|
11.5.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 122/59 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-2 ta’ Mejju 2007
li tistabbilixxi miżuri transitorji li jidderogaw mid-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE fir-rigward tat-tqegħid fis-suq taż-żrieragħ ta’ Helianthus annuus ta’ varjetajiet li ma ġewx ivvalutati bħala reżistenti għal Orobanche spp., minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija
(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 1822)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2007/329/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat ta’ l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija,
Wara li kkunsidrat l-Att ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija, u b’mod partikolari l-Artikolu 42 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skond id-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli (1), iż-żrieragħ ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli aċċettati f’konformità ma’ dik id-Direttiva jew skond il-prinċipji li jikkorrispondu għal dawk ta’ dik id-Direttiva, f’dak li jirrigwarda t-tqegħid fis-suq tagħhom, mhumiex suġġetti għal xi restrizzjonijiet. Il-varjetajiet ta’ dan it-tip huma ppubblikati f’katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli, minn issa ‘l quddiem imsejjaħ ‘il-katalgu komuni’, li huwa kkumpilat fuq il-bażi tal-katalgi nazzjonali ta’ l-Istati Membri. |
|
(2) |
Ir-reżistenza għal Orobanche spp. ta’ varjetajiet ta’ Helianthus annuus tirrappreżenta fattur importanti għall-kultivazzjoni ta’ din l-ispeċi fil-Bulgarija u varjetajiet li m’humiex reżistenti m’għandhomx jitqiesu bħala adattati. Madankollu, m’huwiex magħruf jekk il-varjetajiet li huma aċċettati mill-Istati Membri l-oħra għall-inklużjoni fil-katalgi nazzjonali tagħhom humiex reżistenti għal Orobanche spp. |
|
(3) |
Għalhekk il-Bulgarija għandha tiġi awtorizzata li tipprojbixxi fit-territorju tagħha, sal-31 ta’ Diċembru 2009, it-tqegħid fis-suq ta’ żrieragħ ta’ varjetajiet imniżżla fil-katalgu komuni li ma ġewx ivvalutati bħala reżistenti għal Orobanche spp. Dan il-perjodu għandu jippermetti lill-Bulgarija li tivvaluta, permezz ta’ testijiet u l-ġbir ta’ tagħrif, jekk il-varjetatjiet ta’ Helianthus annuus elenkati fil-katalgu komuni humiex reżistenti għal Orobanche spp., u jekk ikun meħtieġ li tieħu l-miżuri xierqa skond id-Direttiva 2002/53/KE. |
|
(4) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar iż-Żrieragħ u l-Materjal ta’ Propagazzjoni għall-Agrikoltura, l-Ortikoltura u l-Forestrija, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. B’deroga mill-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2002/53/KE, il-Bulgarija tista’ tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq fit-territorju tagħha, sal-31 ta’ Diċembru 2009, ta’ żrieragħ ta’ varjetajiet ta’ Helianthus annuus imniżżla fil-katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli li, fil-qafas ta’ l-ammissjoni tal-varjetà għall-katalgu nazzjonali, ma ġewx ivvalutati bħala reżistenti għal Orobanche spp.
2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-lista ta’ varjetajiet li ġew hekk ivvalutati bħala reżistenti għal Orobanche spp. lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn 20 jum wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni. Huma għandhom jaġġornaw dik il-lista b’mod regolari.
Il-katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli għandu jindika l-varjetajiet ta’ Helianthus annuus li kienu ġew hekk ivvalutati bħala reżistenti għal Orobanche spp.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussell, 2 ta’ Mejju 2007.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 193, 20.7.2002, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1).