|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3006 |
3.12.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/3006
tat-2 ta’ Diċembru 2024
b’appoġġ għall-attivitajiet tas-SEESAC rigward id-diżarm u l-kontroll tal-armi fix-Xlokk tal-Ewropa li jnaqqsu t-theddida ta' armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW) illeċiti u l-munizzjon tagħhom
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fid-19 ta' Novembru 2018, il-Kunsill adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-armi tan-nar, l-armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW) illeċiti u l-munizzjon tagħhom intitolata “Aktar Sigurtà fuq l-Armi biex Nipproteġu liċ-Ċittadini” (l-“Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”). |
|
(2) |
L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tfakkar li minkejja li fis-snin reċenti sar progress sinifikanti, speċjalment fix-Xlokk tal-Ewropa, l-iskala tal-akkumulazzjoni ta' SALW u munizzjon, il-kundizzjonijiet ta' ħażna inadegwati, il-pussess illeċitu mifrux u n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni jkomplu jillimitaw l-effettività tal-isforzi biex jiġu kkontrollati l-armi tan-nar u s-SALW f'partijiet tal-Balkani tal-Punent, b'impatt fuq is-sigurtà fir-reġjun kif ukoll fl-Unjoni. |
|
(3) |
Fl-10 ta' Lulju 2018, is-Summit tal-Balkani tal-Punent f'Londra adotta l-“Pjan Direzzjonali Reġjonali għal soluzzjoni sostenibbli għall-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar ta' SALW/armi tan-nar u l-munizzjon tagħhom fil-Balkani tal-Punent sal-2024” (il-“Pjan Direzzjonali”). |
|
(4) |
L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tinnota li l-Unjoni ser tkompli tappoġġa liċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-Kontroll tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SEESAC) b'rabta ma' attivitajiet ta' kontroll tas-SALW u tieħu kont ta' inizjattivi reġjonali, bħall-Pjan Direzzjonali. |
|
(5) |
Fid-29 ta' Ottubru 2024, il-laqgħa ministerjali dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent fil-Montenegro nnotat li l-Pjan Direzzjonali ser ikompli sal-2030. |
|
(6) |
L-azzjonijiet previsti skont din id-Deċiżjoni ser jagħtu kontribut dirett għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW, il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar it-traffikar tal-armi tan-nar, iċ-Ċiklu ta' Politika tal-UE għall-kriminalità internazzjonali organizzata u serja (EMPACT Firearms), il-Pjan Direzzjonali, it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, il-Programm ta' Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tas-SALW fl-Aspetti kollha tiegħu, l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar, il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar, ir-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa u l-paċi u s-sigurtà, u l-Aġenda dwar id-Diżarm tan-NU, b'mod partikolari l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli numru 16 tal-Aġenda tal-2030 dwar soċjetajiet paċifiċi u ġusti, kif ukoll jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Patt għall-Futur adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-22 ta' Settembru 2024. |
|
(7) |
Konferenzi ta' Rieżami konsekuttivi tan-Nazzjonijiet Uniti li rrieżaminaw l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni tan-NU kontra s-SALW illeċiti affermaw mill-ġdid ir-rieda tal-Istati li jsegwu kooperazzjoni internazzjonali u li jsaħħu l-kooperazzjoni reġjonali. |
|
(8) |
Skont il-Patt għall-Futur, l-Istati Membri tan-NU impenjaw ruħhom li “jindirizzaw ir-riskji assoċjati mal-kummerċ illeċitu ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir, il-partijiet u l-munizzjon tagħhom, jew munizzjon assoċjat, inkluż permezz ta' strateġiji u approċċi nazzjonali ta' prevenzjoni” (Azzjoni 18), u li “jsaħħu l-isforzi nazzjonali u internazzjonali tagħna biex niġġieldu, nipprevjenu u neqirdu l-kummerċ illeċitu ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir fl-aspetti kollha tiegħu” (Azzjoni 26). |
|
(9) |
Il-proġett appoġġat minn din id-Deċiżjoni ser japprofondixxi u jikkomplementa l-assistenza tal-Unjoni għall-kontroll tas-SALW, li l-Unjoni pprovdiet s'issa permezz ta' Deċiżjonijiet tal-Kunsill b'appoġġ għall-ħidma tas-SEESAC fir-reġjun, inkluż id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (PESK) 2010/179/PESK (1), 2013/730/PESK (2), (PESK) 2016/2356 (3) u (PESK) 2019/2111 (4). Ser jikkontribwixxi wkoll għat-twettiq tal-Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali u l-miri tal-Pjan Direzzjonali appoġġati mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2321 (5), |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW, l-Unjoni għandha tiffinanzja proġett, li l-objettiv ġenerali tiegħu huwa li jikkontribwixxi aktar għal sigurtà mtejba fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa u fl-Unjoni billi jiġġieled it-theddida ppreżentata minn armi ħfief u ta' kalibru żgħir illeċiti u l-munizzjon tagħhom fix-Xlokk tal-Ewropa u l-Ukrajna u li joħorġu minnhom.
2. B'mod speċifiku, il-proġett ser jappoġġa:
|
— |
l-iżvilupp ulterjuri ta' qafas leġiżlattiv u regolatorju dwar is-SALW, armi tan-nar u splussivi, u l-armonizzazzjoni tiegħu mal-qafas tal-Unjoni u l-istandardizzazzjoni tiegħu fix-Xlokk tal-Ewropa; |
|
— |
it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet doganali, tal-pulizija tal-fruntieri u tas-servizzi tal-pulizija kriminali tal-Balkani tal-Punent biex jiġġieldu t-traffikar illeċitu u l-pussess ta' armi tan-nar; |
|
— |
it-tkomplija tat-tfassil ta' politika bbażata fuq l-evidenza dwar il-kontroll tas-SALW, li tindirizza l-ħtiġijiet kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa; |
|
— |
it-tisħiħ ta' kooperazzjoni reġjonali, skambju ta' għarfien u kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar il-kontroll tas-SALW; |
|
— |
it-titjib tal-kapaċitajiet għas-Sigurtà Fiżika u l-Ġestjoni tal-Ħażniet (PSSM). |
Artikolu 2
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
2. L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandha titwettaq miċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-Kontroll tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SEESAC), fejn meħtieġ f'koordinazzjoni mal-Mexxej tal-prijorità tal-Armi tan-Nar tal-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT).
3. Is-SEESAC għandu jwettaq il-kompiti tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dan l-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP), li għandu jaġixxi f'isem is-SEESAC.
Artikolu 3
1. L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni msemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun ta' EUR 3 999 920,60.
2. L-infiq iffinanzjat mill-ammont ta' referenza li jinsab fil-paragrafu 1 għandu jiġi amministrat f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 2.
4. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi l-ftehim meħtieġ mal-UNDP, li għandu jaġixxi f'isem is-SEESAC. Il-ftehim għandu jistipula li s-SEESAC għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-UE, skont id-daqs tagħha.
5. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.
6. Fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni tinsab deskrizzjoni dettaljata tal-proġett.
Artikolu 4
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari kull tliet xhur imħejjija mis-SEESAC.
2. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.
Artikolu 5
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(4). Madankollu, għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jkun ġie konkluż ebda ftehim f'dak il-perjodu.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
NAGY M.
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/179/PESK tal-11 ta' Marzu 2010 b'appoġġ għall-attivitajiet tas-SEESAC fil-kontroll ta' armi fil-Balkani tal-Punent, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW u tal-munizzjon tagħhom (ĠU L 80, 26.3.2010, p. 48).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/730/PESK tad-9 ta' Diċembru 2013 b'appoġġ għall-attivitajiet ta' SEESAC ta' diżarm u ta' kontroll ta' armi fix-Xlokk tal-Ewropa fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-Ġlieda kontra l-Akkumulazzjoni u t-Traffikar Illeċiti ta' SALW u l-Munizzjon tagħhom (ĠU L 332, 11.12.2013, p. 19).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2356 tad-19 ta' Diċembru 2016 b'appoġġ għall-attivitajiet tas-SEESAC rigward id-diżarm u l-kontroll tal-armi fix-Xlokk tal-Ewropa fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' SALW u l-munizzjon tagħhom (ĠU L 348, 21.12.2016, p. 60).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/2111 tad-9 ta’ Diċembru 2019 b’appoġġ għall-attivitajiet tas-SEESAC rigward id-diżarm u l-kontroll tal-armi fix-Xlokk tal-Ewropa li jnaqqsu t-theddida ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u l-munizzjon tagħhom (ĠU L 318, 10.12.2019, p. 147).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2321 tal-25 ta’ Novembru 2022 b’appoġġ għaċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-Kontroll tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir (SEESAC) għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Reġjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta’ armi fil-Balkani tal-Punent u b’appoġġ għall-attivitajiet ta’ diżarm u kontroll tal-armi fix-Xlokk u l-Lvant tal-Ewropa (ĠU L 307, 28.11.2022, p. 149).
