IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.10.2024
COM(2024) 448 final
2024/0247(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1013/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Awstrija biex tkompli tapplika miżura li tidderoga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (“id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) jew biex jipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.
Permezz tal-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-20 ta’ Marzu 2024, l-Awstrija talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva tal-VAT, biex teskludi mid-dritt għal tnaqqis il-VAT imposta fuq l-oġġetti u s-servizzi li iktar minn 90 % tad-drabi jintużaw għall-użu privat tal-persuna taxxabbli jew tal-impjegati tagħha, jew b’mod aktar ġenerali għal finijiet mhux kummerċjali jew għal attivitajiet mhux ekonomiċi. Din it-talba kienet akkumpanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din il-miżura speċjali, li jinkludi rieżami tar-rata ta’ tqassim applikata fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT kif meħtieġ mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1013/UE, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1779.
F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bl-ittra tas-16 ta’ Mejju 2024 dwar it-talba li għamlet l-Awstrija. Permezz tal-ittra tas-17 ta’ Mejju 2024, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Awstrija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
L-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi li persuna taxxabbli hija intitolata tnaqqas il-VAT imposta fuq l-affarijiet li tkun xtrat u s-servizzi li tkun irċeviet għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha. L-Artikolu 168a(1) tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi li l-VAT fuq in-nefqa relatata ma’ proprjetà immobbli li tifforma parti mill-assi kummerċjali ta’ persuna taxxabbli u li tintuża għall-finijiet kummerċjali u mhux kummerċjali, għandha tkun deduċibbli biss sal-proporzjon tal-użu tal-proprjetà għall-finijiet kummerċjali tal-persuna taxxabbli. Skont l-Artikolu 168a(2) tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu japplikaw din ir-regola wkoll b’rabta man-nefqa relatata ma’ oġġetti oħra li jifformaw parti mill-assi kummerċjali, skont dak li jispeċifikaw.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu japplikaw miżuri speċjali li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT sabiex jissimplifikaw il-proċedura għall-ġbir tal-VAT jew biex jipprevjenu ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa, jekk ikunu ġew awtorizzati mill-Kunsill.
L-Awstrija talbet awtorizzazzjoni sabiex tkompli tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva tal-VAT li tippermettilha teskludi għalkollox mid-dritt għal tnaqqis il-VAT imposta fuq l-oġġetti u s-servizzi li iktar minn 90 % tad-drabi jintużaw għall-finijiet privati jew mhux kummerċjali tal-persuna taxxabbli, inkluż l-attivitajiet mhux ekonomiċi.
Din il-miżura speċjali ingħatat lill-Awstrija inizjalment bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/866/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2009 u reġgħet ingħatat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1013/UE tat-22 ta’ Diċembru 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2012. Din tal-aħħar ġiet għaldaqstant estiża sal-31 ta’ Diċembru 2015 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/705/UE tat-13 ta’ Novembru 2012, sal-31 ta’ Diċembru 2018 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2428 tal-10 ta’ Diċembru 2015, sal-31 ta’ Diċembru 2021 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1487 tat-2 ta’ Ottubru 2018 u sal-31 ta’ Diċembru 2024 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1779 tal-5 ta’ Ottubru 2021.
Fit-talba attwali tagħha, l-Awstrija infurmat lill-Kummissjoni li l-applikazzjoni tal-miżura speċjali wriet li hija effettiva fis-simplifikazzjoni tal-ġbir tal-VAT peress li tnaqqas il-kostijiet amministrattivi u żżid iċ-ċertezza legali kemm għall-amministrazzjoni tat-taxxa kif ukoll għall-kontribwenti. Ma hemmx bżonn li jiġi ddeterminat l-użu effettiv ta’ oġġetti u servizzi f’każijiet fejn l-użu tagħhom għall-finijiet kummerċjali jirrappreżenta inqas minn 10 %. Inkella, l-użu personali jkollu jiġi ddokumentat u ddeterminat, u jkollu jkun soġġett għat-tassazzjoni skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva tal-VAT. It-tassazzjoni korretta tal-użu personali jkollha tiġi mmonitorjata mill-amministrazzjoni tat-taxxa. Bis-saħħa tal-miżura speċjali, huwa possibbli li jitneħħew il-miżuri estensivi ta’ dokumentazzjoni, monitoraġġ u verifika, u b’hekk jittaffa l-piż kemm fuq l-awtoritajiet tat-taxxa kif ukoll fuq il-kontribwenti.
