KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fit‑23 ta’ Ottubru 2025 ( 1 )
Kawża C‑621/24
Landkreis Schweinfurt
vs
FB
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundessozialgericht (il-Qorti Federali għall-Kwistjonijiet Soċjali, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Direttiva 2013/33/UE – Akkoljenza tal-persuni li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali – Artikolu 17 – Regoli ġenerali dwar il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza – Portata tar-rekwiżit li jiġi ggarantit standard ta’ ħajja adegwat – Ugwaljanza fit-trattament – Artikolu 20(1) – Limitazzjoni tad-dritt għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza – Kunċett ta’ ‘applikazzjoni sussegwenti’ – Regola nazzjonali li teskludi mid-dritt għall-benefiċċji maħsuba sabiex ikopru l-bżonnijiet fejn jidħlu l-ilbies, l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum tad-dar u l-konsum domestiku lill-applikanti li fir-rigward tagħhom tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013, ħlief jekk dawn iġibu prova li jeżistu ċirkustanzi speċjali – Ammissibbiltà”
I. Introduzzjoni
|
1. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, essenzjalment, il-portata tad-dritt irrikonoxxut lill-persuni li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali ( 2 ) fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33/UE ( 3 ) li jibbenefikaw minn kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza li jiżgurawlhom standard ta’ ħajja adegwat li jipproteġi s-saħħa fiżika u mentali tagħhom u jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru li fih huma jkunu qegħdin ifittxu l-ażil ( 4 ). |
|
2. |
Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari sar fil-kuntest ta’ tilwima bejn FB, ċittadin żagħżugħ Afgan, applikant għal protezzjoni internazzjonali, u l-Landkreis Schweinfurt (id-Distrett ta’ Schweinfurt, il-Ġermanja), dwar il-legalità ta’ deċiżjoni li permezz tagħha din il-persuna tneħħielha d-dritt għall-benefiċċji maħsuba sabiex ikopru l-bżonnijiet tagħha fejn jidħlu l-ilbies, l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u l-konsum domestiku, minħabba li hija kienet ser tiġi ddeportata mit-territorju b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment adottata skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 ( 5 ). |
|
3. |
Il-Bundessozialgericht (il-Qorti Federali għall-Kwistjonijiet Soċjali, il-Ġermanja) tistaqsi, l-ewwel nett, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Istat Membru ospitanti jistax jittratta lill-applikanti li fir-rigward tagħhom tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment skont dan ir-regolament b’mod inqas favorevoli minn dawk li jkunu, għall-kuntrarju, ser jibqgħu fit-territorju ta’ dan l-Istat. |
|
4. |
It-tieni nett, dik il-qorti tfittex li tiddetermina jekk l-imsemmi Stat Membru jiżgurax lill-applikanti standard ta’ ħajja adegwat li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom u li jipproteġi s-saħħa fiżika u mentali tagħhom billi jagħti lil dawn tal-aħħar benefiċċji in natura li jkopru l-alloġġ, l-ikel, il-kura personali u tas-saħħa, iżda jeskludihom, bħala prinċipju, mid-dritt għal għajnuna għall-ilbies u għal allowance finanzjarja li tkopri l-bżonnijiet tagħhom fejn jidħlu l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u l-konsum domestiku. |
|
5. |
Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk tali limitazzjoni tad-dritt għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza tistax tiġi adottata abbażi tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2013/33 minħabba li l-applikazzjoni ppreżentata miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz tikkostitwixxi, f’dan il-każ, applikazzjoni sussegwenti fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32/UE ( 6 ). |
|
6. |
Fl-ewwel lok, ser nispjega r-raġunijiet għaliex inqis li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2013/33 jipprekludu regola nazzjonali li teskludi, bħala prinċipju, mid-dritt għall-benefiċċji maħsuba sabiex ikopru l-bżonnijiet fejn jidħlu l-ilbies, l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u l-konsum domestiku lill-applikanti li fir-rigward tagħhom tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment, iżda li tkun għadha ma ġietx eżegwita. F’dan ir-rigward, ser noqgħod fuq il-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat fis-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2012, Cimade u GISTI ( 7 ), tat‑12 ta’ Novembru 2019, Haqbin ( 8 ), tal‑14 ta’ Jannar 2021, The International Protection Appeals Tribunal et ( 9 ), u, fl-aħħar nett, tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Ministero dell’Interno (Irtirar tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza) ( 10 ). Ser infakkar, b’mod partikolari, li l-obbligu tal-Istat Membru ospitanti li jiżgura lill-applikanti standard ta’ ħajja adegwat li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom u jipproteġi s-saħħa fiżika u mentali tagħhom jeżiġi li dawk li ma għandhomx awtonomija finanzjarja jingħataw għajnuna għall-ilbies u allowance ta’ kuljum, u dan sakemm jiġu ttrasferiti lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali. |
|
7. |
Fit-tieni lok, ser nispjega li tali esklużjoni ma setgħetx, f’dan il-każ, tkun ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet previsti fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2013/33 sa fejn applikazzjoni bħal dik ippreżentata minn FB ma kinitx tikkostitwixxi“applikazzjoni sussegwenti” għar-raġunijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja spjegat fis-sentenza Khan Yunis u Baabda ( 11 ), mogħtija fid‑19 ta’ Diċembru 2024, jiġifieri ftit xhur wara li tressqet din it-talba għal deċiżjoni preliminari. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 2013/32
|
8. |
L-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” bħala “applikazzjoni oħra għall-protezzjoni internazzjonali li ssir wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti, inklużi każijiet fejn l-applikant ikun irtira b’mod espliċitu l-applikazzjoni tiegħu u każijiet fejn l-awtorità determinanti tkun irrifjutat applikazzjoni wara l-irtirar impliċita tagħha taħt l-Artikolu 28(1)”. |
2. Id-Direttiva 2013/33
|
9. |
Il-premessi 8, 11 u 35 tad-Direttiva 2013/33 jiddikjaraw:
[…]
[…]
|
|
10. |
Skont l-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi standards għall-akkoljenza tal-applikanti fl-Istati Membri. |
|
11. |
L-Artikolu 2(g) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza” bħala “kondizzjonijiet ta’ akkoljenza li jinkludu akkomodazzjoni, ikel u ħwejjeġ, ipprovduti in natura, jew bħala konċessjonijiet finanzjarji jew f’vawċers, jew kombinazzjoni tat-tlieta, u konċessjoni għal spejjeż ta’ kuljum”. |
|
12. |
Skont l-Artikolu 3(1) tagħha, l-istess direttiva tapplika “għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha minn pajjiżi terzi […] li jagħmlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fit-territorju […] ta’ Stat Membru, sakemm jitħallew joqogħdu fit-territorju bħala applikanti”. |
|
13. |
L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2013/33, intitolat “Regoli ġenerali dwar kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza u kura tas-saħħa”, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 tiegħu u fil-paragrafi 3 u 5 tiegħu, jipprovdi: “2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali jipprovdu standard xieraq ta’ ħajja għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom kif ukoll jipproteġilhom is-saħħa fiżika u mentali […] 3. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali kollha jew xi wħud minnhom u kura tas-saħħa suġġetti għall-kondizzjoni li l-applikanti m’għandhomx mezzi suffiċjenti biex ikollhom standard ta’ ħajja adegwat għal saħħithom u biex jagħmlu possibbli s-sussistenza tagħhom. […] 5. Fejn l-Istati Membri jipprovdu kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza fil-forma ta’ konċessjonijiet finanzjarji jew vawċers, l-ammont tagħhom għandu jkun determinat fuq il-bażi tal-livell(i) stabbilit(i) mill-Istat Membru kkonċernat sew bil-liġi jew bil-prattika sabiex ikunu żgurati standards ta’ ħajja adegwati għaċ-ċittadini. L-Istati Membri jistgħu jagħtu trattament inqas favorevoli lill-applikanti meta mqabbla maċ-ċittadini f’dan ir-rigward, b’mod partikolari fejn il-materjal ta’ appoġġ jingħata parzjalment f’oġġetti jew fejn il-livell(i) msemmija hawn fuq, applikati għaċ-ċittadini, ikollhom l-għan li jiżguraw standard ta’ ħajja ogħla minn dak preskritt għall-applikanti skont din id-Direttiva.” |