ANNESS
DOKUMENT TA' PROĠETT
Deskrizzjoni tal-Azzjoni
Proġett b'appoġġ għat-tnaqqis tat-theddida ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir illeċiti u l-munizzjon tagħhom fix-Xlokk tal-Ewropa
1. Introduzzjoni u objettivi
F'dawn l-aħħar snin sar progress sinifikanti fix-Xlokk tal-Ewropa fir-rigward tat-titjib tal-kontroll tal-armi u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi, mhux l-inqas minħabba l-appoġġ sostnut tal-Unjoni. Madankollu, ir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa għadu sors ta' tħassib u ġie identifikat bħala żona ta' prijorità fl-Istrateġija tal-UE tad-19 ta' Novembru 2018 kontra l-armi tan-nar, l-armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW) illeċiti u l-munizzjon tagħhom bit-titolu “Aktar sigurtà fuq l-armi biex nipproteġu liċ-ċittadini” (“l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”). L-armi tan-nar illeċiti għandhom impatt ċar fuq is-sigurtà interna u esterna, billi jikkontribwixxu għall-kriminalità organizzata u l-atti terroristiċi fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa u fl-UE. Għalhekk, it-tisħiħ ulterjuri tal-mekkaniżmi ta' kontroll marbuta mal-kontroll tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir jikkostitwixxi kontribut sinifikanti għall-paċi u s-sigurtà reġjonali, Ewropej u globali.
Filwaqt li jibnu fuq il-Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali tal-Ewropa tax-Xlokk kontra l-Proliferazzjoni u l-Impatt tas-SALW (rivedut fl-2014), l-awtoritajiet tal-Balkani tal-Punent saħħew l-impenn tagħhom li jindirizzaw l-isfidi li fadal għall-kontroll tas-SALW u jindirizzaw il-pussess illeċitu, l-użu ħażin u t-traffikar tas-SALW billi adottaw il-Pjan Direzzjonali għal soluzzjoni sostenibbli għall-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar ta' SALW u l-munizzjon tagħhom fil-Balkani tal-Punent sal-2024 (il-“Pjan Direzzjonali”) fl-2018. L-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali, kif ikkonfermat mis-sejbiet ta' Rieżami ta' Nofs it-Terminu, imwettaq fi tmiem l-2022, kienet suċċess. Ir-Rieżami ta' Nofs it-Terminu kkonferma, fost l-oħrajn, l-effettività u r-rilevanza tal-Pjan Direzzjonali għall-aspetti kollha tal-kontroll tas-SALW. Barra minn hekk, huwa kkonferma li l-Pjan Direzzjonali jagħti sinjal qawwi ta' kooperazzjoni fost il-ġuriżdizzjonijiet tal-Balkani tal-Punent u mas-sħab esterni, u li l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni żdiedu, u dan diġà juri sinjali bikrija ta' impatt. Barra minn hekk, ir-rieżami ta' nofs it-terminu kkonferma wkoll li l-progress lejn kull għan tal-Pjan Direzzjonali jinsab fil-biċċa l-kbira fit-triq it-tajba.
Bħala segwitu għal waħda mir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tar-Rieżami ta' Nofs it-Terminu, l-awtoritajiet tar-reġjun esprimew il-qbil u l-impenn tagħhom li jkomplu l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali lil hinn mill-2024 fil-Laqgħa ta' Livell Għoli tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra t-Traffikar tal-Armi tan-Nar fix-Xlokk tal-Ewropa li saret fi Brussell f'Mejju 2023. Barra minn hekk, fil-Forum Ministerjali dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni li sar fi Skopje, fis-26 us-27 ta' Ottubru 2023, l-UE u l-Balkani tal-Punent ikkonfermaw mill-ġdid id-determinazzjoni tagħhom li jeqirdu t-traffikar u l-proliferazzjoni ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir u fakkru fil-qbil li ntlaħaq f'Mejju 2023 biex jiġi estiż il-Pjan Direzzjonali għal kontroll komprensiv tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir fil-Balkani tal-Punent lil hinn mill-2024. Barra minn hekk, skont id-Dikjarazzjoni tas-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent tat-13 ta' Diċembru 2023, “il-pjan direzzjonali, li ġie estiż għal wara l-2024, huwa eżempju rikonoxxut internazzjonalment ta' prattika tajba ta' kooperazzjoni reġjonali biex jissaħħaħ il-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir.”
It-test rivedut tal-Pjan Direzzjonali, bil-perjodu ta' implimentazzjoni estiż sal-2030 ġie kkonsolidat fil-Laqgħa tal-Pjan Direzzjonali Reġjonali fl-10 ta' Lulju 2024. Il-Pjan Direzzjonali b'ħames għanijiet li jkopru l-oqsma funzjonali kollha tal-kontroll tal-armi jipprevedi li l-Balkani tal-Punent isiru reġjun aktar sikur u esportatur ta' sigurtà, fejn ikunu fis-seħħ mekkaniżmi komprensivi u sostenibbli, armonizzati b'mod sħiħ mal-istandards tal-UE u standards internazzjonali oħra, għall-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni u l-kontroll tal-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar tal-armi tan-nar, il-munizzjon u l-isplussivi. Fl-2022, l-Unjoni adottat Deċiżjoni tal-Kunsill b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali (Deċiżjoni (PESK) 2022/2321).
Iċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-Kontroll tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SEESAC), bħala l-fergħa eżekuttiva tal-Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali dwar il-Ġlieda Kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (il-“Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali”), appoġġa l-iżvilupp tal-Pjan Direzzjonali. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1788 (1) tat il-mandat lis-SEESAC biex jikkoordina u jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali. Il-koordinazzjoni fost l-istituzzjonijiet, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u d-donaturi taħt il-qafas tal-Pjan Direzzjonali hija prinċipalment żgurata permezz ta' laqgħat reġjonali formali ta' koordinazzjoni tal-Pjan Direzzjonali li jiffokaw fuq l-evalwazzjoni tal-progress u l-iskambju ta' informazzjoni, u permezz tal-għoti ta' appoġġ espert u tekniku għal-laqgħat lokali ta' koordinazzjoni tal-Pjan Direzzjonali. Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali huwa żgurat permezz tal-iżvilupp ta' rapporti ta' monitoraġġ u evalwazzjoni biannwali li jiddokumentaw il-progress, l-isfidi u l-ħtiġijiet f'dik l-implimentazzjoni abbażi tal-Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni maqbula b'mod komuni. Barra minn hekk, is-SEESAC għandu r-rwol ta' segretarjat tal-Fond Fiduċjarju b'Diversi Msieħba (MPTF) tal-Pjan Direzzjonali għall-Kontroll tas-SALW fil-Balkani tal-Punent li ġie stabbilit biex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali. Is-SEESAC qed jaħdem mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), il-Kummissjoni Ewropea (DĠ HOME, DĠ NEAR), il-Europol, il-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT), l-Aġenzija tal-UE għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Interpol, in-NATO, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u donaturi rilevanti u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra li jappoġġaw id-diżarm u l-attivitajiet ta' kontroll tal-armi fix-Xlokk tal-Ewropa.
