Brussell, 5.11.2018

COM(2018) 724 final

ANNESS

għal

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Konġunt stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill Konġunt u tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp.


DOKUMENT MEHMUŻ

DEĊIŻJONI Nru 1 TAL-KUNSILL KONĠUNT

ta’

dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill Konġunt u tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp

IL-KUNSILL KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), iffirmat f’Kasane, fl-10 ta’ Ġunju 2016, u b’mod partikolari l-Artikoli 100,101 u 102 tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

1.Ir-Regoli ta’ Proċedura Interni tal-Kunsill Konġunt huma stabbiliti kif stipulati fl-Anness I.

2.Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp huma stabbiliti kif stipulat fl-Anness II.

3.Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmula fi................ nhar…………………

   

Għall-Kunsill Konġunt

il-Ministru tal-Kummerċ

tar-Rappreżentant tal-UE

ANNESS I

REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUNSILL KONĠUNT

KAPITOLU I

ORGANIZZAZZJONI

Artikolu 1

Għamla u Presidenza

1.Il-Kunsill Konġunt li huwa stabbilit bl-Artikolu 100 tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) għandu jwettaq dmirijietu kif previst fl-Artikoli 100 u 101 tal-Ftehim.

2.Ir-referenza f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura għal “Partijiet” għandha tikkorrispondi mad-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 104 tal-Ftehim.

3.Kif previst fl-Artikolu 101(1) tal-Ftehim, il-Kunsill Konġunt għandu jkun magħmul, minn naħa, mill-membri rilevanti tal-Kunsill tal-UE u l-membri rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea jew mir-rappreżentanti tagħhom, u, min-naħa l-oħra, mill-Ministri rilevanti tal-Istati EPA SADC jew mir-rappreżentanti tagħhom.

4.Il-Kunsill Konġunt għandu jkun ippresjedut, fil-livell Ministerjali, b’mod alternat minn rappreżentant tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea f’isem il-Parti tal-UE, u minn rappreżentant tal-Istati EPA SADC. L-ewwel laqgħa tal-Kunsill Konġunt għandha tkun ippresjeduta b’mod konġunt mill-Partijiet.

5.Il-mandat li jikkorrispondi għall-ewwel perjodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill Konġunt u jintemm fil-31 ta’ Diċembru tal-istess sena.

Artikolu 2

Laqgħat

1.Kif previst fl-Artikolu 102(4), il-Kunsill Konġunt għandu jiltaqa’ f’intervalli regolari, li ma jeċċedux perjodu ta’ sentejn, u b'mod straordinarju kull meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu dan, jekk il-Partijiet jaqblu hekk.

2.Il-laqgħat għandhom isiru fi Brussell jew fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati tal-EPA SADC b’mod alternattiv, sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.

3.Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, il-laqgħat tal-Kunsill Konġunt għandhom jissejħu mill-Parti li jkollha l-Presidenza, wara li tikkonsulta mal-Parti l-oħra.

4.Il-Partijiet jistgħu jaqblu li jagħmlu laqgħat tal-Kunsill Konġunt permezz ta’ mezzi elettroniċi.

Artikolu 3

Osservaturi

Il-Kunsill Konġunt jista’ jiddeċiedi li jistieden osservaturi fuq bażi ad hoc u jiddetermina liema punti fl-aġenda se jkunu miftuħa għal dawk l-osservaturi.

Artikolu 4

Segretarjat

1.Il-Parti li tospita l-laqgħa tal-Kunsill Konġunt għandha taġixxi bħala s-Segretarjat.

2.Meta il-laqgħa ssir permezz ta’ mezzi elettroniċi, il-Parti li jkollha l-presidenza għandha taġixxi bħala s-Segretarjat.

KAPITOLU II

OPERAT

Artikolu 5

Dokumenti

Fejn id-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Konġunt jkunu bbażati fuq dokumenti bil-miktub ta’ appoġġ, tali dokumenti għandhom jiġu enumerati u ċċirkolati mis-Segretarjat tal-Kunsill Konġunt bħala dokumenti tal-Kunsill Konġunt.

Artikolu 6

Notifika u Aġenda għal-Laqgħat

1.Is-Segretarjat għandu jinnotifika lill-Partijiet bil-fatt li ssejħet Laqgħa u jitlob għal inputs fl-aġenda mhux aktar tard minn tletin (30) jum qabel il-laqgħa. F’każ ta’ xi kwistjoni urġenti u / jew ċirkostanzi mhux previsti biex jiġu kkunsidrati, il-laqgħa tista’ tissejjaħ fi żmien qasir.

