SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is‑Seba’ Awla Estiża)

23 ta’ Lulju 2025 ( *1 )

“Politika komuni tas-sajd – Riżoluzzjoni tal-IOTC dwar il-ġestjoni ta’ rkapti biex jinġema’ l-ħut – Oġġezzjoni tal-Kummissjoni – Ċaħda tat-talba għal eżami mill-ġdid intern – Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 – Att li jista’ jkun is-suġġett ta’ talba għal eżami mill-ġdid intern – Kunċett ta’ ‘dispożizzjonijiet li jistgħu jiksru d-dritt ambjentali’ – Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Nru 1367/2006”

Fil-Kawża T‑1049/23,

Bloom, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn F. Lafforgue, avukat,

rikorrenti,

sostnuta minn

Blue Marine Foundation, stabbilita f’Londra (ir‑Renju Unit), irrappreżentata minn P. de Bandt u C. Binet, avukati,

intervenjenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Dawes, B. Hofstötter u D. Milanowska, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir‑Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Pérez-Zurita Gutiérrez u A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

u minn

Ir‑Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn B. Fodda, M. de Lisi, B. Travard u P. Chansou, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is‑Seba’ Awla Estiża),

komposta minn K. Kowalik-Bańczyk, Presidenta, E. Buttigieg, G. Hesse (Relatur), I. Dimitrakopoulos u B. Ricziová, Imħallfin,

Reġistratur: P. Nuñez Ruiz, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑13 ta’ Frar 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Bloom, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat‑30 ta’ Awwissu 2023 li tiċħad bħala inammissibbli t-talba tagħha għal eżami mill-ġdid intern tal‑11 ta’ Mejju 2023 dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li toġġezzjona għar-Riżoluzzjoni Nru 23/02 tal-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC) dwar il-ġestjoni ta’ rkapti biex jinġema’ l-ħut (iktar ’il quddiem il-“FADs”) fi ħdan iż-żona ta’ kompetenza (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Ir-rikorrenti hija organizzazzjoni mhux governattiva (NGO) li għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-preservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar u tal-habitats tal-baħar.

3

L-IOTC hija organizzazzjoni internazzjonali li għandha l-għan li tippreserva r-riżorsi tat-tonn fl-Oċean Indjan li l-Unjoni Ewropea hija parti kontraenti tagħha bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 95/399/KE tat‑18 ta’ Settembru 1995 dwar l-adeżjoni tal-Komunità mal-Ftehim għall-ħolqien tal-[IOTC] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 2, p. 232).

4

Skont l-Artikolu IX(1) tal-Ftehim li jistabbilixxi l-[IOTC] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 2, p. 233), din “tista’, permezz ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tagħha [...] tadotta miżuri ta’ konservazzjoni u maniġġjar li jorbtu fuq il-membri tal-[IOTC]”.

5

L-Artikolu IX(5) tal-Ftehim li jistabbilixxi l-[IOTC] jipprevedi:

“Kull membru tal-[IOTC] jista’, fi żmien 120 ġurnata mid-data speċifikata jew inkella fi żmien ieħor speċifikat mill-[IOTC] [...], tpoġġi oġġezzjoni għal miżura ta’ konservazzjoni jew ġestjoni adottata skond paragrafu 1. Membru tal-[IOTC] li joġġezzjona għal miżura ma jkunx marbut biha. Kull membru ieħor tal-[IOTC] jista’ joġġezjona fi żmien 60 ġurnata oħra mit-tmiem tal-perjodu ta’ 120 ġurnata [...]”

6

L-Artikolu IX(6) tal-Ftehim li jistabbilixxi l-[IOTC] huwa fformulat kif ġej:

“Jekk l-oġġezzjonijiet għal miżura adottata skond paragrafu 1 huma magħmulin minn iktar minn terz tal-memri tal-[IOTC], il-membri l-oħra ma jkunux marbutin b’din il-miżura, imma dan ma għandux jżomm lil xi wieħed minn dawn il-membri jew kollha kemm huma milli jinfurzaw din il-miżura.”

