IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.1.2026
COM(2026) 49 final
2026/0028(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea waqt il-237 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fir-rigward tal-Emenda prevista għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna:
(i) il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni waqt il-237 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) għall-adozzjoni prevista tal-Emenda 20 għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru.
(ii) il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni wara li l-ICAO ħabbret l-adozzjoni tal-Emenda 20 għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali f’Ittri rispettivi lill-Istati, li jistiednu lill-Istati Kontraenti tagħha biex jinnotifikaw kwalunkwe differenzi jew il-konformità mal-miżuri adottati.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali
Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”) għandha l-għan li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru. Il-Konvenzjoni ta’ Chicago daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947 u stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.
L-Istati Membri kollha tal-UE huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago.
2.2.L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali
L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali hi aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti. L-għanijiet u l-objettivi tal-Organizzazzjoni huma li tiżviluppa l-prinċipji u t-tekniki tan-navigazzjoni internazzjonali bl-ajru u li trawwem l-ippjanar u l-iżvilupp tat-trasport internazzjonali bl-ajru.
Il-Kunsill tal-ICAO huwa korp permanenti tal-ICAO li għandu msieħba fih 36 Stat Kontraenti eletti mill-Assemblea tal-ICAO għal perjodu ta’ tliet snin. Tul il-perjodu 2025–2028, hemm sitt Stati Membri tal-UE rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO.
Il-funzjonijiet obbligatorji tal-Kunsill tal-ICAO, elenkati fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, jinkludu l-adozzjoni ta’ standards internazzjonali u prattiki rakkomandati (SARPs), iddeżinjati bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.
Skont l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kull Anness bħal dan jew kwalunkwe emenda f’Anness għandhom isiru effettivi fi żmien tliet xhur minn meta jiġu ppreżentati lill-Istati Kontraenti tal-ICAO, jew fi tmiem dak il-perjodu itwal li l-Kunsill tal-ICAO jista’ jippreskrivi, sakemm fil-frattemp ma jkunx hemm maġġoranza ta’ Stati Kontraenti tal-ICAO li jirreġistraw id-diżapprovazzjoni tagħhom.
Wara l-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri, l-Istati Kontraenti tal-ICAO iridu jikkonformaw ma’ dawk il-miżuri, jew jinnotifikaw id-diżapprovazzjoni tagħhom jew xi differenzi minn dawn il-miżuri qabel ma jidħlu fis-seħħ u jsiru vinkolanti legalment.
Skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kwalunkwe Stat li jqisha mhix prattika għalih li jikkonforma għalkollox ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali bħal dawn, jew li jikkonforma għalkollox ir-regolamenti jew il-prattiki tiegħu ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali bħal dawn, jew li jidhirlu li hemm bżonn l-adozzjoni ta’ regolamenti jew prattiki differenti f’xi aspett partikolari minn dawk stabbiliti minn standard internazzjonali, għandu jinnotifika minnufih lill-ICAO dwar id-differenzi bejn il-prattika tiegħu u dik stabbilita mill-istandard internazzjonali.
2.3.L-att previst tal-ICAO u r-relazzjoni tiegħu mar-regoli eżistenti tal-Unjoni
Waqt il-237 sessjoni tiegħu jew waqt xi sessjoni konsegwenti, il-Kunsill tal-ICAO mistenni jikkunsidra u jadotta:
–L-Emenda 20 għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Inċidenti u l-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru kif imsemmija fl-Ittra lill-Istati AN 6/1.2.2, AN 11/1.1.36-25/43, u fl-Ittra lill-Istati 8/3-23/18, tirriżulta minn deliberazzjonijiet waqt is-seba’ u t-tmien laqgħa tal-Bord tal-Investigazzjoni tal-Inċidenti (AIGP/7 u AIGP/8) u waqt it-tielet laqgħa tal-Grupp ta’ Implimentazzjoni tal-Protezzjoni tal-Informazzjoni dwar is-Sikurezza (SIP-IG/3) rispettivament, u minn deliberazzjonijiet waqt il-ħames laqgħa tal-Bord tal-Ġestjoni tas-Sikurezza (SMP/5), id-disa’ laqgħa tal-Bord tas-Sistemi tal-Inġenji tal-Ajru Ppilotati mill-Bogħod (RPASP/9) u l-ħames laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Bord tad-Disinn u l-Operazzjonijiet tal-Ajrudromi (ADOP/WG/5).
