Official Journal L 005 , 09/01/2004 P. 0079 - 0080
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2003 li temenda l-Parti V, il-punt 1.4, ta' l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni u l-Parti I, il-punt 4.1.2 tal-Manwal Komuni rigward l-inklużjoni tar-rekwiżit li jkollhom assigurazzjoni medika ta' l-ivvjaġġar bħala wieħed mid-dokumenti ta' appoġġ għall-għoti ta' viża tad-dħul uniformi. (2004/17/KE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 789/2001 ta' l-24 ta' April 2001 li jirriServa għall-Kunsill poteri (setgħat) ta' implimentazzjoni rigward ċerti dispożizzjonijiet iddettaljati u proċeduri prattiċi għall-eżaminar ta' applikazzjonijiet ta' viża [1], Wara li kunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 790/2001 ta' l-24 ta' April 2001 li jirriServa għall-Kunsill il-poteri (setgħat) ta' implimentazzjoni rigward ċerti dispożizzjonijiet iddettaljati u proċeduri prattiċi għat-twettiq ta' kontrolli u sorvejanza fil-konfini [2], Wara li kunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika Ellenika, Billi: (1) Il-punt 22 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Tampere enfasizza li "politika attiva komuni dwar viżas u dokumenti foloz għandha tkun żviluppata iktar, inkluża koperazzjoni iktar mill-qrib bejn il-konsulati ta' l-UE f'pajjiżi terzi …". (2) KUndizzjoni essenzali għall-applikazzjoni ta' politika komuni dwar il-ħruġ ta' viżas hija l-akbar armonizzazzjoni possibbli tal-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta' viżas, b'mod partikolari rigward id-dokumenti ta' appoġġ konnessi ma' mezzi ta' sussistenza li huma sosttomessi b'appoġġ ta' l-applikazzjoni. (3) Huwa meħtieġ għall-applikanti għall-viża li jkollhom, fost id-dokumenti ta' appoġġ li huma rikjesti li jipproduċu, xhieda (evidenza) ta' assigurazzjoni ta' l-ivvjaġġar individwali jew ta' grupp biex ikunu koperti l-ispejjeż li jistgħu jinqalgħu in-konnessjoni ma' ripatriazzjoni għal raġunijiet mediċi, kura medika urġenti u/jew trattament b'urġenza fi sptar matul il-waqfa tagħhom fit-territorju ta' l-Istati Membri filwaqt li jkunu applikati b'mod sħiħ id-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen. (4) L-applikanti għandhom fi prinċipju jissottoskrivu assigurazzjoni fl-Istat ta' residenza tagħhom. Fejn dan mhux possibbli, għandhom ifittxu li jiksbu assigurazzjoni f'xi pajjiż ieħor. (5) Ta' min jirrakkomanda li jkun ipprovdut għall-possibbilta ta' eċċezzjonijiet għar-rekwiżit tal-pussess ta' assigurazzjoni ta' l-ivvjaġġar fil-każ ta' detenturi ta' passaporti diplomatiċi, passaport għal qadi ta' dmir uffiċjali u passaporti uffiċjali oħra u jkun ipprovdut għall-possibbilta li jkun stabbilit, fil-qafas ta' koperazzjoni konsulari lokali, li ċittadini ta' ċerti Stati terzi m'għandhomx jikkonformaw ma' dan ir-rekwiżit. Barra minn dan, għandu jkun possibbli għall-post diplomatiku jew konsulari li jeżamina l-applikazzjoni jwarrab dan ir-rekwiżit f'każi speċifiċi fejn iqis xieraq li jagħmel hekk. (6) Ta' min jirrakkomanda li jsir kumment fit-taqsima nazzjonali ta' dħul tat-tikketta tal-viża biex jintgħamel ċar jekk id-detentur tal-viża kienx eżentat mir-rekwiżit li jippossiedi assigurazzjoni ta' l-ivvjaġġar. Il-Manwal Komuni għandu jkun emendat biex jipprovdi li fejn id-detentur ma jistax jipproduċi xhieda (evidenza) ta' assigurazzjoni tali fil-punt fejn jaqsam fil-konfini, l-uffiċjal responsabbli għandu jikkontrolla jekk kienx sar kumment tali. (7) Skond Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar ta' l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, d-Danimarka mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Billi din id-Deċiżjoni żżid ma' (tibni fuq) l-acquis ta' Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Parti Tlieta tat-Tratat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, d-Danimarka għandha, skond Artikolu 5 tal-Protokoll imsemmi, tiddeċiedi fi żmien perjodu ta' sitt xhur wara li l-Kunsill ikun adotta din id-Deċiżjoni jekk għandhiex timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha. (8) Rigward ir-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp ta' dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati ma' l-implimentazzjoni, applikazzjoni u żvilupp ta' l-acquis ta' Schengen [3], li jaqgħu fiż-żona li jirreferi għaliha Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim [4]. (9) Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp ta' dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li fih ir-Renju Unit ma jieħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħu sehem f'xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta'Schengen [5]; ir-Renju Unit