7

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/860 tal‑14 ta’ Mejju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-[IOTC] u li tħassar id-Deċiżjoni tad‑19 ta’ Mejju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fl-IOTC (ĠU 2019, L 140, p. 33), tiddefinixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fi ħdan l-IOTC għall-perijodu 2019‑2023. L-Anness I tad-Deċiżjoni 2019/860 jinkludi “prinċipji” u “orjentazzjonijiet”. Skont il-punt 2(f) ta’ dan l-anness, l-Unjoni għandha, fejn xieraq, tagħmel ħilitha sabiex tappoġġa l-adozzjoni mill-IOTC ta’ miżuri sabiex jiġi ġestit l-użu tal-FADs, b’mod partikolari biex jittejjeb il-ġbir tad-data, biex jiġi kkwantifikat, ttraċċat u mmonitorjat b’mod preċiż l-użu tal-FADs, biex jitnaqqas l-impatt tagħhom fuq stokkijiet tat-tonn vulnerabbli u biex jitnaqqsu l-effetti potenzjali tagħhom fuq speċijiet fil-mira u mhux fil-mira, kif ukoll fuq l-ekosistema.

8

L-Anness II tad-Deċiżjoni 2019/860 jiddefinixxi l-proċedura applikata sabiex tiġi stabbilita kull sena l-pożizzjoni tal-Unjoni u jipprevedi li:

“Qabel kull laqgħa annwali tal-IOTC, meta dak il-korp jintalab jadotta deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali fuq l-Unjoni, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni tqis l-aktar informazzjoni xjentifika u informazzjoni rilevanti oħra mibgħuta lill-Kummissjoni f’konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.

Għal dan il-għan, u abbażi ta’ dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill, fi żmien suffiċjenti qabel kull laqgħa tal-IOTC, dokument bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni.

Jekk waqt laqgħa tal-IOTC, inkluż dik fuq il-post, ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-elementi l-ġodda, il-kwistjoni għandha tiġi rreferuta lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.”

9

Matul is-sitt sessjoni straordinarja tagħha, li nżammet mit‑3 sal‑5 ta’ Frar 2023, l-IOTC adottat ir-Riżoluzzjoni Nru 23/02 dwar il-ġestjoni tal-FADs. Il-FADs huma sistemi artifiċjali li jżommu f’wiċċ l-ilma biex jattiraw il-ħut sabiex jiġi ffaċilitat is-sajd. L-imsemmija riżoluzzjoni kienet tipprevedi b’mod partikolari tnaqqis progressiv tan-numru ta’ FADs mitluqin għal riħhom awtorizzati għal kull bastiment, il-ħolqien ta’ reġistru tal-FADs mitluqin għal riħhom sabiex jiżdiedu t-trasparenza u l-monitoraġġ ta’ dawn l-irkapti u projbizzjoni tal-FADs mitluqin għal riħhom fl-Oċean Indjan għal 72 jum kull sena.

10

Skont it-tieni premessa tar-Riżoluzzjoni Nru 23/02, l-Artikoli 5 u 6 tal-Ftehim għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal‑10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 li għandha x’taqsam mal-konservazzjoni u ġestjoni ta’ l-istokks tal-ħut fuq iż-żewġ naħat ta’ l-istess żona (ħut li jinsab kemm-il ġewwa u kemm-il barra miż-żoni ekonomiċi esklużivi) u l-istokks tal-ħut li jpassi bil-qawwi (ĠU 1998, L 189, p. 17), jeħtieġu li l-Istati japplikaw b’mod usa’ l-prinċipju ta’ prekawzjoni għall-konservazzjoni, għall-ġestjoni u għall-isfruttament ta’ stokkijiet ta’ ħut li jpassi bil-qawwi sabiex jiġu protetti r-riżorsi ħajjin tal-baħar u jiġi ppreservat l-ambjent marittimu.

11

Skont it-tielet premessa tar-Riżoluzzjoni Nru 23/02, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, l-Artikolu 6 tal-Ftehim imsemmi fil-punt 10 iktar ’il fuq jeżiġi mill-Istati li jkunu iktar prudenti meta l-informazzjoni tkun inċerta, ftit affidabbli jew inadegwata u jipprojbixxi li tiġi invokata l-assenza ta’ informazzjoni xjentifika adegwata sabiex tiġi ppreżentata iktar tard jew ma jittiħdux miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni.

