32000R1726



Official Journal L 198 , 04/08/2000 P. 0001 - 0005


Ir-Regolament (KE) Nru 1726/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tad-29 ta' Ġunju 2000

dwar il-kooperazzjoni fl-iżvilupp ma’ l-Afrika ta’ Isfel

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkounsidraw it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 179 tiegħu,

Wara li kkonsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Waqt li qegħdin jaġixxu skond il-proċedura stabilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2],

Billi:

(1) Sa mill-elezzjonijiet ta' April 1994 u t-twaqqif ta' gvern demokratiku, il-Komunità daret lejn strateġija ta' appoġġ għall-politika u r-riformi magħmula mill-awtoritajiet ta' l-Afrika ta' Isfel.

(2) Il-Kunsill addotta r-Regolament (KE) Nru 2259/96 tat-22 ta' Novembru 1996 dwar il-kooperazzjoni fl-iżvilupp ma’ l-Afrika ta' Isfel [3]; dan ir-Regolament skada fil-31 ta' Diċembru 1999.

(3) Il-Ftehim dwar il-kummerċ, l-iżvilupp u l-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' l-Afrika ta' Isfel jistabilixxi fil-Kaptiolu VII tiegħu illi l-assistenza finanzjarja fil-għamla ta' għotjiet għandha tkun koperta b'faċilità finanzjarja speċjali stabilita skond l-Estimi tal-Komunità, li l-Komunità tiddikjara (3) li hija lesta li tissokta l-kooperazzjoni finanzjarja tagħha ma’ l-Afrika ta' Isfel fuq livell sostanzjali, u li tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa f'dan ir-rigward fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni.

(4) Il-Ftehim imsemmi hawn fuq jinkludi fil-Kapitolu V tiegħu d-dispożizzjonijiet dwar il-għanijiet, il-prijoritajiet, il-metodi u l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni ta' l-iżvilupp ma’ l-Afrika ta' Isfel.

(5) Fid-dawl ta' l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2259/96 u tar-Rapport Speċjali Nru 7/98 tal-Qorti tal-Verifika rigward il-programm tal-Komunità Ewropea ta' għajnuna għall-iżvilupp li jirrigwarda l-Afrika ta' Isfel (mill-1986 sa l-1996), il-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp ma’ l-Afrika ta' Isfel għandha tissokta bla ħsara għall-addozzjonijiet, b'mod partikolari rigward is-simplifikazzjoni tal-proċeduri, ta' aktar iffokar fuq il-prijoritajiet settorjali u t-teħid tad-deċiżjonijiet deċentralizzati.

(6) L-assistenza mogħtija skond dan ir-Regolament għandha tiġi implimentata b'koerenza ma' l-azzjonijiet ta' donaturi oħra, inklużi istituzzjonijiet multilaterali.

(7) Il-miżuri meħtieġa sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament għandhom jiġu addottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li jipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [4].

(8) Dan ir-Regolament jistabilixxi, għat-tul kollu tal-programm, qafas finanzjarju li jikkostitwixxi l-punt prinċipali ta' riferiment, skond it-tifsira tal-punt 33 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 1999 dwar id-dixxiplina ta' l-Estimiu t-titjib fil-proċedura ta' l-Estimi [5], għall-awtorità dwar l-Estimi matul il-proċedura annwali ta' l-Estimi.

(9) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej [6] jistabilixxi qafas legali komuni fl-oqsma kollha li għandhom x'jaqsmu mar-riżorsi u n-nefqiet tal-Komunitajiet infushom.

(10) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-kontrolli fuq il-post u l-ispezzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra [7] japplika għall-oqsma kollha ta' l-attività tal-Komunitajiet mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tar-regoli tal-Komunità li jirreferu speċifikament għall-erji differenti ta' politika,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għanijiet

Il-Komunità għandha timplimenta l-kooperazzjoni finanzjarja u teknika ma' l-Afrika ta' Isfel sabiex tappoġġja l-politika u r-riformi mwettqa mill-awtoritajiet ta' l-Afrika ta' Isfel f'kuntest ta' djalogu ta' politika u tas-sħubija.