Barra minn hekk, il-bidliet minimi fil-proporzjon tal-użu privat u kummerċjali ta’ oġġett jew servizz li jintuża biss b’mod marġinali għall-finijiet kummerċjali jkun jirriżulta f’aġġustament tal-VAT imnaqqsa. Dan l-aġġustament żgħir se jkun sproporzjonat kemm mill-perspettiva tal-kontribwent kif ukoll mill-perspettiva tal-amministrazzjoni tat-taxxa.
L-Awstrija tindika wkoll li l-miżura speċjali wriet ukoll li hija effettiva fil-prevenzjoni tal-evażjoni jew tal-evitar tat-taxxa peress li tipprevjeni tnaqqis mhux ġustifikat u frodulenti tal-VAT tal-input. Il-miżura speċjali tgħin biex tissaħħaħ il-ġustizzja billi tipprevjeni distorsjonijiet minħabba vantaġġi mhux ġustifikati tal-fluss tal-flus miksuba minn persuna taxxabbli li tuża oġġett jew servizz marġinalment biss għall-finijiet kummerċjali u li titħalla tnaqqas il-VAT għal dan l-użu kummerċjali minuri meta mqabbla ma’ persuna taxxabbli li tuża l-oġġett jew is-servizz għal finijiet kummerċjali biss.
Skont ir-rapport sottomess mill-Awstrija, ir-rieżami tal-perċentwal minimu tal-użu kummerċjali ta’ oġġetti u servizzi meħtieġ biex jippermetti t-tnaqqis tal-VAT tal-input juri li l-limitu ta’ 10 % għall-finijiet kummerċjali huwa baxx biżżejjed biex ma jkollu l-ebda impatt sinifikanti fuq l-ammont totali ta’ VAT effettivament miġbur fl-istadju tal-konsum finali u għalhekk, ma jaffettwax ir-riżorsi proprji tal-VAT tal-Unjoni b’mod negattiv.
Abbażi tal-informazzjoni li pprovdiet l-Awstrija, il-Kummissjoni tifhem li t-tqassim ta’ 10 % / 90 % għall-użu kummerċjali u għal dak mhux kummerċjali għadu jirrappreżenta bażi soda biex jingħażlu t-tranżazzjonijiet li għalihom l-użu kummerċjali jista’ jitqies bħala negliġibbli.
Minħabba f’hekk, il-miżura speċjali inkwistjoni tipprovdi faċilitazzjoni kemm għall-amministrazzjoni tat-taxxa kif ukoll għan-negozji billi ma jkun hemm bżonn l-ebda monitoraġġ tal-użu sussegwenti tal-oġġetti u s-servizzi li għalihom kienet tapplika l-esklużjoni mit-tnaqqis meta jkunu ġew akkwistati, b’mod partikolari fir-rigward tat-tassazzjoni possibbli tal-użu privat skont l-Artikolu 16 jew 26 tad-Direttiva tal-VAT jew tal-aġġustamenti għat-tnaqqis kif meħtieġ skont l-Artikoli 184 sa 192 ta’ dik id-Direttiva. Għalhekk, jixraq li l-miżura speċjali tiġi estiża.
Madankollu, kwalunkwe estensjoni għandha tkun limitata fil-ħin biex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk il-miżura speċjali hijiex xierqa u effettiva u jekk il-kundizzjonijiet li fuqhom hija bbażata d-deroga jkunux għadhom validi. Għaldaqstant, qiegħed jiġi propost li d-deroga tiġi estiża sa tmiem l-2027 u li, f’każ li tkun prevista estensjoni ulterjuri lil hinn mill-2027, flimkien mat-talba għall-estensjoni, l-Awstrija tintalab tippreżenta rapport sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2027 li jkun jinkludi rieżami tar-rata ta’ tqassim applikata bejn l-użu kummerċjali u mhux kummerċjali li fuqha tissejjes l-esklużjoni mit-tnaqqis.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
Deroga simili b’rabta mal-esklużjoni tal-VAT tal-input fuq l-oġġetti u s-servizzi mid-dritt għal tnaqqis tal-VAT meta 90 % tal-użu tal-oġġetti u s-servizzi inkwistjoni jkun għall-finijiet privati ta’ persuna taxxabbli jew tal-impjegati tagħha, jew inġenerali, għal finijiet mhux kummerċjali jew attivitajiet mhux ekonomiċi, ingħatat lil Stat Membru ieħor (il-Ġermanja).
