-dritt għandu jinkiseb pro rata għat-tul tat-traineeship, li jibda jgħodd mill-ewwel jum tax-xahar. Liv annwali li ma jitteħidx matul it-traineeship ma għandux jitħallas. Kwalunkwe dritt ta’ liv annwali li jifdal ma jistax jiġi riportat għal kuntratt ġdid.

2.   Saħħa u sikurezza

2.1.    Assenza

2.1.1.   Assenza f’każ ta’ mard

F’każ ta’ mard, it-trainees għandhom jinnotifikaw lill-konsulenti tat-traineeships tagħhom malajr kemm jista’ jkun. Mir-raba’ jum kalendarju tal-mard, għandhom jipprovdu ċertifikat mediku li jindika t-tul probabbli tal-assenza. It-trainees jistgħu jkunu soġġetti għal kontrolli mediċi fl-interess tas-servizz u minħabba d-dmir ta’ kura.

Assenzi f’każ ta’ mard li ma jirrikjedix ċertifikat mediku ma għandhomx jaqbżu s-sitt ijiem matul il-perjodu kollu tat-traineeship.

Għandu jintbagħat ċertifikat mediku lill-unità tal-assenzi mediċi tal-Kummissjoni fi żmien ħamest ijiem kalendarji mill-assenza. Jekk matul il-perjodu tat-traineeship, it-trainee jkun fuq liv minħabba mard mingħajr ċertifikat mediku għal total ikkombinat ta’ aktar minn ħamest ijiem, huwa għandu jipprovdi ċertifikat mediku għal kwalunkwe assenza ulterjuri minħabba mard.

2.1.2.   Assenzi mhux ġustifikati

Meta t-trainees ikunu assenti mingħajr ġustifikazzjoni jew mingħajr ma jinnotifikaw lill-konsulent tat-traineeship tagħhom, id-dipartiment tal-Kummissjoni fejn ikun assenjat it-trainee għandu jinforma lill-Uffiċċju tat-Traineeships.

Meta t-trainees jonqsu milli jiġġustifikaw l-assenza mhux awtorizzata tagħhom, dawk il-jiem ta’ assenza għandhom jitnaqqsu mill-intitolament għal-liv tagħhom mis-servizz rilevanti.

L-Uffiċċju tat-Traineeships għandu jirkupra kwalunkwe ħlas żejjed tal-għotja ta’ kull xahar u allowances oħra.

2.2.    Appoġġ psikosoċjali

It-trainees għandhom jibbenefikaw mill-appoġġ psikosoċjali offrut mis-Servizz Mediku tal-Kummissjoni. It-trainees jistgħu jikkuntattjaw lit-timijiet psikosoċjali fil-post tal-assenjazzjoni tagħhom biex jagħmlu appuntament.

L-appoġġ psikosoċjali huwa kunfidenzjali u jingħata mingħajr ħlas u għandu jitqies biss bħala appoġġ għal żmien qasir, li ma jissostitwixxix konsulenza speċjalizzata jew fit-tul.

2.3.    L-assigurazzjoni tas-saħħa

L-assigurazzjoni tas-saħħa hija obbligatorja għat-trainees kollha. Sa meta jibda t-traineeship, it-trainees għandhom jipprovdu prova li huma koperti minn assigurazzjoni tas-saħħa għat-tul kollu tat-traineeship. Jekk ma jkunux koperti minn xi polza tal-assigurazzjoni tas-saħħa oħra, it-trainees għandhom ikunu assigurati awtomatikament kontra l-mard skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratt qafas tal-assigurazzjoni tal-Kummissjoni. F’dan il-każ, it-trainees għandhom jikkontribwixxu terz tal-primjum, li jitnaqqas awtomatikament mill-għotja ta’ kull xahar.

2.4.    Assigurazzjoni tal-aċċidenti

It-trainees għandhom ikunu koperti minn assigurazzjoni kontra l-inċidenti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratt qafas tal-assigurazzjoni tal-Kummissjoni. It-trainees għandhom jikkontribwixxu parti minn għaxra tal-primjum, li jitnaqqas awtomatikament mill-għotja ta’ kull xahar. Il-Kummissjoni għandha tħallas il-bqija tal-kost għall-kopertura.

3.   Drittijiet u obbligi tat-trainees

3.1.    Kondotta u mġiba etika

It-trainees għandhom jikkonformaw mal-istruzzjonijiet mogħtija mill-konsulenti tat-traineeships tagħhom, mis-superjuri ġerarkiċi tagħhom, u mill-Uffiċċju tat-Traineeships.

It-trainees ma għandhom jaċċettaw l-ebda rigal jew ospitalità mogħtija fil-kapaċità tagħhom bħala trainees mingħajr permess minn qabel mill-Uffiċċju tat-Traineeships.

