3.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 58/70


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/332

tat-2 ta' Marzu 2015

li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Ġeorġja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-8 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/438/PESK (1) li taħtar lis-Sur Herbert SALBER bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Ġeorġja. Il-mandat tar-RSUE ser jiskadi fit-28 ta' Frar 2015.

(2)

Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż għal perijodu ulterjuri ta' tmien xhur.

(3)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJON:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Il-mandat tas-Sur Herbert SALBER bħala r-RSUE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Ġeorġja huwa b'hekk estiż sal-31 ta' Ottubru 2015. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jintemm qabel, abbażi ta' valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ).

Artikolu 2

Objettivi ta' politika

Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta' politika tal-Unjoni għall-Kawkasu tan-Nofsinhar, inklużi l-objettivi li jidhru fil-Konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew li saret fi Brussell fl-1 ta' Settembru 2008 u fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Settembru 2008, kif ukoll dawk tas-27 ta' Frar 2012. Dawk l-objettivi jinkludu:

(a)

f'konformità mal-mekkaniżmi eżistenti, inklużi l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) u l-Grupp ta' Minsk tagħha, li ssir prevenzjoni ta' konflitti fir-reġjun, li jingħata kontribut għal soluzzjoni paċifika tal-kunflitti fir-reġjun, inklużi l-kriżi fil-Ġeorġja u l-kunflitt f'Nagorno-Karabakh, permezz tal-promozzjoni tar-ritorn tar-refuġjati u ta' persuni spostati f'pajjiżhom u permezz ta' mezzi oħra adatti, u li tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta' tali soluzzjoni f'konformità mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali;

(b)

li jkun hemm impenn kostruttiv mal-atturi ewlenin interessati fir-rigward tar-reġjun;

(c)

li tiġi nkoraġġuta u appoġġata aktar il-kooperazzjoni bejn l-Armenja, l-Azerbajġan u l-Ġeorġja, u, skont il-każ, il-pajjiżi ġirien tagħhom;

(d)

li jittejbu l-effettività u l-viżibbiltà tal-Unjoni fir-reġjun.

Artikolu 3

Mandat

Sabiex jinkisbu l-objettivi ta' politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun:

(a)

li jiżviluppa kuntatti mal-gvernijiet, il-parlamenti, atturi politiċi ewlenin oħra, il-ġudikatura u s-soċjetà ċivili fir-reġjun;

(b)

li jinkoraġġixxi lill-pajjiżi fir-reġjun biex jikkooperaw dwar temi reġjonali ta' interess komuni, bħal theddid komuni għas-sigurtà, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, it-traffikar illeċitu u l-kriminalità organizzata;

(c)

li jikkontribwixxi għas-soluzzjoni paċifika tal-konflitti f'konformità mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali u jiffaċilita l-implimentazzjoni ta' tali soluzzjoni f'koordinazzjoni mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti, mal-OSCE u l-Grupp ta' Minsk tagħha;

(d)

fir-rigward tal-kriżi fil-Ġeorġja:

(i)

li jgħin fit-tħejjija tad-diskussjonijiet internazzjonali li jsiru taħt il-punt 6 tal-pjan ta' soluzzjoni tat-12 ta' Awwissu 2008 (“Diskussjoni Internazzjonali ta' Ġinevra”) u l-miżuri tiegħu ta' implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2008, ukoll dwar arranġamenti għas-sigurtà u l-istabbiltà fir-reġjun, il-kwistjoni tar-refuġjati u ta' persuni spostati f'pajjiżhom, abbażi tal-prinċipji rikonoxxuti fil-livell internazzjonali, u kwalunkwe suġġett ieħor, bi qbil komuni bejn il-partijiet,

(ii)

li jgħin biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni u jirrappreżentaha, fil-livell tar-RSUE, fid-diskussjonijiet imsemmija fil-punt (i), u

(iii)

li jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-pjan ta' soluzzjoni tat-12 ta' Awwissu 2008 u tal-miżuri tiegħu ta' implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2008;

(e)

li jiffaċilita l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' bini ta' fiduċja;

(f)

li jgħin fit-tħejjija, kif adatt, tal-kontributi tal-Unjoni għall-implimentazzjoni ta' soluzzjoni possibbli tal-kunflitt;

(g)

li jintensifika d-djalogu tal-Unjoni mal-atturi ewlenin ikkonċernati fir-rigward tar-reġjun;