Il-għan tal-programm ta' kooperazzjoni tal-Komunità, intitolat il-"Programm Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp fl-Afrika ta' Isfel" (EPRD), għandu jkun li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali armonijuż u sostenibbli ta' l-Afrika ta' Isfel, permezz ta' programmi u miżuri imfassla sabiex inaqqsu l-faqar u jinkoraġġixxu t-tkabbir ekonomiku li jkun ta' benefiċċju għall-fqar, u għall-integrazzjoni ssoktata tagħha fl-ekonomija dinjija, u sabiex jikkonsolida l-pedamenti stabiliti għal soċjetà demokratika u għal Stat iggvernat bir-regola tal-liġi fejn id-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali huma rrispettati bis-sħiħ.

Dan jinkiseb permezz ta' appoġġ għall-miri u għall-politika internazzjonali għal żvilupp sostenibbli msejsa fuq il-konvenzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tan-NU, biex b'hekk jikkontribwixxu għall-mira li jitnaqqas għall-inqas bin-nofs il-proporzjon tal-poplu li jgħix f'faqar estrem sas-sena 2015.

Artikolu 2

Erji ta' kooperazzjoni

1. Il-programmi għandhom jiffokaw fuq il-ġlieda kontra l-faqar, jikkonsidraw il-ħtiġijiet tal-komunitajiet li qabel kienu żvantaġġjati u jintegraw id-dimensjonijiet tas-sessi u ta' l-ambjent fl-iżvilupp. F'dawn il-programmi kollha għandha tingħata attenzjoni speċjali għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali.

2. Il-kooperazzjoni ta' żvilupp li trid titwettaq skond dan ir-Regolament għandha prinċipalment tiffoka fuq:

(a) l-appoġġ għall-politiki, l-istrumenti u l-programmi li jimmiraw għall-integrazzjoni ssoktata ta' l-ekonomija ta' l-Afrika ta' Isfel fl-ekonomija u l-kummerċ dinjin, il-ħolqien tax-xogħol, l-żvilupp tas-settur privat, il-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali. F'dan il-kuntest ta' l-aħħar, għandha tingħata attenzjoni speċjali sabiex jiġi pprovdut appoġġ għall-isforzi ta' l-aġġustament li jiġru fir-reġjun minħabba t-twaqqif taż-żona ta' kummerċ ħieles skond il-Ftehim dwar il-Kummerċ, l-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni, b'mod speċjali fl-Unjoni tad-Dwani ta' l-Afrika ta' Isfel. Tista' tiġi kkonsidrata wkoll il-promozzjoni tal-kooperazzjoni reċiproka ta' interess ġenerali bejn l-Unjoni Ewropea u l-impriżi kummerċjali ta' l-Afrika ta' Isfel;

(b) it-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u l-għoti tas-servizzi soċjali bażiċi;

(ċ) l-appoġġ għad-demokratizzazzjoni, il-protezzjoni tad-drittijiet umani, it-tmexxija pubblika b'saħħitha, it-tisħiħ tal-gvernijiet lokali u l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta' l-iżvilupp.

3. Għandhom jiġu mmexxija 'l quddiem id-djalogu u s-sħubija bejn l-awtoritajiet pubbliċi u u s-sħab u l-atturi mhux governattivi fl-iżvilupp.

Artikolu 3

L-eliġibilità tas-sħab fil-kooperazzjoni

Is-sieħba fil-kooperazzjoni eliġibbli għall-assistenza finanzjarja skond dan ir-Regolament għandhom ikunu l-awtoritajiet nazzjonali, provinċjali u lokali u korpi pubbliċi, organizzazzjonijiet mhux governattivi u organizzazzjonijiet imsesja fuq il-komunità, organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, istituzzjonijiet u operaturi pubbliċi u privati. Kull korp ieħor jista' jkun eliġibbli jekk ikun hekk nominat miż-żewġ partijiet.

Artikolu 4

Il-mezzi, l-ispejjeż, it-tagħrif dwar il-programm u l-koordinazzjoni

1. Il-mezzi li jistgħu jintużaw fl-operazzjonijiet ta' kooperazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 għandhom jinkludu b'mod partikolari studji, assistenza teknika, taħriġ u servizzi oħra, provvisti u xogħlijiet, kif ukoll l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ minn awdituri u missjonijiet ta' sorveljanza.