–Hi relatata mad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċidenti tal-inġenji tal-ajru, inkluż interferenzi illegali, investigazzjonijiet f’xenarji ta’ kunflitt ta’ interess (twaqqigħ ta’ inġenji tal-ajru), materjal evidenzjali, u r-rekwiżiti tar-rapportar tad-data dwar l-aċċidenti/l-inċidenti (ADREP). Ir-referenzi għall-Anness 13 jidhru fl-Emendi proposti għall-Anness 6 relatati mal-protezzjoni tar-reġistrazzjonijiet tad-data tat-titjiriet, mingħajr impatt fuq l-Anness 13. Fl-aħħar nett, din twettaq aġġornament konsegwenzjali tal-Anness 19 fir-rigward tad-definizzjoni tal-Programm tal-Istat għas-Sikurezza (SSP) u ta’ Nota relatata mas-Sistema tal-Ġbir u l-Ipproċessar tad-Data dwar is-Sikurezza (SDCPS).
–L-Emenda ta’ hawn fuq għandha l-potenzjal li tinfluwenza l-liġijiet tal-UE kif spjegat aktar fid-dettall hawn taħt.
L-Emenda prevista tkopri l-oqsma li ġejjin:
–Fir-rigward tal-aġġornament dwar interferenzi illegali u investigazzjonijiet f’xenarji ta’ kunflitt ta’ interess, l-Emenda proposta tiċċara u ssaħħaħ ir-responsabbiltajiet tal-Istat tal-Okkorrenza fl-investigazzjonijiet tal-aċċidenti tal-inġenji tal-ajru, b’mod partikolari fir-rigward tal-każijiet ta’ interferenza illegali. Meta dik l-interferenza twassal għal aċċidenti, xi Stati temmew l-investigazzjonijiet tas-sikurezza mingħajr ma ħarġu Rapport Finali, u dan jimmina l-objettivi li jiġu identifikati t-tagħlimiet biex tittejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni. L-Emenda tinkludi Nota li tiċċara dan l-obbligu, u tiżgura li l-investigazzjonijiet tas-sikurezza jitlestew irrispettivament mill-involviment ta’ atti illegali.
–Barra minn hekk, l-Emenda tindirizza kunflitti ta’ interess potenzjali li jistgħu jinqalgħu meta l-Istat tal-Okkorrenza jkun marbut ma’ att ta’ interferenza illegali, li jista’ jwassal għal dubji dwar l-imparzjalità tal-investigazzjonijiet. Biex jiġu ssalvagwardjati t-trasparenza, l-indipendenza, il-kredibbiltà u l-oġġettività, l-Istat tal-Okkorrenza hu mħeġġeġ jiddelega volontarjament investigazzjonijiet lil Stati terzi jew organizzazzjonijiet reġjonali, jew jinvolvi lill-ICAO bħala osservaturi. Din il-proposta hija dokumentata bħala gwida fl-Hemża G tal-Anness 13, bil-għan li ttejjeb il-kredibbiltà tal-investigazzjoni fejn jaf jinqalgħu kunflitti ta’ interess.
–Fir-rigward tal-bidla tal-materjal evidenzjali, hu propost li titneħħa l-kelma “disponibbli” mit-test eżistenti, peress li din tirrappreżenta pass lura fejn jidħol l-aċċess għall-materjal evidenzjali waqt l-investigazzjonijiet minn investigaturi tal-aċċidenti/inċidenti. Din tintroduċi limitazzjoni jew kundizzjoni u tista’ tiġi interpretata ħażin fir-rigward tal-kondiviżjoni tad-data sensittiva ma’ investigaturi tal-aċċidenti/inċidenti.
–Fir-rigward tat-tneħħija tar-rapport preliminari tas-sistema tar-Rapportar tad-Data tal-Aċċidenti/Inċidenti (“ADREP”), l-għan hu li jiġu simplifikati r-rekwiżiti tal-Istati għar-rapportar tal-aċċidenti u l-inċidenti lill-ICAO bħala parti mis-sistema ADREP. Barra minn hekk, hu propost li jitnaqqas ir-rekwiżit taċ-ċifra tal-massa massima għas-sottomissjoni tar-Rapporti Finali lill-ICAO minn 5 700 kg għal 2 250 kg biex jiġi allinjat mar-rekwiżiti tar-rapportar tal-ADREP u n-notifika tal-aċċidenti/inċidenti.
–Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-aġġornament tat-terminu “Programm għas-Sikurezza tal-Istat (SSP),” dan jimplika li d-definizzjoni tiegħu fl-Anness 13 trid tinbidel biex tkun tirrifletti d-definizzjoni l-ġdida. Il-proposta timmodifika wkoll il-kontenut tan-Nota għat-Taqsima 8.1 tal-Anness 13 billi tintroduċi t-terminu “Sistema tal-Ġbir u l-Ipproċessar tad-Data dwar is-Sikurezza (SDCPS)”. Fiż-żewġ każijiet, il-proposta hi maħsuba biex tiżgura l-konsistenza tal-Anness 13 ma’ Annessi oħra tal-ICAO.
L-Emenda, jekk tiġi adottata, hi prevista li tibda tapplika mit-23 ta’ Novembru 2028, għajr id-dispożizzjonijiet relatati mad-definizzjonijiet tal-Programm tal-Istat għas-Sikurezza (SSP) u man-Nota dwar is-Sistema tal-Ġbir u l-Ipproċessar tad-Data dwar is-Sikurezza (SDCPS), li huma previsti jibdew japplikaw mis-26 ta’ Novembru 2026.
Filwaqt li wħud mill-emendi proposti jikkorrispondu għal partijiet tal-Anness 13 tal-ICAO li ma kinux ġew introdotti fir-Regolament (UE) Nru 996/2010, il-bqija diġà huma inkorporati fir-Regolament (UE) Nru 996/2010 u jekk jiġu adottati kif propost, mhuwiex probabbli li jsiru bidliet fil-liġijiet tal-Unjoni bis-saħħa tal-Emenda. Madankollu, ladarba tiġi adottata l-Emenda xorta se jkollha ssir valutazzjoni bir-reqqa, inkluż valutazzjoni tal-ħtieġa li jiġu notifikati d-differenzi.
Il-valutazzjoni ta’ hawn fuq tħejjiet abbażi ta’ kontribut mogħti min-Network Ewropew ta’ Awtoritajiet tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza fis-Settur tal-Avjazzjoni Ċivili (ENCASIA). In-Network hu stabbilit bl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 u hu magħmul mill-kapijiet tal-Awtoritajiet tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza ta’ kull Stat Membru u/jew, fil-każ ta’ awtorità multimodali, mill-kap tal-fergħa tal-avjazzjoni tagħha, jew mir-rappreżentanti tagħhom. L-ENCASIA hu obbligat, fost l-oħrajn, li jħejji suġġerimenti u jagħti pariri lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni dwar kull aspett tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki u tar-regoli tal-Unjoni relatati mal-investigazzjonijiet tas-sikurezza u l-prevenzjoni tal-aċċidenti u tal-inċidenti.
3.Pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni
3.1.L-Emenda proposta u r-relazzjoni tagħha mar-regoli eżistenti tal-Unjoni
L-Emenda 20 għall-Anness 13
L-Emenda proposta kif imsemmija fl-Ittra lill-Istati AN 6/1.2.2, AN 11/1.1.36-25/43 u l-Ittra lill-Istati AN 8/3-23/18 tkopri d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 996/2010.
Is-suġġett tal-Emendi previsti hu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni skont l-aħħar parti tal-Artikolu 3(2) tat-TFUE.
L-Emenda proposta tikkontribwixxi biex titjieb is-sikurezza tal-avjazzjoni billi tiżgura livell għoli ta’ effiċjenza, ħeffa u kwalità fl-investigazzjonijiet tas-sikurezza fis-settur tal-avjazzjoni ċivili, li l-uniku objettiv tagħhom hu l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti futuri mingħajr ma jixħtu tort jew responsabbiltà. L-Unjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ investigazzjonijiet aħjar tal-aċċidenti u tal-inċidenti, inkluż il-kjarifika u t-tisħiħ tar-responsabbiltajiet tal-Istat tal-Okkorrenza fl-investigazzjonijiet tal-aċċidenti tal-inġenji tal-ajru, b’mod partikolari fir-rigward tal-każijiet ta’ interferenza illegali, kjarifika tal-materjal evidenzjali, simplifikazzjonijiet tar-rapportar lill-ADREP, tnaqqis fil-limitu tal-massa għas-sottomissjoni tar-rapporti finali tal-aċċidenti lill-ICAO, u definizzjoni ġdida tal-Programm tal-Istat għas-Sikurezza billi jiġu introdotti bidliet fl-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Inċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru.
