10.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 65/5


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/386

tal-5 ta' Marzu 2015

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha, parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta'din it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi pprovdut li l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista', għal ċertu perjodu, tibqa' tiġi invokata mid-detentur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-merkanzija deskritta fil-kolonna (1) tat-tabella li tinsab fl-Anness hija kklassifikata fin-Nomenklatura Magħquda skont il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Heinz ZOUREK

Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Skateboard b'erba' roti, b'qisien ta' madwar 80 × 27 × 17 cm, piż ta' 10 kg u kapaċità ta' tagħbija massima ta' 65 kg. Dan l-oġġett huwa mgħammar b'mutur tal-elettriku li jaħdem b'żewg batteriji ta' 24 Volt li jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid.

L-oġġett għandu l-karatteristiċi li ġejjin:

—

ir-roti huma magħmula mill-poliuretan u għandhom dijametru ta' 85 mm,

—

iż-żewġ roti ta' wara biss jitħaddmu permezz ta' ċinga,

—

il-wiċċ tal-oġġett huwa kopert b'saff kontra ż-żliq,

—

il-mutur tal-elettriku jiġi mmontat taħt l-oġġett,

—

l-oġġett għandu firxa ta' veloċità ta' 10-32 km/h, la għandu brejkijiet u lanqas sistema ta' stering.

L-iskateboard tinbiegħ b'apparat ta' kontroll mill-bogħod li jinżamm fl-idejn.

L-iskateboard titħaddem b'mutur bl-elettriku, li jitħaddem mill-persuna li tkun qed tuża l-board permezz ta' kontroll mill-bogħod.

Waqt l-użu tal-iskateboard, il-veloċità tagħha tista' tiġi rregolata billi tingħafas butturna fuq l-apparat ta' kontroll mill-bogħod.

9506 99 90

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-nomenklatura magħquda u bil-kliem tal-kodiċi NM 9506 , 9506 99 u 9506 99 90 .

Għalkemm l-oġġett jitħaddem b'mutur tal-elettriku, għandu l-karatteristiċi ta' prodott sportiv maħsub għall-ħin liberu aktar milli vettura bil-mutur billi, minħabba n-nuqqas ta' brejkijiet u ta' sistema ta' stering, tinħtieġ attività fiżika biex titħaddem l-iskateboard (simili għall-attività meħtieġa biex tinsaq skateboard mhux motorizzata). Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8703 bħala vetturi bil-mutur maħsuba prinċipalment għat-trasport tal-persuni hija eskluża.

Minħabba l-kapaċità ta' veloċità tiegħu ta' 32 km/h, l-oġġett mhuwiex ikkunsidrat bħala ġugarell bir-roti maħsub biex jintrikeb mit-tfal (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tan-NM tal-kodiċijiet NM 9503 00 10 ). Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9503 bħala ġugarelli bir-roti hija eskluża.

Minħabba l-karatteristiċi u d-disinn tiegħu, l-oġġett huwa maħsub biex jintuża bħala prodott sportiv għall-ħin liberu (skateboard). Għaldaqstant, għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 9506 99 90 bħala oġġetti u tagħmir għal sports ieħor jew logħob ta' barra.