12

Fl‑11 ta’ April 2023, il-Kummissjoni ppreżentat, f’isem l-Unjoni, oġġezzjoni fis-sens tal-Artikolu IX(5) tal-Ftehim li jistabbilixxi l-[IOTC] kontra r-Riżoluzzjoni Nru 23/02 (iktar ’il quddiem: l-“oġġezzjoni kontenzjuża”) (ara l-punt 5 iktar ’il fuq). Hija tindika fl-ittra ta’ spjega, essenzjalment, li l-implimentazzjoni tal-imsemmija riżoluzzjoni tirrappreżenta piż sproporzjonat għall-flotot tal-bastimenti li jistadu bil-purse seines, jew anki li din l-implimentazzjoni hija prattikament impossibbli. Barra minn hekk, il-miżuri li jinsabu f’din ir-riżoluzzjoni ma humiex sostnuti minn provi xjentifiċi.

13

Għaxar membri oħra tal-IOTC ippreżentaw oġġezzjonijiet kontra r-Riżoluzzjoni Nru 23/02 fit-termini previsti mill-Artikolu IX(5) tal-Ftehim li jistabbilixxi l-[IOTC]. Għaldaqstant, din ir-riżoluzzjoni ma saritx vinkolanti skont il-paragrafu 6 tal-istess artikolu (ara l-punti 5 u 6 iktar ’il fuq).

14

Fl‑11 ta’ Mejju 2023, ir-rikorrenti ressqet quddiem il-Kummissjoni talba għal eżami mill-ġdid intern tal-oġġezzjoni kontenzjuża skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13), kif emendat bir-Regolament (UE) 2021/1767 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Ottubru 2021 (ĠU 2021, L 356, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Aarhus”).

15

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal eżami mill-ġdid imressqa mir-rikorrenti bħala inammissibbli, minħabba li l-oġġezzjoni kontenzjuża ma kinitx “att amministrattiv” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus, peress li din l-oġġezzjoni ma kienet tinkludi ebda dispożizzjoni li tista’ tikser id-dritt ambjentali kif iddefinit fl-Artikolu 2(1)(f) tal-imsemmi regolament. Il-preżentazzjoni tal-oġġezzjoni kontenzjuża għall-adozzjoni ta’ regoli ġodda fi ħdan l-IOTC ma jkollha ebda effett negattiv fuq l-għanijiet tal-politika ambjentali tal-Unjoni.

It-talbiet tal-partijiet

16

Ir-rikorrenti, sostnuta minn Blue Marine Fooundation, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u mir-Repubblika Franċiża, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors;

–

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

18

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Aarhus. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal‑20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU 2009, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 355, p. 93, fil-ĠU 2014, L 318, p. 34 u fil-ĠU 2015, L 149, p. 23).

19

Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti, sostnuta minn Blue Marine Foundation, issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni żbaljat meta ċaħdet bħala inammissibbli t-talba tagħha għal eżami mill-ġdid tal-oġġezzjoni kontenzjuża minħabba li din tal-aħħar ma kinitx tinkludi “dispożizzjonijiet li [setgħu] jiksru d-dritt ambjentali” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus. Fil-fatt, l-oġġezzjoni kontenzjuża tikser, minn naħa, il-prinċipju ta’ prekawzjoni u, min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 1224/2009. Tali ksur jikkostitwixxi tassew ksur tad-dritt ambjentali tal-Unjoni, indipendentement mill-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni Nru 23/02 fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

20

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u mir-Repubblika Franċiża, tikkontesta l-argument tar-rikorrenti. Hija ssostni, l-ewwel nett, li l-ewwel motiv huwa inammissibbli peress li jirreferi b’mod ġenerali għat-talba għal eżami mill-ġdid. Għaldaqstant, huwa ma jinkludix l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat. Sussidjarjament, hija targumenta li l-ewwel motiv ma huwiex fondat. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma wrietx b’liema mod l-oġġezzjoni kontenzjuża jista’ jkollha effett negattiv fuq it-twettiq tal-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 191 TFUE.

21

Il-Kummissjoni ssostni, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjoni li tiġi ppreżentata oġġezzjoni għall-adozzjoni ta’ regoli ġodda tal-IOTC, filwaqt li jkompli jiġi osservat il-qafas ġuridiku eżistenti tal-Unjoni, ma tistax twassal għal effetti negattivi fuq l-għanijiet tal-politika ambjentali tal-Unjoni u għalhekk ma tistax, bħala tali, tikser id-dritt ambjentali fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Aarhus.

Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel motiv

22

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni tqis, mingħajr motivazzjoni partikolari, li r-rikorrenti sempliċement tirrepeti l-motivi tat-talba tagħha għal eżami mill-ġdid intern.

