RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Ir-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea /* COM/2014/0109 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW U LILL-KUNSILL Ir-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni
tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea 1. Introduzzjoni L-1 ta’ Lulju 2013
kien it-tieni anniversarju tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles (FTA) bejn
l-UE u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Korea (“il-Korea”), li sa
minn Lulju 2011 kien applikat provviżorjament.[1] Huwa l-ewwel
wieħed f'ġenerazzjoni ġdida ta' FTA, ikkaratterizzat min-natura
estensiva u komprensiva tiegħu. Huwa wkoll l-ewwel ftehim kummerċjali
tal-UE ma' pajjiż Asjatiku. Dan huwa t-tieni
Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-FTA skont id-dispożizzjonijiet
tar-Regolament (UE) Nru 511/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-11 ta' Mejju 2011 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja
bilaterali tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u
l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Korea[2]. Skont
l-Artikolu 13(1) tar-Regolament imsemmi, il-Kummissjoni ta' kull sena
tippubblika rapport dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Barra
minn hekk, l-Artikolu 3(3) jistipula li l-Kummissjoni ta' kull sena
tippreżenta rapport ta’ monitoraġġ lill-Parlament Ewropew u
lill-Kunsill rigward l-istatistika aġġornata dwar l-importazzjonijiet
mill-Korea ta’ prodotti f'setturi sensittivi u f'dawk is-setturi li
l-monitoraġġ ikun estenda ruħu għalihom. Dan ir-rapport
għalhekk jgħaqqad flimkien dawn iż-żewġ rekwiżiti
ta’ rappurtar. 2. Valutazzjoni ġenerali:
l-iżvilupp tal-kummerċ u l-iffrankar tad-dazju 2.1. Il-metodoloġija
użata għall-analiżi L-analiżi ta’
hawn taħt, tal-flussi tal-kummerċ bilaterali bejn l-UE u l-Korea hija
bbażata fuq paragun bejn id-dejta tat-tieni sena ta’ implimentazzjoni
tal-FTA (Lulju 2012 – Ġunju 2013) u dik tas-sena qabel ma
ġie applikat provviżorjament l-FTA (Lulju 2010 –
Ġunju 2011). Ta' min jinnota li
t-tibdiliet fil-flussi tal-kummerċ ma jistgħux jiġu attribwiti
biss għall-FTA, ġaladarba fatturi oħra jinfluwenzaw il-flussi
tal-kummerċ. Madankollu, iċ-ċifri pprovduti hawn taħt jagħtu
indikazzjoni tajba ta’ kif l-FTA ħadmet sa issa, u b’mod partikolari
t-tendenza 'l fuq tar-rati ta’ użu tal-preferenzi turi li n-negozji tal-UE
qed jagħmlu aktar użu mill-FTA, għalkemm għad hemm lok
għal titjib f’dan ir-rigward. 2.2. L-iżvilupp tal-flussi
kummerċjali globali (il-prodotti) L-esportazzjoni
tal-prodotti mill-UE lejn il-Korea żdiedet b’24 %, jew EUR 7
biljun, fit-tieni sena ta’ implimentazzjoni tal-FTA, meta mqabbla mas-sena
qabel ma ġie applikat provviżorjament l-FTA. Madankollu
ż-żieda fl-esportazzjoni kienet inqas evidenti fit-tieni sena tal-FTA
(8 %) milli fl-ewwel sena (15 %)[3].
Meta
l-esportazzjonijiet tal-prodotti jitqabblu mal-bqija tad-dinja, li żdiedu
bi 17 % fl-istess perjodu, it-tendenza fil-Korea hija konsiderevolment
aktar pożittiva milli minn ta' ħafna pajjiżi oħra. B’kuntrast ma’ dan,
l-importazzjonijiet mill-Korea naqsu b’6 % fit-tieni sena ta’
implimentazzjoni, meta mqabbla mas-sena qabel ma ġie applikat
provviżorjament l-FTA, u kważi kull tnaqqis hu attribwit
għat-tieni sena tal-FTA. F’termini ta’ valur, l-importazzjonijiet
waqgħu minn EUR 38 biljun għal EUR 35,7 biljun.
L-importazzjonijiet mill-bqija tad-dinja għall-kuntrarju żdiedu
b’4 % fl-istess perjodu, li jfisser li l-prestazzjoni dgħajfa
tal-esportazzjonijiet mill-Korea ma tistax tiġi spjegata biss
minħabba li kien hemm tnaqqis ġenerali fid-domanda fl-Ewropa.
Madankollu, hemm raġunijiet oħra li wasslu għal din it-tendenza,
bħat-tnaqqis fl-esportazzjonijiet tal-vapuri mill-Korea, minħabba
l-kapaċità żejda u l-provvista eċċessiva f'livell globali.
