|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2043 |
13.10.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2043
tal-10 ta’ Ottubru 2025
dwar l-istruttura, id-dettalji tekniċi u l-proċess għall-preżentazzjoni tal-evidenza dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima u l-effetti ta’ legat fuq il-ħamrija organika skont ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13b(10) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2018/841 jipprovdi lill-Istati Membri b’aċċess għal kumpens għal emissjonijiet eċċessivi speċifiċi u tnaqqis tal-assorbimenti. F’konformità ma’ dak ir-Regolament, tali emissjonijiet u assorbimenti jeħtieġ li jkunu attribwibbli, jew għall-impatt fit-tul tat-tibdil fil-klima li jirriżulta f’emissjonijiet eċċessivi jew fi bjar li qed jonqsu li ma jkunux fil-kontroll tal-Istati Membri u li ma jikkwalifikawx bħala disturbi naturali, jew għall-effetti ta’ legat tal-prattiki ta’ ġestjoni tal-imgħoddi fl-Istati Membri bi proporzjon eċċezzjonalment għoli ta’ ħamrija organika fiż-żona tal-art ġestita tagħhom. |
|
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 13b(8) tar-Regolament (UE) 2018/841, l-aridità trid titqies bħala karatteristika ambjentali għall-identifikazzjoni taż-żoni affettwati mill-impatti fit-tul tat-tibdil fil-klima. Għalhekk jixraq li wieħed jibbaża fuq l-indiċi tal-aridità sabiex jiġu analizzati l-bidliet fil-proporzjon bejn il-ħtiġijiet tal-ilma u d-disponibbiltà tal-ilma fuq perjodi twal ta’ żmien. Id-distribuzzjoni ġeografika tal-bijomi u l-produttività tal-art ġestita huma intrinsikament marbuta mal-aridità. Peress li l-indiċi tal-aridità jinkludi l-varjabbli ewlenin tal-preċipitazzjoni u l-evapotraspirazzjoni potenzjali u huwa insensittiv għall-impatti lokali tal-attività tal-bniedem, huwa mezz affidabbli biex jiġu analizzati l-bidliet fil-proporzjon bejn il-ħtiġijiet tal-ilma u d-disponibbiltà tal-ilma fuq perjodi twal ta’ żmien. |
|
(3) |
Iż-żoni li l-klassi ta’ aridità tagħhom inbidlet minn umdużi jew subumdużi nexfin għal semiaridi, aridi jew iperaridi kif deskritt fil-Konvenzjoni tan-NU għall-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni, jew iż-żoni kklassifikati bħala semiaridi, aridi jew iperaridi li l-indiċi tal-aridità rispettiv tagħhom naqas, qed jiffaċċjaw restrizzjonijiet ikkawżati mill-iskarsezza tal-ilma. Iż-żieda fl-iskarsezza tal-ilma tista’ tirriżulta f’bidliet ikkaratterizzati minn kopertura tal-veġetazzjoni inqas densa, karbonju organiku baxx fil-ħamrija, struttura fqira tal-ħamrija, tnaqqis fil-bijodiversità tal-ħamrija, u rata għolja ta’ erożjoni tal-ħamrija. Dawn l-iżviluppi jnaqqsu kemm il-potenzjal tas-sekwestru tal-karbonju tal-art kif ukoll ir-reżiljenza klimatika tagħha. Għalhekk jenħtieġ li żona li għaddiet minn tali bidla titqies bħala żona affettwata mill-impatt fit-tul tat-tibdil fil-klima. |
|
(4) |