2.Għandha titħejja aġenda provviżorja għal kull laqgħa mis-Segretarju tal-Kunsill Konġunt. Din għandha tintbagħat mis-Segretarjat lill-President u lill-membri tal-Kunsill Konġunt mhux aktar tard minn erbatax-il (14) jum qabel il-bidu tal-laqgħa.

3.L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-aspetti li fir-rigward tagħhom is-Segretarjat tal-Kunsill Konġunt ikun irċieva talba għall-inklużjoni fl-aġenda mingħand Parti.

4.L-aġenda għandha tkun adottata mill-Kunsill Konġunt fil-bidu ta’ kull laqgħa. Aspetti oħra barra minn dawk li jkunu jidhru fl-aġenda proviżorja jistgħu jiddaħħlu fl-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.

5.Il-President tal-Kunsill Konġunt jista’ jistieden, bi qbil mal-Partijiet kollha, esperti biex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti speċifiċi.

Artikolu 7

Rapport tal-Laqgħa

Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, ir-Rapport ta’ kull laqgħa għandu jiġi mfassal mis-Segretarjat tal-Kunsill Konġunt u adottat fit-tmiem ta’ kull laqgħa.

Artikolu 8

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.Kif previst fl-Artikolu 102 tal-Ftehim, il-Kunsill Konġunt għandu jadotta permezz ta' deċiżjonijiet kunsenswali jew rakkomandazzjonijiet fil-każijiet previsti fil-Ftehim.

2.Fejn il-Kunsill Konġunt ikollu s-setgħa li jadotta d-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet skont il-Ftehim, dawn l-atti jingħatalhom it-titolu ta’ “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament fir-rapport tal-laqgħat. Is-Segretarjat tal-Kunsill Konġunt għandu jagħti n-numru tas-serje, id-data tal-adozzjoni u deskrizzjoni tas-suġġett għal kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni meħuda. Kwalunkwe deċiżjoni jew rakkomandazzjoni tipprovdi d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

3.F’każ li Stat EPA SADC ma jkunx preżenti, id-deċiżjonijiet u / jew ir-rakkomandazzjonijiet tal-laqgħa għandhom jiġu kkomunikati lil dak il-membru li ma setax jattendi l-laqgħa mis-Segretarjat. L-Istat EPA SADC għandu jipprovdi tweġiba bil-miktub fi żmien għaxart (10) ijiem kalendarji minn meta jintbagħtu d-deċiżjonijiet u / jew ir-rakkomandazzjonijiet, b’indikazzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet u / jew ir-rakkomandazzjonijiet li ma jkunx jaqbel magħhom, inklużi r-raġunijiet tiegħu. Fin-nuqqas ta’ risposta bil-miktub imsemmija hawn fuq fi żmien għaxart (10) ijiem kalendarji, id-deċiżjonijiet u / jew ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jitqiesu li ġew adottati. F’każ li Stat EPA SADC li ma attendiex ma jaqbilx ma’ deċiżjonijiet u / jew rakkomandazzjonijiet, tapplika l-proċedura fil-paragrafu 4.

4.Fil-perjodu ta’ bejn il-laqgħat, il-Kunsill Konġunt jista’ jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jew b’mezzi elettroniċi jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk. Il-proċedura bil-miktub għandha tikkonsisti minn skambju ta’ noti bejn ir-rappreżentanti tal-Partijiet.

5.Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kunsill Konġunt għandhom jiġu awtentikati permezz ta’ kopja awtentika ffirmata minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u minn rappreżentant tal-Istati EPA SADC.

Artikolu 9

Aċċess pubbliku

1.Il-laqgħat tal-Kunsill Konġunt ma għandhomx ikunu pubbliċi, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor.

2.Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li jippubblikaw id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill Konġunt.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 10

Spejjeż

1.Kull Parti għandha tkopri kull spiża li tagħmel b’riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kunsill Konġunt, kemm fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u l-ispejjeż ta’ sussistenza kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż postali u ta’ telekomunikazzjoni.

2.L-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat, mal-provvediment ta’ servizzi ta’ interpretazzjoni u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

Artikolu 11

Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp

Kif previst fl-Artikolu 103(5) tal-Ftehim, il-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp għandu jagħti rendikont lill-Kunsill Konġunt.

Artikolu 12

Emenda tar-Regoli ta’ Proċedura

Dawn ir-Regoli ta' Proċedura jistgħu jiġu emendati bil-miktub b’deċiżjoni tal-Kunsill Konġunt skont l-Artikolu 8.