(h)

li jassisti lill-Unjoni fl-iżvilupp ulterjuri ta' politika komprensiva lejn il-Kawkasu tan-Nofsinhar;

(i)

li, fil-qafas tal-attivitajiet stabbiliti f'dan l-Artikolu, jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tat-tfal u n-nisa f'żoni milquta minn kunflitti, speċjalment bil-monitoraġġ u l-indirizzar tal-iżviluppi f'dan ir-rigward.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il-KPS għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta' kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi lir-RSUE gwida strateġika u direzzjoni politika fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

3.   Ir-RSUE għandu jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti rilevanti tiegħu.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE matul il-perijodu mill-1 ta' Marzu 2015 sal-31 ta' Ottubru 2015 għandu jkun ta' EUR 1 350 000.

2.   In-nefqa għandha tiġi ġestita f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-ġestjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull nefqa.

Artikolu 6

Kostituzzjoni u kompożizzjoni tat-tim

1.   Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti li jsiru disponibbli, ir-RSUE għandha tkun responsabbli mill-formazzjoni ta' tim. It-tim għandu jinkludi l-konsulenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif jirrikjedi l-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tal-grupp.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta' tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru kkonċernat, mill-istituzzjoni kkonċernata tal-Unjoni jew mis-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati lir-RSUE. Il-persunal internazzjonali b'kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.

3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru, tal-istituzzjoni tal-Unjoni li tibagħtu jew tas-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

4.   Il-persunal tar-RSUE għandu jiġi kollokat mad-dipartimenti rilevanti tas-SEAE jew id-delegazzjonijiet tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata koerenza u konsistenza tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-persunal tar-RSUE

Il-privileġġi, immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jiġu miftehmin mal-pajjiżi ospitanti, kif adatt. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan il-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta' sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2).

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE tingħata aċċess għal kull informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, skont il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

F'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta' persunal skjerat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titlu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f'konformità mal-mandat tar-RSUE u skont is-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ġeografika ta' responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b'mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq il-gwida mis-SEAE, li jipprovdi għal miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregolaw l-immaniġġar tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, kif ukoll l-immaniġġar ta' inċidenti ta' sigurtà, u li jipprovdi għal pjan ta' kontinġenza u pjan ta' evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli kif ikunu jeħtieġu l-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tat-tim tar-RSUE li jkunu ser jiġu skjerati barra mill-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona tal-missjoni jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni mis-SEAE;

(d)

jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet miftehmin kollha, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà, u jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapport ta' progress u tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rapportar

Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lir-RGħ u lill-KPS rapporti orali u bil-miktub. Ir-RSUE għandu jippreżenta wkoll rapport, kif meħtieġ, lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill. Għandhom jiġu ċċirkolati rapporti regolari permezz tan-netwerk COREU. Ir-RSUE jista' jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin. F'konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista' jkun involut fl-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effettività tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jkunu impenjati b'mod konsistenti biex jinkisbu l-objettivi ta' politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma' dawk tal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jipprovdi aġġornamenti regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.

2.   Fuq il-post għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri, li għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE, f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Ġeorġja, għandu jipprovdi lill-Kap tal-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Ġeorġja (EUMM Georgia) gwida politika lokali. Ir-RSUE u l-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili għall-EUMM Georgia għandhom jikkonsultaw ma' xulxin kif meħtieġ. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kollegament ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fuq il-post.

Artikolu 13

Assistenza fir-rigward ta' talbiet

Ir-RSUE u l-persunal tar-RSUE għandhom jassistu fil-provvediment ta' elementi bħala rispons għal kwalunkwe talba u kwalunkwe obbligu li jirriżultaw mill-mandati tar-Rappreżentanti Speċjali għall-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Ġeorġja preċedenti, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għall-fajls rilevanti għal skopijiet bħal dawn.

Artikolu 14

Analiżi

L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħra mill-Unjoni għar-reġjun għandhom jiġu analizzati regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat sal-aħħar ta' Awwissu 2015.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta' Marzu 2015.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Marzu 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

D. REIZNIECE-OZOLA


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/438/PESK tat-8 ta' Lulju 2014 li temenda u testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Ġeorġja (ĠU L 200, 9.7.2014, p. 11).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).