Sabiex tkun tista’ tintuża data potenzjalment ta’ kwalità ogħla appoġġata mill-komunità xjentifika, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jużaw indiċijiet għajr l-indiċi tal-aridità għad-determinazzjoni taż-żoni affettwati mill-impatt fit-tul tat-tibdil fil-klima diment li juru r-rabta bejn l-impatti fit-tul tat-tibdil fil-klima u l-kapaċità mnaqqsa tas-sekwestru tal-karbonju. |
|
(5) |
Hija prattika komuni fil-komunità xjentifika li l-okkorrenza ta’ fenomeni naturali li huma ugwali għal jew li jaqbżu l-85 perċentil ta’ distribuzzjoni tiġi deskritta bħala eċċezzjonali. Għalhekk, jixraq li l-proporzjon ta’ ħamrija organika fiż-żona tal-art ġestita ta’ Stat Membru jitqies bħala eċċezzjonalment għoli meta pparagunat mal-medja tal-Unjoni, meta jkun ugwali għal jew ogħla mill-85 perċentil tad-distribuzzjoni tal-frekwenza ta’ tali proporzjonijiet tal-Istati Membri kollha. |
|
(6) |
L-effetti ta’ legat tal-prattiki tal-ġestjoni tal-imgħoddi fuq il-ħamrija organika, bħall-iskular jew l-afforestazzjoni fuq it-torbieri, jistgħu jaċċelleraw id-degradazzjoni tal-ħamrija organika u, għaldaqstant, jiġġeneraw emissjonijiet tal-ħamrija fit-tul, li jwasslu għal ekosistemi inqas reżiljenti. Għalhekk, iż-żoni li juru impatti negattivi ta’ tali prattiki tal-ġestjoni tal-imgħoddi jenħtieġ li jitqiesu wkoll bħala żoni affettwati mill-effetti ta’ legat. |
|
(7) |
Sabiex ma jiġux imminati l-integrità tar-Regolament (UE) 2018/841 u l-isforzi tal-Istati Membri biex jilħqu l-miri tal-2030 stabbiliti f’dak ir-Regolament, l-Istati Membri li jfittxu li jagħmlu użu mill-kumpens addizzjonali previst f’dak ir-Regolament jenħtieġ li jippreżentaw evidenza tal-azzjoni li ħadu biex itejbu l-prestazzjoni klimatika fiż-żoni affettwati, kemm f’termini ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima kif ukoll f’termini ta’ reżiljenza għaliha. Tali miżuri ta’ politika huma prerekwiżit għall-użu tal-mekkaniżmu ta’ flessibbiltà. Fil-każ ta’ effetti fit-tul tat-tibdil fil-klima, l-isforzi tal-Istat Membru kkonċernat jenħtieġ li għalhekk jinkludu prattiki u teknoloġiji tal-ġestjoni sostenibbli tal-art, u fil-każ tal-effetti ta’ legat tal-prattiki tal-ġestjoni tal-imgħoddi fuq il-ħamrija organika, jenħtieġ li l-isforzi jinkludu l-ġestjoni tal-livell tal-wiċċ tal-ilma ta’ taħt l-art jew prattiki tal-ġestjoni ekwivalenti li jimminimizzaw l-impatti negattivi tal-effetti ta’ legat, filwaqt li titqies ir-reżiljenza taż-żoni affettwati. |
|
(8) |
Sabiex tiġi pprovduta evidenza ta’ emissjonijiet eċċessivi u tat-tnaqqis tal-assorbimenti, jixraq li jintuża paragun. Sabiex jinftiehem il-kobor, f’termini ta’ tunnellati ta’ ekwivalenti ta’ CO2, tal-effetti fit-tul tat-tibdil fil-klima jew tal-effetti ta’ legat tal-prattiki tal-ġestjoni tal-imgħoddi fuq il-ħamrija organika, iż-żona affettwata jenħtieġ li tiġi pparagunata ma’ żona mhux affettwata tal-istess karatteristiċi ewlenin, bħad-daqs, l-użu tal-art, il-klima, il-konfigurazzjoni tat-terren u t-tip ta’ ħamrija. |
|
(9) |
Peress li kemm l-effetti fit-tul tat-tibdil fil-klima kif ukoll l-effetti ta’ legat tal-prattiki tal-ġestjoni tal-imgħoddi fuq il-ħamrija organika jirrikjedu treġġigħ lura tax-xejriet negattivi fuq l-assorbimenti bbażati fuq l-art, jixraq li tiġi ppreżentata evidenza ta’ tali sforzi fil-bidu tal-perjodu ta’ konformità tal-2026-2030. |