L-Emendi proposti għandhom l-għan li jindirizzaw diversi objettivi distinti: Huma maħsuba biex jiċċaraw ir-responsabbiltà tal-Istati li jlestu l-investigazzjonijiet tas-sikurezza u li jippubblikaw ir-Rapporti Finali anke meta tkun involuta interferenza illegali, u b’hekk itejbu s-sikurezza tal-avjazzjoni billi jipprevjenu li l-investigazzjonijiet jintemmu qabel iż-żmien. Dawn jindirizzaw ukoll kunflitti ta’ interess potenzjali billi jissuġġerixxu li l-Istati jiddelegaw l-investigazzjonijiet lil entitajiet terzi biex jiżguraw l-imparzjalità u t-trasparenza. Barra minn hekk, din hi maħsuba biex ittejjeb l-aċċess tal-investigaturi għad-data meħtieġa mingħajr limitazzjonijiet. It-tneħħija tar-rapport preliminari tal-ADREP u t-tnaqqis fil-limiti massimi tal-massa għar-rapportar lill-ICAO għandhom l-għan li jissimplifikaw il-proċeduri u jiżguraw ġbir tad-data aktar komprensiv. Fl-aħħar nett, l-aġġornamenti tat-terminoloġija bħal “Programm tal-Istat għas-Sikurezza” u l-introduzzjoni ta’ “Sistema tal-Ġbir u l-Ipproċessar tad-Data dwar is-Sikurezza” jistinkaw biex iżommu l-konsistenza fl-Annessi tal-ICAO.
Il-qafas leġiżlattiv attwali tal-UE, jiġifieri r-Regolament (UE) Nru 996/2010, jinnota li jenħtieġ li jitqies b’mod partikolari l-Anness 13 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u l-Emendi sussegwenti tagħha, li jistabbilixxu standards internazzjonali u prattiki rakkomandati għall-investigazzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti tal-inġenji tal-ajru. M’hemm l-ebda ħtieġa perċepita li jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 jew li jiġi adottat xi att leġiżlattiv ġdid.
Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE u tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) bħala membri u osservaturi tal-WG7 tal-ENCASIA, responsabbli għall-koordinazzjoni tal-fehmiet tal-Awtoritajiet tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza (SIAs) fir-rigward tal-Ittri lill-Istati tal-ICAO relatati mal-investigazzjonijiet tas-sikurezza, ikkontribwew għall-iżvilupp tal-proposta relatata mal-Emenda 20.
Il-pożizzjoni proposta li trid tittieħed f’isem l-Unjoni imbagħad tkun li tiġi appoġġata din l-Emenda.
Għalhekk, il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni, diment li l-Kunsill tal-ICAO jadotta l-Emenda 20 proposta għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru mingħajr bidliet sostanzjali, jenħtieġ li tkun li ma tiġix notifikata diżapprovazzjoni iżda li jkun hemm konformità mal-miżuri adottati bi tweġiba għall-Ittra rispettiva lill-Istati tal-ICAO. Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddevja mill-Istandards tal-ICAO li jkun għadhom kif ġew adottati wara data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk l-Istandards, il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar id-differenzi ma’ dawk l-Istandards partikolari jenħtieġ li tiġi notifikata lill-ICAO mill-Istati Membri, abbażi ta’ dokument preparatorju ppreżentat fi żmien xieraq mill-Kummissjoni lill-Kunsill għal diskussjoni u approvazzjoni, li jistabbilixxi d-differenzi dettaljati għaż-żmien meħtieġ biex titlesta l-implimentazzjoni.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni tkunx membru tal-korp jew parti għall-ftehim.
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll strumenti li m’għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”. Kif spjegat hawn fuq, is-sustanza tal-Emenda proposta tinsab f’qasam li fih hemm liġi tal-Unjoni (jiġifieri r-Regolament (UE) Nru 996/2010).
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
Il-Kunsill tal-ICAO hu korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“Il-Konvenzjoni ta’ Chicago”).