L-esportazzjoni tal-vapuri ma kinitx megħjuna mill-FTA ladarba t-tariffa
tal-UE kienet diġà żero qabel l-FTA. Raġuni oħra li
tispjega l-prestazzjoni dgħajfa tal-esportazzjoni mill-Korea hija
r-rilokazzjoni tal-produzzjoni elettronika mill-Korea għax-Xlokk tal-Asja,
jiġifieri dawn il-prodotti li sejrin tajjeb ħafna fid-dinja kollha u
fl-UE, mhux qed jiġu esportati mill-Korea skont il-preferenzi tal-FTA
iżda pjuttost minn pajjiżi Asjatiċi oħra. B’konsegwenza ta’
dan, il-bilanċ kummerċjali mal-Korea tela' minn defiċit ta’
20 % jew EUR -7,4 biljun għal surplus ta’ 6 % jew
EUR 2,3 biljun, meta titqabbel is-sena qabel ma ġie applikat
provviżorjament l-FTA mat-tieni sena tal-implimentazzjoni tiegħu. Din
hi l-ewwel darba fi 15-il sena li l-UE għandha surplus kummerċjali
mal-Korea. 2.3. L-iżvilupp
tal-kummerċ tal-prodotti liberalizzati Ħafna prodotti
kienu ħielsa mid-dazju anki qabel l-FTA, filwaqt li oħrajn ma kinux
immedjatament liberalizzati mill-FTA. Biex wieħed ikollu stampa aħjar
tal-effetti potenzjali tal-FTA, wieħed għandu għalhekk jistudja
mhux il-flussi kummerċjali globali iżda jaqsam il-flussi
kummerċjali fi gruppi skont il-bidliet fit-tariffi applikati. Għall-prodotti
liberalizzati għalkollox bħala parti mill-FTA, l-esportazzjonijiet tal-UE
lejn il-Korea żdiedu b’37 %, jew EUR 4,5 biljun, meta mqabbla
mas-sena qabel ma ġie applikat provviżorjament l-FTA. Dan jista’
jfisser żieda ta’ 18 % fl-esportazzjoni tal-istess prodott lejn
il-bqija tad-dinja. Il-fatt li l-esportazzjonijiet lejn il-Korea ta’ dawn
il-prodotti żdiedu aktar minn esportazzjonijiet lejn il-bqija tad-dinja,
flimkien mal-fatt li l-prodotti li jirċievu trattament preferenzjali
fil-Korea żdiedu aktar mill-esportazzjonijiet globali, juri l-effett
pożittiv tal-FTA. Li kieku l-esportazzjonijiet lejn il-Korea
żviluppaw biss skont l-esportazzjonijiet lejn il-bqija tad-dinja, kieku
l-esportazzjonijiet kienu jonqsu bi EUR 2,3 biljun. Għal
oġġetti parzjalment liberalizzati biss[4],
il-prestazzjoni tal-esportazzjoni kienet inqas impressjonanti (+24 %), u
ftit li xejn aħjar mill-esportazzjoni tal-istess prodotti lejn il-bqija
tad-dinja (+19 %). Madankollu, f'dan il-grupp, il-prestazzjoni
tal-esportazzjoni ta’ prodotti bi tnaqqis tariffarju qawwi hija iktar
b'saħħitha (31 %), milli għall-prodotti bi tnaqqis
tariffarju iktar modest, li żdiedet b’20 %. Fir-rigward
tal-importazzjonijiet mill-Korea, anki jekk dawn b’mod ġenerali naqsu, dan
mhuwiex il-każ għal oġġetti li għandhom
aċċess preferenzjali mogħti mill-FTA. Dan it-tnaqqis huwa pjuttost
minħabba tnaqqis fid-domanda fl-UE ta' prodotti bit-tariffa żero
tal-Pajjiż l-Aktar Iffavorit (MFN), bħall-vapuri, kif spjegat hawn
fuq. L-importazzjoni ta’ prodotti mill-Korea totalment liberalizzati
żdiedet b’21 %, u dik ta’ oġġetti parzjament liberalizzati
żdiedet bi 23 % (il-kummerċ ta' prodotti mhux liberalizzati huwa
marġinali). L-importazzjonijiet totali tal-UE mill-bqija tad-dinja ta’
dawn il-prodotti baqgħu fissi f’dan il-perjodu, u għalhekk jidher li
l-FTA kellha effett pożittiv anki fuq l-esportazzjonijiet Koreani lejn
l-UE. 2.4. L-iffrankar tad-dazju u
l-użu tal-preferenzi L-iffrankar
tad-dazju kien diġà potenzjalment konsiderevoli qabel l-implimentazzjoni
sħiħa tal-FTA. Id-dazji li ġew potenzjalment iffrankati fuq
l-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Korea kienu jammontaw għal madwar
EUR 1,4 biljun matul it-tieni sena tal-FTA, apparagun ta’ dak li kellu
jitħallas għall-istess flussi tal-kummerċ b'livelli tariffarji
ta' qabel l-FTA. Dan huwa tnaqqis ta’ 77 % tat-tariffi mħallsa qabel
l-FTA. Fir-realtà
l-preferenzi tal-FTA mhux dejjem jintużaw mill-esportaturi. Ir-rata ta’
użu tal-preferenzi tal-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Korea,
jiġifieri kemm it-tariffi tal-preferenzi huma applikati fil-prattika
min-negozji, kienet ta' 66 % fil-perjodu ta' bejn Marzu u
Ġunju 2013. Din hija żieda żgħira meta mqabbla
mal-perjodu bejn Settembru 2012 u Frar 2013, meta kienet 64 %[5]. Dwar l-użu
Korean tal-preferenzi fis-suq tal-UE, iċ-ċifra fis-sena 2012 kienet
ta’ 77 %, li timplika li l-esportaturi Koreani qed jagħmlu użu
aħjar tal-FTA apparagun tal-esportaturi tal-UE. Hemm ħafna
raġunijiet għal dan, waħda hi li l-esportaturi Koreani huma ta’
spiss konglomerati kbar, misjuqa mill-esportazzjoni, filwaqt li min-naħa
tal-UE, l-industrija hija iktar frammentata. 2.5. L-effetti settorjali,
inkluż is-settur tal-karozzi L-esportazzjonijiet
tal-karozzi mill-UE għall-Korea żdiedu b’40 % bħala valur u
bi 38 % bħala unitajiet, meta mqabbla mas-sena qabel ma l-FTA