2. Il-finanzjament Komunitarju fil-munita korrenti lokali jew barranija, li jiddependi mill-ħteġijiet u n-natura ta' l-operazzjoni, jista' jkopri:

(a) l-infiq ta' l-estimi tal-gvern biex jappoġġja r-riformi u sabiex jimplimenta l-politika fis-setturi ta' prijorità identifikati permezz tad-djalogu politiku, bl-użu ta' l-istrumenti l-aktar xierqa inkluż il-forma ta' appoġġ dirett u mmirat għall-estimi f'setturi speċifiċi fejn jintlaħqu l-kondizzjonijiet xierqa (p.e. il-kontabilità u t-trasparenza ta' l-estimi tal-gvern, proċeduri b'saħħithomn dwar l —finzjanzjament tal-Gvern);

(b) l-investiment u t-tagħmir;

(ċ) f'każijiet iġġustifikati kif jixraq, u b'mod partikolari fejn programm jiġi implimentat minn sieħeb mhux governattiv, meta jiġi kkonsidrat il-fatt li l-programm għandu jimmira kemm jista' jkun għas-sostenibilità fit-tul, in-nefqa rikorrenti (inklużi l-ispejjeż amministrattivi, in-nefqa fuq il-manutenzjoni u l-operazzjoni).

Parti mill-finanzjament tista' tiġi kkanalizzata lejn il-benefiċjarji finali fil-mira (p.e. l-imprendituri emerġenti) permezz ta' l-istituzzjonijiet finanzjarji speċjalizzati, inkluż il-Bank Ewropew ta' l-Investiment, fil-għamla ta' kapital għar-riskju jew strumenti oħra. Ir-riżorsi li jkunu magħmula disponibbli skond dan ir-Regolament ma għandhomx jintużaw b'mod li jippermetti kompetizzjoni mhux ġusta.

3. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mis-sieħba msemmija fl-Artikolu 5 għandha fil-prinċipju tintalab għal kull operazzjoni ta' kooperazzjoni. Din il-kontribuzzjoni għandha tintalab skond il-possibilitajiet tal-partijiet interessati u skond in-natura ta' kull operazzjoni. Għandha tintalab b'mod partikolari f'każijiet fejn proġett ikun iddisinjat bħala l-ftuħgħal attività li ma għandhiex tmiem wieħed, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ta' dawn il-proġetti wara li jieqaf il-finanzjament Komunitarju. Din tista' tkun in natura. F'każijiet speċifiċi fejn is-sieħeb ikun jew organizzazzjoni mhux governattiva jew organizzazzjoni msejsa fuq il-komunità, il-kontribuzzjoni tista' ma tkunx meħtieġa.

4. Il-Kummissjoni tista' tieħu kull pass xieraq sabiex tiżgura illi jsir magħruf il-karattru ta' l-għajnuna pprovvduta skond dan ir-Regolament.

5. Jistgħu jiġu mfittxija opportunitajiet għall-ko-finanzjament potenzjali u l-finanzjament parallel ma' donaturi oħra, b'mod partikolari l-Istati Membri.

6. Sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-koerenza u l-komplimentarjetà msemmija fit-Trattat u bil-għan li tiġi ggarantita l-effettività massima tal-għajnuna, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa ta' kooperazzjoni, inklużi b'mod partikolari:

(a) it-twaqqif ta' sistema għall-iskambju sistematiku tat-tagħrif dwar l-azzjonijiet iffinanzjati jew ippjanati li jiġu ffinanzjati mill-Komunità, l-Istati Membri u l-BEI/EIB;

(b) il-koordinazzjoni fuq il-post ta' dawn l-azzjonijiet permezz ta' laqgħat regolari u l-iskambju tat-tagħrif bejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri fil-pajjiż benefiċjarju.

7. Il-Kummissjoni, b'kollaborazzjoni ma' l-Istati Membri, għandha tfittex li tieħu kull pass meħtieġ sabiex tiżgura l-koordinazzjoni xierqa ma' donaturi oħra interessati u sabiex tinkoraġġixxi r-rwol dejjem jiżdied tal-pajjiż benefiċjarju fil-proċess tal-għajnuna għall-koordinazzjoni.

