12004V/PRO/22

Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - Protokolli u annessi - 22.Protokoll dwar l-asil għal ċittadini ta' l-Istati Membri

Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0362 - 0363


22. PROTOKOLL DWAR L-ASIL GĦAL ĊITTADINI TA' STATI MEMBRI

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BILLI, skond l-Artikolu I-9(1) tal-Kostituzzjoni, l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji dikjarati fil-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali;

BILLI skond l-Artikolu I-9(3) tal-Kostituzzjoni d-drittijiet fundamentali, kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, jikkostitwixxu parti mid-dritt ta' l-Unjoni bħala prinċipji ġenerali;

BILLI l-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza biex tiżgura li l-liġi tkun osservata mill-Unjoni fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu I-9(1) u (3) tal-Kostituzzjoni;

BILLI skond l-Artikolu I-58 tal-Kostituzzjoni kull Stat Ewropew, meta japplika biex isir Membru ta' l-Unjoni, għandu jirrispetta l-valuri previsti fl-Artikolu I-2 tal-Kostituzzjoni;

KONXJI li l-Artikolu I-59 tal-Kostituzzjoni jistabbilixxi mekkaniżmu għas-sospensjoni ta' ċerti drittijiet f'każ ta' ksur serju u persistenti minn Stat Membru ta' dawk il-valuri;

FILWAQT LI JFAKKRU illi kull ċittadin ta' Stat Membru, bħala ċittadin ta' l-Unjoni, jgawdi minn status u protezzjoni speċjali li għandhom ikunu garantiti mill-Istati Membri skond id-disposizzjonijiet tal-Parti I, t-Titolu II u tal-Parti III, t-Titolu II tal-tal-Kostituzzjoni;

KONXJI LI l-Kostituzzjoni tistabbilixxi żona mingħajr fruntieri interni u tagħti lil kull ċittadin ta' l-Unjoni d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta' l-Istati Membri;

BIX-XEWQA li jevitaw li wieħed jirrikorri għall-istituzzjoni dwar l-asil għal skopijiet ulterjuri minn dawk li għalihom din hi intiża;

BILLI dan il-Protokoll jirrispetta l-finalità u l-miri tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat- 28 ta' Lulju 1951 li jirrigwardaw l-istatus ta' refuġjati,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu uniku

Minħabba l-livell ta' protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali mill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jiġu meqjusa li jikkostitwixxu pajjiżi ta' oriġini siguri fir-rispett ta' xulxin għall-iskopijiet kollha legali u prattiċi fir-rigward ta' kwistjonijiet dwar l-asil. Għal dan l-iskop, kull applikazzjoni għall-asil magħmula minn ċittadin ta' Stat Membru tista' tiġi kkunsidrata jew iddikjarata ammissibbli biex tiġi pproċessata minn Stat Membru ieħor fil-każijiet li ġejjin biss:

a) jekk Stat Membru li tiegħu l-applikant ikun ċittadin, waqt li jirrikorri għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, jieħu miżuri fit-territorju tiegħu li jidderogaw mill-obbligi tiegħu taħt dik il-Konvenzjoni;

b) jekk il-proċedura prevista fl-Artikolu I-59(1) jew (2) tal-Kostituzzjoni tkun inbdiet, u sakemm il-Kunsill, jew, jekk ikun il-każ, il-Kunsill Ewropew, jadotta deċiżjoni Ewropea dwarha fir-rigward ta' l-Istat Membru li tiegħu l-applikant ikun ċittadin;

ċ) jekk il-Kunsill ikun adotta deċiżjoni Ewropea skond l-Artikolu I-59(1) tal-Kostituzzjoni fir-rigward ta' l-Istat Membru li tiegħu l-applikant ikun ċittadin jew jekk il-Kunsill Ewropew ikun adotta deċiżjoni Ewropea skond l-Artikolu I-59(2) tal-Kostituzzjoni fir-rigward ta' l-Istat Membru li tiegħu l-applikant ikun ċittadin;

d) jekk Stat Membru jiddeċiedi hekk unilateralment fir-rigward ta' l-applikazzjoni minn ċittadin ta' Stat Membru ieħor; f'dak il-każ il-Kunsill għandu jiġi infurmat minnufih; l-applikazzjoni għandha tiġi trattata fuq il-bażi tal-preżunzjoni li tkun evidentement bla bażi mingħajr ma tolqot bl-ebda mod, ikunu x'ikunu l-każijiet, il-poter deċiżjonali ta' l-Istat Membru.

--------------------------------------------------