|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/7056 |
4.12.2024 |
Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — dwar l-Istat tar-Reġjuni u l-Bliet fl-UE u l-linji gwida ta’ politika għall-Kummissjoni Ewropea 2024-2029
(C/2024/7056)
WARA LI KKUNSIDRA:
|
— |
ir-Rapport Annwali tal-UE għall-2024 tiegħu dwar l-Istat tar-Reġjuni u l-Bliet, li jipprovdi lil min jieħu d-deċiżjonijiet politiċi fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali b’evidenza u rakkomandazzjonijiet ewlenin dwar l-aktar sfidi urġenti li għandhom jiġu indirizzati matul il-leġiżlatura tal-UE tal-2024-2029; |
|
— |
id-Dikjarazzjoni ta’ Mons, adottata fl-10 Summit Ewropew tar-Reġjuni u l-Bliet fid-19 ta’ Marzu 2024 – “Ir-reġjuni u l-bliet għandhom is-setgħa li jibnu Ewropa li tkun aktar b’saħħitha, aktar ġusta u aktar reżiljenti fil-futur”; |
|
— |
ir-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej li saru bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju 2024; |
|
— |
l-Aġenda Strateġika tal-2024 adottata mill-Kunsill Ewropew fis-27 ta’ Ġunju 2024; |
|
— |
il-linji gwida politiċi tal-2024-2029 ippreżentati mill-President elett tal-Kummissjoni Ewropea fit-18 ta’ Lulju 2024; |
|
— |
il-Protokoll imġedded dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni tal-4 ta’ April 2024 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 3 tiegħu li jistipula li l-KtR jikkontribwixxi permezz ta’ Riżoluzzjoni dwar il-pożizzjonijiet prinċipali tiegħu għall-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għas-sena li ġejja; |
BILLI r-Rapport Annwali tal-UE għall-2024 dwar l-Istat tar-Reġjuni u l-Bliet jenfasizza l-elementi ewlenin li ġejjin:
|
— |
Il-fiduċja taċ-ċittadini fl-awtoritajiet reġjonali u lokali laħqet l-ogħla livell tagħha fl-2024, b’60 %, l-ogħla wieħed fost il-livelli kollha tal-gvern. |
|
— |
Ir-reġjuni u l-bliet huma responsabbli biex jimplimentaw sa 70 % tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jfornu 50 % tal-investiment pubbliku u jwettqu 30 % tan-nefqa pubblika. Huma jwettqu wkoll sa 70 % tal-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u 90 % ta’ dawk ta’ adattament għat-tibdil fil-klima. |
|
— |
L-impatt tat-tibdil fil-klima se jkun asimmetriku, bil-kost tal-adattament għat-tibdil fil-klima jiżdied għal EUR 120 biljun għal żieda ta’ 2o fit-temperatura u EUR 200 biljun fis-sena għal żieda ta’ 3-4 o. 70 % tal-popolazzjoni tal-UE qed tesperjenza stress idriku staġonali, u 30 % tgħix f’żoni li jsofru minnu b’mod permanenti. |
|
— |
It-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew se jirrikjedi investiment addizzjonali ta’ EUR 130 biljun fis-sena għall-protezzjoni ambjentali u ta’ EUR 350 biljun fis-sena biex jinkiseb tnaqqis ta’ 55 % fil-gassijiet serra sal-2030. Ir-reġjuni b’industriji intensivi fl-enerġija se jeħtieġu investiment enormi biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-industriji peżanti, li jammontaw għal 45 % tat-total, u biex inaqqsu l-kost tal-enerġija. |
|
— |
Kif enfasizzat fir-rapport ta’ Draghi dwar Il-futur tal-kompetittività Ewropea, se jkun meħtieġ investiment innovattiv – inkluż fis-servizzi pubbliċi bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-akkomodazzjoni u s-servizzi soċjali – kif ukoll riformi istituzzjonali, għal Patt Industrijali Nadif Ewropew biex jinkisbu industriji kompetittivi u impjiegi ta’ kwalità. |
|
— |