|
14. |
L-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tnaqqis jew irtirar ta’ kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza”, jipprevedi: “1. L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu jew, f’każijiet eċċezzjonali u debitament iġġustifikati, jirtiraw kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza fejn applikant: […]
[…] 5. Deċiżjonijiet għal tnaqqis jew irtirar ta’ kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza […] għandhom jittieħdu b’mod individwali, oġġettiv u imparzjali u għandhom jingħataw raġunijiet. Dawn għandhom ikunu bbażati fuq is-sitwazzjoni partikolari tal-persuna kkonċernata […] filwaqt li jitqies il-prinċipju tal-proporzjonalità. L-Istati Membri għandhom fiċ-ċirkostanzi kollha jiżguraw aċċess għal kura tas-saħħa skont l-Artikolu 19 u għandhom jiżguraw standard tal-ħajja dinjituż għall-applikanti kollha. 6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza ma jkunux irtirati jew imnaqqsa qabel ma tittieħed deċiżjoni skont il-paragrafu 5.” |
3. Ir-Regolament Dublin III
|
15. |
Il-premessi 11 u 12 tar-Regolament Dublin III jiddikjaraw:
|
|
16. |
L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi l-“[o]bbligi tal-Istat Membru responsabbli” kif ġej: “1. L-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat: […]
2. […] F’każijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-paragrafu 1(c), meta l-Istat Membru responsabbli ma kienx kompla bl-eżami ta’ applikazzjoni minħabba l-irtirar tagħha mill-applikant qabel ma ttieħdet deċiżjoni fl-ewwel istanza dwar is-sustanza, dak l-Istat Membru għandu jiżgura li l-applikant huwa intitolat jagħmel talba li l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu jew tagħha jitkompla jew li tiġi ddepożitata applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali, li ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala applikazzjoni sussegwenti kif previst fid-Direttiva [2013/32]. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitlesta l-eżami tal-applikazzjoni. […]” |
B. Id‑dritt Ġermaniż
1. Il-Liġi dwar il-Kundizzjonijiet Materjali ta’ Akkoljenza
|
17. |
Skont il-punt 5 tal-Artikolu 1(1) tal-Asylbewerberleistungsgesetz (il-Liġi dwar il-Kundizzjonijiet mogħtija lill-Applikanti għall-Ażil), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil‑5 ta’ Awwissu 1997 ( 13 ), kif emendata l-aħħar bl-Artikolu 18 tal-Gesetz zur Stärkung der Impfprävention gegen COVID‑19 und zur Änderung weiterer Vorschriften im Zusammenhang mit der COVID-19-Pandemia (il-Liġi li ssaħħaħ it-Tilqim kontra l-COVID‑19 u li temenda Dispożizzjonijiet Oħra relatati mal-Pandemija tal-COVID‑19) ( 14 ) tal‑10 ta’ Diċembru 2021 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kundizzjonijiet Materjali ta’ Akkoljenza”): “(1) Għandhom dritt għall-kundizzjonijiet previsti f’din il-liġi ċ-ċittadini barranin li jirrisjedu effettivament fit-territorju federali u li […]
|
|
18. |
L-Artikolu 1a ta’ din il-liġi, intitolat “Limitazzjoni tad-drittijiet”, jipprevedi: “(1) Il-persuni li għandhom dritt għall-kundizzjonijiet mogħtija taħt il-punt 5 tal-Artikolu 1(1), li d-data tat-tluq tagħhom u l-possibbiltà tat-tluq tagħhom jkunu stabbiliti, ma għandhomx dritt għall-kundizzjonijiet mogħtija taħt l-Artikoli 2, 3 u 6 mill-għada tad-data tat-tluq sakemm it-tluq ma jkunx seta’ jseħħ għal raġunijiet li ma jkollhomx kontroll fuqhom. Sakemm jitilqu jew sakemm jiġu ddeportati, huma għandhom jingħataw biss kundizzjonijiet li jkopru l-bżonnijiet tagħhom fejn jidħlu l-ikel u l-alloġġ, inkluż it-tisħin, kif ukoll il-kura personali u tas-saħħa. Kundizzjonijiet oħra msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) jistgħu jingħatawlhom biss f’każijiet speċjali u dan meta jkunu jeżistu ċirkustanzi speċjali. Il-kundizzjonijiet għandhom, bħala regola ġenerali, jingħataw in natura. […] (7) Il-benefiċjarji tal-kundizzjonijiet mogħtija taħt il-punti 1 jew 5 tal-Artikolu 1(1), li l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil tkun ġiet miċħuda bħala inammissibbli permezz ta’ deċiżjoni tal-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati, il-Ġermanja) meħuda abbażi tal-punt 1 tal-Artikolu 29(1) tal-Asylgesetz (AsylG) [(il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil) ( 15 ) tas‑26 ta’ Ġunju 1992), moqri flimkien mal-Artikolu 31(6) ta’ din il-liġi, u li jkunu ġew ordnati li jiġu ddeportati skont it-tieni każ imsemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 34(1) tal-imsemmija liġi, jistgħu jingħataw biss kundizzjonijiet taħt il-paragrafu 1, imqar jekk din id-deċiżjoni tkun għadha tista’ tiġi kkontestata. L-ewwel sentenza ma tapplikax meta qorti tkun ordnat li l-appell mill-ordni ta’ deportazzjoni jkollu effett sospensiv.” |
|
19. |
L-Artikolu 3(1) tal-Liġi dwar il-Kundizzjonijiet Materjali ta’ Akkoljenza jipprovdi: “Il-benefiċjarji taħt l-Artikolu 1 għandhom jingħataw kundizzjonijiet li jkopru l-bżonnijiet tagħhom fejn jidħlu l-ikel, l-alloġġ, it-tisħin, l-ilbies, il-kura tas-saħħa, kif ukoll l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u l-konsum domestiku (bżonnijiet essenzjali). Barra minn hekk, għandhom jingħataw kundizzjonijiet li jkopru l-bżonnijiet personali tal-ħajja ta’ kuljum (bżonnijiet personali essenzjali).” |
|
20. |
L-Artikolu 6(1) ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej: “Kundizzjonijiet oħra jistgħu, fost oħrajn, jingħataw jekk, f’każ speċjali, ikunu indispensabbli sabiex jiżguraw is-sussistenza jew is-saħħa, jekk ikunu neċessarji sabiex ikopru bżonnijiet speċjali tat-tfal jew jekk ikunu meħtieġa sabiex jissodisfaw obbligu ta’ kooperazzjoni previst fid-dritt amministrattiv. […]” |
2. Il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil
|
21. |
L-Artikolu 29 tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fit‑2 ta’ Settembru 2008 ( 16 ), kif emendata l-aħħar bl-Artikolu 9 tal-Gesetz zur Weiterentwicklung des Ausländerzentralregisters (il-Liġi dwar l-Iżvilupp tar-Reġistru Ċentrali tal-Barranin) ( 17 ) tad‑9 ta’ Lulju 2021, intitolat “Applikazzjonijiet inammissibbli”, jipprevedi, fil-punt 1 tal-paragrafu 1 tiegħu: “Applikazzjoni għall-ażil tkun inammissibbli meta: 1. Stat ieħor
[…] ikun responsabbli jmexxi l-proċedura għall-ażil”. |
|
22. |
Skont l-Artikolu 34a(1) ta’ din il-liġi: “Jekk iċ-ċittadin barrani għandu jiġi ddeportat […] lejn Stat responsabbli jmexxi l-proċedura għall-ażil […], l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati għandu jordna d-deportazzjoni lejn dan l-Istat mill-mument li fih jiġi stabbilit li din id-deportazzjoni tista’ ssir. Dan jgħodd ukoll meta ċ-ċittadin barrani jkun ippreżenta l-applikazzjoni għall-ażil fi Stat ieħor responsabbli jmexxi l-proċedura għall-ażil minħabba dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jew ta’ trattat internazzjonali, jew meta jkun irtiraha qabel id-deċiżjoni tal-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati. […]” |
III. Il-fatti tal-kawża u d-domandi preliminari
|
23. |
FB huwa ċittadin Afgan li daħal il-Ġermanja fil‑25 ta’ Awwissu 2021 fl-età ta’ 19‑il sena u li ġie rreġistrat bħala applikant għal protezzjoni internazzjonali fis‑6 ta’ Settembru 2021. L-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati talab lir-Rumanija tieħdu lura minħabba li FB kien preċedentement ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fis‑6 ta’ Awwissu 2021 li huwa sussegwentement irtira b’mod impliċitu ( 18 ). |
|
24. |
Sa fejn għandhom x’jaqsmu l-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza li ngħatawlu sa minn Settembru 2021, FB ġie alloġġjat f’ċentru tal-ewwel akkoljenza li jinsab fid-distrett ta’ Schweinfurt. Huwa ngħata l-benefiċċji in natura previsti fl-Artikoli 3 u 3a tal-Liġi dwar il-Kundizzjonijiet Materjali ta’ Akkoljenza, jiġifieri alloġġ msaħħan u miżmum, ikel, ilbies, enerġija domestika, prodotti għall-kura personali u tal-iġjene, kif ukoll aċċess għall-Wi‑Fi lokali. Barra minn hekk, huwa ngħata allowance finanzjarja li tkopri l-“bżonnijiet personali essenzjali” tiegħu fl-ammont ta’ EUR 101.25 għall-perijodu bejn is‑6 u t‑30 ta’ Settembru 2021 u ta’ EUR 121.50 fix-xahar minn Ottubru 2021 ( 19 ). |