Artikolu 5

Il-għamla ta' l-appoġġ finanzjarju

L-appoġġ finanzjarju skond dan ir-Regolament għandu jieħu l-għamla ta' għotjiet.

Artikolu 6

Il-programmazzjoni

1. Għandha ssir programmazzjoni indikattiva triennjali fil-kuntest tal-kuntatti mill-qrib mal-Gvern ta' l-Afrika ta' Isfel u wara li jitqiesu r-riżultati tal-koordinazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(6) u (7). Il-proċess tal-programmazzjoni indikattiva għandu jirrispetta bis-sħiħ il-prinċipju ta' programmażżjoni mmexxija mir-riċevitur.

2. Sabiex isiru t-tħejjijiet għal kull eżerċizzju ta' programmazzjoni, fil-kuntest tal-koordinazzjoni miżjuda ma' l-Istati Membri, inklużi dawk fuq il-post, il-Kummissjoni għandha tfassal Studju Strateġiku dwar il-Pajjiż bi djalogu mal-gvern ta' l-Afrika ta' Isfel. Dan l-Istudju Strateġiku dwar il-Pajjiż għandu jqis ir-riżultati ta' l-evalwazzjoni ġenerali l-aktar riċenti ta' l-operazzjonijiet finanzjati skond ir-Regolament (KE) Nru 2259/96 u skond dan ir-Regolament u ta' l-evalwazzjonijiet regolari l-oħra ta' l-operazzjonijiet. Dan għandu jkun marbut ma' analiżi orjentat lejn il-problemi, u jintegra materji li jirkbu lil xulxin bħal ma huma t-tnaqqis tal-faqar, l-egwaljanza bejn is-sessi, l-ambjent u s-sostenibilità. Għandu jiġi anness Abbozz tal-Programm Indikattiv Triennjali ma' l-Istudju Strateġiku dwar il-Pajjiż Għandu jiġi magħżul numru limitat ta' setturi ta' kooperazzjoni bbażat fuq l-erji identifikati fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament. Għal dawn is-setturi, għandhom jiġu ddikjarati l-modalitajiet u l-miżuri li jakkumpanjawhom. Kemm jista' jkun possibbli għandhom jiġu żviluppati indikaturi tat-twettiq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-miri u l-evalwazzjoni ta' l-impatt.

L-Istudju Strateġiku dwar il-Pajjiż u l-abbozz tal-Programm Indikattiv Triennali għandhom jiġu eżaminati mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 8(1), minn issa ‘l quddiem imsejjaħ il-"Kumitat".

Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu skond il-proċedura fl-Artikolu 8(2).

3. Il-Programm Indikattiv Triennali, għandu jkun innegozjat u ffirmat mill-Kummissjoni u l-Gvern ta' l-Afrika ta' Isfel. Ir-riżultat finali tan-negozjati għandu jintbgħat lill-Kumitat bħala tagħrif. Jekk meħtieġ minn wieħed jew aktar mill-membri tal-Kumitat, dan id-dokument għandu jkun diskuss mill-Kumitat.

4. Il-Kumitat għandu darba fis-sena jirrevedi l-funzjonament, r-riżultati u r-rilevanza ssoktata ta' l-Istudju Strateġiku dwar il-Pajjiż u l-Programm Indikattiv Triennali. Jekk l-evalwazzjonijiet jew żviluppi rilevanti oħra hekk jindikaw, il-Kumitat jista' jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja mal-Gvern ta' l-Afrika ta' Isfel emendi għall-Programm Indikattiv Triennali.

5. Il-Kumitat għandu darba fis-sena, fuq il-bażi ta' preżentazzjoni mill-Kummissjoni, jiddiskuti l-linji gwida ġenerali għall-operazzjonijiet li jridu jitwettqu fis-sena li tmiss.

Artikolu 7

Il-Proċeduri

1. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli sabiex tevalwa, tieħu d-deċiżjonijiet u timmaniġġja l-operazzjonijiet imwettqa skond dan ir-Regolament, skond il-proċeduri ta' l-estimi u dawk l-oħra fis-seħħ, b'mod partikolari dawk ipprovduti fir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-estimi tal-Komunità Ewropea.