ANNESS II

REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT TAL-KUMMERĊ U TAL-IŻVILUPP

KAPITOLU I

ORGANIZZAZZJONI

Artikolu 1

Għamla u Presidenza

1.Il-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp li huwa stabbilit skont l-Artikolu 103 tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra, (“il-Ftehim”) għandu jwettaq dmirijietu kif previst fl-Artikolu 103 tal-Ftehim.

2.Ir-referenza f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għal “Partijiet” għandha tikkorrispondi mad-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 104 tal-Ftehim.

3.Kif previst fl-Artikolu 103(1) tal-Ftehim, il-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet, normalment fuq il-livell ta’ uffiċjali għolja.

4.Kif previst fl-Artikolu 103(2) tal-Ftehim, il-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp għandu jiġi ppresjedut b’mod alternat minn uffiċjal għoli tal-Kummissjoni Ewropea u minn uffiċjal għoli tal-Istati EPA SADC. L-ewwel laqgħa tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp għandu jiġi ppresjedut b’mod alternat minn uffiċjal għoli tal-Kummissjoni Ewropea u minn uffiċjal għoli tal-Istati EPA SADC.

5.Il-mandat li jikkorrispondi għall-ewwel perjodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp u jintemm fil-31 ta’ Diċembru tal-istess sena.

Artikolu 2

Laqgħat

1.Il-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp għandu jiltaqa’ għallinqas darba fis-sena jew fuq it-talba ta’ wieħed mill-Partijiet. Il-laqgħat għandhom isiru fi Brussell jew fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati tal-EPA SADC b’mod alternattiv, sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.

2.Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp għandhom jissejħu mill-Parti li jkollha l-Presidenza, wara li tikkonsulta mal-Parti l-oħra.

3.Il-Partijiet jistgħu jaqblu li jagħmlu laqgħat tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp permezz ta’ mezzi elettroniċi.

Artikolu 3

Osservaturi

Il-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp jista’ jiddeċiedi li jistieden osservaturi fuq bażi ad hoc u jiddetermina liema punti fl-aġenda se jkunu miftuħa għal dawk l-osservaturi.

Artikolu 4

Segretarjat

1.Il-Parti li tospita l-laqgħa tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp għandha taġixxi bħala s-Segretarjat.

2.Meta l-laqgħa ssir permezz ta’ mezzi elettroniċi, il-Parti li jkollha l-presidenza għandha taġixxi bħala s-Segretarjat.

KAPITOLU II

FUNZJONAMENT

Artikolu 5

Dokumenti

Fejn id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp ikunu bbażati fuq dokumenti ta’ sostenn miktubin, dawn id-dokumenti għandhom jiġu enumerati u ċċirkolati mis-Segretarjat tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp bħala dokumenti tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp.

Artikolu 6

Notifika u Aġenda għal-Laqgħat

1.Is-Segretarjat għandu jinnotifika lill-Partijiet bil-fatt li ssejħet Laqgħa u jitlob għal inputs fl-aġenda mhux aktar tard minn 30 jum qabel il-laqgħa. F’każ ta’ xi kwistjoni urġenti u / jew ċirkostanzi mhux previsti biex jiġi kkunsidrat il-laqgħa tista’ tissejjaħ fi żmien qasir.

2.Aġenda provviżorja għal kull laqgħa għandha titfassal mis-Segretarjat tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp. Din għandha tintbagħat mis-Segretarjat lill-President u lill-membri tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp mhux aktar tard minn 14-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa.

3.L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-aspetti li fir-rigward tagħhom is-Segretarjat tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp ikun irċieva talba għall-inklużjoni fl-aġenda mingħand Parti.

4.L-aġenda għandha tkun adottata mill-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp fil-bidu ta’ kull laqgħa. Aspetti oħra barra minn dawk li jkunu jidhru fl-aġenda proviżorja jistgħu jiddaħħlu fl-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.

5.Il-President tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp jista’ jistieden, bi qbil mal-Partijiet kollha, esperti biex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti speċifiċi.

Artikolu 7

Rapport ta’ Laqgħa

Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, ir-Rapport ta’ kull laqgħa għandu jiġi mfassal mis-Segretarjat tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp u adottat fit-tmiem ta’ kull laqgħa.

Artikolu 8

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.Kif previst fl-Artikolu 103(6) tal-Ftehim, il-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp għandu jadotta b’kunsens, deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet fil-każijiet previsti fil-Ftehim jew fejn tali setgħa tkun ġiet iddelegata lilu mill-Kunsill Konġunt.