|
25. |
Wara li r-Rumanija aċċettat li tieħu lura lil FB, l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati adotta deċiżjoni, fil‑25 ta’ Ottubru 2021, li l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali kienet inammissibbli u ordna li jiġi ttrasferit lejn dan l-Istat Membru ( 20 ). It-trasferiment ġiet iffissat għat‑22 ta’ April 2021. FB ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment, liema rikors ġie miċħud permezz ta’ sentenza tal-Verwaltungsgericht Würzburg (il-Qorti Amministrattiva ta’ Würzburg, il-Ġermanja) tal‑21 ta’ Diċembru 2021. |
|
26. |
Wara li sema’ lil FB, id-Distrett ta’ Schweinfurt illimita, permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2021, id-dritt għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza li kienu ngħatawlu u dan billi qagħad fuq l-Artikolu 1a(7) tal-Liġi dwar il-Kundizzjonijiet Materjali ta’ Akkoljenza ( 21 ). Din id-deċiżjoni kienet tapplika mill‑1 ta’ Jannar sat‑30 ta’ Ġunju 2022. Għalhekk, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2022, FB ibbenefika minn benefiċċji in natura li jkopru l-bżonnijiet tiegħu fejn jidħlu l-alloġġ, l-ikel, it-tisħin, il-kura fiżika u tas-saħħa, kif ukoll, fil-każ ta’ mard, minn servizzi ta’ assistenza medika. Għall-kuntrarju, huwa tilef il-dritt għall-benefiċċji previsti sabiex ikunu koperti, minn naħa, il-“bżonnijiet essenzjali” tiegħu fejn jidħlu l-ilbies, l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u l-konsum domestiku u, min-naħa l-oħra, il-“bżonnijiet personali essenzjali” tiegħu msemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) ta’ din il-liġi, jiġifieri, l-ispejjeż tat-trasport, tal-komunikazzjoni, tal-passatempi, tad-divertiment, tal-kultura, tas-servizzi ta’ alloġġ u tal-forniment tal-ikel, kif ukoll ta’ oġġetti u servizzi oħra. Mid-deċiżjoni kontenzjuża, annessa mal-proċess nazzjonali li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li FB ma invokax ebda ċirkustanza speċjali li tiġġustifika l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji l-oħra. It-trasferimenti previsti inizjalment fid‑19 ta’ Jannar 2022 u sussegwentement fit‑2 ta’ Marzu 2022 ma setgħux isiru għal raġunijiet li ma humiex attribwibbli lil FB, peress li r-Rumanija ma baqgħetx taċċetta trasferimenti lejn it-territorju tagħha mill‑1 ta’ Marzu 2022 u dan minħabba l-gwerra fl-Ukraina. Fit‑23 ta’ Frar 2022, FB ġie ttrasferit f’distrett ieħor fejn ibbenefika minn kundizzjonijiet li ma humiex ikkontestati f’dan il-każ. Huwa għalhekk stabbilit li, f’din il-kawża, il-perijodu kontenzjuż jibda fl‑1 ta’ Jannar 2022 u jispiċċa fit‑22 ta’ Frar 2022. |
|
27. |
FB ippreżenta rikors quddiem is-Sozialgericht Würzburg (il-Qorti għall-Kwistjonijiet Soċjali ta’ Würtzburg, il-Ġermanja) sabiex jingħata kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza iktar favorevoli u, b’mod partikolari, allowance finanzjarja li tkopri l-bżonnijiet personali essenzjali tiegħu matul dan il-perijodu kontenzjuż. |
|
28. |
Għalkemm dan ir-rikors ġie miċħud minn din il-qorti permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2023, huwa ntlaqa’ mill-Bayerisches Landessozialgericht (il-Qorti Superjuri għall-Kwistjonijiet Soċjali ta’ Bayern, il-Ġermanja) permezz ta’ sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2023, minħabba li l-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 1(7) tal-Liġi dwar il-Kundizzjonijiet Materjali ta’ Akkoljenza kienet teħtieġ li tintwera l-eżistenza ta’ aġir li jmur kontra xi obbligu partikolari – ħaġa li ma kinitx ġiet stabbilita f’dan il-każ. Għalhekk, id-Distrett ta’ Schweinfurt ippreżenta rikors għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju kontra din is-sentenza. |
|
29. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundessozialgericht (il-Qorti Federali għall-Kwistjonijiet Soċjali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
30. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn FB, mill-Gvern Ġermaniż u minn dak Belġjan, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet u l-partijiet ikkonċernati (ħlief il-Gvern Bulgaru) ipparteċipaw fis-seduta li saret fl‑4 ta’ Settembru 2025, li matulha dawn il-partijiet wieġbu wkoll b’mod orali għad-domandi li saru mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
IV. Analiżi
A. Osservazzjoni preliminari
|
31. |
Fid-dawl tal-kontenut tal-iskambji li saru waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ikun utli, fil-fehma tiegħi, li ssir osservazzjoni preliminari dwar il-portata tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. |
|
32. |
Waqt is-seduta, il-Gvern Ġermaniż sostna li l-Artikolu 27(3)(a) tar-Regolament Dublin III, sa fejn jagħti lill-persuna kkonċernata d-dritt li tibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat sakemm jiġu deċiżi r-rikors tagħha jew t-talba tagħha għal reviżjoni kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ta’ xkiel għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2013/33. Fil-fatt, fil-fehma ta’ dan il-gvern, peress li d-deċiżjoni ta’ trasferiment li ttieħdet fir-rigward ta’ FB saret waħda definittiva, dan tal-aħħar ma kellux iktar id-dritt li jirrisjedi fit-territorju Ġermaniż u, konsegwentement, ma kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, kif iddefinit fl-Artikolu 3(1) tagħha, imqar jekk it-trasferiment ma kienx ġie effettivament eżegwit. |
|
33. |
Ninnota li dan l-argument ma tqajjimx mill-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u, fil-fehma tiegħi, l-istħarriġ tiegħu jmur lil hinn mill-iskop tat-tilwima ddefinit mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, din tal-aħħar titlaq mill-premessa li FB jaqa’, fir-rigward tal-perijodu inkwistjoni, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/33, minkejja li r-rikors li huwa ppreżenta kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment lejn ir-Rumanija ġie miċħud u minkejja n-natura definittiva ta’ dan tal-aħħar. F’dan il-kuntest, dik il-qorti sempliċement tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2) u (5) u tal-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, sa fejn għandha x’taqsam il-portata tad-dritt irrikonoxxut lil dan l-applikant li jibbenefika minn kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza li jiżgurawlu standard ta’ ħajja adegwat. Issa, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-qorti nazzjonali biss li tiddefinixxi s-suġġett tad-domandi li hija tkun biħsiebha tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 22 ). |
|
34. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jien tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax testendi s-suġġett tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju billi teżaminahom fid-dawl tal-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III u billi tistħarreġ jekk, minħabba l-eżawriment tar-rikors previst f’din id-dispożizzjoni, FB kienx għad għandu d-dritt li jirrisjedi fit-territorju Ġermaniż, imqar jekk id-deċiżjoni ta’ trasferiment ma kinitx ġiet eżegwita, u, konsegwentement, kien ħareġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/33. Peress li din il-kwistjoni tmur ferm lil hinn mill-perimetru ddefinit minn dik il-qorti, jien tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li l-imsemmija qorti ssemmi b’mod espliċitu. |
B. Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regoli ġenerali dwar il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2013/33 (l-ewwel domanda)
|
35. |
Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2013/33 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-awtorità kompetenti għandha tirtira l-benefiċċji li jkopru l-bżonnijiet sa fejn jidħlu l-ilbies, l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u l-konsum domestiku, mogħtija in natura jew fil-forma ta’ allowances finanzjarji, tal-applikanti li fir-rigward tagħhom tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment skont ir-Regolament Dublin III, ħlief jekk dawn l-applikanti jipprovaw l-eżistenza ta’ ċirkustanzi speċjali. |
|
36. |