L-Artikolu 176 tad-Direttiva tal-VAT jistipula li l-Kunsill għandu jiddetermina n-nefqa li minnha ma tistax titnaqqas il-VAT. Sakemm dan iseħħ, huwa jawtorizza li l-Istati Membri jkomplu japplikaw l-esklużjonijiet, li kienu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1979. Għaldaqstant, hemm għadd ta’ klawżoli standstill li jillimitaw id-dritt għal tnaqqis għall-persuni taxxabbli.
Minkejja l-inizjattivi preċedenti biex jiġu stabbiliti r-regoli dwar liema kategoriji ta’ nefqa jistgħu jkunu soġġetti għal restrizzjoni tad-dritt għal tnaqqis, deroga bħal din hija xierqa sakemm jiġu armonizzati dawn ir-regoli fil-livell tal-UE.
Għalhekk, il-miżura speċjali proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Direttiva tal-VAT.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija msejsa l-proposta, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru wara talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.
Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-proċedura tal-ġbir tal-VAT u l-prevenzjoni ta’ ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa. Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan.
Id-deroga hija wkoll limitata fiż-żmien u jrid jitħejja rapport dwar il-funzjonament u l-effettività tal-miżura speċjali f’każ li l-Awstrija tkun tixtieq ittawwal il-miżura speċjali.
•Għażla tal-istrument
L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, tista’ tingħata deroga mid-dispożizzjonijiet komuni tal-VAT biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. L-iktar strument adattat huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill peress li din tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Din il-proposta hija bbażata fuq talba li għamlet l-Awstrija u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru partikolari.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Ma kienx hemm ħtieġa ta’ għarfien espert estern.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija mfassla sabiex tissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT billi tippermetti lill-Awstrija tkompli tapplika miżura speċjali li tippermettilha teskludi għalkollox mid-dritt għal tnaqqis il-VAT imposta fuq l-oġġetti u s-servizzi li iktar minn 90 % tad-drabi jintużaw għall-finijiet privati jew mhux kummerċjali tal-persuna taxxabbli, inkluż l-attivitajiet mhux ekonomiċi.
Skont l-Awstrija, il-miżura speċjali tnaqqas il-piżijiet amministrattivi għan-negozji u l-amministrazzjoni tat-taxxa, minħabba li ma hemm l-ebda ħtieġa ta’ monitoraġġ tal-użu sussegwenti tal-oġġetti u s-servizzi li għalihom tapplika l-esklużjoni mit-tnaqqis meta jkunu ġew akkwistati, b’mod partikolari fir-rigward ta’ tassazzjoni possibbli tal-użu privat jew aġġustamenti għat-tnaqqis.
L-użu minimu meħtieġ tal-oġġetti ta’ mill-inqas 10 % għall-finijiet kummerċjali biex jippermetti t-tnaqqis tal-VAT tal-input huwa relattivament baxx. Skont l-Awstrija, l-estensjoni ta’ din il-miżura speċjali għalhekk se jkollha biss impatt żgħir fuq l-ammont totali ta’ dħul mill-VAT miġbur fl-aħħar stadju tal-konsum u għalhekk, ma taffettwax ir-riżorsi proprji tal-VAT tal-Unjoni b’mod negattiv.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta mhi se jkollha l-ebda implikazzjoni negattiva għall-baġit tal-UE.
5.ELEMENTI OĦRA
Il-proposta hija limitata fiż-żmien u tinkludi klawżola ta’ estinzjoni stabbilita sal-31 ta’ Diċembru 2027.
F’każ li l-Awstrija tikkunsidra estensjoni oħra tal-miżura speċjali lil hinn mill-2027, għandu jitressaq rapport lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-miżura speċjali, li jkun jinkludi rieżami tar-rata ta’ tqassim applikata, flimkien mat-talba għal estensjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2027.