2.Fejn il-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp ikollu s-setgħa li jadotta d-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet skont il-Ftehim, jew fejn it-tali setgħa tkun ġiet iddelegata lilu mill-Kunsill Konġunt, dawn l-atti jingħatalhom it-titolu ta’ “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament fir-rapport tal-laqgħat. Is-Segretarjat tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp għandu jagħti numru tas-serje, id-data tal-adozzjoni u deskrizzjoni tas-suġġett għal kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni meħuda. Kwalunkwe deċiżjoni jew rakkomandazzjoni tipprovdi d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

3.F’każ li Stat EPA SADC ma jkunx preżenti, id-deċiżjonijiet u / jew ir-rakkomandazzjonijiet tal-laqgħa għandhom jiġu kkomunikati lil dak il-membru li ma setax jattendi l-laqgħa mis-Segretarjat. L-Istat EPA SADC għandu jipprovdi tweġiba bil-miktub fi żmien għaxart (10) ijiem kalendarji minn meta jintbagħtu d-deċiżjonijiet u / jew ir-rakkomandazzjonijiet, b’indikazzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet u / jew ir-rakkomandazzjonijiet li ma jkunx jaqbel magħhom, inklużi r-raġunijiet tiegħu. Fin-nuqqas ta’ risposta bil-miktub imsemmija hawn fuq fi żmien għaxart (10) ijiem kalendarji, id-deċiżjonijiet u / jew ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jitqiesu li ġew adottati. F’każ li Stat EPA SADC li ma attendiex ma jaqbilx ma’ deċiżjonijiet u / jew rakkomandazzjonijiet, tapplika l-proċedura fil-paragrafu 4.

4.Fil-perjodu ta’ bejn il-laqgħat, il-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp jista’ jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jew b’mezzi elettroniċi jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk. Il-proċedura bil-miktub għandha tikkonsisti minn skambju ta’ noti bejn ir-rappreżentanti tal-Partijiet.

5.Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp għandhom jiġu awtentikati permezz ta’ kopja awtentika ffirmata minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u minn rappreżentant tal-Istati EPA SADC.

Artikolu 9

Aċċess pubbliku

1.Il-laqgħat tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp ma għandhomx ikunu pubbliċi, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor.

2.Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li jippubblikaw id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 10

Spejjeż

1.Kull Parti għandha tkopri kwalunkwe spiża li ġġarrab b’riżultat tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp, kemm fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u l-ispejjeż ta’ sussistenza kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż ta’ posta u telekomunikazzjoni.

2.L-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat, mal-provvediment ta’ servizzi ta’ interpretazzjoni u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

Artikolu 11

Kumitati speċjali u korpi oħra

1.Il-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali, stabbilit skont l-Artikolu 50 tal-Ftehim, is-Sħubija Agrikola, stabbilita skont l-Artikolu 68 tal-Ftehim, u l-Kumitat Speċjali dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-Kummerċ f’Inbejjed u Spirti, stabbilit skont l-Artikolu 13 tal-Protokoll 3 tal-Ftehim, għandhom jirrapportaw lill-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp.

2.Kif previst fl-Artikolu 50(2)(f) tal-Ftehim u Artikolu 13(5) tal-Protokoll 3 tal-Ftehim rispettivament, il-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali u l-Kumitat Speċjali dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-Kummerċ f’Inbejjed u Spirti għandhom jiddeterminaw ir-regoli ta’ proċedura tagħhom.

3.Kif previst fl-Artikolu 68(3) tal-Ftehim, ir-regoli operattivi għas-Sħubija Agrikola għandhom ikunu stabbiliti permezz ta’ ftehim komuni tal-Partijiet li jaġixxu fil-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp.

4.Kif previst fl-Artikolu 103(3) tal-Ftehim, il-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp jista’ jistabbilixxi kwalunkwe grupp tekniku speċjali sabiex jindirizza kwistjonijiet speċifiċi li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu.

5.Il-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura għall-gruppi tekniċi speċjali. Il-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp jista’ jiddeċiedi li jabboloxxi l-gruppi tekniċi speċjali u jiddefinixxi jew jemenda t-termini ta’ referenza tagħhom.

6.Il-gruppi tekniċi speċjali għandhom jirrapportaw lill-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp wara kull laqgħa.

Artikolu 12

Emenda tar-Regoli ta' Proċedura

Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jistgħu jiġu emendati bil-miktub b'deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp skont l-Artikolu 8.