mhux għalhekk jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhux marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha. (10) Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp ta' dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li fih l-Iranda ma tieħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba ta' l-Irlanda biex tieħu sehem f'xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen [6], l-Irlanda mhix għalhekk tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha jew mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha (11) Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jżid ma' (jibni fuq) l-acquis ta' Schengen jew konnessa b'xi mod miegħu fit-tifsira ta' Artikolu 3(2) ta' l-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Li ġej għandu jinżdied mat-tielet inċiż, wara l-kliem "(ara l-Anness 7) (1)", tat-tieni subparagrafu tal-punt 1.4 tal-Parti V ta' l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni: "Barra minn dan, b'appoġġ ta' applikazzjoni għal viża ta' terminu qasir jew ivvjaġġar, l-applikanti għandhom juru li għandhom fil-pussess tagħhom assigurazzjoni ta' vjaġġar individwali jew fi grupp adegwata u valida li tkopri kull spejjeż li jistgħu jinqalgħu in-konnessjoni ma' ripatrijazzjoni għal raġunijiet mediċi, kura medika urġenti u/jew trattament ta' emerġenza fi sptar. L-applikanti għandhom fi prinċipju jissottoskrivu l-assigurazzjoni fl-Istat ta' residenza tagħhom. Fejn dan mhux possibbli, huma għandhom ifittxu jiksbu assigurazzjoni f'xi pajjiż ieħor. Jekk l-ospitu (min ser jilqa' għandu) jissottoskrivi l-assigurazzjoni għall-applikant, huwa għandu jagħmel dan fil-post ta' residenza proprju (tiegħu stess). L-assigurazzjoni għandha tkun valida mat-territorju kollu ta' l-Istati Membri li japplikaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen u tkopri l-perjodu intier tal-waqfa (mawra) tal-persuna. Il-kopertura minima għandha tkun ta' EUR 30000. Fi prinċipju, l-prova ta' din l-assigurazzjoni għandha tkun issottomessa meta tinħareġ il-viża. Il-missjoni diplomatika jew il-post (uffiċċju) konsulari kompetenti li jeżamina applikazzjoni għall-viża jista' jiddeċiedi li dan ir-rekwiżit kien issodisfatt fejn ikun stabbilit li livell adegwat ta' assigurazzjoni jista' jkun preżunt (issupponut) fid-dawl tas-sitwazzjoni professjonali ta' l-applikant. Missjonijiet diplomatiċi u postijiet (uffiċċji) konsulari jistgħu, fuq bażi ta' każ b'każ, jiddeċiedu li jagħmlu eċċezzjoni minn dan ir-rekwiżit għal detenturi ta' passaporti diplomatiċi, passaporti għal qadi ta' dmir uffiċjali u passaport uffiċjali oħra, jew meta dan jipproteġi interessi nazzjonali fil-qasam tal-politika estera, politika ta' żvilupp jew żoni oħra ta' interess vitali pubbliku. Eċċezzjonijiet mir-rekwiżit li tkun prodotta xhieda (evidenza) ta' assigurazzjoni ta' vjaġġar jistgħu wkoll isiru meta, fil-qafas tal-koperazzjoni konsulari lokali, jkun stabbilit li hu impossibbli għal ċittadini ta' ċerti pajjiżi terzi li jiksbu assisgurazzjoni tali. Meta ssir stima ta' jekk assigurazzjoni hix adegwata, Stati Membri jistgħu jiżguraw jekk jeddijiet imressqa ghand il-kumpannija ta' assigurazzjoni jkunux jistgħu jinġabru fi Stat Membru, fl-Isvizzera jew f‘Liechtenstein." Artikolu 2 Is-subparagrafi li ġejjin għandhom jinżdiedu fit-tarf tal-punt 4.1.2 tal-Parti I tal-Manwal Komuni: "Skond il-Parti V, il-punt 1.4, it-tieni paragrafu, it-tielet inċiż ta' l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni applikanti għandhom juru, b'appoġġ għal applikazzjoni għal viża għal terminu qasir jew vjaġġ, li huma għandhom pussess ta' assigurazzjoni ta' vjaġġar individwali jew fi grupp adegwata u valida li tkopri kull spejjeż li jistgħu jinqalgħu in-konnessjoni ma' ripatriazzjoni għal raġunijiet mediċi, kura medika urġenti u/jew trattament urġenti fi sptar. Madankollu, ċittadin ta' pajjiż terz suġġet għar-rekwiżit ta' viża seta' kien eżentat mir-rekwiżit imsemmi hawn iktar ‘il fuq. F'każi tali, l-missjonijiet diplomatiċi, rappreżentanzi konsulari jew awtoritajiet ta' kontroll fil-konfini għandhom iwaħħlu kumment (osservazzjoni) - "EBDA ASSIGURAZZJONI MA HI RIKJESTA" - f'dak is-sens fit-taqsima nazzjonali ta' dħul tat-tikketta tal-viża." Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Ġunju 2004. Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Magħmula fi Brussel, fit-22 ta' Diċembru 2003. Għall-Kunsill Il-President A. Matteoli [1] ĠU L 116, 26.04.01, p. 2. [2] ĠU L 116, 26.04.01, p. 5. [3] ĠU L 176, 10.07.99, p. 36. [4] ĠU L 176, 10.07.99, p. 31. [5] ĠU L 131, 01.06.00, p. 43. [6] ĠU L 64, 07.03.02, p. 20. --------------------------------------------------