European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/988

13.2.2025

AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

Linji gwida interpretattivi dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 6 tar-Regolament (UE) 2022/1280 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji, fid-dawl tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna, fir-rigward tad-dokumenti tas-sewwieqa maħruġa mill-Ukrajna f’konformità mal-leġiżlazzjoni tagħha, wara l-estensjoni tal-perjodu tal-protezzjoni temporanja tal-persuni spostati mill-Ukrajna lil hinn mis-6 ta’ Marzu 2025

(C/2025/988)

1.   Introduzzjoni

Ir-Regolament (UE) 2022/1280 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Lulju 2022. Jistabbilixxi ċerti miżuri b’rabta mad-dokumenti tas-sewwieqa maħruġin mill-Ukrajna f’konformità mal-leġiżlazzjoni tagħha u miżmumin minn persuni bi protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE (2) u mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 (3). F’konformità mal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) 2022/1280, jieqaf japplika fil-jum ta’ wara dak li fih jintemm il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni temporanja fir-rigward tal-persuni spostati mill-Ukrajna, kif imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/55/KE, f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ dik id-Direttiva.

Dawn il-linji gwida interpretattivi jipprovdu l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-Artikoli 4 u 6 tar-Regolament (UE) 2022/1280, fid-dawl tal-estensjoni tal-perjodu tal-protezzjoni temporanja tal-persuni spostati mill-Ukrajna għal wara s-6 ta’ Marzu 2025. Huma maħsubin biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni u l-infurzar konsistenti tar-Regolament (UE) 2022/1280, kif ukoll biex jassistu lill-awtoritajiet tal-Istati Membri f’dak ir-rigward.

Dawn il-linji gwida ma joħolqu l-ebda regoli leġiżlattivi ġodda. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li għandha l-kompetenza biex tinterpreta b’awtorità d-dritt tal-Unjoni.

2.   It-tul tal-perjodu tal-protezzjoni temporanja

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 stabbiliet l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u għalhekk introduċiet il-protezzjoni temporanja għal dawk il-persuni spostati. F’konformità mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/55/KE, il-protezzjoni temporanja l-ewwel ngħatat għal sena, sal-4 ta’ Marzu 2023, u mbagħad ġiet estiża awtomatikament b’sena oħra, sal-4 ta’ Marzu 2024. F’konformità mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/55/KE, f’Ottubru 2023 il-Kunsill iddeċieda li jestendi t-tul ta’ żmien tal-protezzjoni temporanja b’sena oħra, sal-4 ta’ Marzu 2025  (4). Peress li r-raġunijiet għall-protezzjoni temporanja ppersistew, f’Ġunju 2024 il-Kunsill iddeċieda li jerġa’ jestendi l-perjodu tal-protezzjoni temporanja mogħtija lill-persuni spostati mill-Ukrajna b’sena oħra, sal-4 ta’ Marzu 2026  (5).

Jidher li, meta ġie adottat ir-Regolament (UE) 2022/1280, kien maħsub li t-tul massimu possibbli taż-żmien tal-protezzjoni temporanja fir-rigward tal-persuni spostati mill-Ukrajna, meta jitqiesu l-estensjonijiet possibbli tagħha skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/55/KE, kien ta’ tliet snin (6).

Ir-Regolament (UE) 2022/1280 jipprevedi r-rikonoxximent, fit-territorju tal-Unjoni, ta’ liċenzji tas-sewqan validi maħruġin mill-Ukrajna u miżmumin minn persuni bi protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali u, b’ċerti kundizzjonijiet, il-ħruġ ta’ dokumenti temporanji speċifiċi tas-sewwieqa lil dawk il-persuni. Sabiex jiġi minimizzat il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri u jiġi evitat it-tiġdid multiplu, ġie deċiż li, fuq id-dokumenti tas-sewwieq maħruġin f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/1280, kellha tiġi rreġistrata l-aħħar data ta’ skadenza possibbli. Dik id-data kienet maħsuba biex taqbel mat-tul massimu possibbli taż-żmien tal-protezzjoni temporanja fir-rigward tal-persuni spostati mill-Ukrajna, li fiż-żmien tal-adozzjoni kien maħsub li kien is-6 ta’ Marzu 2025. Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 4(3) u mal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2022/1280, irrispettivament mid-data tal-iskadenza rreġistrata fid-dokumenti, il-validità amministrattiva massima tagħhom għandha taqbel mat-tul ta’ żmien tal-protezzjoni temporanja jew tal-protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali (dment li d-detentur ma jkollux liċenzja tas-sewqan skont il-mudell tal-Unjon mmarkata bil-kodiċi temporanju speċjali tal-Unjoni “95.01”, kif imsemmi fl-Artikolu 4(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2022/1280, u l-perjodu tal-validità ta’ dak id-dokument ikun jintemm qabel).