23

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jindika s-suġġett tat-tilwima u jagħti sommarju tal-motivi u li din l-indikazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra ta’ sostenn (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il‑Kummissjoni, T‑194/13, EU:T:2017:144, punt 191).

24

Għandu jitfakkar ukoll li huwa neċessarju, sabiex rikors quddiem il-Qorti Ġenerali jkun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu. Għalkemm huwa veru li t-test tar-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat, fuq punti speċifiċi, b’riferimenti għal siltiet partikolari minn dokumenti li jkunu annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax ipaċi għall-assenza ta’ punti essenzjali tal-argumenti legali, li, skont dispożizzjonijiet imfakkra iktar ’il fuq għandhom jinsabu fir-rikors (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il‑Kummissjoni, T‑194/13, EU:T:2017:144, punt 192 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

F’dan il-każ, mill-qari tal-punti 48 sa 51 tar-rikors, dwar l-ewwel motiv, kif ukoll tal-punti 42 sa 47 tiegħu, dwar il-kunċett ta’ “dispożizzjonijiet li jistgħu jiksru d-dritt ambjentali”, għandu jiġi kkonstatat li l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ir-rikorrenti tibbaża l-argument tagħha, kif miġbur fil-qosor fil-punt 19 iktar ’il fuq, huma immedjatament komprensibbli fid-dawl tat-test tar-rikors stess, u dan anki jekk ir-rikorrenti tirreferi għat-talba tagħha għal eżami mill-ġdid intern u għat-tieni u għat-tielet motiv tagħha sabiex turi li l-oġġezzjoni kontenzjuża tikser il-prinċipju ta’ prekawzjoni kif ukoll ir-Regolament Nru 1224/2009.

26

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-ewwel motiv huwa ammissibbli fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

Fuq il-fondatezza tal-ewwel motiv

27

Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Aarhus, kull NGO jew membri oħra tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament għandu jkollhom id-dritt li jressqu talba ta’ eżami mill-ġdid intern quddiem l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni li jkunu adottaw l-att amministrattiv jew, fil-każ ta’ allegazzjoni ta’ ommissjoni amministrattiva, li kellhom jadottaw tali att, għar-raġuni li tali att jew tali ommissjoni jiksru d-dritt ambjentali fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) tal-imsemmi regolament. Din it-talba għandha ssir bil-miktub u għandha titressaq f’terminu ta’ żmien li ma jaqbiżx tmien ġimgħat mid-data li fiha l-att amministrattiv kien ġie adottat, ikkomunikat jew ippubblikat, fejn minn dawn id-dati tintgħażel dik l-iktar reċenti, jew, fil-każ ta’ allegazzjoni ta’ ommissjoni amministrattiva, tmien ġimgħat mid-data li fiha kien meħtieġ li l-att amministrattiv jiġi adottat. L-imsemmija talba għandha tippreċiża r-raġunijiet ta’ eżami mill-ġdid.

28

L-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus jiddefinixxi l-kunċett ta’ “att amministrattiv” għall-finijiet ta’ dan ir-regolament bħala “kull att mhux leġiżlattiv li jiġi adottat minn istituzzjoni jew korp tal-Unjoni, li jkollu effetti legali u esterni u li jkun fih dispożizzjonijiet li jistgħu jiksru l-liġijiet ambjentali skont it-tifsira tal-punt (f) tal-Artikolu 2(1)”.

29

Skont l-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Aarhus, il-kunċett ta’ “dritt ambjentali” jikkorrispondi għal “leġislazzjoni tal-Unjoni li, irrispettivament mill-bażi legali tagħha, tikkontribwixxi għall-kisba ta’ l-għanijiet tal-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent kif stabbiliti fit-[Trattat]: il-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, l-użu prudenti u razzjonali ta’ risorsi naturali, u l-promozzjoni ta’ miżuri il-livell internazzjonali sabiex jiġu trattati problemi ambjentali reġjonali jew dinjija”.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ammissibbiltà ta’ talba għal eżami mill-ġdid intern hija effettivament suġġetta għall-eżistenza ta’ att amministrattiv jew ta’ ommissjoni amministrattiva li jistgħu jiksru d-dritt ambjentali fis-sens tar-Regolament Aarhus (digriet tas‑6 ta’ Ġunju 2024, Asociația pentru Energie Curată și Combaterea Schimbărilor Climatice vs Il‑Kunsill, T‑1151/23, mhux ippubblikat, EU:T:2024:391, punt 12).