Madankollu, rigal jew ospitalità b’valur stmat sa EUR 50 jistgħu jiġu aċċettati peress li l-permess jitqies li ngħata. Jekk jiġu offruti rigal jew ospitalità b’valur stmat ta’ aktar minn EUR 50, it-trainees għandhom jitolbu permess mill-Uffiċċju tat-Traineeships qabel ma jaċċettawha. Fi kwalunkwe każ, ma għandux jingħata permess jekk il-valur jaqbeż l-EUR 150. It-trainees għandhom jevitaw li jakkumulaw rigali u ospitalitajiet (anke inqas minn EUR 50 u indipendentement mis-sors) peress li dan jista’ jkun sors ta’ kunflitt ta’ interess.

Matul it-traineeship, it-trainees ma għandhomx jaċċettaw unur jew dekorazzjoni minn kwalunkwe gvern jew sors ieħor fil-kapaċità tagħhom bħala trainees, mingħajr permess minn qabel mill-Uffiċċju tat-Traineeships.

3.2.    Kunflitt ta’ interess

It-trainees ma għandhomx jittrattaw kwistjonijiet li fihom, direttament jew indirettament, ikollhom xi interess personali li jista’ jfixkel l-indipendenza tagħhom u, b’mod partikolari, l-interessi tal-familja u finanzjarji tagħhom.

Meta fil-qadi ta’ dmirijiethom it-trainees ikollhom jittrattaw kwistjoni msemmija fil-paragrafu 1 hawn fuq, huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-konsulent tat-traineeship tagħhom. Il-konsulent tat-traineeships għandu jirreferi l-kwistjoni lis-servizz kompetenti jew lill-Uffiċċju tat-Traineeships li jista’ jieħu azzjoni xierqa.

Qabel il-bidu tat-traineeship, id-dipartiment tal-Kummissjoni fejn jiġi assenjat trainee jista’ jitlobhom jiffirmaw dikjarazzjoni speċifika ta’ kunflitt ta’ interess, approvata mill-entità responsabbli għall-etika fil-livell tal-Kummissjoni. Id-dipartiment tal-Kummissjoni fejn jiġi assenjat it-trainee jista’ jintroduċi, jekk ikun meħtieġ bl-assistenza tal-Uffiċċju tat-Traineeships, kwalunkwe miżura ta’ mitigazzjoni meħtieġa.

3.3.    Fastidju psikoloġiku u sesswali

It-trainees ma għandhom iwettqu l-ebda forma ta’ fastidju psikoloġiku jew sesswali.

It-trainees li jkunu esperjenzaw fastidju fuq il-post tax-xogħol jistgħu jirrikorru għand il-Konsulent Kunfidenzjali Prinċipali f’konformità mal-proċedura informali kif stabbilit fil-Kapitolu II tat-Titolu II tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 8630 jew għand l-Uffiċċju tal-Investigazzjoni u d-Dixxiplina tal-Kummissjoni, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 4231.

It-trainees li kontrihom tkun saret allegazzjoni ta’ fastidju jistgħu, fost l-oħrajn, ikunu soġġetti għal valutazzjoni preliminari u għal investigazzjoni amministrattiva.

3.4.    Attivitajiet esterni

It-trainees għandhom jiddikjaraw minn qabel kwalunkwe attività esterna bi ħlas jew mingħajr ħlas li tkun se titwettaq matul it-traineeship, inklużi attivitajiet li jkunu diġà għaddejjin fil-bidu tat-traineeship.

Tali attivitajiet jeħtieġu approvazzjoni bil-miktub minn qabel mill-konsulent tat-traineeship u mid-dipartiment tal-Kummissjoni fejn jiġi assenjat it-trainee wara li jkunu vverifikaw l-impenn ta’ ħin involut u żguraw li ma kien hemm l-ebda kunflitt ta’ interess. L-approvazzjoni tista’ tinkludi kundizzjonijiet jew tiġi rrifjutata fejn meħtieġ. Kwalunkwe bidla sussegwenti fiċ-ċirkostanzi (eż. in-natura, l-ambitu, l-impenn ta’ ħin, ir-remunerazzjoni) għandha tiġi nnotifikata immedjatament lid-dipartiment tal-Kummissjoni fejn jiġi assenjat it-trainee u lill-Uffiċċju tat-Traineeships għall-valutazzjoni mill-ġdid.

3.5.    Libertà tal-espressjoni, tal-pubblikazzjonijiet u tal-media soċjali

It-trainees igawdu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, li għandu jiġi eżerċitat b’kunsiderazzjoni xierqa għall-prinċipji tal-lealtà u l-imparzjalità. Huma għandhom joqogħdu lura minn kwalunkwe żvelar mhux awtorizzat ta’ informazzjoni li jirċievu matul it-traineeship tagħhom, sakemm dik l-informazzjoni ma tkunx diġà saret pubblika jew tkun aċċessibbli għall-pubbliku.