ġie applikat provviżorjament. Kien hemm biss żieda modesta ta'
4 % fl-esportazzjonijiet fl-ewwel sena tal-FTA, segwita minn żieda
sinifikanti ta’ 34 % bħala valur u ta' 29 % bħala
unitajiet, fit-tieni sena. It-tendenza fl-esportazzjonijiet tal-karozzi lejn
il-Korea hija konsiderevolment aktar pożittiva milli lejn il-bqija
tad-dinja, fejn kienet irreġistrata żieda ta’ 24 % bħala
valur u ta' 25 % bħala unitajiet. L-importazzjoni
tal-karozzi (HS8703) mill-Korea żdiedet bi 53 % bħala valur u
b’36 % bħala unitajiet. Fl-ewwel sena tal-FTA kien hemm żieda
qawwija li kienet segwita minn perjodu stabbli fit-tieni sena. Apparagun
mal-importazzjonijiet tal-karozzi mill-bqija tad-dinja, il-karozzi Koreani
għamlu avvanzi ċari fis-suq tal-UE. L-importazzjonijiet tal-karozzi
mill-bqija tad-dinja naqsu b’7 % bħala valur u b'14 % bħala
unitajiet. Dan jimplika li, kemm bħala valur kif ukoll bħala
unitajiet, is-sehem Korean żdied tal-karozzi importati mill-UE. L-esportazzjonijiet
tal-karozzi mill-UE għall-Korea ammontaw għal EUR 2,8 biljun
fit-tieni sena tal-FTA filwaqt li l-esportazzjonijiet mill-Korea lejn l-UE
fl-istess perjodu ammontaw għal EUR 4 biljun, li rriżultaw
f'defiċit kummerċjali ta’ EUR -1,2 biljun. Rigward effetti
settorjali oħra, l-akbar kisbiet tal-esportazzjonijiet tal-UE fis-suq
Korean jistgħu jiġu osservati fis-settur tal-minerali (HS27),
b’żieda fl-esportazzjonijiet ta' EUR 2,6 biljun, għalkemm din ma
tidhirx li hija relatata mal-FTA. Is-settur kompletament liberalizzat
tal-makkinarju u t-tagħmir mekkaniku (HS84) irreġistra madankollu
kisbiet kbar, b’żieda fl-esportazzjonijiet bil-valur ta' EUR 1 biljun
. Kienu ftit is-setturi li rreġistraw tnaqqis fl-esportazzjonijiet lejn
il-Korea. L-akbar tnaqqis fl-esportazzjonijiet jista' jiġi osservat
fis-settur tal-ħadid u l-azzar (HS73) bi tnaqqis ta’ EUR 317-il
miljun matul it-tieni sena tal-implimentazzjoni tal-FTA apparagun tas-sena
qabel ma l-FTA ġie applikat provviżorjament. Rigward
l-importazzjonijiet mill-Korea, ta’ min jinnota li l-importazzjonijiet ta’
makkinarju tal-elettriku (HS85) u tal-vapuri (HS89) naqsu b’mod konsiderevoli,
it-tnejn li huma b’aktar minn EUR 3 biljun. F'dak li għandu x'jaqsam
mal-vapuri, dan jikkostitwixxi tnaqqis fil-valur tal-importazzjoni ta’
53 %, apparagun mas-sena qabel ma l-FTA ġie applikat
provviżorjament. Minbarra ż-żieda fl-importazzjonijiet ta’
vetturi bil-mutur, fl-importazzjonijiet ta' kwalunkwe settur ieħor ma kien
hemm l-ebda żieda sostanzjali. 2.6. Servizzi Id-dejta
kummerċjali marbuta mas-servizzi tiġi fornuta ferm tard u hija
aggregata wisq, li tagħmilha impossibbli sabiex jiġu stabbiliti
paraguni aġġornati u ddettaljati tal-istess tip, simili għal
tal-prodotti. Għaldaqstant sar paragun bejn is-sena kalendarja tal-2011 u
dik tal-2010, jiġifieri s-sena meta l-FTA kien “nofsu implimentat” apparagun
mas-sena kalendarja qabel ma l-FTA kien applikat provviżorjament. Fuq din
il-bażi, l-esportazzjonijiet tal-UE tas-servizzi (il-modalitajiet 1 u 2
ta' GATS) lejn il-Korea żdiedu b’9 % fl-2011 meta pparagunati
mal-2010. Fl-istess ħin, l-importazzjonijiet tas-servizzi mill-Korea naqsu
bi 2 %, li rriżultaw f'surplus favur l-UE f'dak li għandu
x'jaqsam mal-kummerċ tas-servizzi. 3. L-attivitajiet tal-korpi ta'
implimentazzjoni stabbiliti skont l-FTA Id-dispożizzjonijiet
istituzzjonali tal-FTA pprevedew l-istabbiliment ta’ seba’ Kumitati
Speċjalizzati, seba’ Gruppi ta’ Ħidma kif ukoll Djalogu dwar
il-Proprjetà Intellettwali (IP). Il-Kumitat tal-FTA għall-Kummerċ
bejn l-UE u l-Korea li f'livell Ministerjali jiltaqa' ta' kull sena għandu
rwol ta’ sorveljanza u huwa mfassal sabiex jiġi żgurat li l-FTA
jaħdem sew. Fl-2013 ħafna
mil-laqgħat tad-diversi kumitati u gruppi ta’ ħidma saru biss
fit-tieni nofs tas-sena kalendarja, minħabba r-riorganizzazzjoni tal-Gvern
Korean fir-rebbiegħa tal-2013, wara li s-Sa Park Geun-hye ġiet eletta
bħala President. Bħala parti minn din ir-riorganizzazzjoni,
il-kwistjonijiet kummerċjali ġew ittrasferiti minn dak li kien
il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ għall-Ministeru
tal-Kummerċ, l-Industrija u l-Enerġija li kien għadu kif
inħoloq. Minn wara t-tieni
laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ li seħħet
fis-16 ta’ Ottubru 2012 fi Brussell, seba' (7) kumitati
speċjalizzati u sitt (6) gruppi ta’ ħidma ltaqgħu qabel tmiem
l-2013, kif ġej: Fis-26 ta’ Novembru 2012,
it-tieni Kumitat Doganali tlaqqa' Brussell. Dan adotta r-regoli ta’
proċedura u ddiskuta l-aspetti differenti tal-implimentazzjoni tal-FTA,