31

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti u li jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni setgħetx tiċħad bħala inammissibbli t-talba għal eżami mill-ġdid tal-oġġezzjoni kontenzjuża minħabba li din tal-aħħar ma kinitx tinkludi “dispożizzjonijiet li [setgħu] jiksru f-dritt ambjentali” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus.

32

F’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li hija llimitat ruħha li tippreżenta oġġezzjoni konformement mal-Artikolu IX(5) tal-Ftehim li jistabbilixxi l-[IOTC]. Din l-azzjoni kellha bħala konsegwenza li r-Riżoluzzjoni Nru 23/02 ma torbotx lill-Unjoni, b’tali mod li din ma kinitx obbligata timplimenta din ir-riżoluzzjoni fl-ordinament ġuridiku tagħha.

33

Għalhekk, skont il-Kummissjoni, “il-preżentazzjoni ta’ oġġezzjoni għall-adozzjoni ta’ regoli ġodda, filwaqt li jitkompla jiġi osservat il-qafas ġuridiku eżistenti tal-Unjoni, inkluż id-dritt tal-Unjoni fil-qasam ambjentali, ma [kinitx] tinvolvi effetti negattivi fuq l-għanijiet tal-politika ambjentali tal-Unjoni u [ma tistax], bħala tali, tikser id-dritt ambjentali fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Aarhus” (punt 2.1 tad-deċiżjoni kkontestata).

34

Għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-Kummissjoni ma ċaħditx it-talba għal eżami mill-ġdid bħala infondata, minħabba li l-oġġezzjoni kontenzjuża ma tiskirx id-dritt ambjentali, iżda bħala “inammissibbli”, minħabba li din l-oġġezzjoni ma kienet tinkludi ebda “dispożizzjoni li tista’ tikser id-dritt ambjentali” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Aarhus u li, konsegwentement, hija ma kinitx tikkostitwixxi “att amministrattiv” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-atti amministrattivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ talba għal eżami mill-ġdid intern skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Aarhus huma, konformement mal-Artikolu 2(1)(g) ta’ dan ir-regolament, l-atti mhux leġiżlattivi adottati minn istituzzjoni jew minn korp tal-Unjoni li jkollhom effett legali u estern u li jinkludu dispożizzjonijiet li jistgħu jiksru d-dritt ambjentali fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) tal-istess regolament.

36

F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat it-talba għal eżami mill-ġdid imressqa mir-rikorrenti bħala inammissibbli għas-sempliċi raġuni li din ma kinitx tikkonċerna att li jinkludi dispożizzjonijiet li setgħu jiksru d-dritt ambjentali. Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma ċaħditx it-talba għal eżami mill-ġdid intern bħala inammissibbli minħabba l-fatt li kundizzjonijiet oħra msemmija fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Aarhus, fid-dawl ta’ tali talbiet, jew li jirriżultaw mill-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus, fir-rigward tal-kunċett ta’ “att amministrattiv”, ma humiex issodisfatti f’dan il-każ.

37

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-talba għal eżami mill-ġdid inkwistjoni kinitx tikkonċerna att li jista’ jikser id-dritt ambjentali tal-Unjoni, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 10 tar-Regolament 2021/1767, meta jiġi evalwat jekk att amministrattiv jinkludix dispożizzjonijiet li jistgħu, minħabba l-effetti tagħhom, jiksru d-dritt ambjentali, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk dawn id-dispożizzjonijiet jistax ikollhom effett negattiv fuq it-twettiq tal-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 191 TFUE, li jinkludu l-“użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali” u l-“promozzjoni ta’ miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jitrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali”.

38

Fit-talba tagħha għal eżami mill-ġdid, ir-rikorrenti, sostnuta, diġà matul din il-fażi amministrattiva, minn Blue Marine Foundation, issostni li l-oġġezzjoni kontenzjuża setgħet tikser il-prinċipju ta’ prekawzjoni stabbilit fl-Artikolu 191 TFUE. Barra minn hekk, b’mod iktar speċifiku, l-oġġezzjoni kontenzjuża tikser l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU 2013, L 354, p. 22), li jiddefinixxi l-għanijiet tal-politika komuni tas-sajd (PKS), b’mod partikolari, li “[i]l-PKS għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandha tfittex li tiżgura li l-isfruttament ta’ riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jirripristina l-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada u jżommhom ’il fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli”.