Din id-domanda teħtieġ li jiġi analizzat it-trattament li l-Istat Membru ospitanti huwa obbligat jagħti lil applikant li jkun ser jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali qabel ma tiġi eżaminata l-portata tar-rekwiżit li jiġi ggarantit standard ta’ ħajja adegwat li jinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33. Ser nagħmel dan l-eżami fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ applikant li, bħal FB, ma kellu ebda riżorsi tiegħu, kif ġie ppreċiżat waqt is-seduta. |
1. Fuq it-trattament li għandu jingħata lill-applikanti li fir-rigward tagħhom tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment
|
37. |
Skont it-titolu tiegħu, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2013/33 jistabbilixxi r-regoli ġenerali dwar il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza. |
|
38. |
Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jiddefinixxi l-għan u l-iskop tal-miżuri dwar il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza, li jeżiġu li l-Istati Membri jiżguraw lill-“applikanti” standard ta’ ħajja adegwat li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom u jipproteġi s-saħħa fiżika u mentali tagħhom. |
|
39. |
Il-paragrafu 5 tal-imsemmi artikolu jiddefinixxi, min-naħa tiegħu, ir-regoli li japplikaw għall-iffissar tal-ammont tal-allowances finanzjarji jew tal-vawċers mogħtija għal dan il-għan, u jippreċiża li l-Istati Membri jistgħu jittrattaw lill-applikanti b’mod inqas favorevoli miċ-ċittadini tagħhom, b’mod partikolari meta għajnuna materjali tingħata parzjalment in natura jew meta dawn il-livelli applikati għaċ-ċittadini tagħhom ikunu intiżi li jiggarantixxu standard ta’ ħajja ogħla minn dak li jeħtieġu l-applikanti taħt id-Direttiva 2013/33. |
|
40. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, lil hinn mid-differenza fit-trattament li hija permessa bejn applikant u ċittadin nazzjonali, l-Istat Membru ospitanti jistax, barra minn hekk, jittratta b’mod differenti lill-applikanti li fir-rigward tagħhom tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tagħhom, billi dawn tal-aħħar jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-applikanti l-oħra. |
|
41. |
Fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2013/33 u tal-mod kif dan tal-aħħar huwa fformulat, ma hemm l-ebda dubju li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-ħsieb li jintroduċi sistema ta’ assistenza b’ġeometrija varjabbli li fiha l-arranġamenti ta’ akkoljenza tal-applikant ikunu, fir-realtà, jiddependu minn jekk l-Istat Membru li jkun jinsab fih ikunx l-Istat Membru li ser jiddeċiedi b’mod definittiv l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali. Ħlief id-dispożizzjonijiet speċifiċi espliċitament previsti minn dan il-leġiżlatur fir-rigward tal-persuni vulnerabbli (Artikoli 21 sa 25 ta’ din id-direttiva), ta’ dawk imqiegħda f’detenzjoni (Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva), jew ta’ dawk suġġetti għal sanzjoni minħabba l-aġir tagħhom (Artikolu 20 tal-istess direttiva), ebda prova, sew jekk ta’ natura testwali, kuntestwali jew teleoloġika, ma tippermetti li tiġi stabbilita tali differenza fit-trattament. |
|
42. |
Fl-ewwel lok, fid-dritt tal-Unjoni kif inhu llum, ebda wieħed mill-istrumenti li jagħmlu s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil ma jistabbilixxi status ġuridiku speċifiku għall-applikant li fir-rigward tiegħu tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment jew ma jipprevedi sistema legali speċifika fir-rigward tiegħu ( 23 ). |
|
43. |
B’hekk, sa fejn għandha x’taqsam id-Direttiva 2013/33, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fis-sentenza IPAT li “l-applikanti li huma s-suġġett tal-‘proċeduri li jirrigwardaw l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali’ stabbiliti mir-Regolament Dublin III huma manifestament inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae [ta’ din id-direttiva]” u li din tal-aħħar ma tagħmel ebda distinzjoni skont jekk l-applikant ikunx is-suġġett ta’ proċeduri ta’ trasferiment jew le ( 24 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni juża b’mod uniformi u trażversali l-kunċett ta’ “applikant” li jinsab fl-Artikolu 2(b) tal-imsemmija direttiva, liema kunċett ikopri “kategorija waħda biss ta’ applikanti” li tinkludi ċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi u l-apolidi li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li ma tkunx għadha ġiet deċiża b’mod definittiv ( 25 ). Sa fejn deċiżjoni ta’ trasferiment ma tikkostitwixxix deċiżjoni li permezz tagħha applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi deċiża b’mod definittiv, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni jista’, għalhekk, ikollha l-effett li ċċaħħad lill-persuna kkonċernata mill-kwalità tagħha ta’ “applikant” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll mid-drittijiet assoċjati ma’ din il-kwalità ( 26 ). Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 17(2) tal-istess direttiva jirreferi għall-“applikanti” mingħajr ebda distinzjoni. |
|
44. |
Fit-tieni lok, l-għan tad-Direttiva 2013/33 ma huwiex li tiggarantixxi l-integrazzjoni tal-applikanti fl-Istat Membru ospitanti, iżda li tiżgura li r-responsabbiltà għall-bżonnijiet essenzjali u immedjati tagħhom tittieħed b’mod effettiv sabiex jiġi żgurat, skont il-premessi 11 u 35 ta’ din id-direttiva, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom. |
|
45. |
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rispett tad-dinjità tal-bniedem u tad-dritt għall-ażil, irrikonoxxuti fl-Artikoli 1 u 18 tal-Karta, rispettivament, ma japplikawx biss fir-rigward tal-applikanti li jkunu jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tagħhom, iżda wkoll fir-rigward ta’ dawk li jkunu qegħdin jistennew li jiġi ddeterminat dan l-Istat ( 27 ). |
|
46. |
Dan ir-raġunament għandu jiġi estiż għall-applikanti li jkunu qegħdin jistennew it-trasferiment effettiv tagħhom lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tagħhom. Fil-fatt, il-kunċett stess ta’ “akkoljenza” jeżiġi li jittieħed inkunsiderazzjoni kriterju oġġettiv, jiġifieri l-post fejn ikun jinsab l-applikant, u mhux l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti fir-Regolament Dublin III u tal-prassi relatati miegħu, li minnha jirriżulta li d-data tat-trasferiment u l-implimentazzjoni ta’ dan tal-aħħar jibqgħu fl-aħħar mill-aħħar inċerti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ġustament enfasizzat dan, billi fakkret li l-esklużjoni tal-applikanti mid-dritt għal ċerti kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza ma setgħetx tiġi ġġustifikata la minħabba l-qosor tal-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli fid-dawl tat-termini relatati mal-proċedura ta’ teħid (lura) ta’ responsabbiltà u ta’ trasferiment stipulati fl-Artikolu 21 sa 25 u fl-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III, u lanqas minħabba s-sitwazzjoni li fiha t-trasferiment ma jkunx seħħ fit-termini stipulati ( 28 ). Din il-kawża hija eżempju ta’ dan mhux biss għaliex it-terminu massimu li fih kellha tiġi applikata d-deċiżjoni ta’ trasferiment kien twil sitt xhur – perijodu twil iżżejjed jekk l-applikant, li ma jkollux awtonomija finanzjarja, la jibbenefika minn għajnuna għall-ilbies u lanqas minn allowance ta’ kuljum – iżda wkoll għaliex din id-deċiżjoni ma ġiet qatt eżegwita. |
|
47. |
Il-fatt li l-applikanti jiġu esklużi mid-dritt għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza minħabba li ma jkunux “fejn suppost”, u dan b’applikazzjoni tal-kriterji ta’ responsabbiltà stabbiliti fir-Regolament Dublin III, jikser id-drittijiet fundamentali tagħhom. Oġġettivament, dawn tal-aħħar jinsabu f’sitwazzjoni li tixbah lil dik li jinsabu fiha l-applikanti li jkunu qegħdin jirrisjedu fl-Istat Membru responsabbli għall-applikazzjoni tagħhom jew li jkunu qegħdin jistennew li jiġi ddeterminat dan l-Istat. Il-bżonnijiet tagħhom huma identiċi: għalkemm ma humiex suġġetti għall-obbligi ta’ kooperazzjoni li jimponi fuqhom l-eżami tal-applikazzjoni tagħhom, huma għandhom, madankollu, ikollhom fejn joqogħdu, x’jieklu, x’jilbsu u jkollhom somma flus li tippermettilhom iżommu ftit dinjità u awtonomija sabiex igawdu d-drittijiet mogħtija lilhom mid-Direttiva 2013/33. |
|
48. |