inkluża l-klawżola tat-trasport dirett, it-tessuti u l-prodotti
tal-ħwejjeġ, il-possibbiltà li jiġi konkluż Ftehim ta’ Rikonoxximent
Reċiproku għall-Operaturi Ekonomiċi Approvati (AEO) u t-tikketta
“Magħmul fl-UE". Il-partijiet komplew ukoll b'diskussjonijiet dwar
l-interpretazzjoni tar-regoli speċifiċi ta’ oriġini
għas-surimi, bl-għan li jintlaħaq ftehim. Fis-27 ta’ Novembru 2012,
il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kooperazzjoni għal Rimedju
Kummerċjali ltaqa’ għall-ewwel darba Brussell. Matul
il-laqgħa, iż-żewġ naħat skambjaw informazzjoni dwar
il-prattiki rispettivi tagħhom u r-raġunijiet legali
għall-introduzzjoni ta’ dazji antidumping u kumpensatorji. It-tieni laqgħa
tal-Kumitat dwar il-Kummerċ tas-Servizzi, l-Istabbiliment u
l-Kummerċ Elettroniku saret Brussell
fit-12 ta’ Ġunju 2013. Iż-żewġ naħat
iddiskutew firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet fl-oqsma tas-servizzi postali u
ta’ kurrier, is-servizzi ta’ trasport, is-servizzi finanzjarji, is-servizzi ta’
distribuzzjoni u s-servizzi legali. Dwar is-servizzi postali, ta’ min jinnota
li x-xogħol fuq il-prinċipji tar-riforma postali għandu
jiġi konkluż sa Ġunju 2014. Il-Kumitat indirizza wkoll
kwistjonijiet relatati mal-kummerċ elettroniku u l-istabbiliment. Fl-istess
ġurnata, fit-12 ta’ Ġunju 2013, il-Grupp ta’
Ħidma dwar il-Ftehimiet ta’ Rikonoxximent Reċiproku (MRA) fil-Qasam
tas-Servizzi, ltaqa' wkoll għat-tieni darba Brussell.
Iż-żewġ naħat esprimew l-interess komuni tagħhom
għall-promozzjoni tal-MRA fil-qasam tal-arkitettura u tal-inġinerija,
u t-tnejn kienu tal-fehma li mill-aktar fis possibbli l-partijiet interessati
rilevanti kif ukoll l-assoċjazzjonijiet tan-negozju kellhom jiddiskutu
l-aspetti sostantivi. Fil-11 ta’ Settembru 2013,
il-Korea ospitat it-tieni laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ u
l-Iżvilupp Sostenibbli f’Seoul. Matul il-laqgħa,
iż-żewġ naħat informaw lill-Kumitat dwar ix-xogħol
tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi (DAGs) rispettivi tagħhom, u kull
parti qasmet fehmitha dwar il-politiki tal-ambjent u tax-xogħol, anki
fil-qasam tat-tibdil fil-klima (l-iskemi tal-iskambju għan-negozjar
tal-emissjonijiet), il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, il-liberalizzazzjoni
tal-kummerċ ta’ prodotti ambjentali, il-politika tas-suq tax-xogħol
wara l-kriżi ekonomika, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post
tax-xogħol, kif ukoll ir-ratifika tal-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni
Internazzjonali tax-Xogħol. Barra minn hekk, l-UE min-naħa tagħha
spjegat l-inizjattivi reċenti tagħha fil-ġlieda kontra
l-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ marbut miegħu.
Iż-żewġ naħat iddiskutew ukoll il-kooperazzjoni skont
l-Anness 13 tal-FTA. Barra minn hekk, Grupp ta' Ħidma dwar ix-Xogħol
u Forum tas-Soċjetà Ċivili ġew organizzati fit-12 u fit-13 ta’ Settembru 2013
mill-Gruppi Konsultattivi Domestiċi Koreani u tal-UE. Fis-27 ta’ Settembru 2012,
il-Kumitat għall-Kummerċ tal-Prodotti ltaqa’ għat-tieni
darba f'Seoul. Il-Kumitat qabel dwar l-elementi sostantivi tal-amministrazzjoni
tal-kwota tariffarja, u dan ippermetta li ż-żewġ partijiet
jibdew il-proċeduri rispettivi tagħhom sabiex il-Kumitat
għall-Kummerċ tal-Prodotti jħejji Deċiżjoni.
Il-Kumitat iddiskuta diversi kwistjonijiet marbuta mal-implimentazzjoni f’oqsma
bħat-trasparenza fl-introduzzjoni ta' regolamenti ġodda, ix-xorb
alkoħoliku, l-ekwivalenza organika, il-kożmetiċi, il-prodotti
elettroniċi u elettriċi, il-makkinarju, u l-industrija fotovoltajka. It-tieni
laqgħa tal-Kumitat dwar il-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji
seħħet ukoll fit-12 ta’ Settembru 2013, fil-belt ta'
Sejong. Il-Kumitat iddiskuta kwistjonijiet bħalma huma l-proċeduri
operazzjonali tal-Kumitat, kwistjonijiet ta’ kooperazzjoni marbutin
mat-trattament xieraq tal-annimali, iċ-ċanga, l-esportazzjoni
tal-kiwi u tal-larinġ, it-tikkettar u t-trasparenza fl-introduzzjoni
tal-miżuri SPS u s-soppa Samgyetang. Fil-marġini tal-laqgħa,
fil-11 ta’ Settembru, kien organizzat seminar ta’ ġurnata
għall-bini tal-fiduċja. In-naħa Koreana ppreżentat
l-analiżi tar-riskju tal-importazzjonijiet u l-proċeduri ta’
kwarantina għall-prodotti tal-annimali, filwaqt li n-naħa tal-UE
ppreżentat, fost affarijiet oħra, il-miżuri li jiggarantixxu
s-sikurezza tal-prodotti tal-annimali meta jfaqqa' l-mard tal-annimali. Fit-13 ta’ Settembru
2013, il-Kumitat dwar iż-Żoni għall-Ipproċessar 'il
Barra (OPZ) fil-Peniżola Koreana ltaqa' għat-tieni darba f’Seoul.