L-objettiv ġenerali ta' din l-azzjoni huwa li tikkontribwixxi aktar għal sigurtà mtejba fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa u fl-UE billi tiġi miġġielda t-theddida kkawżata mis-SALW illeċiti u l-munizzjon tagħhom fix-Xlokk tal-Ewropa, u l-Ukrajna u minnhom. L-implimentazzjoni tagħha ser tapprofondixxi u tikkomplementa l-assistenza tal-Unjoni dwar il-kontroll tas-SALW ipprovduta permezz tad-Deċiżjonijiet reċenti tal-Kunsill 2010/179/PESK, 2013/730/PESK (2), (PESK) 2016/2356, (PESK) 2018/1788, (PESK) 2019/2111 u (PESK) 2024/381 (3) li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/2111 (li tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2024). Ser tikkontribwixxi wkoll għat-twettiq tal-Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali u l-miri tal-Pjan Direzzjonali appoġġati mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2321.
L-azzjoni ser tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali, l-iskambju ta' għarfien u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar il-kontroll tas-SALW; ser tkompli tappoġġa l-iżvilupp ta' qafas leġiżlattiv u regolatorju għas-SALW, l-armi tan-nar u l-isplussivi, u l-armonizzazzjoni tiegħu mal-qafas tal-Unjoni u l-istandardizzazzjoni tiegħu fix-Xlokk tal-Ewropa; tkompli tappoġġa t-tfassil ta' politika bbażat fuq l-evidenza dwar il-kontroll tas-SALW li jindirizza l-ħtiġijiet kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa; tibni l-kapaċità tal-awtoritajiet doganali, tal-pulizija tal-fruntieri u s-servizzi tal-pulizija kriminali tal-Balkani tal-Punent biex jiġġieldu t-traffikar u l-pussess illeċitu tal-armi tan-nar u jtejbu l-kapaċità għas-sigurtà fiżika u ġestjoni tal-ħażniet (PSSM) permezz ta' titjib fis-sigurtà tal-infrastruttura, tnaqqis ta' ħażniet żejda, u taħriġ.
Il-proġett ser jikkontribwixxi b'mod usa' għall-paċi u s-sigurtà Ewropea u globali u fl-istess ħin, ser isaħħaħ l-istabbiltà reġjonali billi jaħdem fi ħdan il-qafas tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (KKR) u fi sħubija ma' sħab u inizjattivi internazzjonali rilevanti oħra.
L-azzjoni ser tikkontribwixxi direttament għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar is-Sigurtà, l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW, il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar it-Traffikar tal-Armi tan-Nar, iċ-Ċiklu ta' Politika tal-UE għall-kriminalità internazzjonali organizzata u serja (“EMPACT Firearms”), it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, il-Programm ta' Azzjoni tan-NU sabiex Jipprevjeni, Jikkumbatti, u Jeqred il-Kummerċ Illeċitu fis-SALW fl-Aspetti Kollha Tiegħu, l-Istrument Internazzjonali ta' Traċċar, il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar, ir-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa u l-paċi u s-sigurtà, u l-Aġenda dwar id-Diżarm tan-NU, u ser ittejjeb b'mod speċifiku l-kooperazzjoni reġjonali fil-ġlieda kontra t-theddida kkawżata mill-firxa tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. Ir-riżultati tal-proġett ser jikkontribwixxu wkoll b'mod dirett għall-implimentazzjoni tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli numru 16 tal-Aġenda tal-2030 dwar soċjetajiet paċifiċi u ġusti, b'mod partikolari l-miri 16.1 (titnaqqas b'mod sinifikanti kull forma ta' vjolenza u r-rata ta' mwiet kullimkien) u 16.4 (jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-flussi ta' armi illegali), u l-Għan 5 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi.
B'mod speċifiku, il-proġett ser:
|
— |
jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali, l-iskambju ta' għarfien u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar il-kontroll tas-SALW; |
|
— |
isaħħaħ il-kapaċitajiet tal-awtoritajiet doganali, tal-pulizija tal-fruntieri u s-servizzi tal-pulizija kriminali tal-Balkani tal-Punent għall-ġlieda kontra t-traffikar u l-pussess illeċiti tal-armi tan-nar; |
|
— |
jappoġġa aktar titjib tal-kapaċitajiet għall-PSSM. |
2. Għażla tal-aġenzija ta' implimentazzjoni u koordinazzjoni ma' inizjattivi ta' finanzjament oħra rilevanti
Is-SEESAC huwa inizjattiva konġunta tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) u l-KKR, u bħala tali huwa l-punt fokali għall-attivitajiet relatati mas-SALW fix-Xlokk tal-Ewropa. Bħala l-fergħa eżekuttiva tal-Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali, is-SEESAC ilu jaħdem mill-2002 mal-partijiet ikkonċernati fix-Xlokk tal-Ewropa dwar l-implimentazzjoni ta' approċċ olistiku għall-kontroll tas-SALW permezz tat-twettiq ta' firxa wiesgħa ta' attivitajiet inkluż: il-faċilitazzjoni ta' kooperazzjoni reġjonali strateġika u operazzjonali; l-appoġġ għall-iżvilupp tal-politika u t-tisħiħ tal-kapaċità għall-istituzzjonijiet; kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' ġbir tas-SALW; il-ġestjoni tal-ħażniet, it-tnaqqis ta' ħażniet żejda, it-titjib tal-kapaċitajiet ta' mmarkar u traċċar; u l-kontroll imtejjeb tal-esportazzjoni tal-armi. Konsegwentement, is-SEESAC kiseb kapaċità u esperjenza unika fl-implimentazzjoni ta' interventi reġjonali b'diversi partijiet ikkonċernati fl-isfond politiku u ekonomiku kondiviż tas-sħab fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa, waqt li jiżgura sjieda nazzjonali u reġjonali u s-sostenibbiltà fit-tul tal-azzjonijiet tiegħu u jistabbilixxi lilu nnifsu bħala l-awtorità reġjonali ewlenija fil-qasam tal-kontroll tas-SALW.
Is-SEESAC iżomm kanali ta' komunikazzjoni bilaterali u multilaterali mal-atturi u l-organizzazzjonijiet rilevanti kollha. F'dak ir-rigward, qed ikompli jservi bħala s-Segretarjat tal-Grupp Reġjonali ta' Tmexxija għas-SALW (RSG). Barra minn hekk, is-SEESAC inħatar ukoll bħala s-Segretarjat tal-MPTF. Is-SEESAC huwa wkoll parti mil-Laqgħat ta' Koordinazzjoni dwar is-SALW/l-azzjoni kontra l-mini (MA), mekkaniżmu informali ta' koordinazzjoni għal attivitajiet ta' kontroll tas-SALW li jopera bejn in-NATO, l-Unjoni, l-OSKE, l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta' Diżarm (UNODA) u s-SEESAC. Is-SEESAC jikkontribwixxi b'mod regolari f'fora reġjonali rilevanti bħal-laqgħat tal-ministri għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, il-proċess ta' skambju ta' informazzjoni strutturali tan-NATO dwar is-SALW, u l-proċess ministerjali tad-difiża tax-Xlokk tal-Ewropa (“SEDM”). Barra minn hekk, is-SEESAC ikompli jżomm network wiesa' ta' sħubijiet formali u informali ma' organizzazzjonijiet bħal RACVIAC (iċ-Ċentru Reġjonali ta' Assistenza għall-Implimentazzjoni u l-Verifika tal-Kontroll tal-Armi) - iċ-Ċentru għall-Kooperazzjoni fis-Sigurtà u l-Forum tal-OSKE għall-Kooperazzjoni fis-Sigurtà. Isiru laqgħat regolari ta' koordinazzjoni kif ukoll skambju ta' informazzjoni ma' aġenziji oħra tan-NU bħall-UNODC (l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità) u l-UNODA, permezz tal-Azzjoni ta' Koordinazzjoni tan-NU dwar Armi Ħfief (CASA) kif ukoll formati oħra. Is-SEESAC b'hekk iservi bħala ċentru reġjonali u punt fokali għal firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet relatati mar-riforma tas-settur tas-sigurtà, b'attenzjoni partikolari lejn il-kontroll tas-SALW u l-ġestjoni tal-ħażniet. Is-SEESAC iżomm kuntatt mill-qrib ma', u jipprovdi appoġġ lil, atturi rilevanti tal-Unjoni, primarjament id-DĠ NEAR, id-DĠ HOME, il-Europol, l-Interpol u l-Frontex, kif ukoll inizjattivi mmexxija mill-UE bħall-“EMPACT Firearms”, u l-Grupp ta' Esperti Ewropej tal-Armi tan-Nar (EFE). Dan jiffaċilita involviment aktar effettiv mal-kontropartijiet fix-Xlokk tal-Ewropea.