Tali approċċ imur kontra wkoll l-għan tad-Direttiva 2013/33, kif imfisser fil-premessa 8 tagħha, li “[j]kun żgurat it-trattament ugwali tal-applikanti madwar l-Unjoni, [billi] tapplika matul l-istadji u t-tipi kollha ta’ proċeduri li jirrigwardaw l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, fil-postijiet u fil-faċilitajiet kollha li jilqgħu lill-applikanti u sakemmjitħallew jibqgħu fit-territorju tal-Istati Membri bħala applikanti” ( 29 ). Il-proċedura ta’ trasferiment u ta’ teħid (lura) ta’ responsabbiltà ta’ applikant mill-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu, immexxija skont ir-Regolament Dublin III, hija, minnha nnifisha, “proċedura li tirrigwarda l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali” ( 30 ). Minn qari tal-premessa 11 flimkien mal-Artikolu 20(5) ta’ dan ir-regolament jirriżulta, barra minn hekk, li l-istandards ta’ akkoljenza previsti fid-Direttiva 2013/33 japplikaw għall-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, liema proċedura tispiċċa biss meta dan l-Istat jieħu (lura) ir-responsabbiltà tal-applikant. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dan fis-sentenza IPAT billi ddeċidiet li l-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat li jagħti l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza lill-applikant “jintemm biss fil-mument tat-trasferiment definittiv ta’ dan tal-aħħar lejn l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba” ( 31 ). |
|
49. |
Fl-aħħar lok u t-tielet nett, jekk wieħed jaċċetta li l-Istat Membru ospitanti jista’ jfixkel it-teħid ta’ responsabbiltà tal-applikanti minħabba li ma jkunx l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tagħhom, ikun qiegħed jonqos milli josserva l-għan tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil billi jissuġġetta parti kbira tal-applikanti għal standards nazzjonali ħafna inqas favorevoli mir-regoli armonizzati stabbiliti f’din is-sistema. Huwa ċar li tali miżura ma tippermettix li tiġi żgurata “kontinwità fil-protezzjoni u d-drittijiet mogħtija [mir-Regolament Dublin III] u [mill-istrumenti] legali rilevanti oħrajn rigward l-asil” li l-leġiżlatur tal-Unjoni jfittex fl-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament. |
|
50. |
Konsegwentement, fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, jien tal-fehma li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2013/33 jipprekludu regola nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-applikanti li fir-rigward tagħhom tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-applikanti l-oħra. |
|
51. |
Issa jmiss li jiġi eżaminat it-tieni aspett tal-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju: Stat Membru jiżgura lill-applikanti standard ta’ ħajja adegwat li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom u jipproteġi s-saħħa fiżika u mentali tagħhom jekk jeskludi lil dawn tal-aħħar mid-dritt għall-għajnuna għall-ilbies u għal allowance ta’ kuljum li tkopri x-xiri ta’ oġġetti għall-użu ta’ kuljum u ta’ konsum domestiku? |
2. Fuq il-portata tar-rekwiżit li jiġi ggarantit standard ta’ ħajja adegwat
|
52. |
Infakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33 jistabbilixxi l-prinċipju li l-miżuri nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza għandhom jiżguraw lill-applikanti standard ta’ ħajja adegwat li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom u jipproteġi s-saħħa fiżika u mentali tagħhom. |
|
53. |
Sabiex jiġu ddeterminati l-portata u l-arranġamenti tat-teħid ta’ responsabbiltà li teħtieġ din id-dispożizzjoni, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-portata tar-rekwiżit li jiġi ggarantit standard ta’ ħajja adegwat u l-kontenut tal-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw minnu. |
|
54. |
Fid-dritt ekonomiku, l-espressjoni “standard ta’ ħajja” tirreferi għall-benesseri ekonomiku u soċjali ta’ persuna jew ta’ grupp ta’ persuni, u b’mod partikolari għall-kapaċità tagħha li tissodisfa l-bżonnijiet essenzjali u mhux essenzjali tagħha. Fil-kuntest tad-Direttiva 2013/33, il-leġiżlatur tal-Unjoni jirreferi kemm għar-rekwiżit li jiġi ggarantit standard ta’ ħajja “adegwat”, kif ukoll għal dak li jinżamm standard ta’ ħajja “dinjituż”, mingħajr ma jiddefinixxi l-portata ta’ dawn ir-rekwiżiti. Din il-qorti tistaqsi, għalhekk, jekk huwiex possibbli li jsir paragun bejniethom. |
|
55. |
Fl-ewwel lok, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33 ma fih ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tal-kunċett ta’ “standard ta’ ħajja adegwat”. Skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi, billi mhux biss jittieħed inkunsiderazzjoni il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li din id-direttiva tfittex li tilħaq ( 32 ). |
|
56. |
Huwa skont dan il-metodu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-portata tar-rekwiżit li jinżamm standard ta’ ħajja dinjituż stabbilit fl-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2013/33 fis-sens li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jqiegħdu lill-applikant f’sitwazzjoni ta’ privazzjoni materjali kbira li ma tippermettilux ilaħħaq mal-bżonnijiet l-iktar bażiċi tiegħu, bħal li jkollu fejn joqgħod, x’jiekol, x’jilbes u fejn jinħasel, u li tagħmel ħsara lis-saħħa fiżika u mentali tiegħu jew tixħtu fi stat ta’ degradazzjoni inkompatibbli ma’ din id-dinjità ( 33 ). Fis-sentenza Cimade u GISTI, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet li applikant ma setax jiġi mċaħħad mill-protezzjoni tal-istandards minimi ta’ akkoljenza previsti fid-Direttiva 2003/9, anki tul perijodu temporanju wara li jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu u qabel ma jiġi effettivament ittrasferit, bir-riskju li, b’mod partikolari, ma jiġux osservati l-iskop ta’ din id-direttiva u r-rekwiżiti tal-Artikolu 1 tal-Karta li jgħid li d-dinjità tal-bniedem għandha tiġi rrispettata u protetta ( 34 ). |
|
57. |
Fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33, il-leġiżlatur tal-Unjoni jeżiġi li l-miżuri dwar il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza jiżguraw standard ta’ ħajja “adegwat” u mhux standard ta’ ħajja “dinjituż”. |
|
58. |
Ninnota li l-Istati Membri għandhom jiżguraw dan l-istandard ta’ ħajja permezz tal-miżuri dwar il-“kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza”, liema kundizzjonijiet huma, għalhekk, komponenti tal-imsemmi standard ta’ ħajja. Dawn il-kundizzjonijiet huma ddefiniti fl-Artikolu 2(g) tad-Direttiva 2013/33 fis-sens li jinkludu “akkomodazzjoni, ikel u ħwejjeġ, ipprovduti in natura, jew bħala konċessjonijiet finanzjarji jew f’vawċers, jew kombinazzjoni tat-tlieta, u konċessjoni għal spejjeż ta’ kuljum”. Għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ evalwazzjoni sa fejn għandha x’taqsam is-sura li fiha jiġu offruti l-imsemmija kundizzjonijiet, mill-banda l-oħra, huwa jiddefinixxi b’mod preċiż il-kontenut tagħha billi jidentifika l-bżonnijiet li għandhom jiġu ssodisfatti. Kif jixhed l-użu ta’ “u”, il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza huma kumulattivi u għandhom jitqiesu li huma marbuta b’mod li ma jistgħux jinfirdu sa fejn huma l-mezz sabiex jiġi żgurat standard ta’ ħajja adegwat lill-applikant li ma jkollux awtonomija finanzjarja. Fil-kuntest tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva, id-dritt għal standard ta’ ħajja adegwat huwa għalhekk maħsub bħala dritt kompost li t-tgawdija tiegħu tiddependi mill-issodisfar simultanju ta’ kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet. |
|
59. |
Konsegwentement, l-Istati Membri ma jistgħux jipprevedu sistema “à la carte” billi jirtiraw jew ineħħu xi wieħed minn dawn il-komponenti. F’dan ir-rigward, ninnota li l-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33 huwa differenti minn dak użat fl-Artikolu 17(3) ta’ din id-direttiva, li jippermetti lill-Istati Membri jagħtu l-imsemmija kundizzjonijiet “kollha jew parti minnhom” meta l-applikant ikollu r-riżorsi tiegħu. Minn dan jirriżulta li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri ma jistgħux jevitaw l-obbligu tagħhom li jipprovdu kemm għall-bżonnijiet tal-applikant li jkollu fejn joqgħod u x’jiekol, kif ukoll għall-bżonn li jkollu x’jilbes, u li jagħtuh allowance ta’ kuljum. |
|
60. |