2. Fil-każ speċifiku tal-kontribuzzjoni tal-EPRD lill-programmi reġjonali fl-erja tal-Komunità għall-Iżvilupp ta' l-Afrika ta' Isfel iffinanzjata mill-Fond Ewropew ta' l-Iżvilupp, din il-kontribuzzjoni tista' tiġi utilizzata skond il-modalitajiet tal-Konvenzjoni ta' Lomé, sakemm ikunu rrispettati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-Finanzi li japplik għall-estimi ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea.

3. Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-kisba tal-miri riferiti fl-Artikolu 4(6), il-Kummissjoni għandha tagħti folji ta' tagħrif dwar il-proġetti lill-Istati Membri u lir-rappreżentanti lokali tagħhom għall-proġetti kollha hekk kif tieħu d-deċiżjoni biex tevalwahom. Il-Kummissjoni għandha sossegwentement taġġorna l-folji tat-tagħrif dwar il-proġetti u tgħaddihom lill-Istati Membri.

4. Il-ftehimijiet u l-kuntratti kollha dwar il-finanzjament konklużi skond dan ir-Regolament għandhom jipprovdu li ikun hemm kontrolli fuq il-post mill-Kummissjoni u mill-Qorti tal-Verifika skond l-arranġamenti tas-soltu stabiliti mill-Kummissjoni skond ir-regoli fis-seħħ, u b'mod partikolari dawk stabiliti fir-Regolamenti Finanzjarji li japplikaw għall-estimi ġenerali tal-Komunità Ewropea.

Il-miżuri meħuda mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabilita fl-Artikolu 8 għandha tipprovdi protezzjoni adekwata ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità skond ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95.

5. Fejn l-operazzjonijiet jagħtu lok għall-ftehimijiet ta' finanzjament bejn il-Komunità u l-Afrika ta' Isfel, dawn il-ftehimijiet għandhom jistabilixxu illi t-taxxi, id-dazji u l-imposti ma jinġarrux mill-Komunità.

6. Il-parteċipazzjoni fis-sejħiet għall-offerti u l-kuntratti għandhom ikunu miftuħa fuq termini egwali għall-persuni kollha naturali u legali fl-Istati Membri, fl-Afrika ta' Isfel u fl-Istati AKP l-oħra. Il-parteċipazzjoni tista' tiġi mwessgħa sabiex tinkludi pajjiżi oħra f'każijiet sostanzjati kif jixraq u sabiex jiġi żgurat l-aqwa proporzjon fl-effettività għall-prezz.

7. Il-provvisti għandhom joriġinaw fl-Istati Membri, fl-Afrika ta' Isfel u fl-Istati AKP l-oħra. F'każijiet eċċezzjonali sostanzjati kif jixraq, dawn jistgħu joriġinaw f'pajjiżi oħra.

8. Għajr jekk indikat xorta oħra f'dan ir-Regolament, il-kuntratti għandhom jiġu ffirmati mill-Gvern ta' l-Afrika ta' Isfel. B'żieda ma' dan, jekk kuntratt ma jkunx kopert bi ftehim finanzjarju, il-kuntratt għandu jkun konkluż mill-Kummissjoni.

Artikolu 8

Il-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita kif xieraq mill-kumitat stabilit ġjografikament kompetenti fl-iżvilupp.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jiġi kkunsidrat l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu taż-żmien indikat fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 999/468/KE għandu jiġi stabilit għal xahar.

3. Il-Kumitat għandu jaddotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

4. Fil-każ tal-programmi approvati mill-Kumitat u ffinanzjati permezz ta' porzjonijiet li jirreferu għal aktar minn sena waħda ta' l-estimi, il-Kummissjoni għandha tieħu fuq il-bażi ta' kull sena d-deċiżjonijiet finanzjarji sossegwenti, li ma jaqbżux in-nefqa massima stabilita għall-programm approvat u fil-limiti tar-riżorsi finanzjarji li jkunu magħmula disponibbli mill-awtorità dwar l-estimi, mingħajr iktar komunikazzjoni mal-Kumitat.