Ibbażat f'Belgrad, is-SEESAC fil-preżent jopera fix-Xlokk tal-Ewropa kollu, b'attivitajiet fl-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina (BiH), il-Kosovo (*1), ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq u s-Serbja kif ukoll jagħti appoġġ limitat lill-Ukrajna. Fil-passat, is-SEESAC opera wkoll fil-Bulgarija, fil-Kroazja u fir-Rumanija. Is-sjieda reġjonali hija żgurata permezz tal-KKR kif ukoll permezz tal-RSG, fejn ir-rappreżentanti tal-pajjiżi kollha fix-Xlokk tal-Ewropa jipprovdu gwida strateġika, inizjattivi u talbiet għall-appoġġ.
Is-SEESAC kien il-pijunier ta' approċċ ibbażat fuq l-indirizzar ta' problemi kondiviżi permezz ta' inizjattivi reġjonali, li ħalla riżultati impressjonanti fix-Xlokk tal-Ewropa, mhux biss minħabba l-kondiviżjoni kruċjali ta' informazzjoni u l-promozzjoni ta' kompetizzjoni reġjonali b'saħħitha li huwa jqanqal, iżda wkoll għax jgħin biex jinkisbu riżultati konsistenti u li jistgħu jitkejlu faċilment fil-livell nazzjonali u reġjonali permezz ta' modalità ta' implimentazzjoni olistika.
Is-SEESAC implimenta l-proġetti preċedenti tiegħu ffinanzjati mill-Unjoni b'rata għolja ħafna ta' rendiment tal-attivitajiet previsti, filwaqt li kiseb riżultati sostenibbli għall-proġett billi żviluppa u rawwem sjieda nazzjonali tal-proġetti u l-attivitajiet tiegħu, u billi ppromwova koordinazzjoni reġjonali, esperjenza u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, kif ukoll riċerka reġjonali. L-għarfien espert tiegħu dwar is-SALW u l-għarfien profond tal-affarijiet reġjonali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti jagħmlu s-SEESAC bħala s-sieħeb ta' implimentazzjoni l-aktar adatt għal din l-azzjoni partikolari.
3. Deskrizzjoni tal-proġett
Il-fażi l-ġdida tal-proġett ser tibni fuq il-bażi tal-kisbiet fl-ambitu tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/791/PESK (4), 2010/179/PESK, 2013/730/PESK, (PESK) 2016/2356, (PESK) 2018/1788, (PESK) 2019/2111 u (PESK) 2024/381 tat-22 ta' Jannar 2024 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/2111 u b'komplementarjetà mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2321 li għaddejja bħalissa u l-Proġett reġjonali tal-IPA b'Appoġġ għat-Tisħiħ tal-Ġlieda Kontra l-Pussess Illegali, l-Użu Ħażin u t-Traffikar ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SALW) fil-Balkani tal-Punent iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea. Din ser tiffoka fuq tliet oqsma ewlenin, filwaqt li żżomm l-approċċ olistiku għall-indirizzar tat-theddida tas-SALW fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa.
It-tliet oqsma jindirizzaw il-livell strateġiku u ta' politika kif ukoll l-aspetti operazzjonali, u b'hekk huma ta' assistenza diretta fil-livelli kollha tal-kontroll tas-SALW b'fokus fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali, l-iskambju ta' għarfien u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni; it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet doganali, tal-pulizija tal-fruntieri u s-servizzi tal-pulizija kriminali tal-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra t-traffikar u l-pussess illeċiti tal-armi tan-nar; u t-titjib tal-kapaċitajiet għall-PSSM permezz ta' titjib fis-sigurtà tal-infrastruttura, it-tnaqqis ta' ħażniet żejda, u t-taħriġ.
B'mod partikolari, il-proġett ser jirriżulta:
|
— |
f'kooperazzjoni reġjonali msaħħa, skambju ta' għarfien u kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar il-kontroll tas-SALW; |
|
— |
f'kapaċitajiet imtejba tal-awtoritajiet doganali, tal-pulizija tal-fruntieri u s-servizzi tal-pulizija kriminali tal-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra t-traffikar u l-pussess illeċiti tal-armi tan-nar; |
|
— |
f'kapaċitajiet imtejba għall-PSSM permezz ta' titjib fis-sigurtà tal-infrastruttura, it-tnaqqis ta' ħażniet żejda, u t-taħriġ. |
L-istrateġija tal-proġett hija msejsa fuq l-approċċ uniku tas-SEESAC biex jitrawmu l-fiduċja u l-kooperazzjoni fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa bħala prerekwiżit għall-kisba ta' bidla trasformattiva konkreta u li tista' titkejjel. B'mod partikolari, fil-livell reġjonali, proċessi differenti ta' kooperazzjoni ffaċilitati mis-SEESAC, li jinvolvu kemm lil dawk li jfasslu l-politika kif ukoll lill-prattikanti fil-livell operazzjonali, urew li huma essenzjali biex jiġi żgurat ambjent abilitanti u kompetittiv għat-trasferiment tal-għarfien, l-iskambju ta' għarfien espert u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni. Dan serva mhux biss biex jiżdiedu l-kapaċitajiet fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa iżda, aktar importanti minn hekk, biex tinbena l-fiduċja u tiġi stabbilita kooperazzjoni diretta fost l-istituzzjonijiet u l-esperti individwali, li, fost fatturi oħrajn, ippermettew l-iżvilupp tal-Pjan Direzzjonali. Barra minn hekk, l-approċċ ta' kooperazzjoni reġjonali għamel lir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa aktar trasparenti u effiċjenti fl-isforzi tiegħu biex jikkontrolla l-kummerċ tal-armi, bir-riżultat li l-pajjiżi tax-Xlokk tal-Ewropa huma fost l-aktar trasparenti fid-dinja fir-rappurtar tagħhom dwar it-trasferimenti tal-armi. Għaldaqstant, il-proġett ser ikompli jrawwem il-kooperazzjoni reġjonali bħala l-element abilitanti essenzjali biex jinkisbu riżultati li jistgħu jitkejlu.
L-ambitu ġeografiku tal-proġett huwa x-Xlokk tal-Ewropa, peress li l-benefiċjarji diretti tal-proġett huma l-awtoritajiet rilevanti fl-Albanija, il-BiH, il-Montenegro, is-Serbja, il-Moldova, il-Maċedonja ta' Fuq u l-Kosovo. Barra minn hekk, il-proġett ser ifittex li jkompli jappoġġa lill-Ukrajna, permezz tal-involviment tiegħu fit-trasferiment tal-għarfien u l-esperjenza miksuba u l-aħjar prattiki żviluppati fil-Balkani tal-Punent.
3.1. L-iffaċilitar tal-kooperazzjoni reġjonali u l-appoġġ għal tfassil ta' politika bbażat fuq l-evidenza dwar il-kontroll tas-SALW, u b'hekk aktar kontribuzzjoni għat-tnaqqis tat-theddida ta' proliferazzjoni illeċita tas-SALW
Objettiv
L-ewwel komponent għandu l-għan li jikkontribwixxi aktar għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' politiki ta' kontroll tas-SALW ibbażati fuq l-evidenza u l-istandardizzazzjoni ta' approċċi permezz ta' kooperazzjoni reġjonali fil-livelli strateġiċi u operazzjonali tal-Kummissjonijiet dwar is-SALW u n-Network ta' Esperti tal-Armi tan-Nar tax-Xlokk tal-Ewropa (SEEFEN) li jirrappreżentaw is-sinsla tal-approċċ reġjonali għall-kontroll tas-SALW fix-Xlokk tal-Ewropa. Barra minn hekk, ser jiġu appoġġati l-iskambju ta' informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-għarfien, l-iżvilupp ulterjuri tal-kapaċità għall-ġbir u l-analiżi tad-data, l-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-oqfsa leġiżlattivi u regolatorji dwar is-SALW, u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru fil-politiki ta' kontroll tas-SALW. Dan, min-naħa tiegħu, ser jikkontribwixxi għall-kisba tal-Għanijiet 1, 2 u 3 tal-Pjan Direzzjonali.