3.   Dokumenti temporanji tas-sewwieqa maħruġin f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/1280

3.1.   Kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa maħruġin f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2022/1280

Kull min irid jibda jaħdem bħala sewwieq ta’ ċerti vetturi tat-triq għat-trasport tal-merkanzija jew tal-passiġġieri fl-Unjoni jrid, qabel ma jkun jista’ jagħmel dan, ikollu l-kwalifika inizjali meħtieġa skont id-Direttiva (UE) 2022/2561 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). F’ċerti każijiet, il-kwalifika inizjali tista’ tinvolvi li wieħed jattendi bejn 140 u 280 siegħa ta’ korsijiet u li jgħaddi minn test. Kemm is-sewwieqa li huma ċittadini ta’ Stat Membru kif ukoll dawk li huma ċittadini ta’ pajjiż terz u li huma impjegati jew użati minn impriża stabbilita fi Stat Membru jridu jiksbu din il-kwalifika inizjali fl-Unjoni (fl-Istat Membru fejn ikollhom ir-residenza normali tagħhom fl-ewwel każ, u fl-Istat Membru fejn l-impriża li timpjegahom tkun stabbilita jew li jkun ħarġilhom il-permess tax-xogħol fil-każ tal-aħħar). Wara li wieħed itemm b’suċċess il-kwalifika inizjali, jinħareġ ċertifikat ta’ kompetenza professjonali (certificate of professional competence, CPC) lis-sewwieq ikkonċernat li jiċċertifika l-kwalifika inizjali.

F’xi każijiet, ir-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ kompetenza professjonali f’pajjiżi terzi huma simili għal dawk fl-Unjoni. Skont l-Artikolu 368(1) u l-Anness XXXII tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (8), l-Ukrajna approssimat il-liġi nazzjonali tagħha għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) (il-predeċessur tad-Direttiva (UE) 2022/2561) għas-sewwieqa ta’ vetturi tat-triq involuti f’operazzjonijiet internazzjonali tat-trasport. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu japplikaw proċedura rapida għall-għoti ta’ ċertifikati ta’ kompetenza professjonali maħruġin fl-Unjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2022/1280 lil dawk is-sewwieqa, jekk ikollhom kard ta’ kwalifika tas-sewwieqa maħruġa mill-Ukrajna u jkunu jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali. Minflok ma jkollhom jiksbu l-kwalifika inizjali sħiħa skont id-Direttiva (UE) 2022/2561, kulma jridu jagħmlu tali sewwieqa hu li jieħdu taħriġ obbligatorju komplementari ta’ bejn 35 u 60 siegħa qabel ma tinħarġilhom kard ta’ kwalifika tas-sewwieqa bil-kodiċi temporanju speċjali tal-Unjoni “95.01 (skadenza massima 6.3.2025)”, li tfisser “Sewwieq li għandu CPC li jissodisfa l-obbligu ta’ kapaċità professjonali – ħruġ speċjali biss għat-tul ta’ żmien tal-protezzjoni temporanja” , jew qabel ma l-istess kodiċi temporanju speċjali tal-Unjoni jiġi mmarkat fuq il-liċenzja tas-sewqan jew fuq l-attestazzjoni tas-sewwieq tagħhom. Id-detenturi ta’ tali kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa, liċenzji tas-sewqan, jew attestazzjonijiet tas-sewwieqa jitqiesu li ssodisfaw ir-rekwiżit tal-kwalifika inizjali obbligatorja meħtieġa biex titwettaq l-attività tas-sewqan.

Għandu sinifikat partikolari l-fatt li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2022/1280 jipprevedi li:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe att futur tal-Unjoni dwar it-tul ta’ żmien tal-protezzjoni temporanja, [...] id-data ta’ skadenza fuq tali kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa jew mehmuża mal-kodiċi temporanju speċjali tal-Unjoni immarkat fuq il-liċenzji tas-sewqan għandha tkun is-6 ta’ Marzu 2025.