Il-Korea tat aġġornament dwar is-sitwazzjoni marbuta mal-Kumpless
Industrijali Gaeseong, iż-żona industrijali inter-Koreana li tinsab
fil-Korea ta’ Fuq. Il-Korea ppreżentat il-kriterji għall-OPZ,
il-kundizzjonijiet sabiex Gaeseong tkun eliġibbli bħala OPZ u
l-limitu massimu. Iż-żewġ naħat għarfu s-sensittività
politika tal-kwistjoni, però qablu li jieħdu approċċ prattiku
fid-diskussjonijiet dwar l-aspetti tekniċi. Bejn il-25 u
s-26 ta' Settembru 2013, ġew organizzati f'Seoul it-tieni
serje ta' laqgħat tat-tliet Gruppi ta' Ħidma dwar il-Vetturi
bil-Mutur u l-Parts tagħhom, il-Prodotti Farmaċewtiċi u
l-Apparat Mediku u s-Sustanzi Kimiċi. Il-Grupp ta’
Ħidma dwar il-Vetturi bil-Mutur u l-Parts
iddiskuta ċerti kwistjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-FTA kif ukoll
kwistjonijiet oħra dwar l-aċċess għas-suq fis-settur
tal-karozzi. Dawn inkludew il-bejgħ ta’ vetturi Euro 5 mgħammra
bl-OBD fis-suq Korean, l-istandards tal-emissjonijiet tal-gass li jevapora,
il-pjanijiet dwar regolamenti ġodda rigward l-emissjonijiet tas-CO2 fl-UE,
il-proċeduri għall-użu tal-marka E fuq it-tajers, il-pjanijiet
dwar regolamenti rigward l-emissjonijiet tal-vetturi diżil ġodda,
id-direttiva dwar il-vetturi li ma jibqgħux jintużaw,
l-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil, it-tajers li ma jaħlux fjuwil,
il-konverġenza tar-regolamenti u tad-WP29 tal-UNECE, l-immarkar tal-parts
tal-karozzi, u l-klassifikazzjoni tal-vetturi u tat-trakkijiet tal-irmonk
tas-semitrejlers. Il-Grupp ta’
Ħidma dwar il-Prodotti Farmaċewtiċi u l-Apparat Mediku ddiskuta r-riforma Koreana dwar il-prezz tar-rimborż tal-prodotti
farmaċewtiċi, l-evalwazzjoni tal-prezzijiet tal-apparat mediku,
il-bidla fil-perjodu ta' żmien għas-sottomissjoni tal-kummenti dwar
deċiżjonijiet għar-rimborż tal-prodotti
farmaċewtiċi u l-ittestjar tal-kwalità tal-prodotti farmaċewtiċi.
Il-Korea ppreżentat talba ta’ programm ta’ ħidma bil-għan li
tikkonkludi MRA għall-Prassi Tajba ta' Manifattura (PTM).
Iż-żewġ naħat qablu li jesploraw kif jistgħu
jsaħħu aktar il-kooperazzjoni f’dan il-qasam. Il-Grupp ta’
Ħidma dwar is-Sustanzi Kimiċi skambja
informazzjoni ma' kull naħa ta’ REACH. Il-Korea spjegat il-pjan
tagħha biex tintroduċi, digrieti ta' implimentazzjoni u biex
tiżgura trasparenza matul il-proċess. L-UE offriet l-perspettivi
tagħha dwar l-implimentazzjoni tar-REACH tagħha. Iż-żewġ
naħat provviżorjament qablu li jiskambjaw l-informazzjoni ta’ kuntatt
ta' kull naħa sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni teknika. Fil-25 ta’ Ottubru 2013,
il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (GIs)
ltaqa’ għall-ewwel darba f'Seoul. L-abbozz tar-regoli ta’ proċedura
ġie diskuss iżda għadu ma ġiex adottat.
Is-suġġett ewlieni tal-laqgħa kienet il-proposta tal-UE biex
tinkludi l-GIs tal-UE l-ġodda fl-Anness 10-A tal-FTA. L-UE enfasizzat
l-interess li l-Istati Membri tal-UE jagħtu lill-GIs u kemm hu importanti
li l-lista tiżdied b’kemm GIs ikunu meħtieġa. Il-Korea
ħabbret ukoll li għandha l-intenzjoni li tipproponi għal dan
l-Anness il-GIs Koreani. Fil-5 ta’ Diċembru 2013,
il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali ltaqa’ għall-ewwel darba
Brussell. Il-laqgħa kienet opportunità għall-iskambju ta’
informazzjoni dwar il-politiki rispettivi tal-UE u tal-Korea fil-qasam
kulturali u awdjoviżiv. Il-Kumitat adotta wkoll ir-Regoli ta’
Proċedura tiegħu u vvaluta l-implimentazzjoni tal-Artikoli 5.4,
5.5 u 5.6 (dwar id-dritt mogħti għall-koproduzzjonijiet)
tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali. Ta’ min jinnota li kif stipulat
fil-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali, il-Kumitat
għall-Kummerċ ma għandu l-ebda ġuriżdizzjoni fuq
il-Protokoll, u għalhekk il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali
jeżerċita l-funzjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ
fir-rigward ta’ dan il-Protokoll. It-tielet
laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ saret
fil-15 ta’ Ottubru 2013 f’Seoul. Din kienet ikkopreseduta
mill-Kummissarju Karel De Gucht u mill-Ministru Korean għall-Kummerċ,
l-Industrija u l-Enerġija, is-Sur Yoon Sang-jick. Il-Kumitat ivvaluta
l-iżvilupp tal-kummerċ bilaterali wara li għaddew sentejn
mill-implimentazzjoni tal-FTA, u kkonkluda li ż-żewġ partijiet
bbenefikaw mill-FTA, b’mod partikolari meta jiġi kkunsidrat
il-kummerċ kompletament jew parzjalment liberalizzat, fejn
l-esportazzjonijiet taż-żewġ naħat żdiedu.