Deskrizzjoni
Filwaqt li jibni fuq l-approċċ ta' suċċess li jiffaċilita n-networking fil-livell reġjonali, dan il-komponent ser ikompli jiffaċilita l-kooperazzjoni reġjonali bejn il-Kummissjonijiet tas-SALW permezz ta' laqgħat reġjonali regolari, l-iskambju ta' informazzjoni u l-ħidma fuq il-ġbir ta' data u ż-żieda fil-kapaċità għal tfassil ta' politika bbażat fuq l-evidenza. It-trasparenza tat-trasferimenti tal-armi ser tiżdied ukoll bl-integrazzjoni parzjali tal-proċess tal-iskambju ta' informazzjoni reġjonali dwar it-trasferimenti tal-armi fil-proċess ta' kooperazzjoni tal-Kummissjoni tas-SALW, kif ukoll bl-appoġġ biex titkompla t-trasparenza tat-trasferimenti tal-armi fix-Xlokk tal-Ewropa. Fl-aħħar nett, dan il-komponent ser jipprovdi appoġġ tekniku permezz ta' riċerka u għoti ta' informazzjoni mmirati u fuq talba li jkunu rilevanti għall-politika għal dawk li jfasslu l-politika.
Barra minn hekk, fid-dawl tar-riskju tat-traffikar illeċitu ta' armi tan-nar lejn l-Unjoni, kif ukoll iż-żieda fl-użu tal-armi tan-nar fil-kriminalità organizzata u l-inċidenti terroristiċi, l-iżvilupp ta' sistemi u mekkaniżmi robusti ta' ġbir u skambju ta' informazzjoni huwa element essenzjali fl-isforzi tal-ġlieda kontra din it-theddida. Permezz tal-ħidma twila tiegħu fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa, u b'mod speċjali permezz tal-implimentazzjoni b'suċċess tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2013/730/PESK, (PESK) 2016/2356, (PESK) 2018/1788, (PESK) 2019/2111 u (PESK) 2024/381 tat-22 ta' Jannar 2024 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/2111, inkluż l-istabbiliment u l-faċilitazzjoni tas-SEEFEN, is-SEESAC ilu fuq quddiem nett f'dawn l-isforzi, waqt li aġixxa bħala aġent ta' tlaqqigħ tal-proċessi ta' kooperazzjoni u waqt li ħadem biex iżid il-kapaċità tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi għall-immarkar, it-traċċar u ż-żamma ta' rekords, inkluż permezz ta' assistenza teknika u appoġġ għall-istabbiliment u t-titjib tas-sistemi taż-żamma ta' rekords. Bħala tali, dan il-komponent ser jibni fuq il-bażi stabbilita fil-perjodu preċedenti billi jsaħħaħ aktar lis-SEEFEN, filwaqt li fl-istess ħin jużah bħala pjattaforma għal kooperazzjoni akbar bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fix-Xlokk tal-Ewropa u lil hinn minnu, fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. L-attivitajiet kollha tas-SEEFEN ser jiġu kkoordinati mill-qrib mal-Europol, l-EMPACT, l-EFE, id-DĠ Migrazzjoni u Affarijiet Interni, l-Interpol, l-Eurojust u l-Frontex, u atturi rilevanti oħra, u ser jikkontribwixxu għall-isforzi tagħhom.
Fl-aħħar nett, il-komponent ser jindirizza l-ħtieġa urġenti għal qafas leġiżlattiv u regolatorju aktar strett dwar il-kontroll tas-SALW u l-armi tan-nar fil-Balkani tal-Punent biex jirregola b'mod effettiv il-kontroll tal-armi u jiffaċilita r-rispons għal theddid rilevanti. Konsegwentement dan ser jiffaċilita l-kompatibbiltà tal-liġijiet u l-proċeduri dwar il-kontroll tal-armi fil-Balkani tal-Punent u l-istandardizzazzjoni tal-proċeduri u l-prattiki tal-kontroll tas-SALW u l-armi tan-nar. Tali standardizzazzjoni tippermetti t-tneħħija tal-ostakli li jimpedixxu lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura milli jikkooperaw direttament, jiskambjaw informazzjoni u jwettqu investigazzjonijiet konġunti jew paralleli. Ser jagħmel dan, filwaqt li jibni fuq l-appoġġ ipprovdut permezz tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1788, billi jiżviluppa workshops tematiċi nazzjonali u reġjonali mfassla apposta, jaġġorna l-kompendju tal-liġi reġjonali dwar l-armi u jipprovdi appoġġ konsultattiv fuq talba.
B'mod speċifiku, il-proġett jipprevedi l-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali u jappoġġa t-tfassil ta' politika bbażat fuq l-evidenza fir-rigward tal-kontroll tas-SALW permezz ta':
|
— |
laqgħat reġjonali tal-Kummissjonijiet tas-SALW (darbtejn fis-sena) fix-Xlokk tal-Ewropa li jiffukaw fuq l-iskambju ta' informazzjoni u l-kondiviżjoni ta' għarfien dwar l-istandardizzazzjoni ta' politiki dwar il-kontroll tal-armi; |
|
— |
laqgħat reġjonali tas-SEEFEN (darba fis-sena) li jiffukaw fuq l-iskambju ta' informazzjoni operazzjonali u l-kooperazzjoni transfruntiera fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi tan-nar; |
|
— |
l-għoti fuq talba ta' pariri tekniċi u appoġġ lill-Kummissjonijiet tas-SALW u lis-SEEFEN sabiex jissaħħu l-iżvilupp, it-tfassil, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki; |
|
— |
appoġġ fuq talba għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-armi għal emendi rilevanti li jikkonċernaw il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kontroll tal-armi u l-istandardizzazzjoni fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa kollu; |
|
— |
appoġġ għall-ġbir u l-analiżi tad-data dwar is-SALW; |
|
— |
iż-żamma tal-Pjattaforma għall-Monitoraġġ ta' Vjolenza bl-Armi u d-disseminazzjoni regolari ta' Monitoraġġ tal-Vjolenza bl-Armi fix-Xlokk tal-Ewropa (SEE) li jippermetti li jittieħed kont tax-xejriet; |
|
— |
l-integrazzjoni ulterjuri tal-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fit-tfassil tal-politika dwar il-kontroll tas-SALW; |
|
— |
iż-żamma tal-pjattaforma online għall-iskambju ta' informazzjoni u t-titjib tagħha permezz tal-iżvilupp ta' prodotti ta' għarfien fuq talba u li huma rilevanti għall-politika. |
Indikaturi tar-riżultati/tal-implimentazzjoni tal-proġett:
|
— |
l-organizzazzjoni ta' massimu ta' sitt laqgħat tal-Kummissjonijiet tas-SALW; |
|
— |
l-organizzazzjoni ta' massimu ta' tliet laqgħat reġjonali tas-SEEFEN (darbtejn fis-sena) li jiffukaw fuq in-networking u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-esperti tal-armi tan-nar mill-qasam tal-infurzar tal-liġi; |
|
— |
it-titjib tal-kapaċitajiet tal-Kummissjonijiet tas-SALW u tal-membri tas-SEEFEN permezz tal-għoti ta' appoġġ tekniku u konsultattiv; |
|
— |
l-abilitazzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni, it-trasferiment ta' għarfien u l-istandardizzazzjoni tal-approċċi; |
|
— |
l-organizzazzjoni ta' massimu ta' għaxar workshops tematiċi għall-benefiċjarji li jappoġġaw l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni mal-Acquis u l-istandardizzazzjoni fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa; |
|
— |
l-għoti ta' għarfien espert, appoġġ konsultattiv u tekniku għal aġġornamenti leġiżlattivi u ta' politika bil-għan li jkun hemm armonizzazzjoni mal-qafas u l-istandards regolatorji tal-UE; |
|
— |
il-pubblikazzjoni ta' monitoraġġ ta' kull xahar dwar ix-xejriet tal-vjolenza bl-armi fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa kollu; |
|
— |
l-iżgurar tal-ġbir, l-analiżi u d-disseminazzjoni tad-data mill-awtoritajiet; |
|
— |
l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fit-tfassil tal-politika dwar is-SALW; |
3.2. Aktar appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-fruntieri fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi u splussivi
Objettiv
It-tieni komponent għandu l-għan li jiżgura l-appoġġ meħtieġ għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' SALW permezz ta' proċessi, tagħmir u taħriġ imtejba ta' istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi fil-mira. Dan huwa konformi mal-Għan 3 tal-Pjan Direzzjonali, li jappella għal tnaqqis sinifikanti tal-flussi illeċiti ta' armi tan-nar, munizzjon u splussivi.