Madankollu, minkejja d-data mmarkata fuq dawk id-dokumenti, il-validità amministrattiva tagħhom għandha tikkorrispondi għat-tul ta’ żmien tal-protezzjoni temporanja fir-rigward tal-persuni spostati mill-Ukrajna, kif imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/55/KE, tal-protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali tad-detentur, jew tal-perjodu ta’ validità tal-liċenzja tas-sewqan, skont liema jiskadi l-ewwel. [...]”.

3.2.   Liċenzji tas-sewqan maħruġin f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2022/1280

Meta persuna li tkun tibbenefika minn protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali tkun tilfet jew insterqitilha l-liċenzja tas-sewqan tagħha, u meta d-drittijiet tas-sewqan li dik il-persuna tkun kisbet f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli fl-Ukrajna jkunu jistgħu jiġu vverifikati, l-Istati Membri jistgħu joħorġu liċenzja tas-sewqan skont il-mudell tal-Unjoni lil dik il-persuna f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2022/1280. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jimmarkaw il-liċenzja tas-sewqan bil-kodiċi temporanju speċjali tal-Unjoni “99.01 (skadenza massima 6.3.2025)” fil-kaxxa 12, jiġifieri “Ħruġ speċjali validu biss għall-perjodu tal-protezzjoni temporanja (liċenzja Ukrena mitlufa jew misruqa)” .

Għandu sinifikat partikolari l-fatt li l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2022/1280 jipprevedi li:

“[…]Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe att futur tal-Unjoni dwar it-tul ta’ żmien tal-protezzjoni temporanja, [...] id-data ta’ skadenza fuq tali liċenzja tas-sewqan għandha tkun is-6 ta’ Marzu 2025. Madankollu, minkejja d-data mmarkata fuq tali liċenzja tas-sewqan, il-validità amministrattiva tagħha għandha tikkorrispondi għat-tul ta’ żmien tal-protezzjoni temporanja fir-rigward tal-persuni spostati mill-Ukrajna , kif imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/55/KE, jew il-perjodu tal-protezzjoni temporanja jew tal-protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali tad-detentur, skont liema jiskadi l-ewwel. [...] ”

4.   L-applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 6 tar-Regolament (UE) 2022/1280, fid-dawl tal-estensjoni tal-perjodu tal-protezzjoni temporanja tal-persuni spostati mill-Ukrajna għal wara s-6 ta’ Marzu 2025

Mid-dispożizzjonijiet imsemmijin fil-punt 3 huwa ċar li d-dokumenti temporanji tas-sewwieqa maħruġin f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/1280 lil persuni spostati mill-Ukrajna bi protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali huma validi sakemm iddum il-protezzjoni temporanja jew il-protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali, irrispettivament mid-data li tkun immarkata fuq dawk id-dokumenti (“ minkejja ” dik id-data) (10). Kif iddikjarat espressament f’dawk l-artikoli, il-validità amministrattiva ta’ dawn id-dokumenti “ għandha tikkorrispondi ” għat-tul tal-protezzjoni temporanja.

B’konsegwenza ta’ dan, il-frażi mehmuża mal-kodiċijiet temporanji speċjali tal-Unjoni “95.01” u “99.01” (“(skadenza massima 6.3.25)”), li trid tiddaħħal f’dawk id-dokumenti temporanji maħruġin skont ir-Regolament (UE) 2022/1280 f’konformità mal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6(2) tiegħu, trid tinftiehem ukoll fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni ewlenija ta’ dak ir-Regolament, li tieħu preċedenza.

Applikazzjoni prattika

Meta wieħed iqis il-kamp ta’ applikazzjoni u l-objettivi tar-Regolament (UE) 2022/1280, u sabiex tiġi żgurata applikazzjoni koerenti tad-dispożizzjonijiet tiegħu sakemm it-tul massimu tal-perjodu tal-protezzjoni temporanja għall-persuni spostati mill-Ukrajna jibqa’ mhux magħruf, il-Kummissjoni tqis li, sabiex titnaqqas kwalunkwe inċertezza legali, l-użu tal-kodiċijiet temporanji speċjali tal-Unjoni “95.01” u “99.01” maħruġin f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/1280 jenħtieġ li ma jibqax jiġi kkomplementat bil-frażi “(skadenza massima 6.3.2025)”.