F’konformità mal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jadotta Standards u Prattiki Rakkomandati internazzjonali, iddeżinjati bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Dawn huma atti li għandhom effetti legali. Fil-fatt, ladarba jiġu adottati u jsiru effettivi, l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati adottati mill-ICAO huma vinkolanti għall-Istati Kontraenti kollha tal-ICAO skont l-Artikolu 90(a) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li jipprevedi li: “L-adozzjoni mill-Kunsill tal-Annessi deskritti fl-Artikolu 54, is-subparagrafu I), għandha teħtieġ il-vot ta’ żewġ terzi tal-Kunsill waqt laqgħa msejħa għal dak il-għan u għandha mbagħad tiġi sottomessa mill-Kunsill lil kull Stat Kontraenti. Kwalunkwe tali Anness jew kwalunkwe emenda għal Anness għandhom isiru effettivi fi żmien tliet xhur minn meta tiġi ppreżentata lill-Istati Kontraenti, jew fl-aħħar ta’ tali perjodu itwal li l-Kunsill jista’ jippreskrivi, sakemm sadanittant ma jkunx hemm maġġoranza ta’ Stati Kontraenti li jirreġistraw id-diżapprovazzjoni tagħhom mal-Kunsill.” Kif spjegat hawn fuq, l-Emenda prevista għall-Anness 13 tista’ tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Jiġifieri, l-Emenda toħloq il-bżonn ta’ adattament tal-proċeduri operaturi attwali tal-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza regolati bir-Regolament (UE) Nru 996/2010.
L-atti previsti ma jissupplimentawx jew ma jemendawx il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.
Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għall-pożizzjoni tad-deċiżjoni proposta fir-rigward ta’ dawk in-notifiki hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi qabelxejn fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att adottat għandhom x’jaqsmu mal-politika komuni tat-trasport.
Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 100(2) tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi legali tad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta hi l-Artikolu 100(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2026/0028 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea waqt il-237 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fir-rigward tal-Emenda prevista għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni”) li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Din stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).
(2)L-Istati Membri huma Stati Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO. Hemm sitt Stati Membri rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO.
(3)Skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jista’ jadotta Standards u Prattiki Rakkomandati (“SARPs”) internazzjonali, u jiddeżinjahom bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.
(4)Il-Kunsill tal-ICAO, waqt il-237 sessjoni tiegħu, għandu jadotta l-Emenda 20 għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.
(5)L-iskop ewlieni tal-Emenda 20 għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru tal-Konvenzjoni ta’ Chicago hu li ttejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni billi tiżgura livell għoli ta’ effiċjenza, ħeffa u kwalità tal-investigazzjonijiet tas-sikurezza fis-settur tal-avjazzjoni ċivili.
(6)Il-bidliet proposti għandhom l-għan li jilħqu dawn l-objettivi billi jiċċaraw ir-responsabbiltà tal-Istati li jlestu l-investigazzjonijiet tas-sikurezza u jippubblikaw Rapporti Finali, anke f’każijiet ta’ interferenza illegali, u b’hekk jipprevjenu t-terminazzjoni qabel iż-żmien tal-investigazzjonijiet. Dawn jindirizzaw ukoll kunflitti ta’ interess potenzjali billi jissuġġerixxu li l-investigazzjonijiet jiġu delegati lil entitajiet terzi biex jiżguraw l-imparzjalità u t-trasparenza. L-Emendi jtejbu wkoll l-aċċess tal-investigaturi għad-data billi jneħħu l-limitazzjonijiet. Barra minn hekk, dawn jissimplifikaw il-proċeduri għas-sottomissjoni tar-rapporti lill-ICAO billi jneħħu r-rekwiżit ta’ rapport “ADREP” preliminari, u jbaxxu l-limiti massimi tal-massa tal-inġenji tal-ajru għas-sottomissjoni tar-Rapporti Finali lill-ICAO. Fl-aħħar nett, dawn jaġġornaw it-terminoloġiji biex jiżguraw il-konsistenza fl-Annessi tal-ICAO.