Deskrizzjoni
Dan il-komponent ser jappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet reġjonali biex iwettqu kemm attivitajiet preventivi kif ukoll repressivi neċessarji biex jidentifikaw, ifixklu, u jiġġieldu b'suċċess it-traffikar tal-armi tan-nar, munizzjon, u splussivi li ġejjin mill-ġuriżdizzjoni tagħhom u li jgħaddu minnha. L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà identifikat il-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi tan-nar bħala waħda mill-azzjonijiet ta' prijorità tagħha. Hija appellat għal rieżami tal-qafas legali u t-tisħiħ tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi tan-nar. Is-sorsi tat-traffikar illeċitu ta' armi tan-nar u splussivi huma diversi, u l-kontrolli fil-fruntieri esterni u l-kooperazzjoni tal-pulizija u tad-dwana jibqgħu ta' importanza assoluta, kif deskritt fl-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW. Fil-livell reġjonali tax-Xlokk tal-Ewropa, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ser jassistu fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-infurzar tal-liġi biex jiġu identifikati, sfrattati, u impediti networks tat-traffikar, u sabiex l-armi tan-nar jiġu pprevenuti milli jaslu għand terroristi u kriminali permezz tas-suq illeċitu, fost l-oħrajn billi jiġu imblukkati l-finanzjament u t-trasport illeċiti ta' armi u billi jissaħħaħ ir-rwol tal-pulizija tal-fruntieri u dawk kriminali, kif ukoll tal-awtoritajiet doganali. Minħabba n-natura transfruntiera tat-traffikar tal-armi, huwa partikolarment importanti li l-pajjiżi ġirien jingħataw appoġġ.
Il-kontroll transfruntier imsaħħaħ huwa wieħed mir-rekwiżiti ċentrali għal approċċ komprensiv lejn il-ġlieda kontra l-kummerċ u l-flussi illeċiti ta' armi tan-nar, komponenti essenzjali, munizzjon, u splussivi fil-Balkani tal-Punent. Il-kontrolli effettivi tal-fruntieri jservu bħala deterrent għall-kriminalità fl-aspetti kollha tagħha u bħala miżura għat-tisħiħ tal-fiduċja. Il-kontroll strett u effettiv fil-fruntieri huwa pedament għal kwalunkwe programm fit-tul ta' sigurtà nazzjonali u reġjonali. It-tisħiħ tal-kapaċitajiet ġenerali għall-kontroll tal-fruntieri huwa meħtieġ biex jitrażżan b'mod effettiv it-traffikar ta' armi, munizzjon u splussivi bejn il-fruntieri. Valutazzjoni preliminari tal-kapaċitajiet tas-servizzi doganali tal-ġuriżdizzjonijiet qed titwettaq skont id-Deċiżjoni (PESK) 2022/2321, u l-enfasi hija primarjament fuq il-qafas legali fis-seħħ u l-kapaċitajiet amministrattivi u tekniċi tal-awtoritajiet doganali fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar. Is-sejbiet preliminari tal-valutazzjoni juru b'mod partikolari n-nuqqas ta' taħriġ immirat dwar id-detezzjoni tal-armi tan-nar fil-fruntieri u l-SOPs fis-seħħ li jiffokaw fuq il-kontroll tas-SALW. Barra minn hekk, huwa meħtieġ aktar appoġġ għall-iżvilupp tal-kapaċità tas-servizzi tal-pulizija tal-fruntieri u kriminali, li jibni fuq l-attivitajiet diġà implimentati skont id-Deċiżjonijiet (PESK) 2019/2111 u (PESK) 2024/381 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/2111 u abbażi tar-Rakkomandazzjonijiet mill-Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet ta' dawn iż-żewġ servizzi mwettqa skont id-Deċiżjoni (PESK) 2018/1788.
L-assistenza f'dan il-komponent ser tiffoka fuq l-iżvilupp ta' Proċeduri Operattivi Standard u taħriġ tematiku fil-livell ta' ġuriżdizzjonijiet għall-awtoritajiet doganali kif ukoll taħriġ tematiku u akkwist ta' tagħmir għas-servizzi tal-pulizija tal-fruntieri u kriminali. Barra minn hekk, ser ikomplu jsiru workshops reġjonali. L-attivitajiet proposti ser jikkomplementaw il-ħidma tas-SEEFEN u ser jiġu kkoordinati mill-qrib ma' azzjonijiet oħra li għaddejja appoġġati mill-Unjoni fix-Xlokk tal-Ewropa, primarjament iċ-Ċiklu ta' Politika tal-UE għall-kriminalità internazzjonali organizzata u serja u b'mod speċifiku l-pjanijiet ta' azzjoni operazzjonali tal-Armi tan-Nar tal-EMPACT, kif ukoll l-attivitajiet tal-Europol, il-Frontex u l-Interpol.
Dan ser iseħħ permezz ta':
|
— |
l-iżvilupp ta' SOPs u l-forniment ta' taħriġ għall-ġestjoni tal-fruntieri fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi b'appoġġ għall-awtoritajiet doganali fl-Albanija, il-BiH, il-Kosovo, il-Montenegro, is-Serbja, u r-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq; |
|
— |
il-forniment ta' tagħmir u taħriġ għall-pulizija tal-fruntieri u kriminali fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi b'appoġġ għall-awtoritajiet tal-pulizija tal-fruntieri u kriminali fl-Albanija, il-BiH, il-Kosovo, il-Montenegro, is-Serbja u r-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq. |
Indikaturi tar-riżultati/tal-implimentazzjoni tal-proġett:
|
— |
l-iżvilupp ta' massimu ta' 6 SOPs għal kull servizz doganali; |
|
— |
l-organizzazzjoni ta' massimu ta' sitt sessjonijiet ta' taħriġ tematiku għal kull servizz doganali; |
|
— |
l-organizzazzjoni ta' massimu ta' żewġ workshops reġjonali għas-servizzi tal-fruntieri u doganali; |
|
— |
l-għoti ta' tagħmir lill-pulizija tal-fruntieri, u ta' taħriġ għall-użu tat-tagħmir; |
|
— |
l-organizzazzjoni ta' massimu ta' sitt sessjonijiet ta' taħriġ tematiku għas-servizz tal-fruntieri għal kull ġuriżdizzjoni; |
|
— |
l-għoti ta' tagħmir lill-pulizija kriminali, u ta' taħriġ għall-użu tat-tagħmir; |
|
— |
l-organizzazzjoni ta' massimu ta' sitt sessjonijiet ta' taħriġ tematiku għall-pulizija kriminali għal kull ġuriżdizzjoni; |
|
— |
l-organizzazzjoni ta' massimu ta' żewġ workshops reġjonali għall-pulizija kriminali. |
3.3. It-titjib fil-kapaċitajiet għal sigurtà fiżika u ġestjoni tal-ħażniet (PSSM) permezz ta' titjib fis-sigurtà tal-infrastruttura, it-tnaqqis ta' ħażniet żejda u t-taħriġ
Objettiv
It-tnaqqis tar-riskju tal-proliferazzjoni permezz tat-titjib tas-sigurtà tal-ħażniet ta' armi u munizzjon u t-tnaqqis ta' ħażniet żejda ta' SALW.