It-tibdil demografiku qed joħloq sfida għar-reżiljenza tan-nisġa soċjoekonomika tal-UE, bir-reġjuni Ewropej jistennew li jkollhom 17-il miljun persuna anqas fl-età tax-xogħol fl-2040 meta mqabbel mal-2023; ħafna reġjuni qed isibuha dejjem aktar diffiċli biex jattiraw u jżommu t-talent. |
|
— |
Iż-żoni rurali qed ibatu b’mod partikolari, bil-popolazzjoni rurali tonqos b’madwar miljun persuna kull sena u 800 azjenda agrikola jisparixxu kuljum. Konsegwentement, l-art tiġi abbandunata u l-possibbiltà ta’ nirien tiżdied. |
|
— |
Il-politika ta’ koeżjoni hija l-politika ewlenija ta’ investiment tal-UE, li tirrappreżenta 13 % tal-investiment totali tal-gvern fl-UE. Il-programmi kurrenti għandhom l-għan li jiżborżaw kważi EUR 378 biljun f’investiment fis-setturi kollha, inkluż l-appoġġ għan-negozji, il-ħolqien tal-impjiegi u t-titjib fl-effiċjenza enerġetika, u fl-istess ħin joħolqu 1,3 miljun impjieg u jagħtu spinta lill-PDG tal-UE b’0,5 %. |
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),
Il-prosperità u l-kompetittività sostenibbli tal-Ewropa
|
1. |
jaqbel li t-tfassil aħjar tal-liġijiet huwa essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività u lill-prosperità tal-Unjoni tagħna; jissottolinja li s-sussidjarjetà attiva u l-involviment sħiħ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jipprovdu r-rappreżentanza demokratika u l-esperjenza meħtieġa biex jittejjeb il-qafas regolatorju tal-UE; |
|
2. |
jappoġġja l-proposti stabbiliti fir-rapport ta’ Draghi dwar Il-futur tal-kompetittività Ewropea biex il-prinċipju tas-sussidjarjetà jiġi applikat b’mod intelliġenti u attiv, li jfisser li jitnaqqas il-piż regolatorju fuq il-kumpaniji tal-UE u l-awtoritajiet pubbliċi f’ċerti oqsma, u li tissaħħaħ il-governanza fil-livell tal-UE f’oħrajn. Dan jimplika wkoll il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali; |
|
3. |
huwa tal-fehma li, fl-interess ta’ sussidjarjetà attiva adatta, jeħtieġ li l-impatt fuq it-territorji koperti mill-Artikolu 174 tat-TFUE jiġi vvalutat b’mod sistematiku meta tiġi analizzata l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, bħala parti mill-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali; |
|
4. |
jitlob li l-ftehim interistituzzjonali l-ġdid dwar is-semplifikazzjoni u t-tfassil aħjar tal-liġijiet, f’oqsma tant sensittivi bħall-PAK, iqis in-natura f’diversi livelli tal-proċess regolatorju u tal-governanza tal-UE; jitlob li jkun involut b’mod attiv fin-negozjati dwar il-ftehim il-ġdid u fl-implimentazzjoni tiegħu; |
|
5. |
jappella għal titjib sostanzjali fil-kundizzjonijiet biex isir in-negozju fl-UE. Il-kontrolli tal-kompetittività u t-testijiet tal-SMEs jistgħu jgħinu biex jitnaqqas il-piż regolatorju fuq l-SMEs; |
|
6. |
huwa tal-fehma li r-reġjuni jeħtieġ li jaqdu rwol akbar fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE dwar it-tranżizzjoni diġitali. Jeħtieġ li l-gvernijiet reġjonali jingħataw aċċess fuq skala usa’ għall-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-proġetti b’rabta mal-infrastruttura diġitali, biex b’hekk ikunu jistgħu jadattaw il-politiki għall-ħtiġijiet lokali u jiżguraw trasformazzjoni diġitali ekwa fiż-żoni urbani u rurali; |
|
7. |
jappoġġja bil-qawwa l-objettiv li tingħata spinta lill-investiment biex tiġi ffinanzjata t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali u li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet sussegwenti tas-suq tax-xogħol u tal-ħiliet; jemmen li sfruttament aħjar tar-riżorsi privati huwa neċessarju; |