Iż-żewġ naħat qajmu l-kwistjonijiet rispettivi tagħhom
dwar l-implimentazzjoni, inkluż l-immarkar tal-parts tal-karozzi,
l-impenji tal-FTA fis-settur tas-servizzi, iż-żoni
għall-ipproċessar 'il barra, u l-infurzar tal-FTA.
Iż-żewġ naħat laqgħu b'sodisfazzjon il-progress li sar
dwar l-emendar tal-FTA minħabba l-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE, u
ddiskutew is-sitwazzjoni dwar emendi oħra fl-FTA mitluba mill-UE,
inkluża r-reviżjoni tal-klawżola marbuta mat-trasport dirett,
il-klawżola dwar prodotti li jerġgħu jidħlu wara li
jissewwew, l-inklużjoni tat-trakkijiet tal-irmonk u li jiġu emendati
xi standards skaduti fis-settur tal-karozzi. Fl-aħħar
nett, is-Summit bejn l-UE u l-Korea sar Brussell
fit-8 ta' Novembru. L-UE kienet irrappreżentata mill-President
tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy u l-President tal-Kummissjoni Ewropea,
José Manuel Barroso. Il-Korea kienet irrappreżentata mill-President Park
Geun-hye. Iż-żewġ naħat qablu li l-implimentazzjoni
sħiħa tal-FTA hija importanti u ħeġġu
lill-uffiċjali tal-kummerċ tagħhom sabiex ikomplu
d-diskussjonijiet tagħhom ħalli jsibu soluzzjonijiet
għall-kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni identifikati mill-kumitati
tal-FTA u mill-gruppi ta’ ħidma, inkluż il-Kumitat
għall-Kummerċ marbut mal-FTA bejn l-UE u l-Korea, bl-għan li
s-saffi kollha tal-partijiet interessati ekonomiċi taż-żewġ
naħat jieħdu l-benefiċċji mistennija.
Iż-żewġ naħat laqgħu wkoll b'sodisfazzjon il-ftehim
dwar it-test tal-Protokoll Addizzjonali tal-FTA, li jieħu
inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE
fl-1 ta’ Lulju 2013, u qablu li jħaffu l-proċess li
jwassal għall-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll.
Qablu wkoll li jkomplu jaħdmu flimkien sabiex jiżguraw
il-funzjonament tal-FTA, fi spirtu tas-sħubija strateġika. 4. L-implimentazzjoni
tal-Kapitolu 13 tal-FTA dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli It-tieni
laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (CTSD)
saret f’Seoul fil-11 ta’ Settembru 2013. Matul il-laqgħa
ż-żewġ naħat laqgħu b'sodisfazzjon id-diskussjonijiet
miftuħa u kostruttivi dwar kwistjonijiet ta' politika ambjentali u
tal-impjiegi relatati mal-kummerċ, bħala bażi tajba għal
aktar djalogu. Il-Kumitat provviżorjament qabel li jagħmel
il-laqgħa tiegħu li jmiss fl-ewwel nofs tal-2015. Sessjoni ta’
ħidma relatata max-xogħol seħħet fil-marġini
tal-laqgħa tal-Kumitat fit-12 ta’ Settembru. Attendew
għaliha l-membri tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili (CSF) li huwa
l-forum konġunt bejn Gruppi Konsultattivi Domestiċi (DAGs) mill-Korea
u mill-UE. Fuq talba mill-Kummissjoni u d-DAG tal-UE, partijiet interessati
oħra li mhumiex membri rispettivi taż-żewġ DAGs attendew
ukoll is-sessjoni ta’ ħidma. L-interventi inkludew preżentazzjonijiet
bl-opinjonijiet tad-DAGs dwar l-implimentazzjoni fil-liġi u fil-prattika
tal-istandards tax-xogħol ewlenin tal-Organizzazzjoni Internazzjonali
tax-Xogħol (ILO) relatati ma’ xogħol furzat u l-libertà ta’
assoċjazzjoni, kif ukoll id-dritt għal negozjar kollettiv, li
għadhom ma ġewx irratifikati mill-Korea. Rigward il-libertà ta’
assoċjazzjoni u d-dritt għal negozjar kollettiv, xi parteċipanti
semmew ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa għall-Korea tal-korpi
superviżorji tal-ILO, b’mod partikolari tal-Kumitat dwar il-Libertà ta’
Assoċjazzjoni. Il-preżentazzjonijiet kienu segwiti minn diskussjoni
miftuħa bejn id-DAGs u l-partijiet interessati l-oħra. Fl-aħħar
nett, il-kopresidenti tas-CTSD taw aġġornament tad-diskussjonijiet
tal-Kumitat fil-Forum tas-Soċjetà Ċivili, li saru
fit-13 ta’ Settembru. L-aġġornament intbagħat ukoll
lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili
ddiskuta r-regoli ta’ proċedura tiegħu, il-konklużjonijiet
tiegħu tas-sessjoni ta' ħidma, it-tkabbir ekoloġiku u
l-kummerċ internazzjonali. 5. L-implimentazzjoni
tar-Regolament (UE) Nru 511/2011 Ir-Regolament (UE)
Nru 511/2011 huwa l-leġiżlazzjoni interna tal-UE sabiex
tiġi implimentata l-klawżola ta' salvagwardja bilaterali tal-FTA bejn
l-UE u l-Korea. Kif previst
mill-Artikoli 3 u 11 tar-Regolament (UE) Nru 511/2011, il-Kummissjoni
ilha ssegwi l-iżvilupp tal-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta'
prodotti Koreani f'setturi sensittivi, bħall-karozzi, il-parts
tal-karozzi, it-tessuti u prodotti elettroniċi għall-konsumatur, li
potenzjalment jintlaqtu mir-rifużjoni tad-dazju. Sa mill-applikazzjoni
provviżorja tal-FTA f'Lulju 2011, il-Kummissjoni, kull xahrejn,
qasmet ir-riżultati tal-monitoraġġ tagħha mal-Istati
Membri, il-Parlament Ewropew u l-partijiet interessati relevanti. Dan ir-Regolament
jipprevedi wkoll il-possibbiltà li tinbeda investigazzjoni ta’ salvagwardja jew