2024/0247 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1013/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Awstrija biex tkompli tapplika miżura li tidderoga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1), l-ewwel subparagrafu, tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)L-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE jirregolaw id-dritt tal-persuni taxxabbli li jnaqqsu t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq l-oġġetti u s-servizzi fornuti lilhom għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħhom.
(2)Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1013/UE awtorizzat lill-Awstrija biex tkompli tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE biex teskludi għalkollox mid-dritt għal tnaqqis tal-VAT, il-VAT imposta fuq l-oġġetti u s-servizzi li iktar minn 90 % tad-drabi jintużaw għall-finijiet privati ta’ persuna taxxabbli jew tal-impjegati tagħha, jew, b’mod aktar ġenerali, għall-finijiet mhux kummerċjali jew attivitajiet mhux ekonomiċi (“il-miżura speċjali”). L-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura speċjali tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2024.
(3)Bl-ittra rreġistrata mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Marzu 2024, l-Awstrija talbet awtorizzazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 395(2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, biex tkompli tapplika l-miżura speċjali.
(4)Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1013/UE, flimkien mat-talba għal estensjoni, l-Awstrija ssottomettiet rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura speċjali li jinkludi rieżami tar-rata ta’ tqassim applikata fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT.
(5)F’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba sottomessa mill-Awstrija lill-Istati Membri l-oħra permezz tal-ittra tas-16 ta’ Mejju 2024.
(6)Permezz tal-ittra tas-17 ta’ Mejju 2024, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Awstrija li kellha l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa sabiex tivvaluta t-talba.
(7)Skont l-Awstrija, il-miżura speċjali wriet li hija effettiva ħafna biex tissimplifika l-ġbir tal-VAT u biex tipprevjeni l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. Il-miżura speċjali tnaqqas il-piżijiet amministrattivi għan-negozji u l-amministrazzjoni tat-taxxa, billi ma jkun hemm bżonn l-ebda monitoraġġ tal-użu sussegwenti tal-oġġetti u s-servizzi li għalihom kienet tapplika l-esklużjoni mit-tnaqqis meta jkunu ġew akkwistati.
(8)Abbażi tar-rapport sottomess mill-Awstrija, ir-rata minima ta’ tqassim ta’ 10 % tal-użu kummerċjali ta’ oġġetti u servizzi meħtieġa biex tippermetti t-tnaqqis tal-VAT tal-input hija baxxa biżżejjed biex ma jkollha l-ebda impatt sinifikanti fuq l-ammont totali tal-VAT effettivament miġbura fl-istadju tal-konsum finali.
(9)Filwaqt li tqis l-impatt pożittiv kemm għan-negozji kif ukoll għall-amministrazzjoni tat-taxxa, il-Kummissjoni tqis xieraq li l-miżura speċjali tiġi estiża.
(10)Il-miżura speċjali jenħtieġ li tkun limitata għaż-żmien meħtieġ biex tiġi evalwata l-effettività tagħha u l-adegwatezza tar-rata ta’ tqassim applikata fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT. Għalhekk, l-Awstrija jenħtieġ li tkun awtorizzata biex tkompli tapplika l-miżura speċjali għal 3 snin oħra, jiġifieri jenħtieġ li tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2027.
(11)Il-miżura speċjali hija proporzjonata għall-objettivi segwiti, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-proċedura għall-ġbir tal-VAT u l-prevenzjoni ta’ ċerti forom ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa, peress li hija limitata fiż-żmien u fil-kamp ta’ applikazzjoni.
(12)F’każ li l-Awstrija tqis li tkun meħtieġa estensjoni tal-miżura speċjali lil hinn mill-2027, jenħtieġ li titlob estensjoni lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2027 flimkien ma’ rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura speċjali, li jkun jinkludi rieżami tar-rata ta’ tqassim applikata.
(13)Il-miżura speċjali mhi se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni akkumulati mill-VAT.
(14)Għalhekk id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1013/UE jenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1013/UE huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2027.
Kull talba għal estensjoni tal-miżura li tidderoga prevista f’din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2027.
Tali talba għandha tkun akkumpanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din il-miżura li jinkludi rieżami tar-rata ta’ tqassim applikata fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT abbażi ta’ din id-Deċiżjoni.”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Awstrija.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President