|
8. |
jissottolinja l-importanza li tinżamm l-ambizzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u jisħaq li dan irid jimxi id f’id mal-kompetittività ekonomika; jappoġġja l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, affidabbli u affordabbli, inkluż billi jiġu stabbiliti punti uniċi ta’ servizz reġjonali u lokali biex jgħinu lill-unitajiet domestiċi, lill-ażjendi agrikoli u lill-SMEs fit-tranżizzjoni; barra minn hekk, jeħtieġ li l-awtoritajiet reġjonali jkollhom kapaċità msaħħa fir-rigward tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, kif ukoll aċċess għall-finanzjament dirett għall-proġetti dwar l-enerġija rinnovabbli, u jiżguraw li jkun hemm adattament lokali għall-ħtiġijiet territorjali speċifiċi. Qafas regolatorju flessibbli jkun jista’ jawtonomizza iżjed lir-reġjuni biex ikunu fuq quddiem nett tat-tranżizzjoni ekoloġika; |
|
9. |
ifakkar lill-mexxejja tal-UE li r-reġjuni u l-bliet jistgħu jirnexxu biss f’suq uniku li jiffunzjona tajjeb li jipprevedi l-innovazzjoni permezz ta’ kompetizzjoni ġusta, u dan jiddependi wkoll mil-libertà sħiħa ta’ moviment mingħajr fruntieri interni fiż-żona Schengen; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea l-ġdida biex tibbaża fuq ir-rapporti reċenti ta’ Enrico Letta u ta’ Mario Draghi billi tipproponi miżuri li japprofondixxu s-suq uniku u b’hekk isaħħu l-kompetittività tal-UE fit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, bil-għan li din it-tranżizzjoni tkun ġusta għar-reġjuni kollha tal-UE; |
|
10. |
jindika li l-appoġġ għall-proġetti transfruntiera fir-rigward tal-moviment , is-servizzi u l-infrastruttura fis-suq uniku huwa pedament għat-tkabbir u l-kompetittività, u dan jimplika wkoll il-ħtieġa li jiżdied il-baġit għall-kooperazzjoni territorjali Ewropea fil-ġejjieni. B’mod partikolari, jeħtieġ li tingħata prijorità lill-ikkompletar tal-kurituri u l-proġetti essenzjali tat-TEN-T li huma kritiċi għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni, u biex tinkiseb it-trasformazzjoni ekoloġika; |
|
11. |
jilqa’ l-Att imħabbar dwar l-Ekonomija Ċirkolari, li l-għan tiegħu huwa li joħloq domanda għal materja prima kritika sekondarja u għal suq uniku għall-iskart; jitlob li r-reġjuni u l-bliet ikunu involuti bis-sħiħ, speċjalment permezz tal-akkwist pubbliku u r-rwol tagħhom fit-tnaqqis tal-iskart, fil-ġestjoni tal-iskart, fl-għoti tas-setgħa lin-negozji lokali u fil-promozzjoni ta’ bidla fl-imġiba; |
|
12. |
jappella għat-tlestija rapida tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa, li twassal għall-kooperazzjoni transfruntiera fil-kura tas-saħħa; itenni l-appell tiegħu għal testijiet tal-istress fuq is-sistemi tas-saħħa, inkluż il-pjan ta’ tħejjija u prevenzjoni għar-reġjuni transfruntiera; |
|
13. |
jitlob li tiġi stabbilita Unjoni tal-Enerġija Ewropea kompletament integrata u interkonnessa biex jiżdied l-aċċess tal-UE għal enerġija nadifa, affidabbli u affordabbli, jitnaqqas il-konsum tal-enerġija, jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet lokali u jiġu żgurati prezzijiet affordabbli għaċ-ċittadini u n-negozji; |
|
14. |
jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ffaċilitati l-implimentazzjoni u t-tkabbir tas-servizzi pubbliċi transfruntiera f’oqsma ewlenin bħall-interoperabbiltà u s-servizzi ta’ dokumenti elettroniċi, kif ukoll il-kooperazzjoni interreġjonali, it-tagħlim komparattiv u l-iskambju tad-data għall-gvern elettroniku; |