Fit-tieni lok, it-terminu “adegwat” jimplika l-għoti ta’ benefiċċji li jkunu adattati sabiex jiggarantixxu s-sussistenza tal-applikant u l-protezzjoni tas-saħħa fiżika u mentali tiegħu u mhux l-aċċess għal sett ta’ drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali. Barra minn hekk, fl-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2013/33, il-leġiżlatur tal-Unjoni jirreferi b’mod espliċitu għall-mezzi suffiċjenti sabiex l-applikanti jkollhom “standard ta’ ħajja adegwat għal saħħithom u biex jagħmlu possibbli s-sussistenza tagħhom” ( 35 ). Dan jimplika l-għoti ta’ benefiċċji li l-kontenut tagħhom ikun adattat għas-sitwazzjoni individwali tal-applikant f’soċjetà partikolari u fi żmien partikolari ( 36 ). Il-kliem tal-Artikolu 17(5) ta’ din id-direttiva huma partikolarment ċari f’dan ir-rigward, billi jeżiġi, għal dan il-għan, li l-ammont tal-allowances finanzjarji jew tal-vawċers li jingħataw għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza jiġi ffissat “fuq il-bażi tal-livell(i) stabbilit(i) mill-Istat Membru kkonċernat”. Għall-kuntrarju, jekk l-għajnuna għall-ilbies tingħata in natura, jien tal-fehma li din tal-aħħar għandha tkun tali li l-applikant ikun jista’ jixtri ħwejjeġ u żraben li jkunu raġonevolment deċenti, xierqa skont is-sess u l-età ta’ min jilbishom, adattati għall-istaġun u b’biżżejjed kwantità. |
|
61. |
Fid-dawl ta’ dawn l-aspetti testwali, ir-rekwiżit li jiġi ggarantit standard ta’ ħajja adegwat imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33, kemm‑il darba jkopri l-bżonnijiet bażiċi tal-applikant, imur għalhekk lil hinn mid-dritt għas-sopravivenza biss. Dan tal-aħħar għandu jkun jista’ jgħix ħajja dinjituża b’aċċess għal riżorsi li huma biżżejjed u adattati sabiex jissodisfa l-bżonnijiet li jkollu fejn joqgħod, x’jiekol, x’jilbes u li jieħu ħsieb tiegħu nnifsu, u sabiex jibbenefika minn awtonomija minima f’soċjetà partikolari u fi żmien partikolari ( 37 ). |
|
62. |
Il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni jippermetti li tiġi sostnuta l-interpretazzjoni fis-sens li dan ir-rekwiżit għandu portata materjali ħafna usa’ minn dak li jinżamm standard ta’ ħajja dinjituż. |
|
63. |
Fil-fatt, ir-rekwiżit li jiġi ggarantit standard ta’ ħajja adegwat jagħmel parti mill-għoti tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza, li l-arranġamenti tagħhom huma ddefiniti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2013/33, filwaqt li dak li jinżamm standard ta’ ħajja dinjituż jagħmel parti mit-tnaqqis, jew saħansitra mill-irtirar, tad-dritt għal dawn il-kundizzjonijiet, previsti fl-Artikolu 20 ta’ din tal-aħħar ( 38 ). Dan ir-rekwiżit tal-aħħar huwa għalhekk eċċezzjoni li tapplika biss f’sitwazzjonijiet ikkaratterizzati minn abbuż ta’ dritt jew aġir li jmur kontra d-dispożizzjonijiet legali min-naħa tal-applikant. Il-leġiżlatur tal-Unjoni, billi jeżiġi li jiġu żgurati l-integrità u d-dinjità tal-applikant meta jitneħħewlu l-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza kollha jew parti minnhom, jistabbilixxi livell minimu li l-Istati Membri għandhom josservaw. |
|
64. |
Għall-kuntrarju, ir-rekwiżit li jiġi ggarantit standard ta’ ħajja adegwat imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33 huwa r-regola u għandu neċessarjament portata materjali usa’. Dan tixhdu s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Saciri et, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja żammet li l-livell tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza, b’mod partikolari, l-għajnuna finanzjarja mogħtija għal dan il-għan, għandi jkun biżżejjed sabiex jiġi ggarantit standard ta’ ħajja “dinjituż u adegwat” għas-saħħa, kif ukoll sabiex tiġi żgurata s-sussistenza tal-applikanti. |
|
65. |
Fl-aħħar nett, li kellu wieħed ineħħi mill-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza previsti fl-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33 il-benefiċċji li jkopru l-bżonnijiet tal-applikanti fejn jidħlu l-ilbies, l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u l-konsum domestiku, ikun qiegħed jikser manifestament l-għan li l-leġiżlatur tal-Unjoni jfittex li jilħaq. |
|
66. |
Sa fejn għandha x’taqsam l-għajnuna għall-ilbies, huwa aċċettat li l-ilbies huwa prerekwiżit għat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem b’mod ġenerali ( 39 ). Infakkar li, fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-bżonn li dak li jkun ikollu x’jilbes huwa bżonn “bażiku”, bħalma huwa l-bżonn li wieħed ikollu fejn joqgħod u x’jiekol, tant li huwa aspett wieħed tar-rispett tad-dinjità tal-bniedem. Barra minn hekk, ilbies imqatta’ u maħmuġ huwa l-iktar sinjal ċar ta’ privazzjoni. Li wieħed ikollu x’jilbes ma jgħinx biss sabiex titħares is-saħħa mentali ta’ dak li jkun, iżda tgħin wkoll – u b’mod ovvju – sabiex titħares is-saħħa fiżika tal-persuna kkonċernata peress li lbies adattat jipproteġi l-ġisem kontra l-maltemp, il-kesħa, ix-xita, eċċ. Li wieħed ikollu x’jilbes huwa wkoll il-mezz sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-drittijiet li huma rrikonoxxuti lill-applikant, bħalma huwa d-dritt li dak li jkun li jiċċaqlaq, li jattendi taħriġ professjonali jew ukoll li jkollu aċċess għas-suq tax-xogħol. |
|
67. |
Sa fejn għandha x’taqsam l-allowance ta’ kuljum, din tal-aħħar hija wkoll element essenzjali tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza sa fejn, kif enfasizzat diversi drabi l-Kummissjoni waqt is-seduta, din tippermetti lill-applikant jibbenefika minn livell minimu ta’ awtonomija. Din l-allokazzjoni, li l-applikant jista’ jiddisponi minnha kif jidhirlu u li hija maħsuba bħala “pocket money” u li l-ammont tagħha jvarja minn Stat Membru għal ieħor, għandha tippermettilu jixtri oġġetti għall-użu ta’ kuljum li huma essenzjali, bħall-prodotti għall-iġjene personali jew ukoll biljetti tat-trasport. Fil-fehma tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA) ( 40 ), din l-allowance għandha diversi għanijiet: l-ewwel nett, li tippermetti lill-applikanti jilħqu livell minimu ta’ sussistenza fiżika, lil hinn mill-bżonnijiet bażiċi ta’ alloġġ, ikel u lbies; it-tieni nett, li tiżguralhom livell minimu ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja soċjokulturali tal-Istat Membru li fih jirrisjedu, u, it-tielet nett, li tippermettilhom igawdu ċerta awtonomija finanzjarja ( 41 ). Inżid ngħid li din l-allowance tippermetti wkoll lill-applikanti jissodisfaw l-obbligu ta’ kooperazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali, billi jwieġbu għal varji taħrikiet u billi jattendu għall-intervisti, u tippermettilhom ukoll igawdu d-drittijiet irrikonoxxuti lilhom li jibbenefikaw, pereżempju, minn taħriġ professjonali jew minn aċċess għal-kura tas-saħħa. |
|
68. |
F’dan ir-rigward, ninnota li, fid-dritt internazzjonali, huwa aċċettat li d-dritt għal standard ta’ ħajja adegwat – li wieħed jista’ jsibu wkoll bħala d-dritt għal standard ta’ ħajja “suffiċjenti” jew “xieraq” – jeżiġi li kulħadd ikun jista’ jkollu aċċess mhux biss għal ikel adegwat, għal alloġġ adegwat, għal ilbies adegwat, għal kura medika u għal servizzi soċjali neċessarji, iżda wkoll għal drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali oħra, neċessarji f’soċjetà partikolari fi żmien partikolari, bħalma huwa d-dritt għall-edukazzjoni jew id-dritt għax-xogħol ( 42 ). L-oġġetti u s-servizzi għandhom jingħataw bi kwantità u bi kwalità suffiċjenti, adattati għas-sess u għall-età u xierqa minn perspettiva kulturali. Għalkemm jeżistu diverġenzi dwar il-portata eżatta ta’ dan id-dritt, huwa aċċettat li dan id-dritt huwa marbut mal-eżerċizzju ta’ drittijiet oħra, xi wħud inqas restrittivi minn oħrajn, u għandu bħala bażi d-dritt għad-dinjità tal-bniedem ( 43 ). B’hekk, f’termini purament ekonomiċi, il-Bank Dinji jqis li standard ta’ ħajja adegwat ifisser li dak li jkun jgħix ’il fuq mil-livell ta’ faqar tas-soċjetà kkonċernata. Fil-fehma tiegħu, sabiex jiġi ggarantit standard ta’ ħajja adegwat jeħtieġ li jiġu koperti żewġ tipi ta’ spejjeż: l-ispejjeż meħtieġa għall-ikel u għax-xiri ta’ oġġetti essenzjali u l-ispejjeż addizzjonali, li jirriflettu l-prezz tal-parteċipazzjoni fil-ħajja ta’ kuljum fis-soċjetà u li jvarjaw minn pajjiż għal ieħor ( 44 ). |
|
69. |
Minn din l-informazzjoni kollha jirriżulta li r-rekwiżit li jiġi ggarantit standard ta’ ħajja adegwat stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33 jipprekludi, għalhekk, li Stat Membru jċaħħad lil applikant minn benefiċċji li jkopru l-bżonnijiet tiegħu fejn jidħlu l-ilbies, l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u l-konsum domestiku. |
