IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 5.11.2018
COM(2018) 724 final
2018/0374(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Konġunt stabbilit taħt il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni prevista tar-Regoli ta’ Proċedura għall-Kunsill Konġunt u għall-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp.
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Konġunt stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati EPA tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (“SADC,”, Southern African Development Community), min-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni prevista tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill Konġunt u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra
Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) għandu l-għan li:
(a)jikkontribwixxi għat-tnaqqis u għall-qerda tal-faqar permezz tat-twaqqif ta’ sħubija kummerċjali li tkun konsistenti mal-għan ta’ żvilupp sostenibbli, mal-MDGs u mal-Ftehim ta’ Cotonou;
(b)jippromwovi l-integrazzjoni reġjonali, il-kooperazzjoni ekonomika u l-governanza tajba biex b’hekk ikun stabbilit u implimentat qafas regolatorju reġjonali effettiv, prevedibbli u trasparenti għall-kummerċ u għall-investiment bejn il-Partijiet u fost l-Istati EPA SADC;
(c)jippromwovi l-integrazzjoni gradwali tal-Istati EPA SADC fl-ekonomija dinjija, skont l-għażliet politiċi u l-prijoritajiet ta' żvilupp tagħhom;
(d)jtejjeb il-kapaċità tal-Istati EPA SADC fil-politika kummerċjali u fi kwistjonijiet relatati mal-kummerċ;
(e)jappoġġja l-kundizzjonijiet għal żieda fl-investiment u fl-inizjattivi tas-settur privat, u jtejjeb il-kapaċità għall-forniment, il-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku fl-Istati EPA SADC; u
(f)jsaħħaħ ir-relazzjonijiet eżistenti bejn il-Partijiet fuq il-bażi tas-solidarjetà u tal-interess reċiproku.
Il-Ftehim jiġi applikat b’mod proviżorju bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Botswana, il-Lesoto, in-Namibja, l-Eswatini u l-Afrika t’Isfel, min-naħa l-oħra, mill-10 ta’ Ottubru 2016, u bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Mozambique, min-naħa l-oħra, mill-4 ta’ Frar 2018.
2.2.Il-Kunsill Konġunt
L-Artikolu 100 tal-Ftehim jistabbilixxi Kunsill Konġunt u jipprevedi li huwa “għandu jissorvelja u jamministra l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim”.
L-Artikolu 101 tal-Ftehim jipprevedi li l-Kunsill Konġunt għandu jkun magħmul, minn naħa, mill-membri tal-Kunsill tal-UE u l-membri rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea jew mir-rappreżentanti tagħhom, u, min-naħa l-oħra, mill-Ministri tal-Istati EPA SADC jew mir-rappreżentanti tagħhom. Il-funzjonijiet tal-Kunsill Konġunt jinkludu li jiġu stabbiliti r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess u r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp.
L-Artikolu 102 tal-Ftehim jipprevedi li l-Kunsill Konġunt jadotta deċiżjonijiet b’kunsens u li dawk id-deċiżjonijiet għandhom ikunu vinkolanti fuq il-Partijiet.
2.3.L-att previst tal-Kunsill Konġunt
Matul l-ewwel laqgħa tiegħu, il-Kunsill Konġunt irid jadotta deċiżjoni dwar ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill Konġunt u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp (“l-att previst”).
L-għan tal-att previst huwa li jistabbilixxi r-regoli dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Kunsill Konġunt u tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp.
3.Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni
Din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Konġunt stabbilit permezz tal-EPA SADC tal-UE fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill Konġunt u tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp.
Il-Partijiet fil-Ftehim ddiskutew dawn ir-regoli ta’ proċeduri u qablu li, soġġett għal proċeduri ta’ teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, dawn għandhom jiġu adottati fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill Konġunt li huwa previst għall-ewwel semestru tal-2019.
Is-sustanza tar-regoli ta’ proċedura mehmuża hija simili ħafna għal dik ta’ regoli ta’ proċedura ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika oħra jew ftehimiet kummerċjali oħra.
Ir-regoli ta’ proċedura huma essenzjali biex jitlesta l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim u għalhekk biex tkun żgurata l-implimentazzjoni bla xkiel tal-Ftehim.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kunsill Konġunt huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-EPA SADC tal-UE.
L-att li l-Kunsill Konġunt huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-atti previsti jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f'konformità mal-Artikolu 102(2) tal-Ftehim.
L-att previst ma jissupplimentax u ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Il-bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-għan u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tagħhom tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun identifikabbli bħala ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-għan ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.
Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ tkun l-Artikolu 207 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2018/0374 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Konġunt stabbilit taħt il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni prevista tar-Regoli ta’ Proċedura għall-Kunsill Konġunt u għall-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp.
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati EPA tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (“SADC”, Southern African Development Community), min-naħa l-oħra, ġie ffirmat mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fl-10 ta’ Ġunju 2016 (“il-Ftehim”). Dan jiġi applikat b’mod proviżorju bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Botswana, il-Lesoto, in-Namibja, l-Eswatini u l-Afrika t’Isfel, min-naħa l-oħra, mill-10 ta’ Ottubru 2016, u bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Mozambique, min-naħa l-oħra, mill-4 ta’ Frar 2018.
(2)Skont l-Artikolu 102(1) tal-Ftehim, il-Kunsill Konġunt jista’ jadotta deċiżjonijiet rigward il-kwistjonijiet kollha koperti minn dan il-Ftehim. Skont l-Artikolu 101(3)(h) u (i), il-Kunsill Konġunt jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess u r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp.
(3)Il-Kunsill Konġunt matul l-ewwel laqgħa għandu jadotta deċiżjonijiet fir-rigward tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp.
(4)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Konġunt, peress li d-deċiżjoni prevista tal-Kunsill Konġunt se tkun vinkolanti għall-Unjoni.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill Konġunt għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill Konġunt fir-rigward tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill Konġunt u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp li hija mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President