5. Il-proċedura definita f'dan l-Artikolu għandha tapplika għad-deċiżjonijiet ta' finanzjament li l-Kummissjoni jkun beħsiebha tieħu dwar il-proġetti u l-programmi ta' valur 'il fuq minn 5 miljun EUR. Dan għandu japplika wkoll għal kull aġġustament ta' operazzjoni bħal din li tinvolvi żieda ta' aktar minn 20 % ta' l-ammont miftiehem inizjalment, u għall-proposti li jsiru għal emendi sostantivi fit-twettiq ta' proġett li għalih ikun diġà ittieħed impenn.

6. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Kumitat fil-qosor bid-deċiżjonijiet ta' finanzjament li jkun beħsiebha tieħu dwar il-proġetti u l-programmi ta' valur 'il fuq minn 5 miljun EUR. Dan it-tagħrif għandu jingħata mill-inqas ġimgħa qabel ma tittieħed id-deċiżjoni.

Artikolu 9

Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni

1. Wara kull sena finanzjarja l-Kummissjoni għandha tissottometti rapport annwali dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jiddikjara l-prodott ta' l-estimi rigward l-impenji u l-pagamenti u l-proġetti u l-programmi finanzjati matul is-sena. Dan għandu jkun fih statistika dwar il-kuntratti mogħtija sabiex jiġu implimentati l-proġetti u l-programmi.

B'żieda ma' dan il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-progress li jkun sar fil-kuntest tal-miri ta' kull operazzjoni f'termini ta' ħruġ (outputs) u eżiti (outcomes), bl-użu ta' indikaturi li jistgħu jiġu verifikati.

2. Il-Kummissjoni għandha tevalwa b'mod regolari l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Komunità bil-għan li tistabilixxi jekk ikunux intlaħqu jew le l-miri ta' ta' dawn l-operazzjonijiet u sabiex tistabilixxi linji gwida għat-titjib ta' l-effettività ta' l-operazzjonijiet fil-ġejjieni. Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 8(1) sommarju ta' l-evalwazzjonijiet magħmula. Ir-rapporti dwar l-evalwazzjoni għandhom ikunu magħmula disponibbli lil kull Stat Membru, lill-Parlament Ewropew u lill-partijiet l-oħra interessati.

3. Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rivista ta' nofs l-iskond sa mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2003 u evalwazzjoni globali tal-programm qabel jiskadi dan ir-Regolament.

Ir-rivista ta' nofs l-iskond għandha tirrigwarda r-riżultati tal-ewwel Programm Triennali (2000-2002) implimentat skond dan ir-Regolament. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tipproponi emendi għal dan ir-Regolament, filwaqt li tqis l-implikazzjonijiet ta' l-arranġamenti l-ġodda AKP/UE għall-Afrika ta' Isfel.

L-evalwazzjoni ġenerali trid tagħmel suġġerimenti għall-issoktar tal-kooperazzjoni ta' l-iżvilupp ma' l-Afrika ta' Isfel.

Artikolu 10

L-ammont finanzjarju tar-referenza

1. Il-qafas finanzjarju għalbiex jiġi implimentat dan ir-Regolament għall-perjodu 2000 sa 2006 hu hawnhekk stabilit għal 885,5 miljun ECU.

L-appropjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità dwar l-estimi fil-limiti tal-perspettivi finanzjarji.

2. Kull sena d-deskrizzjoni ta' l-estimi għandha tistabilixxi limitu massimu fl-approprjazzjoni annwali tal-kuntratti ta' l-assistenza teknika li jridu jiġu konklużi mill-Kummissjoni għalbiex jitwettqu operazzjonijiet konġunti għall-benefiċċju reċiproku tal-Komunità u tal-benefiċjarju.

Artikolu 11

It-tul taż-żmien

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu jtemm fil-31 ta' Diċembru 2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fid-29 ta' Ġunju 2000.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

M. Marques Da Costa

[1] ĠU C 37, tal-31.8.1996, p. 1.

[2] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Mejju 1999 (ĠU C 279, ta' l-1.10.1999, p.192), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2000 (ĠU C 128, tat-8.5.2000, p. 51) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Mejju 2000 (għadha mhix ippubblikata fl-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2000.

[3] ĠU L 306, tat-28.11.1996, p. 5.

[4] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[5] ĠU C 172, tal-31.8.1996, p. 1.

[6] ĠU L 312, tat-23.12.1995, p. 1.

[7] ĠU L 292, tal-15.11.1996, p. 2.

--------------------------------------------------