Deskrizzjoni
L-għan tat-tielet komponent huwa li jappoġġa lill-awtoritajiet tal-intern u l-awtoritajiet tal-pulizija biex itejbu aktar l-infrastruttura ta' sigurtà u l-proċeduri operattivi standard għal siti ta' ħżin ta' prijorità, li għadhom jippreżentaw riskju sinifikanti ta' serq u ta' proliferazzjoni illegali tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. Dan il-komponent jibni fuq id-Deċiżjoni (PESK) 2016/2356, (PESK) 2019/2111 u (PESK) 2024/381 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/2111 u huwa konformi mal-Għan 7 tal-Pjan Direzzjonali li huwa mmirat lejn tnaqqis sinifikanti tar-riskju tal-proliferazzjoni u tad-devjazzjoni tal-armi tan-nar, il-munizzjon u l-isplussivi, u l-Għan 6 li huwa mmirat lejn tnaqqis sistematiku tal-ħażniet żejda u l-qerda ta' SALW u munizzjon maqbuda. Is-SEESAC ilu juża b'suċċess approċċ fuq żewġ binarji ta': (1) titjib fis-sigurtà tas-siti tal-ħażniet; u (2) t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-persunal inkarigat bil-ġestjoni ta' ħażniet, li b'mod sinifikanti żied id-dispożizzjonijiet ta' sigurtà u naqqas ir-riskju tal-proliferazzjoni mhux mixtieqa ta' ħażniet tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. F'konformità ma' approċċ komprensiv għall-PSSM tas-SALW u l-munizzjon tagħhom, is-SEESAC espanda dan l-approċċ billi għaqqdu mat-tnaqqis tal-ħażniet żejda, u b'hekk kompla naqqas ir-riskji ta' proliferazzjoni.
Il-proġett ser ikompli jtejjeb is-sigurtà ta' ħażniet ta' armi u munizzjon fix-Xlokk tal-Ewropa billi jipprovdi assistenza teknika u infrastrutturali speċifika ulterjuri f'konformità mal-aħjar prattiki u standards internazzjonali. Filwaqt li s-sigurtà fis-siti ta' ħżin militari żdiedet b'mod sinifikanti skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/730/PESK, is-SEESAC identifika ħażniet miżmuma minn pulizija u awtoritajiet tal-intern bħala sors ta' tħassib minħabba n-nuqqas ta' kapaċità għas-salvagwardja, kapaċitajiet inadegwati ta' żamma ta' rekords u ta' ġestjoni tal-ħażniet, u sistemi aktar kumplessi li jinkludu armi ta' formazzjoni kif ukoll armi tan-nar ikkonfiskati. Ser jingħata appoġġ għal sigurtà msaħħa tal-kmamar ta' evidenza tas-SALW tal-pulizija/l-awtoritajiet tal-intern permezz ta' titjib fl-infrastruttura. Il-kmamar ta' evidenza li jinsabu fl-għases tal-pulizija lokali huma prijorità, peress li jeżisti periklu potenzjali ta' devjazzjoni iżda wkoll f'termini ta' sikurezza pubblika fejn diversi materjali perikolużi jinżammu flimkien taħt kundizzjonijiet ta' ħżin ħżiena. Ser jingħata wkoll appoġġ għat-tnaqqis ta' ħażniet żejda jew SALW u munizzjon ikkonfiskati biex b'hekk jitnaqqas aktar ir-riskju tal-proliferazzjoni illeċita tagħhom.
Attivitajiet ewlenin previsti:
|
— |
appoġġ għas-sigurtà msaħħa tal-kmamar ta' evidenza tas-SALW tal-pulizija/l-awtoritajiet tal-intern permezz ta' titjib fl-infrastruttura; |
|
— |
appoġġ għall-qerda ta' ħażniet żejda ta' SALW u/jew dawk ikkonfiskati; |
|
— |
l-għoti ta' appoġġ għas-sistemi ta' ġestjoni u spezzjoni tal-ħażniet; |
Indikaturi tar-riżultati/tal-implimentazzjoni tal-proġett:
|
— |
żieda fis-sigurtà b'massimu ta' 6-il kamra ta' evidenza; |
|
— |
il-qerda ta' massimu ta' 5 000 element ta' arma konvenzjonali; |
|
— |
l-għoti ta' massimu ta' tliet workshops tematiċi. |
4. Benefiċjarji
Il-benefiċjarji diretti tal-proġett ser ikunu l-istituzzjonijiet responsabbli għall-kontroll tas-SALW fix-Xlokk tal-Ewropa. L-awtoritajiet tal-intern, is-servizzi tal-pulizija, l-awtoritajiet doganali, il-gwardji tal-fruntieri, l-investigaturi kriminali u l-prosekuturi tar-Repubblika tal-Albanija, il-BiH, il-Kosovo, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, ir-Repubblika tas-Serbja u r-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq ser jibbenefikaw mill-iskambju ta' informazzjoni u l-kondiviżjoni ta' għarfien li jwasslu għall-istandardizzazzjoni permezz tal-kooperazzjoni reġjonali, l-iżvilupp tal-kapaċità, proċeduri mtejba u l-forniment ta' tagħmir speċifiku speċjalizzat neċessarju għall-avvanzi tal-politika, u dawk operazzjonali u tekniċi fil-kontroll tas-SALW. Fl-aħħar nett, il-Kummissjonijiet tas-SALW u istituzzjonijiet oħra responsabbli għall-kontroll tas-SALW fix-Xlokk tal-Ewropa ser jibbenefikaw minn taħriġ u kondiviżjoni ta' informazzjoni kif ukoll kooperazzjoni reġjonali.
L-attivitajiet proposti huma f'konformità sħiħa mal-prijoritajiet nazzjonali dwar il-kontroll tas-SALW u l-Pjan Direzzjonali u ġew approvati mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti għall-kontroll tas-SALW, ħaġa li turi l-adeżjoni u l-impenn tagħhom għall-kisba tar-riżultati tal-proġett.
Il-popolazzjoni ġenerali tal-pajjiżi fix-Xlokk u l-Lvant tal-Ewropa, u fl-Unjoni, fir-riskju tal-proliferazzjoni mifruxa tas-SALW, ser tibbenefika minn dan il-proġett hekk kif jonqos ir-riskju.
5. Viżibbiltà tal-Unjoni
Is-SEESAC għandu jieħu l-miżuri kollha adatti biex jirreklama l-fatt li l-azzjoni tkun ġiet iffinanzjata mill-Unjoni. Tali miżuri ser jitwettqu f'konformità mal-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv bejn l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti (5).
B'dan il-mod, is-SEESAC ser jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribut tal-Unjoni Ewropea permezz ta' mmarkar u pubbliċità adatti, li jenfasizzaw ir-rwol tal-Unjoni, jiżguraw it-trasparenza tal-azzjonijiet tagħha u jissensibilizzaw l-għarfien tar-raġunijiet għall-proġett kif ukoll l-appoġġ tal-Unjoni għall-proġett u r-riżultati ta' dan l-appoġġ. Il-materjal prodott bil-proġett ser juri b'mod prominenti l-bandiera tal-UE f'konformità mal-linji gwida tal-Unjoni għall-użu u r-riproduzzjoni preċiżi tal-bandiera.
Minħabba li l-attivitajiet ippjanati jvarjaw ħafna fl-ambitu u l-karattru, ser tintuża firxa ta' għodod promozzjonali, inkluż: media tradizzjonali; siti web; media soċjali; u materjali informattivi u promozzjonali, inkluż infografika, fuljetti, bullettini, stqarrijiet għall-istampa u oħrajn kif adattat. Pubblikazzjonijiet, avvenimenti pubbliċi, kampanji, tagħmir u xogħlijiet ta' kostruzzjoni akkwistati taħt il-proġett ser jiġu mmarkati kif xieraq. Biex jiġi amplifikat aktar l-impatt permezz tas-sensibilizzazzjoni fost diversi gvernijiet nazzjonali u l-pubbliku, il-komunità internazzjonali u l-media lokali u internazzjonali, kull wieħed mill-gruppi fil-mira tal-proġett ser jiġi indirizzat permezz tal-lingwa adatta. Ser issir enfasi partikolari fuq media ġdida u l-preżenza online.
6. Durata
Abbażi tal-esperjenza tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2013/730/PESK, (PESK) 2016/2356, (PESK) 2018/1788, (PESK) 2019/2111 u (PESK) 2024/381 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/2111 u b'kont meħud tal-ambitu reġjonali tal-proġett, l-għadd ta' benefiċjarji, u l-għadd u l-kumplessità tal-attivitajiet ippjanati, il-perjodu ta' żmien għall-implimentazzjoni huwa 36 xahar.
7. Struttura ġenerali
L-implimentazzjoni teknika ta' din l-azzjoni ġiet fdata lill-UNDP, li jaġixxi f'isem is-SEESAC, l-inizjattiva reġjonali li taħdem taħt il-mandat tal-UNDP u tal-KKR, is-suċċessur għall-Patt ta' Stabbiltà għall-Ewropa tax-Xlokk. Is-SEESAC huwa l-fergħa eżekuttiva tal-Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali u, bħala tali, jaġixxi bħala punt fokali għall-kwistjonijiet kollha relatati mas-SALW fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa, inkluż il-faċilitazzjoni tal-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali.
