24.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 51/10


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/290

tal-20 ta' Frar 2015

dwar il-konformità tar-rati tal-2014 għal kull unità għaż-żoni tal-imposti skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013 u li jħassar id-Deċiżjoni 2013/631/UE

(notifikata bid-dokument C(2015) 882)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar il-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni tal-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament tal-forniment ta' servizz) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 391/2013 (2) jistabbilixxi skema komuni ta' imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru. L-iskema komuni ta' imposti hija element integrali għall-ksib tal-objettivi tal-iskema ta' prestazzjoni kif stipulati fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 (4).

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/121/UE (5) stabbilixxiet miri ta' prestazzjoni kif ukoll mira ta' kosteffiċjenza għall-forniment ta' servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru mill-2012 sal-2014. Permezz tal-ittri tad-19 ta' Lulju 2012 u tas-17 ta' Diċembru 2012, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri li l-pjanijiet u l-miri ta' prestazzjoni riveduti tagħhom huma konsistenti mal-miri ta' prestazzjoni tal-Unjoni Ewropea kollha li ġew adottati, u li dawn qed jagħtu kontribuzzjoni xierqa lill-istess miri tal-Unjoni Ewropea. Il-miri tal-kosteffiċjenza huma espressi f'termini ta' rati għal kull unità determinati.

(3)

Skont l-Artikolu 17(1)(b) u (c) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, il-Kummissjoni għandha tevalwa fuq bażi annwali r-rati għal kull unità għaż-żoni tal-imposti, ippreżentati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013.

(4)

Fl-2013, il-Kummissjoni wettqet il-valutazzjoni tagħha tar-rati tal-2014 għal kull unità għaż-żoni tal-imposti bl-appoġġ tal-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni (PRB) u tal-Uffiċċju Ċentrali tal-Imposti tar-Rotot tal-Eurocontrol, u bl-użu tad-dejta u l-informazzjoni addizzjonali li ġew ipprovduti mill-Istati Membri. Bħala konsegwenza, hija adottat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/631/UE (6). Permezz ta' dik id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 17(1)(d) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, li kienet sabet li r-rati tal-2014 għal kull unità għaż-żoni tal-imposti ppreżentati lilha huma konformi mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.

(5)

Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2013/631/UE, fl-2014, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja infurmaw lill-Kummissjoni dwar il-bidliet f'ċerti parametri tal-kalkolu tar-rati għal kull unità rispettivi, li ma kinux magħrufa lilhom fil-mument tal-preżentazzjoni tad-dejta inizjali u tal-informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-konformità tagħha u li kien jeħtiġilha ċerti korrezzjonijiet għar-rati tal-2014 għal kull unità kkonċernati. Dawn is-sitt Stati Membri għalhekk ippreżentatw rati kkoreġuti għal kull unità lill-Kummissjoni.

(6)

Skont l-Artikolu 17(1)(c) u (d) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, il-Kummissjoni vvalutat dawk ir-rati tal-2014 għal kull unità kkoreġuti għaż-żoni tal-imposti fil-Bulgarija, id-Danimarka, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 u kkonkludiet li huma konformi. Din is-sejba għandha għalhekk tiġi notifikata lill-Istati Membri kkonċernati.

(7)

Għall-finijiet taċ-ċarezza u t-trasparenza, id-Deċiżjoni 2013/631/UE għandha titħassar u tinbidel b'din id-Deċiżjoni.

(8)

In-notifika li rati għal kull unità għaż-żoni tal-imposti huma konformi mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 hija mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 550/2004.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar Ajru Uniku,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-rati tal-2014 għal kull unità għaż-żoni tal-imposti inklużi fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni huma konformi mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2013/631/UE titħassar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Violeta BULC

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 391/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi skema komuni ta' imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (ĠU L 128, 9.5.2013, p. 31).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi skema ta' prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk (ĠU L 128, 9.5.2013, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/121/UE tal-21 ta' Frar 2011 li tistabbilixxi l-miri ta' prestazzjoni u l-limiti ta' twissija għall-Unjoni Ewropea kollha għall-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru mill-2012 sal-2014 (ĠU L 48, 23.2.2011, p. 16).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/631/UE tad-29 ta' Ottubru 2013 dwar il-konformità tar-rati tal-2014 għal kull unità għaż-żoni tal-imposti skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013 (ĠU L 289, 31.10.2013, p. 68).


ANNESS

Żona tal-imposti

Ir-rata tal-2014 għal kull unità en route

fil-munita nazzjonali (1)

(Kodiċi ISO)

L-Awstrija

73,39 EUR

Il-Belġju u l-Lussemburgu

72,04 EUR

Il-Bulgarija

73,09 EUR

Ċipru

38,41 EUR

Ir-Repubblika Ċeka

1 198,16 CZK

Id-Danimarka

531,33 DKK

L-Estonja

23,97 EUR

Il-Finlandja

52,06 EUR

Franza

65,77 EUR

Il-Ġermanja

77,32 EUR

Il-Greċja

34,53 EUR

L-Ungerija

12 539,40 EUR

L-Irlanda

30,62 EUR

L-Italja

78,83 EUR

Il-Latvja

28,44 EUR

Il-Litwanja

157,97 EUR

Malta

27,61 EUR

In-Netherlands

66,47 EUR

Il-Polonja

147,43 EUR

Il-Portugall — Lisbona

38,74 EUR

Ir-Rumanija

168,83 EUR

Is-Slovakkja

60,93 EUR

Is-Slovenja

67,46 EUR

Spanja, Kontinentali

71,69 EUR

Spanja, il-Gżejjer Kanarji

58,36 EUR

L-Iżvezja

638,85 EUR

Ir-Renju Unit

70,46 EUR


(1)  Dawn ir-rati unitarji ma jinkludux ir-rata għal kull unità amministrattiva msemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 391/2013 u li tapplika għal dawk l-Istati li huma firmatarji tal-Ftehim Multilaterali tal-Eurocontrol dwar l-imposti tar-rotot.