Official Journal L 058 , 05/03/1981 P. 0043 - 0045
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 13 P. 0019
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 21 P. 0045
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 13 P. 0019
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 21 P. 0045
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Jannar 1981 dwar il-lista ta’ stabbilimenti fir-Repubblika ta’ l-Urugwaj approvata għall-għanijiet ta’ importazzjoni ta’ ċanga u vitella friska, laħam tan-nagħaġ u laħam ta’ solipedi domestiċi fil-Komunità (81/92/KEE) IL-KUMMISJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 72/462/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1972 dwar problemi ta’ saħħa u ta’ spezzjonijiet veterinarji ma’ l-importazzjoni ta’ annimali ta’ l-ifrat u ħnieżer u laħam frisk minn pajjiżi terzi [1] u partikolarment Artikoli 4(1) u 18 (1) tagħha, Billi stabbilimenti f’pajjiżi li mhumiex membri ma jistgħux jiġu awtorizzati biex jesportaw laħam frisk lill-Komunità sakemm ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet ġenerali u speċjali preskritti fid-Direttiva 72/462/KEE; Billi l-Urugwaj bagħat, skond Artikolu 4(3) tad-Direttiva 72/462/KEE, lista ta’ stabbilimenti awtorizzati biex jesportaw lejn il-Komunità; Billi spezzjonijiet tal-Komunità fuq il-post urew li l-livelli ta’ iġjene ta’ ħafna minn dawn l-istabbilimenti huma biżżejjed u għalhekk jistgħu jiġu mdaħħla fl-ewwel lista, imfassla skond Artikolu 4(1) tad-Direttiva msemmija, ta’ stabbilimenti li minnhom tista’ tiġi awtorizzata l-importazzjoni ta’ laħam frisk; Billi l-każ ta’ l-istabbilimenti l-oħra propost mill-Urugwaj irid jerġa’ jiġi eżaminat fuq il-bażi ta’ informazzjoni addizzjonali rigward il-livelli ta’ iġjene tagħhom u l-abiltà tagħhom li jadattaw malajr għall-leġislazzjoni relevanti tal-Komunità; billi, sadattant u biex tiġi evitata xi interruzzjoni ħesrem ta’ negozju eżistenti, dawn l-istabbilimenti jistgħu jiġu awtorizzati temporanjament biex ikomplu bl-esportazzjonijiet tagħhom ta’ laħam frisk lejn dawk l-Istati Membri lesti biex jaċċettawhom; Billi għalhekk ikun meħtieġ li jerġgħu jiġu eżaminati u, jekk meħtieġ, tiġi emendata din id-Deċiżjoni fid-dawl tal-passi meħuda għal dan il-għan u ta’ żviluppi li jkunu saru; Billi għandu jiġi mfakkar li l-importazzjoni ta’ laħam frisk hi wkoll suġġetta għal leġislazzjoni veterinarja oħra tal-Komunità, partikolarment fir-rigward ta’ ħtiġijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa, inklużi d-dispożizzjonijiet speċjali fir-rigward tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit; Billi l-kondizzjonijiet għall-importazzjoni ta’ laħam frisk minn stabbilimenti li jidhru fuq il-lista annessa ma’ din id-Deċiżjoni jibqgħu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Komunità preskritti band oħra u għad-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat; billi, partikolarment, l-importazzjoni minn pajjiżi li mhumiex membri u l-esportazzjoni mill-ġdid lejn Stati Membri oħra ta’ ċerti kategoriji ta’ laħam, bħal laħam li jiżen anqas minn 3 kilogrammi, jew laħam li fih residwi ta’ ċerti sustanzi li mhumiex koperti minn regoli speċjali armonizzati, jibqgħu suġġetti għall-leġislazzjoni dwar is-saħħa ta’ l-Istat Membru li qed jimporta; Billi l-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju Permanenti, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 1. L-istabbilimenti fir-Repubblika ta’ l-Urugwaj elenkati fil-lista fl-Anness huma b’dan approvati għall-għanijiet ta’ l-importazzjoni ta’ ċanga u vitella friska, laħam tan-nagħaġ u laħam ta’ solipedi domestiċi fil-Komunità. 2. Importazzjonijiet minn dawk l-istabbilimenti għandhom jibqgħu suġġetti għad-dispożizzjonijiet veterinarji tal-Komunità preskritti band’ oħra, u partikolarment dawk li jikkonċernaw il-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa. Artikolu 2 1. Stati Membri għandhom jipprojbixxu l-importazzjonijiet tal-kategoriji ta’ laħam frisk imsemmijin f’Artikolu 1(1) li jkunu ġejjin minn stabbilimenti minbarra dawk elenkati fl-Anness. 2. Din il-projibizzjoni, madankollu, ma tapplikax sal-31 ta’ Awissu 1981 għal stabbilimenti li mhumiex elenkati fl-Anness iżda li jkunu ġew uffiċjalment approvati u proposti mill-awtoritajiet Urugwajani mill-1 ta’ Settembru 1980, skond Artikolu 4(3) tad-Direttiva 72/462/KEE, sakemm ma titteħidx xi deċiżjoni kuntrarja, skond Artikolu 4(1) tad-Direttiva msemmija hawn fuq, qabel l-1 ta’ Settembru 1981. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 1981. Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta u jekk meħtieġ emendata qabel l-1 ta’ Lulju 1981. Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Pajjiżi Membri. Magħmula fi Brussel, fit-30 ta’ Jannar 1981. Għall-Kummissjoni Poul Dalsager Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 302, tal-31.12.1972, p. 28. Il-Kummissjoni għandha tibgħat il-lista ta’ dawn l-istabbilimenti lill-Istati Membri. -------------------------------------------------- ANNESS LISTA TA' STABBILIMENTI I. LAĦAM TA' BOVINI Biċċeriji u postijiet fejn isir il-qtugħ Stabbiliment Numru | Indirizz | 1 | Codadesa | 2 | Colonia | 3 | Carrasco | 7 | Infrinsa | 8 | Canelones | 12 | Tacuarembo | 14 | e.f.c.s.a (planta Durazno) | 106 | Inprognan | 344 | San Jacinto | 394 | Cybaran | II. LAĦAM TAN-NAGĦAĠ Stabbiliment Numru | Indirizz | 1 | Codadesa | 2 | Colonia | 3 | Carrasco | 7 | Infrinsa | 8 | Canelones | 12 | Tacuarembo | 14 | e.f.c.s.a (planta Durazno) | 106 | Inprognan | 344 | San Jacinto | 394 | Cybaran | III. LAĦAM TAŻ-ŻIEMEL Numru ta' l-istabbiliment | Indirizz | 303 | Clay, Montevideo | IV. MĦAŻEN TAL-FRIŻA Numru ta' l-istabbiliment | Indirizz | 903 | Acer, Montevideo | --------------------------------------------------