|
15. |
jappoġġja l-enfasi tal-Kummissjoni Ewropea fuq intelliġenza artifiċjali (IA) sikura u affidabbli bbażata fuq qafas ċar ta’ rekwiżiti etiċi, u jitlob li l-bliet u r-reġjuni jkunu involuti bis-sħiħ fl-applikazzjoni tagħha; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-possibbiltà ta’ “diskrepanza fl-IA”; |
Difiża u sigurtà Ewropea
|
16. |
jappoġġja l-ħolqien ta’ suq uniku Ewropew għad-difiża, peress li l-industrija tad-difiża għandha rwol sinifikanti fl-iżvilupp ekonomiku ta’ ċerti reġjuni Ewropej; |
|
17. |
jindika li infrastruttura tat-trasport reżiljenti hija essenzjali għas-sigurtà u d-difiża; jappella għal impenn politiku u finanzjarju b’saħħtu biex jiġu eliminati r-rabtiet transfruntiera neqsin fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali biex ikun permess ukoll l-użu doppju tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) għal skopijiet ċivili u militari; |
|
18. |
jappoġġja l-proposta għal Strateġija Ewropea għas-Sigurtà Interna; jenfasizza li r-reġjuni u l-bliet huma atturi ewlenin li jorbtu l-leġiżlazzjoni tal-UE mal-politiki ta’ sigurtà lokali u nazzjonali, inklużi miżuri għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar tad-droga u tal-persuni, u theddid ieħor għas-sigurtà; |
Nappoġġjaw lin-nies, insaħħu l-mudell soċjoekonomiku tagħna
|
19. |
jemmen li politika ta’ koeżjoni msaħħa u mtejba wara l-2027, disponibbli għar-reġjuni kollha, hija element kruċjali biex il-bliet u r-reġjuni tal-Ewropa jiġu megħjuna jindirizzaw it-trasformazzjoni ekoloġika, diġitali u demografika, waqt li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura u tiġi żgurata l-kompetittività tal-UE; |
|
20. |
jappella għal politika ta’ koeżjoni aktar sempliċi, aktar iffokata u aktar viżibbli u jiċħad bil-qawwa kwalunkwe tentattiv biex din tiġi ċċentralizzata. Il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politika hija essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali. Għalhekk, il-prinċipji stabbiliti ta’ ġestjoni kondiviża, governanza f’diversi livelli, sħubija u approċċ reġjonali jew ibbażat fuq il-post iridu jiggwidaw il-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2027; |
|
21. |
jitlob li l-għanijiet tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta jkomplu jiġu segwiti fil-politika ta’ koeżjoni futura fil-QFP ta’ wara l-2027; jinnota li tranżizzjoni ġusta b’suċċess tirrikjedi approċċ territorjalment sensittiv, ibbażat fuq sħubija, b’kunsiderazzjoni adatta għall-ekosistemi industrijali reġjonali; |
|
22. |
jenfasizza l-importanza għall-ekonomija tal-UE tas-settur awtomobilistiku, li jipprovdi impjieg lil 13,8 miljun Ewropew u jirrappreżenta 7 % tal-PDG tal-UE, u jappella għal strateġija komprensiva għat-tranżizzjoni ġusta u sostenibbli tar-reġjuni awtomobilistiċi kif ukoll tar-reġjuni tal-faħam, jew dawk li jiddependu minn setturi oħra intensivi fl-enerġija, li se jibqa’ jkollhom bżonn l-appoġġ tal-UE biex jiksbu t-trasformazzjoni tagħhom; josserva li sfidi differenti marbuta mal-manifattura u mmotivati mis-suq jistgħu jagħmluha diffiċli għall-manifatturi Ewropej tal-karozzi li jilħqu l-miri iżjed stretti tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-flotot tagħhom li mistennija jidħlu fis-seħħ fl-2026, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra approċċ iżjed gradwali u reviżjoni iżjed bikrija tal-leġiżlazzjoni li tkun għadha rilevanti fl-2025, bil-għan li l-manifatturi Ewropej tal-karozzi jkollhom ħin biżżejjed biex jaġġustaw; fl-istess ħin jenfasizza l-importanza ta’ infrastruttura tat-trasport sostenibbli u jirrakkomanda t-tisħiħ ta’ mobilità li ma tagħmilx ħsara lill-klima b’mod ġenerali; |