L-UNDP, filwaqt li jaġixxi f'isem is-SEESAC, ser ikollu r-responsabbiltà ġenerali għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-proġett u r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-proġett. Id-durata tal-proġett huwa tliet snin (36 xahar).
Il-proġett għandu jiġi implimentat mill-uffiċċju tal-proġett tas-SEESAC li jinsab f'Belgrad.
Hemm tliet tipi ta' kostijiet relatati mal-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-proġett li ġew definiti fil-baġit:
|
— |
Kostijiet tal-ġestjoni tal-proġett |
|
— |
Kostijiet ta' amministrazzjoni u |
|
— |
Kostijiet tal-evalwazzjoni tal-proġett |
Il-kostijiet tal-ġestjoni tal-proġett ser jinkludu persunal li jimmaniġġa l-implimentazzjoni tal-proġett u f'dak is-sens iwettaq kompiti li huma direttament attribwibbli għall-implimentazzjoni tal-Azzjoni. It-tariffi tal-persunal ser jiġu imposti permezz tal-kostijiet tal-proġett għaż-żmien imqatta' direttament attribwibbli għall-implimentazzjoni tal-Azzjoni.
Il-persunal tal-ġestjoni tal-uffiċċju tal-proġett ser iwettaq id-dmirijiet li ġejjin:
|
— |
Jiżgura l-amministrazzjoni effettiva tal-proġett, jikkoordina mal-uffiċċji tal-pajjiżi u s-sħab, jiżgura t-twettiq f'waqtu tal-outputs kif ukoll ir-rappurtar finanzjarju u tal-attivitajiet effettiv lid-donatur. |
|
— |
Jiżgura implimentazzjoni orjentata lejn ir-riżultati, effettiva, effiċjenti u responsabbli tal-attivitajiet u jiffoka fuq il-kisba tar-riżultati tal-proġetti speċifikati fid-dokument tal-proġett, skont l-istandard ta' kwalità meħtieġ u fil-limiti speċifikati taż-żmien u l-kostijiet. |
Il-kostijiet tal-amministrazzjoni tal-proġett ser jinkludu persunal li jamministra l-implimentazzjoni tal-proġett u f'dak is-sens iwettaq kompiti li huma direttament attribwibbli għall-implimentazzjoni tal-Azzjoni u l-kostijiet operazzjonali tal-uffiċċju.
It-tariffi tal-persunal ser jiġu imposti permezz tal-kostijiet tal-proġett għaż-żmien imqatta' direttament attribwibbli għall-implimentazzjoni tal-Azzjoni.
Il-persunal tal-amministrazzjoni tal-uffiċċju tal-proġett ser iwettaq il-kompiti li ġejjin:
|
— |
Iwettaq proċeduri ta' akkwist, xiri u azzjonijiet kontabilistiċi f'konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet tal-Azzjoni. |
|
— |
Jimmaniġġa l-vawċers u t-talbiet ta' rekwiżizzjonijiet u jagħti segwitu bix-xiri ta' oġġetti u servizzi; |
|
— |
Jimmaniġġa l-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-proġett u japplika strateġiji ta' ġestjoni finanzjarja. |
|
— |
Jipprovdi appoġġ amministrattiv fit-tħejjija ta' laqgħat, workshops, seminars, konferenzi u avvenimenti oħra inkluż preparazzjonijiet loġistiċi, vjaġġar, tħejjija ta' materjali ta' taħriġ u t-twettiq ta' funzjonijiet amministrattivi rilevanti. |
|
— |
Jipprovdi appoġġ għall-ġestjoni tal-programm, l-amministrazzjoni tal-baġits u l-funzjonament tas-sistema għall-irkupru ottimali tal-kostijiet. |
|
— |
Jipprovdi servizzi ta' trasport lill-persunal tal-proġett. |
Il-kostijiet operazzjonali tal-uffiċċju għandhom jinkludu diversi kategoriji ta' kostijiet li jistgħu jiġu attribwiti direttament għall-implimentazzjoni tal-Azzjoni u li huma meħtieġa għall-funzjonament tal-Uffiċċju tal-Proġett inkluż:
|
— |
Il-kostijiet tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza għall-persunal u persuni oħra assenjati direttament għall-operazzjonijiet tal-uffiċċju tal-proġett; |
|
— |
Il-kostijiet tad-deprezzament, il-kostijiet tal-kiri – tal-uffiċċji tal-proġett, it-tagħmir u l-assi li jiffurmaw l-uffiċċju tal-proġett; |
|
— |
Il-kostijiet tal-kuntratti ta' manutenzjoni u tiswija speċifikament mogħtija għall-operazzjonijiet tal-uffiċċju tal-proġett; |
|
— |
Il-kostijiet tal-oġġetti konsumabbli u tal-provvisti mixtrija speċifikament għall-operazzjonijiet tal-uffiċċju tal-proġett; |
|
— |
Il-kostijiet tas-servizzi tal-IT u tat-telekomunikazzjoni speċifikament mixtrija għall-operazzjonijiet tal-uffiċċju tal-proġett; |
|
— |
Il-kostijiet tal-enerġija u l-ilma speċifikament ipprovduti għall-operazzjonijiet tal-uffiċċju tal-proġett; |
|
— |
Il-kostijiet tal-kuntratti tal-ġestjoni tal-faċilitajiet inkluż it-tariffi tas-sigurtà u l-kostijiet tal-assigurazzjoni speċifikament mogħtija għall-operazzjonijiet tal-uffiċċju tal-proġett. |
Il-kostijiet tal-evalwazzjoni tal-proġett ingħataw bħala somma f'daqqa bbażata fuq il-kostijiet imġarrba preċedentement tal-istess tip fuq proġetti simili. Il-kostijiet imġarrba għandhom ikunu relatati biss mal-azzjoni speċifika għall-proġett.
8. Sħab
Is-SEESAC ser jimplimenta direttament l-azzjoni f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjonijiet tas-SALW kif ukoll mal-awtoritajiet tal-intern u s-servizzi tal-pulizija tal-Albanija, il-BiH, il-Kosovo, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, ir-Repubblika tas-Serbja u r-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq, u l-istituzzjonijiet rilevanti fl-Ukrajna. Istituzzjonijiet oħra ser jiġu involuti mill-qrib f'konformità mal-approċċ olistiku b'diversi partijiet ikkonċernati stabbilit għall-kontroll tas-SALW.
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1788 tad-19 ta’ Novembru 2018 b’appoġġ għaċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-kontroll tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir (SEESAC) għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Reġjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta’ armi fil-Balkani tal-Punent (ĠU L 293, 20.11.2018, p. 11).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/730/PESK tad-9 ta' Diċembru 2013 b'appoġġ għall-attivitajiet ta' SEESAC ta' diżarm u ta' kontroll ta' armi fix-Xlokk tal-Ewropa fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-Ġlieda kontra l-Akkumulazzjoni u t-Traffikar Illeċiti ta' SALW u l-Munizzjon tagħhom (ĠU L 332, 11.12.2013, p. 19).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/381 tat-22 ta’ Jannar 2024 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/2111 b’appoġġ għall-attivitajiet tas-SEESAC rigward id-diżarm u l-kontroll tal-armi fix-Xlokk tal-Ewropa li jnaqqsu t-theddida ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u l-munizzjon tagħhom (ĠU L, 2024/381, 23.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/381/oj).
(*1) L-użu ta' dan l-isem hu mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta' indipendenza tal-Kosovo.
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/791/PESK tat-22 ta’ Novembru 2004 li testendi u temenda d-Deċiżjoni 2002/842/PESK li timplimenta l-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK bil-ħsieb ta’ kontribut ta’ l-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid destabbilizzanti ta’ armi żgħar u armamenti ħfief fl-Ewropa tax-Xlokk (ĠU L 348, 24.11.2004, p. 46).
(5) https://ec.europa.eu/europeaid/funding/procedures-beneficiary-countries-and-partners/fafa-united-nations_en
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3006/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)