li jiġu introdotti miżuri ta’ sorveljanza preliminari, taħt
ċerti kondizzjonijiet definiti fir-Regolament. Matul it-tieni sena
tal-implimentazzjoni tal-FTA, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda talba
sabiex tinbeda investigazzjoni ta' salvagwardja, jew sabiex jiġu
introdotti miżuri ta’ sorveljanza preliminari. 5.1. L-iżvilupp
tal-importazzjonijiet Koreani lejn l-UE fis-setturi koperti
mill-monitoraġġ Ir-riżultati
tal-monitoraġġ matul it-tieni sena ta' implimentazzjoni tal-FTA
jidhru fil-qosor flimkien mal-graffs korrispondenti hawn taħt. Ta' min
jinnota li għall-finijiet tal-monitoraġġ, it-tqabbil tad-dejta
dwar il-kummerċ sar abbażi ta' sena ma' oħra, u
għaldaqstant xi ċifri jistgħu jkunu differenti mill-analiżi
tal-kummerċ ġenerali fil-punt 2 ta' hawn fuq, fejn intuża
metodu differenti għat-tqabbil. Ta' min ikompli
jinnota li t-tqabbil skont l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ huwa
bbażat fuq il-kwantitajiet importati mill-Korea lejn l-UE, jiġifieri
bħala unitajiet fil-każ tal-karozzi u bħala 1 000 kg
fil-każ ta’ parts tal-karozzi, tessuti u prodotti elettroniċi. (i) Is-settur tal-karozzi L-importazzjonijiet
ta’ karozzi mill-Korea fl-UE żdiedu b’41 % fl-ewwel sena ta’
implimentazzjoni tal-FTA (Lulju 2011 - Ġunju 2012) meta mqabbla
mas-sena ta’ qabel li l-FTA ġie applikat provviżorjament
(Lulju 2010 - Ġunju 2011). Din iż-żieda ġiet
segwita minn tnaqqis fl-importazzjonijiet ta’ 13 % matul it-tieni sena
mill-implimentazzjoni tal-FTA (Lulju 2012 – Ġunju 2013) meta
mqabbla mas-sena ta’ qabel. It-tendenza għal tnaqqis hija valida
għall-karozzi b’magni żgħar, kif ukoll għal karozzi b’magni
medji kif ukoll kbar. Meta jitqiesu t-tendenzi fuq terminu twil,
l-importazzjonijiet tal-karozzi jidhru li stabbilizzaw ruħhom f’livell
ferm aktar baxx minn dak tal-perjodu bejn Lulju 2007 u
Ġunju 2008. Fir-rigward
tal-importazzjonijiet tal-parts tal-karozzi, żieda qawwija ta’ 47 %
seħħet fl-ewwel sena ta' implimentazzjoni tal-FTA meta mqabbla
mas-sena qabel ma l-FTA kien applikat provviżorjament. Din
iż-żieda kienet konformi mat-tendenza dejjem tiżdied li kienet
diġà bdiet fil-perjodu bejn Lulju 2008 u Ġunju 2009. Madankollu,
fit-tieni sena tal-implimentazzjoni tal-FTA, l-importazzjonijiet tal-parts
tal-karozzi żdiedu bi 2 % biss, meta mqabblin mal-ewwel sena
tal-implimentazzjoni, u dan jissuġġerixxi li l-livelli ta'
importazzjoni stabbilizzaw ruħhom. (ii) Is-settur tat-tessuti L-importazzjonijiet tat-tessuti Koreani naqsu b’ 16 % fl-ewwel
sena tal-implimentazzjoni tal-FTA meta mqabbla mas-sena qabel mal-FTA kien
applikat provviżorjament. Din it-tendenza kompliet bi tnaqqis ieħor
ta’ 6 % fit-tieni sena tal-implimentazzjoni tal-FTA, meta mqabbla mas-sena
ta’ qabel. (iii) Is-settur tal-prodotti elettroniċi L-importazzjonijiet tal-prodotti elettroniċi Koreani żdiedu
bi 8 % fl-ewwel sena tal-implimentazzjoni tal-FTA meta mqabbla mas-sena
qabel ma l-FTA kien applikat provviżorjament. Din iż-żieda
ġiet segwita minn tnaqqis ta’ 13 % fit-tieni sena ta'
implimentazzjoni, meta mqabbla mal-ewwel sena. 5.2. Ir-rifużjoni tad-dazju Twettaq ukoll monitoraġġ speċifiku
mill-Kummissjoni dwar il-kwistjoni tar-rifużjoni tad-dazju fir-rigward
tar-regoli tal-oriġini kif hemm previst fl-Artikolu 11(1)
tar-Regolament (UE) Nru 511/2011, sabiex ikun ivvalutat il-kontenut
barrani fil-proċess tal-manifattura Koreana u għaldaqstant
fl-esportazzjonijiet tal-prodotti finali mill-Korea lejn l-UE. L-analiżi ffukat fuq kwantitajiet ta’ prodotti
li kienu suġġetti għall-monitoraġġ matul l-ewwel sitt
xhur tal-2013, meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2012. Fis-settur tal-prodotti elettroniċi,
l-iżvilupp tal-importazzjonijiet Koreani fl-UE evolva prinċipalment
għal dawn il-kodiċijiet HS: 8519.81, 8521.90, 8526.92, 8527.21,
8528.51, 852871 u 8528.72. Għal xi uħud minn dawn il-kodiċijiet
l-importazzjonijiet matul is-sena varjaw iżda mingħajr ma wrew xi
żieda jew tnaqqis globali sinifikanti. L-importazzjonijiet mill-Korea ta'
partijiet minn dawn il-prodotti naqsu: għal HS 8522 kien hemm tnaqqis
ta' importazzjonijiet miċ-Ċina (-20 %) u mill-Ġappun
(-52 %), filwaqt li għal HS 8529 kien hemm tnaqqis
żgħir miċ-Ċina (-0,29 %) u tnaqqis aktar sinifikanti
mill-Ġappun (-6,9 %). Rigward it-tessuti, l-unika żieda
sinifikanti fl-importazzjonijiet mill-Korea għall-UE kienet tinvolvi
prodotti tal-kodiċi HS 5205 (+37 %). Għal dan il-prodott,
ir-Regoli tal-Oriġini jippermettu l-importazzjoni ta' prodotti ta' fibri
naturali tal-qoton. Għall-kuntrarju, għal prodott bil-kodiċi
HS 5509, l-importazzjonijiet naqsu b’67 %. Rigward il-karozzi, kien hemm żieda
globali fl-importazzjonijiet Koreani fl-UE (medja ta' +4,9 %), taħt
il-kodiċi HS 8703, anke jekk din iż-żieda ma tapplikax
għat-tipi kollha ta' karozzi, iżda tiddependi fuq id-daqs tal-magna.