|
23. |
jisħaq li l-awtoritajiet lokali u reġjonali spiss jipprovdu servizzi ewlenin ta’ mobbiltà u trasport biex jgħaqqdu t-territorji kollha, filwaqt li jiżguraw li ż-żoni urbani, periferiċi u rurali jkollhom aċċess ugwali għas-suq uniku u joffru soluzzjonijiet ta’ mobbiltà affordabbli u sostenibbli; |
|
24. |
jissottolinja li s-settur tat-turiżmu huwa attività ekonomika prinċipali fl-Unjoni Ewropea. Dan jirrappreżenta 10 % tal-PDG u għandu impatt sinifikanti fuq it-tkabbir ekonomiku, l-impjieg u l-iżvilupp soċjali. It-turiżmu jrid jimxi lejn is-sostenibbiltà, u dan jeħtieġ strateġija ta’ appoġġ mill-Unjoni Ewropea; |
|
25. |
jinnota l-impenn politiku mġedded għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u għat-trawwim tal-ugwaljanza, kif ukoll il-wegħdiet li jiġu indirizzati l-effiċjenza enerġetika u l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-prezzijiet tal-enerġija affordabbli u l-Pjan propost ta’ investiment Ewropew għal akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli; |
|
26. |
jissottolinja li t-tibdil demografiku, id-depopolazzjoni, il-popolazzjoni żejda, it-tixjiħ u l-eżodu ta’ mħuħ jeħtieġ li jiġu indirizzati permezz ta’ sett ta’ politiki pubbliċi biex jiġi appoġġjat id-“dritt li wieħed jibqa’” billi jinżamm it-talent u jiġu attirati ħaddiema tas-sengħa; jappoġġja l-inizjattivi biex jittejbu l-mogħdijiet ta’ migrazzjoni legali bħala wieħed mir-risponsi għall-ħtiġijiet tal-ħiliet tal-komunitajiet lokali; jappella għal strateġiji dettaljati u komprensivi u riżorsi adegwati għall-inklużjoni u l-integrazzjoni tal-migranti fis-soċjetajiet Ewropej; |
|
27. |
jappella għal aktar appoġġ biex jiġu żvilupppati l-ħiliet diġitali taċ-ċittadini u appoġġ finanzjarju għall-bliet u r-reġjuni sabiex jiġu diġitizzati s-servizzi pubbliċi bil-għan li ċ-ċittadini jibqa’ jkollhom aċċess ugwali għal għodod ġodda għall-iżvilupp ekonomiku u l-inklużjoni soċjali; |
|
28. |
jappella li, biex ikun hemm akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli, jiġu ssemplifikati l-proċeduri amministrattivi sabiex tiġi aċċessata l-għajnuna mill-UE għar-rinovazzjoni enerġetika; |
Insostnu l-kwalità tal-ħajja tagħna: is-sigurtà tal-ikel, l-ilma u n-natura
|
29. |
jindika li l-bliet u r-reġjuni huma msieħba ewlenin fil-promozzjoni ta’ sistemi tal-ikel tajbin għas-saħħa u sostenibbli u jtenni l-appell tiegħu biex il-liġi qafas dwar sistemi tal-ikel sostenibbli tiġi ppubblikata mingħajr aktar dewmien; |
|
30. |
jilqa’ l-impenn li jiġu appoġġjati l-azjendi agrikoli mmexxija mill-familji u t-tiġdid interġenerazzjonali, li l-bdiewa jiġu ppremjati għall-preżervazzjoni tal-bijodiversità u tal-ekosistemi naturali, li tissaħħaħ il-kompetittività tal-bdiewa u li dawn jiġu protetti minn prattiki kummerċjali inġusti. Introjtu ġust għall-bdiewa huwa kruċjali sabiex jitnaqqas ir-ritmu tad-depopolazzjoni rurali u tal-abbandun tal-art u sabiex jiġu żgurati żoni rurali vibranti u attraenti, kif ukoll jinkisbu l-objettivi tal-Aġenda 2030; għandu jkun hemm enfasi speċifika fuq ir-reġjuni agrikoli li qed jiffaċċjaw sfidi uniċi minħabba l-iskarsezza tal-ilma u t-tibdil fil-klima, b’appoġġ apposta għar-riċerka fl-għelejjel reżistenti għan-nixfa u t-teknoloġiji effiċjenti fl-irrigazzjoni; |