|
(10) |
Sabiex jiġi żgurat l-allinjament mal-preżentazzjonijiet tal-inventarju tal-gassijiet serra meħtieġa skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), id-data li tintuża biex tiġi pprovduta evidenza għall-ammont ta’ kumpens għall-emissjonijiet eċċessivi u għat-tnaqqis tal-assorbimenti jenħtieġ li tikkonforma mal-istandards ta’ trasparenza, akkuratezza, konsistenza, paragunabbiltà u kompletezza applikati għar-rieżamijiet tal-inventarju tal-gassijiet serra mwettqa f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dak ir-Regolament. |
|
(11) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“indiċi tal-aridità” tfisser il-proporzjon bejn il-preċipitazzjoni u l-evapotraspirazzjoni potenzjali; |
|
(2) |
“klassi tal-aridità” tfisser kwalunkwe waħda mill-kategoriji li ġejjin li fihom iż-żoni huma kklassifikati skont l-indiċi tal-aridità:
|
|
(3) |
“ħamrija organika” tfisser ħamrija li tissodisfa jew id-definizzjoni bbażata fuq standards nazzjonali approvati, użata għar-rapportar skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC, United Nations Framework Convention on Climate Change), jew, fejn ma jkunx hemm tali standards, bl-użu tal-kriterji elenkati fil-Linji Gwida tal-2006 tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC, Intergovernmental Panel on Climate Change) (l-Anness 3 A.5. Klassifikazzjonijiet prestabbiliti tal-klima u tal-ħamrija, il-Kapitolu 3 fil-Volum 4). |
Artikolu 2
Evidenza rigward żoni affettwati mill-impatt fit-tul tat-tibdil fil-klima
1. L-Istati Membri għandhom jidentifikaw, b’mod ġeografikament espliċitu, iż-żoni affettwati mill-impatt fit-tul tat-tibdil fil-klima.
2. L-evidenza li tikkorrobora l-identikazzjoni taż-żoni affettwati mill-impatt fit-tul tat-tibdil fil-klima msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ibbażata fuq l-indiċi tal-aridità. Żona li l-klassi tal-aridità tagħhatkun inbidlet minn umduża jew subumduża niexfa għal semiarida, arida jew iperarida, jew żona kklassifikata bħala semiarida, arida jew iperarida bi tnaqqis fl-indiċi rispettiv tal-aridità tagħha, għandha titqies bħala żona affettwata mill-impatt fit-tul tat-tibdil fil-klima.
3. Meta jkun debitament ġustifikat, l-Istati Membri jistgħu jibbażaw l-evidenza tal-impatt fit-tul tat-tibdil fil-klima fuq indiċijiet oħra għajr l-indiċi tal-aridità. Dawk l-indiċijiet l-oħra għandhom juru r-rabta bejn l-impatti fit-tul tat-tibdil fil-klima u l-kapaċità mnaqqsa tas-sekwestru tal-karbonju fiż-żona affettwata.
4. Id-data li tintuża biex jintwera l-impatt fit-tul tat-tibdil fil-klima għandha tirriżulta minn servizzi meteoroloġiċi uffiċjali, mill-awtoritajiet jew minn korpi xjentifiċi, u għandha tkun disponibbli fl-Unjoni kollha.
5. Ir-riżultat tal-analiżi tal-impatt fit-tul tat-tibdil fil-klima għandu juri bidliet rilevanti fil-klassijiet tal-aridità, billi tiġi pparagunata is-serje temporali ta’ mill-inqas 20 sena konsekuttivi fil-perjodu mill-inqas mill-2001 sa tmiem l-2025.