Sadanittant, l-importazzjonijiet ta’ inputs ta’ komponenti tal-karozzi
taħt il-kodiċi HS 8708 fil-Korea żdiedu wkoll bl-istess
proporzjon, b’6 % miċ-Ċina. Fl-istess waqt, l-importazzjonijiet
ta’ parts simili mill-Ġappun naqsu b’27 %. Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, jista’ jiġi
konkluż li sa issa l-konċessjoni tar-rifużjoni tad-dazju
għal prodotti suġġetti għal monitoraġġ
speċifiku ma jidhirx li ħalliet xi impatt sinifikanti fuq ix-xejra
tal-manifattura fil-Korea. B’mod partikolari ma wasslitx għal żieda
fl-importazzjonijiet ta’ inputs minn pajjiżi ġirien tal-Korea. 6. Konklużjoni Abbażi
tas-sentejn minn meta ġie implimetat l-FTA, huwa ċar li f’termini ta’
żvilupp ta’ kummerċ bilaterali, l-FTA b'mod ġenerali ħadem
tajjeb ħafna partikolarment għall-UE. L-esportazzjoni tal-prodotti
żdiedet b’24 %, jew EUR 7 biljun fit-tieni sena ta’
implimentazzjoni, meta mqabbla mas-sena qabel ma ġie applikat
provviżorjament l-FTA. Apparagun ta’ dan, l-esportazzjonijiet tal-UE lejn
il-bqija tad-dinja żdiedu bi 17 % matul l-istess perjodu. Filwaqt li
l-importazzjonijiet mill-Korea naqsu b'6 %, prinċipalment
minħabba raġunijiet li mhumiex direttament marbuta mal-FTA,
l-importazzjonijiet ta’ prodotti liberalizzati kompletament jew parzjalment
żviluppaw b’mod pożittiv kemm għall-UE kif ukoll
għall-Korea, u kollox ma' kollox żdiedu aktar mill-esportazzjonijiet.
L-esportaturi wkoll qed jagħmlu aktar użu mit-tariffi preferenzjali,
b'żieda fir-rati tal-użu b’mod partikolari min-naħa tal-UE,
għalkemm għad hemm lok għal titjib f’dan il-qasam. L-attenzjoni tibqa’
fuq l-implimentazzjoni korretta tal-FTA sabiex l-esportaturi jkunu jistgħu
jgawdu l-benefiċċji li jistennew mill-ftehim. Għad hemm xi
kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni, b'mod partikolari fis-settur ta’ vetturi
bil-mutur u l-parts. Se jkomplu d-diskussjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet
waqt il-laqgħat u s-segwitu tagħhom f'diversi Kumitati u Gruppi ta’
Ħidma stabbiliti mill-FTA, bil-ħsieb li jinstabu soluzzjonijiet
reċiprokament aċċettabbli u fattibbli, f’konformità mat-test u
l-ispirtu tal-FTA. Fil-marġini
tas-Summit bejn l-UE u l-Korea f’Novembru 2013, l-UE u l-Korea bdew
Protokoll Addizzjonali li jemenda l-FTA minħabba l-adeżjoni
tal-Kroazja mal-UE. Se jkomplu d-diskussjonijiet sabiex l-FTA jkompli jiġi
emendat bil-ħsieb li jaġevola aktar il-kummerċ. Dawn l-emendi
huma fl-interess taż-żewġ naħat u eventwalment
l-esportaturi u l-konsumaturi fl-UE kif ukoll fil-Korea se jibbenefikaw
minnhom. [1] L-FTA qed ikun applikat provviżorjament fl-UE
sakemm jiġi rratifikat mill-Istati Membri kollha. Is-sitwazzjoni
tar-ratifika tista' tiġi vverifikata fuq il-websajt tal-Ftehimiet
tal-Kunsill: http://www.consilium.europa.eu/policies/agreements/search-the-agreements-database?command=details&id=&lang=en&aid=2010036&doclang=EN [2] ĠU L 145, 31.5.2011, p. 19. [3] Il-perċentwali jirreferu għal +15 %
fl-ewwel sena tal-FTA meta mqabbla mas-sena ta' qabel l-FTA, u għal
+ 8 % matul it-tieni sena tal-FTA meta mqabbla mal-ewwel (1) sena. [4] Hemm ukoll grupp ta’ oġġetti li mhumiex
liberalizzati, iżda dan il-grupp jirrappreżenta biss 2 %
tal-linji tariffarji kollha u 1 % tal-kummerċ kollu tal-prodotti. [5] Ladarba d-dejta ma tinkludix informazzjoni dwar liema
importazzjonijiet kienu eliġibbli għall-preferenzi, din ġiet
issupplimentata b'ċifri marbutin ma' tariffi tal-MFN Koreani u ma' tariffi
ta' preferenzi għall-UE mill-Bażi tad-Dejta dwar l-Aċċess
għas-Suq.