(7) In-Network Ewropew tal-Awtoritajiet tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni Ċivili (ENCASIA) stabbilit bl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 996/2010, li hu obbligat jagħti pariri lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni dwar l-aspetti kollha tal-iżvilupp u tal-implimentazzjoni tal-politiki u r-regoli tal-Unjoni relatati mal-investigazzjonijiet tas-sikurezza u mal-prevenzjoni tal-aċċidenti u tal-inċidenti, ikkontribwixxa għall-iżvilupp tal-proposta relatata mal-Emenda 20.
(8)Jixraq tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-ICAO peress li l-Emenda 20 għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru tal-Konvenzjoni ta’ Chicago se tkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 90(a) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u kapaċi tinfluwenza b’mod deċiżiv il-liġijiet tal-UE, b’mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 996/2010.
(9)Il-pożizzjoni tal-Unjoni waqt il-237 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO jew waqt sessjoni konsegwenti b’rabta mal-adozzjoni tal-Emenda 20 prevista għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru tal-Konvenzjoni ta’ Chicago jenħtieġ li tkun li tappoġġa u tikkonforma ma’ dawn l-Emendi fl-intier tagħhom.
(10)Skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kwalunkwe Stat li jqisha mhix prattika għalih li jikkonforma għalkollox ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali bħal dawn, jew li jikkonforma għalkollox ir-regolamenti jew il-prattiki tiegħu ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali bħal dawn, jew li jidhirlu li hemm bżonn l-adozzjoni ta’ regolamenti jew prattiki differenti f’xi aspett partikolari minn dawk stabbiliti minn standard internazzjonali, għandu jinnotifika minnufih lill-ICAO dwar id-differenzi bejn il-prattika tiegħu u dik stabbilita mill-istandard internazzjonali.
(11)Skont l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kull Anness bħal dan jew kwalunkwe emenda f’Anness għandhom isiru effettivi fi żmien tliet xhur minn meta jiġu ppreżentati lill-Istati Kontraenti tal-ICAO, jew fi tmiem dak il-perjodu itwal li l-Kunsill tal-ICAO jista’ jippreskrivi, sakemm fil-frattemp ma jkunx hemm maġġoranza ta’ Stati Kontraenti tal-ICAO li jirreġistraw id-diżapprovazzjoni tagħhom.
(12)Il-pożizzjoni tal-Unjoni wara l-adozzjoni tal-Emenda 20 għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru tal-Konvenzjoni ta’ Chicago mill-Kunsill tal-ICAO, li jrid iħabbar is-Segretarju Ġenerali tal-ICAO bil-proċedura tal-Ittra lill-Istati tal-ICAO, jenħtieġ li tkun li ma tirreġistrax diżapprovazzjoni u li tikkonforma mal-Emendi. Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddevja mis-SARPs li jkun għadhom kemm ġew adottati wara data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk is-SARPs, jenħtieġ li differenza minn dawk is-SARPs partikolari tiġi notifikata lill-ICAO. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ differenza bħal dik jenħtieġ li tkun ibbażata fuq dokument bil-miktub ippreżentat mill-Kummissjoni lill-Kunsill għal diskussjoni u approvazzjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
(1)Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni waqt il-237 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO jew waqt sessjoni konsegwenti għandha tkun li tappoġġa l-Emenda proposta għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru tal-Konvenzjoni ta’ Chicago fl-intier tagħha.
(2)Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni, diment li l-Kunsill tal-ICAO jadotta l-Emenda proposta għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru tal-Konvenzjoni ta’ Chicago imsemmija fil-paragrafu 1 mingħajr bidliet sostanzjali, għandha tkun li ma tiġix irreġistrata diżapprovazzjoni u li tiġi notifikata konformità mal-miżuri adottati bi tweġiba għall-Ittra rispettiva tal-ICAO lill-Istati. Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddevja mill-istandards internazzjonali li jkun għadhom kif ġew adottati wara d-data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk l-istandards, differenza minn dawk l-istandards internazzjonali partikolari għandha tiġi notifikata lill-ICAO, f’konformità mal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.
Jekk il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun differenti mill-istandards fl-Anness 13 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kummissjoni għandha, fi żmien xieraq u mqar xahrejn qabel skadenza stabbilita mill-ICAO għan-notifika tad-differenzi, tippreżenta dokument preparatorju lill-Kunsill għal diskussjoni u approvazzjoni, li jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar id-differenzi dettaljati li jkunu se jiġu notifikati mill-Istati Membri f’isem l-Unjoni lill-ICAO.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President