6. L-evidenza msemmija fil-paragrafi 2 sa 5 għandha tkun verifikabbli u għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:
|
(a) |
il-metodu li jintuża, id-data tal-input li tintuża u l-eżitu tal-identifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1; |
|
(b) |
deskrizzjoni tal-isforzi biex titreġġa’ lura x-xejra ta’ emissjonijiet eċċessivi jew bjar li qed jonqsu ġġenerati fiż-żoni identifikati skont il-paragrafu 1. |
Artikolu 3
Evidenza rigward l-effetti ta’ legat fil-ħamrija organika fl-Istati Membri bi proporzjon eċċezzjonalment għoli ta’ ħamrija organika
1. Il-livell limitu għad-determinazzjoni tal-proporzjon eċċezzjonalment għoli ta’ ħamrija organika, ipparagunat mal-medja tal-Unjoni, għandu jkun il-85 perċentil tad-distribuzzjoni tal-frekwenza tal-proporzjonijiet tal-ħamrija organika pparagunat mat-total taż-żona tal-art ġestita f’kull Stat Membru. Id-data li tiddetermina l-proporzjon ta’ ħamrija organika fiż-żona tal-art ġestita hija stabbilita fl-Anness.
2. L-Istati Membri bi proporzjon eċċezzjonalment għoli ta’ ħamrija organika ddeterminat skont il-paragrafu 1 għandhom jidentifikaw, b’mod ġeografikament espliċitu, iż-żoni affettwati mill-effetti ta’ legat tal-prattiki tal-ġestjoni tal-imgħoddi li seħħew qabel l-2013.
3. L-evidenza li tikkorrobora l-identifikazzjoni taż-żoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun verifikabbli u għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:
|
(a) |
il-metodu li jintuża, id-data tal-input li tintuża u l-eżitu tal-identifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2; |
|
(b) |
deskrizzjoni tal-prattiki tal-ġestjoni tal-imgħoddi msemmija fil-paragrafu 2, inkluż il-perjodu ta’ żmien tal-applikazzjoni tagħhom, akkumpanjata minn evidenza li turi l-okkorrenza tagħhom; |
|
(c) |
deskrizzjoni tal-isforzi biex titreġġa’ lura x-xejra ta’ emissjonijiet eċċessivi ġġenerati fiż-żoni identifikati skont il-paragrafu 2. |
Artikolu 4
Evidenza tal-emissjonijiet eċċessivi u tat-tnaqqis tal-assorbimenti
1. L-evidenza tal-emissjonijiet eċċessivi u tat-tnaqqis tal-assorbimenti pprovduta mill-Istati Membri għandha tkun verifikabbli.
2. Għaż-żoni identifikati skont l-Artikolu 2(1), l-evidenza msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun ibbażata fuq id-differenza tat-total tal-emissjonijiet u tat-total tal-assorbimenti ġġenerati matul il-perjodu 2026-2030 f’dawk iż-żoni, ipparagunata mat-total tal-emissjonijiet u mat-total tal-assorbimenti ġġenerati matul dak l-istess perjodu f’żona ta’ dak l-Istat Membru b’tip ta’ klima u ta’ ħamrija simili u b’kategoriji tar-rapportar tal-art bl-istess prattiki tal-ġestjoni, u li ma ġietx identifikata f’konformità mal-Artikolu 2(1). Dak il-paragun jista’ jitwettaq ukoll fl-istess żona, bl-istess prattiki tal-ġestjoni, f’perjodu storiku wara l-1990 li matulu dik iż-żona ma tikkwalifikax bħala żona affettwata mill-impatt fit-tul tat-tibdil fil-klima f’konformità mal-Artikolu 2(1).
3. Għaż-żoni identifikati skont l-Artikolu 3(2), l-evidenza msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun ibbażata fuq id-differenza tat-total tal-emissjonijiet u tat-total tal-assorbimenti ġġenerati matul il-perjodu 2026-2030 f’dawk iż-żoni, ipparagunata mat-total tal-emissjonijiet u mat-total tal-assorbimenti ġġenerati matul dak l-istess perjodu f’żona ta’ dak l-Istat Membru b’tip ta’ klima u ta’ ħamrija simili u b’kategoriji tar-rapportar tal-art simili, u li ma tikkwalifikax bħala affettwata f’konformità mal-Artikolu 3(2).