|
31. |
iqis li għandu jiżdied il-baġit tal-fondi agrikoli FAEG u FAEŻR fil-qafas finanzjarju li jmiss bħala parti mir-riforma futura tal-politika agrikola komuni; jeħtieġ ukoll li tiġi eliminata l-kundizzjonalità soċjali mill-għajnuna tal-PAK, titnaqqas u tiġi ssemplifikata l-kundizzjonalità msaħħa tal-għajnuna (il-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba, KAAT) u jiġu eliminata l-ekoskemi li jiġu allokati 23 % tal-fondi tal-ewwel pilastru tal-PAK. Dawn il-fondi għandhom jiżdiedu mal-għajnuna diretta li tingħata mingħajr rekwiżiti addizzjonali; |
|
32. |
jitlob li r-reġjuni jkollhom rwol akbar fil-ġestjoni tal-politika agrikola komuni futura f’konformità ma’ karatteristiċi territorjali u settorjali speċifiċi bil-għan li jiġu stabbiliti politiki u għajnuna adattati għat-territorji partikolari; |
|
33. |
jirrakkomanda l-użu tal-Patt imħabbar dwar is-Sajd u l-Oċeani biex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-politika komuni tas-sajd u biex ir-reġjuni jiġu involuti aħjar fil-preżervazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi tal-baħar, tas-sajd u tal-akkwakultura; |
|
34. |
jissottolinja r-rwol tal-ekonomija blu fl-indirizzar tal-isfidi tat-tibdil fil-klima, tad-dekarbonizzazzjoni u tal-kompetittività u jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li toħroġ bi strateġija industrijali marittima u strateġija portwarja tal-UE; |
|
35. |
jilqa’ l-istrateġija Ewropea mħabbra għar-reżiljenza tal-ilma u jitlob appoġġ akbar għar-reġjuni u l-bliet fl-indirizzar tal-iskarsezza u s-sigurtà tal-ilma, fl-indirizzar tal-għargħar dannuż u fir-restawr taċ-ċikli naturali tal-ilma f’konformità mal-ġeografija lokali, mal-klima u mat-tessuti soċjoekonomiċi; |
|
36. |
jitlob li tiġi inkluża tabella ta’ valutazzjoni tal-vulnerabbiltà fil-politika ta’ koeżjoni futura, peress li r-reġjuni għandhom ħtiġijiet asimmetriċi fir-rigward tal-adattament għall-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-assi naturali u mibnija, l-attivitajiet ekonomiċi, is-saħħa u l-ħajja soċjali taċ-ċittadini, bħalma huwa l-każ fir-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi severi u permanenti, kif stabbilit fl-Artikolu 174 tat-TFUE; |
Nipproteġu d-demokrazija tagħna, niddefendu l-valuri tagħna
|
37. |
jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi biex tinkiseb l-ugwaljanza għal kulħadd u joffri l-kontribut tiegħu għal strateġija ġdida għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri; itenni l-impenn tiegħu biex tkompli titrawwem id-demokrazija Ewropea fil-livell lokali, inkluż permezz tal-kollaborazzjoni maż-żgħażagħ; jappella għal kooperazzjoni eqreb mal-Kummissjoni Ewropea fl-organizzazzjoni ta’ djalogi lokali maċ-ċittadini, inkluż permezz tan-networks tal-kunsillieri lokali u reġjonali tal-UE u tal-Politiċi Żgħażagħ Eletti; |
|
38. |
jenfasizza r-rwol ewlieni li għandhom ir-reġjuni u l-bliet fiż-żamma u l-monitoraġġ tal-istat tad-dritt, bħala pilastru ewlieni tad-demokrazija lokali u nazzjonali li fuqu hija bbażata l-Unjoni Ewropea u l-garanzija tal-istabbiltà għall-Istati Membri u tal-ugwaljanza għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea; |