Filwaqt li d-data massima ta’ skadenza s’issa ġiet indikata fuq id-dokumenti temporanji tas-sewwieqa sabiex jiġi ffaċilitat l-infurzar, dan m’għadux aktar meħtieġ jew effettiv għal tali skopijiet. Barra minn dan, m’hemmx ir-riskju tal-possibbiltà ta’ ekwivoku minħabba li dawk il-kodiċijiet temporanji speċjali tal-Unjoni jinħarġu biss skont ir-Regolament (UE) 2022/1280, u sakemm idum japplika. (Dan huwa bla preġudizzju għall-fatt li l-validità amministrattiva ta’ dawn id-dokumenti tista’ tintemm aktar kmieni minħabba raġunijiet oħrajn, kif stabbilit fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2022/1280).

Sabiex tiġi evitata l-possibbiltà ta’ ekwivoċi fl-applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 6 tar-Regolament (UE) 2022/1280, il-Kummissjoni, għaldaqstant, tqis li l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu ggwidati mill-punti li ġejjin:

—

Iż-żieda tal-frażi “(skadenza massima 6.3.2025)” mal-kodiċijiet temporanji speċjali tal-Unjoni “95.01” u “99.01”, maħruġin f’konformità mal-Artikoli 4 u 6 rispettivament tar-Regolament (UE) 2022/1280, m’għad għandha l-ebda utilità.

—

Bl-istess mod, f’każijiet fejn din il-frażi diġà żdiedet mad-dokumenti rilevanti tas-sewwieqa, m’għandha l-ebda sinifikat legali kontinwu u, fil-fatt, m’għadhiex valida.

—

Il-validità amministrattiva tal-kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa bil-kodiċi temporanju speċjali tal-Unjoni “95.01” jew tal-istess kodiċi mmarkat fuq il-liċenzji tas-sewqan jew fuq l-attestazzjonijiet tas-sewwieqa trid tiġi interpretata fis-sens li tikkorrispondi għal kemm żmien idumu l-protezzjoni temporanja fir-rigward tal-persuni spostati mill-Ukrajna (anke jekk din testendi għal wara s-6 ta’ Marzu 2025), il-protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali tad-detentur, jew il-perjodu tal-validità tal-liċenzja tas-sewqan, skont liema minnhom jintemm l-ewwel.

—

Il-validità amministrattiva tal-liċenzji tas-sewqan bil-kodiċi temporanju speċjali tal-Unjoni “99.01” għandha tiġi interpretata fis-sens li tikkorrispondi għal kemm iddum il-protezzjoni temporanja fir-rigward tal-persuni spostati mill-Ukrajna (anke jekk din testendi għal wara s-6 ta’ Marzu 2025), jew tal-protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali tad-detentur, skont liema minnhom tintemm l-ewwel.

—

L-Istati Membri li applikaw jew waslu biex japplikaw l-Artikoli 4 u/jew 6 tar-Regolament (UE) 2022/1280 jenħtieġ li minn issa ’l quddiem jimmarkaw dawn il-kodiċijiet temporanji speċjali tal-Unjoni fuq id-dokumenti temporanji tas-sewwieqa mingħajr iż-żieda ta’ data ta’ skadenza.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2022/1280 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2022 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji, fid-dawl tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna, fir-rigward tad-dokumenti tas-sewwieqa maħruġa mill-Ukrajna f’konformità mal-leġiżlazzjoni tagħha (ĠU L 195, 22.7.2022, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/1280/oj).

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/55/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/382/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2409 tad-19 ta’ Ottubru 2023 li testendi l-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 (ĠU L, 2023/2409, 24.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2409/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1836 tal-25 ta’ Ġunju 2024 li testendi l-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 (ĠU L, 2024/1836, 3.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1836/oj).

(6)  Ara l-premessa 14 tar-Regolament (UE) 2022/1280.

(7)  Id-Direttiva (UE) 2022/2561 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għall-ġarr ta’ merkanzija jew passiġġieri (ĠU L 330, 23.12.2022, p. 46, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2561/oj).

(8)   ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2014/295/oj.

(9)  Id-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta’ prodotti jew passiġġieri, li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/914/KEE, (ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/59/oj).

(10)  Dment li l-validità amministrattiva ta’ dawk id-dokumenti ma tintemmx aktar kmieni minħabba raġunijiet oħrajn, kif stabbilit fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2022/1280. Pereżempju, il-liċenzji tas-sewqan immarkati bil-kodiċi speċjali tal-Unjoni “95.01” jista’ jkollhom data ta’ validità amministrattiva iqsar mill-perjodu tal-protezzjoni temporanja.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/988/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)