39

Skont ir-rikorrenti, l-oġġezzjoni kontenzjuża kienet ukoll inkompatibbli mar-Regolament Nru 1224/2009 dwar il-kontroll relatat mal-PKS. Ir-rikorrenti ssostni, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 14(3) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li “[i]l-marġni ta’ tolleranza permess f’estimi rreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd tal-kwantitajiet f’kilogrammi ta’ ħut miżmum abbord għandu jkun 10 % għall-ispeċijiet kollha”. Skont ir-rikorrenti, l-użu massiv tal-FADs mill-flotot Franċiżi u Spanjoli fl-Oċean Indjan għas-sajd tat-tonn jikkontribwixxi għall-qbiż tal-estimi f’dan is-sens.

40

Minn dan jirriżulta li l-motivi ta’ eżami mill-ġdid li r-rikorrenti ppreżentat fit-talba tagħha għal eżami mill-ġdid jirrigwardaw ksur potenzjali ta’ dispożizzjonijiet konkreti tad-dritt ambjentali, li jistabbilixxu b’mod partikolari l-prinċipju ta’ prekawzjoni fil-qasam tal-PKS.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 10 u 11 iktar ’il fuq, it-tieni u t-tielet premessa tar-Riżoluzzjoni Nru 23/02 isemmu bħala għan il-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut.

42

Għalhekk, billi ppreżentat l-oġġezzjoni kontenzjuża, l-Unjoni opponiet b’mod attiv l-adozzjoni ta’ miżuri intiżi għal protezzjoni ikbar ta’ ċerti stokkijiet tal-ħut. B’mod iktar speċifiku, l-imsemmija oġġezzjoni kellha l-effett li l-Unjoni ma kinitx obbligata tistabbilixxi u timplimenta, fl-ordinament ġuridiku tagħha, il-miżuri previsti mir-Riżoluzzjoni Nru 23/02.

43

Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li rrilevat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u anki jekk l-oġġezzjoni kontenzjuża ma wasslet għal ebda bidla fl-istat tad-dritt ambjentali tal-Unjoni, din tal-aħħar setgħet tipproduċi effetti negattivi fuq it-twettiq tal-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 191 TFUE.

44

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 11 tar-Regolament Aarhus jirriżulta li anki ommissjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ talba għal eżami mill-ġdid anki jekk, mid-definizzjoni tagħha stess, fil-preżenza ta’ tali ommissjoni, ma teżisti ebda bidla fid-dritt ambjentali tal-Unjoni.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni żbaljat meta ċaħdet bħala inammissibbli t-talba għal eżami mill-ġdid tar-rikorrenti għar-raġuni indikata fid-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma eżaminat fil-mertu jekk il-motivi ta’ eżami mill-ġdid imressqa mir-rikorrenti setgħux ikunu l-bażi ta’ dubji plawżibbli, jiġifieri sostanzjali, fir-rigward tal-evalwazzjoni tad-dritt ambjentali mill-istituzzjoni jew mill-korp tal-Unjoni waqt il-preżentazzjoni tal-oġġezzjoni kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2019, TestBioTech et vs Il‑Kummissjoni, C‑82/17 P, EU:C:2019:719, punt 69, u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑458/19 P, EU:C:2021:802, punt 60).

46

Konsegwentement, hemm lok li jintlaqa’ l-ewwel motiv tar-rikors u li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet motiv.

Fuq l-ispejjeż

47

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk tkun saret talba f’dan is-sens. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

48

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża għandhom għalhekk ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

49

Skont l-Artikolu 138(3) tal-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjent minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu. Blue Marine Foundation, intervenjenti insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, peress li hija ma talbitx il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (Is‑Seba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, ikkomunikata lil Bloom permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Awwissu 2023, bir-referenza Ares (2023) 5917994, u li tiċħad bħala inammissibbli t-talba tagħha għal eżami mll-ġdid intern tal-ittra tal-Kummissjoni li tirrigwarda oġġezzjoni tar-Riżoluzzjoni Nru 23/02 dwar il-ġestjoni ta’ rkapti biex jinġema’ l-ħut fi ħdan iż-żona ta’ kompetenza tal-Kummissjoni tat-ton tal-Oċean Indjan hija annullata.

 

2)

Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk ta’ Bloom.

 

3)

Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u Blue Marine Foundation għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Kowalik-Bańczyk

Buttigieg

Hesse

Dimitrakopoulos

Ricziová

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑23 ta’ Lulju 2025.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Franċiż.