|
39. |
jitlob li jkun involut mill-qrib fit-Tarka Ewropea għad-Demokrazija proposta, peress li r-reġjuni u l-bliet jistgħu jgħinu biex jiġu identifikati u miġġielda b’mod proattiv id-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni; |
Ewropa globali
|
40. |
jenfasizza l-appoġġ sod tiegħu għall-Ukrajna u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħha, b’mod partikolari permezz tal-Alleanza Ewropea tal-Bliet u r-Reġjuni għar-Rikostruzzjoni tal-Ukrajna; |
|
41. |
jisħaq li t-tkabbir huwa katalist għar-riforma u jrid jibqa’ bbażat fuq il-mertu. L-UE trid tappoġġja l-livelli reġjonali u lokali tal-gvern fit-tisħiħ tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt, tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, tad-deċentralizzazzjoni u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inkluż permezz tal-kumitati konsultattivi konġunti u tal-gruppi ta’ ħidma tal-KtR; jitlob li jintużaw riżorsi tal-UE adegwati biex iħejju lill-pajjiżi tat-tkabbir għar-riformi meħtieġa lejn l-adeżjoni mal-UE, filwaqt li ssir enfasi partikolari fuq il-bini tal-kapaċitajiet u tagħlim bejn il-pari għal awtoritajiet lokali u reġjonali; |
|
42. |
jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ id-dimensjoni territorjali tal-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja, inkluż permezz tal-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM); |
|
43. |
se jkompli jippromovi r-rwol globali tar-reġjuni u l-bliet fil-politiki dwar il-klima u l-bijodiversità permezz ta’ azzjonijiet sottonazzjonali għad-diplomazija dwar il-klima u fil-korpi u l-oqfsa rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti; |
Inwettqu flimkien u nħejju l-Unjoni tagħna għall-futur
|
44. |
jenfasizza l-ħtieġa li l-istrutturi u l-proċessi ta’ governanza tal-UE jiġu adattati sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw l-isfidi tal-futur, speċjalment fid-dawl ta’ tkabbir futur u sabiex tiżdied il-kompetittività tal-UE; huwa konvint li l-bidliet għat-Trattati tal-UE huma inevitabbli sabiex l-UE tkun adatta għall-futur u jitlob li jkun involut bis-sħiħ fi kwalunkwe bidla futura fit-Trattati tal-UE; sadanittant jimpenja ruħu li jottimizza l-qafas attwali biex ir-reġjuni u l-bliet jiġu involuti aħjar fit-tfassil tal-liġijiet tal-UE; |
|
45. |
jilqa’ l-impenn għal baġit modern tal-UE bbażat fuq l-enfasi, is-sempliċità, l-impatt, ir-rispett għall-istat tad-dritt u r-riżorsi xierqa u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tqis il-proposti mir-reġjuni u l-bliet għall-QFP ta’ wara l-2027; itenni l-ħtieġa li l-baġit tal-UE jappoġġja politiki bbażati fuq il-post u jenfasizza li l-pjani nazzjonali għandhom jirrispettaw il-governanza f’diversi livelli u l-prinċipju ta’ sħubija; |
|
46. |
jitlob għalhekk lill-istituzzjonijiet Ewropej kollha biex jaħdmu flimkien għal Unjoni Ewropea li tkun EQREB taċ-ċittadini tagħha, AKTAR SODA fil-ħakma tat-tranżizzjonijiet industrijali u fit-titjib tal-kompetittività tal-UE, aktar KOEŻIVA billi ħadd u l-ebda post ma jitħalla jibqa’ lura, u aktar AMBIZZJUŻA fl-iżgurar li l-baġit futur tal-UE jkun adegwat għall-iskop tiegħu. |
Brussell, id-9 ta’ Ottubru 2024.
Il-President
tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Vasco ALVES CORDEIRO
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/7056/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)