Artikolu 5
Proċess għall-preżentazzjoni tal-evidenza
1. L-Istati Membri li biħsiebhom jagħmlu użu mill-kumpens għall-emissjonijiet eċċessivi jew għat-tnaqqis tal-assorbimenti, għandhom jippreżentaw it-talba għal dak l-għan lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Novembru 2026. It-talba għandha tinkludi l-evidenza stabbilita fl-Artikolu 2 jew fl-Artikolu 3, kif applikabbli.
2. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati dwar l-eżitu tal-verifika tat-talba mhux iktar tard minn 3 xhur wara li tirċievi talba kompluta.
3. Wara l-eżitu tal-verifika msemmija fil-paragrafu 2, u mhux iktar tard mill-15 ta’ Jannar 2032, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta lill-Kummissjoni l-evidenza stabbilita fl-Artikolu 4, inkluż deskrizzjoni tal-metodi li ntużaw.
4. Sal-31 ta’ Mejju 2027, u kull sena minn hemm ’il quddiem, l-Istat Membru kkonċernat għandu jaġġorna l-evidenza msemmija fl-Artikolu 2(6), il-punt (b), jew fl-Artikolu 3(3), il-punt (c), kif applikabbli, inkluż dwar il-progress li jkun sar lejn it-titjib tal-kapaċità tas-sekwestru tal-karbonju u tar-reżiljenza klimatika.
5. L-evidenza stabbilita fl-Artikoli 2, 3 u 4 għandha tkun trasparenti, akkurata, konsistenti, paragunabbli u kompluta.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ottubru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 156, 19.6.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/841/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1999/oj).
ANNESS
Perċentil tal-proporzjon tal-ħamrija organika fiż-żona tal-art ġestita tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 3(1)
|
|
Ħamrija organika totali (ettari) |
Żona tal-art ġestita (ettari) |
Perċentil tal-proporzjon tal-ħamrija organika fiż-żona tal-art ġestita fid-distribuzzjoni tal-frekwenza |
|
L-Awstrija |
35 193 |
8 387 000 |
62 |
|
Il-Belġju |
2 720 |
3 068 918 |
42 |
|
Il-Bulgarija |
3 201 |
11 100 190 |
23 |
|
Il-Kroazja |
2 685 |
5 659 400 |
27 |
|
Ċipru |
0 |
601 818 |
0 |
|
Iċ-Ċekja |
20 816 |
7 886 922 |
58 |
|
Id-Danimarka |
163 353 |
4 196 384 |
65 |
|
L-Estonja |
713 246 |
4 141 134 |
88 |
|
Il-Finlandja |
12 725 643 |
27 580 372 |
100 |
|
Franza |
87 735 |
63 858 640 |
50 |
|
Il-Ġermanja |
1 730 444 |
35 790 117 |
73 |
|
Il-Greċja |
6 665 |
10 989 138 |
35 |
|
L-Ungerija |
8 224 |
8 990 089 |
46 |
|
L-Irlanda |
2 022 529 |
6 985 006 |
92 |
|
L-Italja |
24 285 |
30 133 601 |
38 |
|
Il-Latvja |
888 752 |
6 095 484 |
85 |
|
Il-Litwanja |
538 448 |
6 287 720 |
77 |
|
Il-Lussemburgu |
0 |
258 600 |
0 |
|
Malta |
0 |
22 778 |
0 |
|
In-Netherlands |
387 405 |
4 154 194 |
81 |
|
Il-Polonja |
1 362 674 |
31 393 136 |
69 |
|
Il-Portugall |
0 |
9 221 763 |
0 |
|
Ir-Rumanija |
13 197 |
22 819 121 |
31 |
|
Is-Slovakkja |
0 |
4 809 520 |
0 |
|
Is-Slovenja |
4 227 |
2 027 300 |
54 |
|
Spanja |
3 |
50 622 199 |
19 |
|
L-Iżvezja |
11 682 346 |
37 726 543 |
96 |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2043/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)