It-trainees għandhom joqogħdu lura minn imġiba li tista’ ddgħajjef id-dinjità tal-istituzzjoni jew jagħtu l-impressjoni li jitkellmu f’isimha, b’mod partikolari fl-espressjoni pubblika, fl-interazzjonijiet tal-media jew fil-parteċipazzjoni f’avvenimenti pubbliċi.

It-trainees li beħsiebhom jippubblikaw jew jikkawżaw il-pubblikazzjoni, kemm jekk waħedhom kif ukoll jekk ma’ oħrajn, ta’ kwalunkwe kwistjoni li tittratta l-ħidma tal-Unjoni jew il-kompiti tat-trainees għandhom jinfurmaw lid-dipartiment tal-Kummissjoni fejn ikun assenjat it-trainee u lill-Uffiċċju tat-Traineeships mhux aktar tard minn 30 jum qabel il-pubblikazzjoni. Id-dipartiment tal-Kummissjoni fejn jiġi assenjat it-trainee, jista’ joġġezzjona għall-pubblikazzjoni wara li jkun ikkonsulta lill-Uffiċċju tat-Traineeships u fejn il-kwistjoni tista’ tippreġudika serjament l-interessi leġittimi tal-Unjoni, lill-entità responsabbli għall-etika.

It-trainees għandhom jikkonformaw mal-gwida interna tal-Kummissjoni dwar l-użu tal-media soċjali.

3.6.    Proċedimenti legali

Jekk it-trainees jintalbu jixhdu fi proċedimenti legali relatati max-xogħol tagħhom fil-Kummissjoni, huma għandhom jitolbu awtorizzazzjoni minn qabel mill-Uffiċċju tat-Traineeships li għandu jikkonsulta lid-dipartiment rilevanti. Il-permess għandu jiġi rrifjutat biss meta l-interessi tal-Unjoni jirrikjedu dan, u tali rifjut ma jkunx jinvolvi konsegwenzi kriminali għat-trainee kkonċernat.

Meta awtorità ġudizzjarja jew tal-pulizija nazzjonali tindirizza talba mingħajr notifika minn qabel u s-segretezza proċedurali trid tiġi ppreservata, l-obbligu ta’ kunfidenzjalità għandu jitneħħa biss wara taħrika formali. L-obbligu li tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità jkompli wara li jintemm it-traineeship.

3.7.    Whistleblowing, korruzzjoni u irregolaritajiet

It-trainees li matul jew b’rabta mal-qadi ta’ dmirijiethom, isiru jafu fatti li jagħtu lok għal preżunzjoni tal-eżistenza ta’ attività illegali possibbli, inkluż frodi jew korruzzjoni, li tkun ta’ detriment għall-interessi tal-Unjoni, jew ta’ mġiba relatata mal-qadi ta’ dmirijiet professjonali li tista’ tikkostitwixxi nuqqas serju ta’ konformità mal-obbligi tal-uffiċjali jew ta’ aġenti oħra tal-Unjoni, għandhom jaġixxu f’konformità mal-Artikoli 22a u 22b tar-Regolamenti tal-Persunal u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom.

3.8.    Id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali

Id-drittijiet kollha tal-proprjetà intellettwali relatati max-xogħol imwettaq matul it-traineeships għandhom jgħaddu għand il-Kummissjoni. Id-drittijiet kollha fi kwalunkwe kitba jew xogħol ieħor imwettaq mit-trainees fil-qadi ta’ dmirijiethom għandhom ikunu l-proprjetà tal-Unjoni Ewropea meta tali kitbiet jew xogħol ikunu relatati mal-attivitajiet tagħha.

3.9.    Użu personali ta’ servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni

Is-servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) tal-Kummissjoni huma pprovduti esklużivament għal skopijiet professjonali b’rabta mal-qadi tad-dmirijiet tat-trainees. L-użu personali ta’ dawn is-servizzi jista’ jkun permess biss jekk ikun limitat, raġonevoli, u ma jkunx f’kunflitt mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-punt jew ma’ kwalunkwe dokument intern dwar l-użu tas-servizzi tal-ICT fil-Kummissjoni, inklużi l-Linji Gwida għall-persunal dwar l-użu tas-servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) tal-Kummissjoni (1).

It-trainees għandhom joqogħdu lura mill-użu personali tas-servizzi tal-ICT fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

—

meta tali użu jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-ħidma tagħhom jew fuq il-ħidma tal-kollegi;

—

meta jkun hemm riskju li ssir ħsara lill-immaġni jew lir-reputazzjoni tal-Kummissjoni;

—

meta tkun involuta xi spiża sinifikanti għall-Kummissjoni jew jintużaw riżorsi sinifikanti;

—

meta jkun inkonsistenti mal-obbligi legali jew etiċi applikabbli għat-trainees;

—

meta jinvolvi fajls multimedjali privati voluminużi.


(1)   Staff Matters Administrative Notices - InfoAdm N° 24-2016 (18.05.2016) GUIDELINES FOR STAFF ON THE USE OF THE COMMISSION’S INFORMATION AN…


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3791/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)