|
70. |
Regola nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija, fil-fehma tiegħi, iktar u iktar problematika peress li hija bbażata fuq esklużjoni awtomatika minn dawn il-benefiċċji. |
|
71. |
Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33 huwa bbażat fuq għoti, fil-prinċipju, tal-allowance ta’ kuljum u tal-benefiċċji li jkopru l-bżonnijiet tal-applikant li jkollu fejn joqgħod, x’jiekol u x’jilbes. Dan l-għoti fil-prinċipju huwa iktar u iktar meħtieġ peress li l-applikant ma għandux awtonomija finanzjarja u ma jistax ikollu aċċess immedjat għas-suq tax-xogħol sabiex ilaħħaq mal-bżonnijiet tiegħu stess u b’hekk jiggarantixxi għalih innifsu ċertu standard ta’ ħajja. L-Istat Membru ospitanti jista’ jneħħi d-dritt, kollu jew parti minnu, għal dawn il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza biss fil-każ fejn l-applikant ikollu riżorsi tiegħu, imsemmi fl-Artikolu 17(3) ta’ din id-direttiva, jew fil-każ fejn ikun abbuża mis-sistema ta’ akkoljenza, jew ikun ġie ssanzjonat minħabba ksur gravi tar-regoli taċ-ċentru ta’ akkomodazzjoni jew minħabba aġir partikolarment vjolenti, imsemmi fl-Artikolu 20(1) sa (4) tagħha. |
|
72. |
Issa, sistema legali bħal dik inkwistjoni hija bbażata fuq il-prinċipju li huwa l-oppost ta’ dak li fuqu huwa bbażat l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33 peress li jistabbilixxi esklużjoni fil-prinċipju mill-benefiċċji li jkopru l-bżonnijiet tal-applikant fejn jidħlu l-ilbies, l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u l-konsum domestiku. Mid-dibattiti li saru waqt is-seduta jirriżulta li d-deċiżjoni amministrattiva li teskludi l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji hija, minn naħa, waħda awtomatika, u dan meta tkun ittieħdet deċiżjoni ta’ trasferiment, u, min-naħa l-oħra, adottata mingħajr kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tal-applikant. Dan tal-aħħar huwa għalhekk obbligat iressaq talba quddiem l-awtorità nazzjonali li permezz tagħha huwa jista’ jitlob biss ir-restawrazzjoni tal-għajnuna għall-ilbies kemm‑il darba jġib prova ta’ ċirkustanzi speċjali ( 45 ). F’dan il-każ, jidher li d-deċiżjoni kontenzjuża ġiet adottata mingħajr ma sar eżami individwali qabel li kien jippermetti li jiġu evalwati l-bżonnijiet ta’ FB u l-konsegwenzi li l-esklużjoni tiegħu mill-għajnuna għall-ilbies u mill-allowance finanzjarja kien ikollha għat-tkomplija tar-residenza tiegħu fit-territorju nazzjonali. |
|
73. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, inqis li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) u (5) tad-Direttiva 2013/33 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi b’mod awtomatiku lil applikant minn benefiċċji li jkopru l-bżonnijiet tiegħu fejn jidħlu l-ilbies, l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u l-konsum domestiku għas-sempliċi raġuni li tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment fir-rigward tiegħu, skont ir-Regolament Dublin III. |
C. Fuq il-limitazzjoni jew l-irtirar tad-dritt għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza minħabba l-preżentata ta’ applikazzjoni sussegwenti (it-tieni domanda)
|
74. |
Il-qorti tar-rinviju qiegħda tagħmel it-tieni domanda preliminari tagħha kemm‑il darba s-sistema legali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tkunx tissodisfa r-rekwiżit li jiġi ggarantit standard ta’ ħajja adegwat stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) u (5) tad-Direttiva 2013/33. |
|
75. |
Permezz tat-tliet subdomandi li fiha din tal-aħħar, il-qorti tar-rinviju qiegħda tfittex li tiddetermina jekk sistema bħal dik inkwistjoni tistax tiġi ġġustifikata abbażi tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2013/33, li bis-saħħa tiegħu l-Istat Membru ospitanti jista’ jillimita d-dritt għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza meta applikant ikun ippreżenta applikazzjoni sussegwenti kif iddefinita fl-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32. Fil-fehma ta’ dik il-qorti, l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata l-Ġermanja tista’, fil-fatt, tikkostitwixxi “applikazzjoni sussegwenti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar. Issa, la waħda u lanqas l-oħra minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jiddeċiedu l-kwistjoni jekk hemmx applikazzjoni sussegwenti ukoll f’każ li jinvolvi diversi Stati Membri. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk tali sistema tissodisfax il-garanziji previsti b’mod espliċitu fl-Artikolu 20(5) u (6) tal-imsemmija direttiva, b’mod partikolari dik dwar ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem. |
|
76. |
Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li dawn id-domandi ġew indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma din tal-aħħar għamlet kjarifiki essenzjali dwar il-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” fis-sentenza Khan Yunis u Baabda, li qiegħed nirreferi għaliha. |
|
77. |
F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, essenzjalment, li l-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, ikopri s-sitwazzjoni fejn applikant jippreżenta applikazzjoni ġdida wara li Stat Membru ieħor ikun diġà adotta deċiżjoni dwar applikazzjoni li huwa jkun ippreżenta qabel ( 46 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ħsieb tippreċiża li l-ewwel Stat Membru li quddiemu l-applikant ikun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għandu jkun ta “deċiżjoni finali” dwar din l-applikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva ( 47 ). |
|
78. |
Issa, mill-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-applikazzjoni l-ġdida ppreżentata minn FB fis‑6 ta’ Settembru 2021 il-Ġermanja ma tistax tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti” fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32 u b’hekk tirrendi inapplikabbli l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2013/33. Il-parteċipanti kollha fis-seduta jaqblu għalhekk dwar il-fatt li l-imsemmija applikazzjoni ġiet ippreżentata qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni li huwa kien ippreżenta qabel fis‑6 ta’ Awwissu 2021 ir-Rumanija u li kien sussegwentement irtira b’mod impliċitu. |
|
79. |
Terminu ta’ erba’ ġimgħat kien manifestament qasir wisq sabiex l-awtoritajiet Rumeni jkunu jistgħu jagħmlu eżami komplet ta’ din l-ewwel applikazzjoni, li jippermettilhom jiddeterminaw jekk FB kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jiġi rrikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat jew dak mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. |
|
80. |
Barra minn hekk, id-deċiżjoni li l-applikazzjoni ppreżentata minn FB il-Ġermanja kienet inammissibbli ġiet adottata qabel ma skada t-terminu ta’ disa’ xhur li l-Istati Membri huma mitluba josservaw fl-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2013/32 qabel ma jipproċessaw applikazzjoni ġdida qua applikazzjoni sussegwenti, fil-każ fejn l-ewwel waħda tkun ġiet irtirata b’mod impliċitu. |
|
81. |
Fl-aħħar nett, nifhem li, skont l-Artikolu 20(5) u l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Dublin III, il-Ġermanja skattat ir-responsabbiltà tar-Rumanija u talbet li FB jittieħed lura abbażi tal-Artikolu 18(1)(c) ta’ dan ir-regolament minħabba li dan tal-aħħar ippreżenta applikazzjoni ġdida quddiem l-awtoritajiet Ġermaniżi wara li rtira b’mod impliċitu l-applikazzjoni li kien ippreżenta qabel lill-awtoritajiet Rumeni. Ir-Rumanija aċċettat li tieħu lura lill-persuna kkonċernata abbażi ta’ dan l-artikolu. Issa, fil-fehma tiegħi, dan jippreżupponi li l-ewwel talba ma ġietx miċħuda u, konsegwentement, li ma ġietx adottata deċiżjoni finali ( 48 ). |
|
82. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, li għalih jirreferi l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2013/33, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” ma jkoprix is-sitwazzjoni li fiha applikant jippreżenta applikazzjoni ġdida fi Stat Membru qabel ma Stat Membru ieħor ikun adotta deċiżjoni finali dwar applikazzjoni li l-imsemmi applikant ikun ippreżenta qabel. |
V. Konklużjoni
|
83. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Federali għall-Kwistjonijiet Soċjali, il-Ġermanja) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Iktar ’il quddiem l-“applikanti”.
( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).
( 4 ) Iktar ’il quddiem l-“Istat Membru ospitanti”.
( 5 ) Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”).
( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60)
( 7 ) C‑179/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza Cimade u GISTI, EU:C:2012:594.
( 8 ) C‑233/18, EU:C:2019:956.
( 9 ) C‑322/19 u C‑385/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza IPAT, EU:C:2021:11.
( 10 ) C‑422/21, EU:C:2022:616. Ara wkoll il-kawża Sidi Bouzid (C‑184/24), li għadha pendenti.
( 11 ) C‑123/23 u C-202/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Khan Yunis u Baabda, EU:C:2024:1042.
( 12 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.
( 13 ) BGBl. 1997 I, p. 2022.
( 14 ) BGBl 2021 I, p. 5162.
( 15 ) BGBl. 1992 I, p. 1126.
( 16 ) BGBl. 2008 I, p. 1798.
( 17 ) BGBl 2021 I, p. 2467.
( 18 ) Din is-sitwazzjoni tikkorrispondi għal dik tal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2013/32.
( 19 ) Mid-dritt nazzjonali jirriżulta li l- “bżonnijiet personali essenzjali” tal-applikanti jinkludu l-ispejjeż tat-trasport, tal-komunikazzjoni, tal-passatempi, tad-divertiment, tal-kultura, tas-servizzi ta’ alloġġ u tal-forniment tal-ikel u ta’ oġġetti u servizzi oħra.
( 20 ) Iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ trasferiment”.
( 21 ) Iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”.
( 22 ) Ara s-sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 1997, Franzén (C‑189/95, EU:C:1997:504, punt 79) u tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Sony Computer Entertainment Europe (C‑159/23, EU:C:2024:887, punt 28).
( 23 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda The International Protection Appeals Tribunal et (C‑322/19 u C‑385/19, EU:C:2020:642, punt 53).
( 24 ) Ara s-sentenza IPAT (punt 65).
( 25 ) Ara s-sentenzi IPAT (punt 67), kif ukoll Cimade u GISTI (punt 40).
( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza IPAT (punti 64 u 68).
( 27 ) Ara s-sentenza Cimade u GISTI (punti 42 u 43).
( 28 ) Ara s-sentenza Cimade u GISTI (punti 44 u 45).
( 29 ) Korsiv miżjud minni.
( 30 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda The International Protection Appeals Tribunal et (C‑322/19 u C‑385/19, EU:C:2020:642, punt 67).
( 31 ) Ara s-sentenza IPAT (punt 68).
( 32 ) Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck (292/82, EU:C:1983:335, punt 12); tad‑29 ta’ Frar 2024, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Konverżjoni reliġjuża sussegwenti) (C‑222/22, EU:C:2024:192, punt 25) u tal‑4 ta’ Settembru 2025, Casa Judeoeană de Asigurări de Sănătate Mureș et (C‑489/23, EU:C:2025:651, punt 31).
( 33 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Ministero dell’Interno (Irtirar tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza) (C‑422/21, EU:C:2022:616, punti 39 u 40), li tirreferi għas-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Haqbin (C‑233/18, EU:C:2019:956, punti 46 sa 48).
( 34 ) Ara s-sentenza Cimade u GISTI (punt 56).
( 35 ) Korsiv miżjud minni.
( 36 ) Ara, dwar dan is-suġġett, Smith, R. K. M., International Human Rights Law, l-għaxar edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2022, b’mod partikolari l-Kapitolu 16, intitolat “The right to an adequate standard of living”, p. 307 sa 321, punt 16.1.2, kif ukoll Eide, A. u Eide, W. B., “Article 25” fi Alfredsson, G. u Eide, A., The Universal Declaration of Human Rights: a Common Standard of Achievement, Kluwer Law International, Den Haag, 2023, p. 523 sa 550.
( 37 ) Ara Eide, A. u Eide, W. B. “Adequate Standard of Living”, op. cit., b’mod partikolari l-punt 2. Ara wkoll Trebilcock, A., “La notion de droit à un niveau de vie suffisant”, fi Thouvenin, J.‑M., u Trebilcock, A., Le droit international social: Droits Économiques, Sociaux et Culturels, p. 1664 sa 1680, b’mod partikolari l-punt 19.
( 38 ) Ara wkoll il-premessi 11 u 35 tad-Direttiva 2013/33.
( 39 ) Fuq il-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ dritt għal ilbies adegwat, ara Graham, L. G., “Reasserting the Right to Adequate Clothing in International Human Rights Law”, Human Rights Law Review, Vol. 24, Nru 1, 2024.
( 40 ) L-EUAA ħadet post l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO).
( 41 ) EASO, Gwida dwar il-kondizzjonijiet tal-akkoljenza: standards u indikaturi, Settembru 2016, p. 33.
( 42 ) Dan id-dritt huwa stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 25(1) tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assembla Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl‑10 ta’ Diċembru 1948, li tipprovdi li “[k]ulħadd għandu l-jedd għal livell ta’ ħajja suffiċjenti biex jiżguralu saħħtu, għajxien tajjeb għalih u għall-familja tiegħu, speċjalment f’dak li hu ikel, ilbies, dar, kura medika kif ukoll servizzi soċjali meħtieġa; għandu wkoll il-jedd għas-sigurtà f’każ ta’ qgħad, mard, mankament, armla, xjuħija u fil-każi l-oħra meta minħabba ċirkostanzi li m’għandux kontroll fuqhom jitlef il-mezzi tal-għajxien” (ara Eide, A. u Eide, W. B., “Article 25”, op. cit., b’mod partikolari p. 531 u 532). Dan id-dritt huwa stabbilit ukoll fl-Artikolu 11 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis‑16 ta’ Diċembru 1966 u li daħal fis-seħħ fit‑3 ta’ Jannar 1976, li jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[l]-Istati partijiet f’dan il-Patt jirrikonoxxu d-dritt ta’ kull persuna għal livell ta’ ħajja suffiċjenti għaliha nnifisha u għall-familja tagħha, inkluż ikel, ilbies u alloġġ suffiċjenti, kif ukoll għal titjib kontinwu fil-kundizzjonijiet tal-ħajja tagħha” [traduzzjoni libera].
( 43 ) Ara Trebilcock, A., op. cit., b’mod partikolari l-punti 14, 20 u 21, kif ukoll Smith, R. K. M., op. cit., b’mod partikolari l-punt 16.1.
( 44 ) Ara Eide A., u Eide W. B., “Adequate Standard of Living”, op. cit., b’mod partikolari l-punt 2.
( 45 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-applikant “instema’” fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.
( 46 ) Ara s-sentenza Khan Yunis u Baabda (punt 53).
( 47 ) Ara s-sentenza Khan Yunis u Baabda (punt 74). Il-kunċett ta’ “deċiżjoni finali” jfisser, skont l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2013/32, “deċiżjoni dwar jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida jingħatawx status ta’ rifuġjat jew protezzjoni sussidjarja taħt id-[Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9)] u li ma tkunx suġġetta aktar għal rimedju fil-qafas tal-Kapitolu V [tad-Direttiva 2013/32]”.
( 48 ) Skont id-dispożizzjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III, huwa, f’dan il-każ, l-Istat Membru rikjest li għandu jiżgura li “l-applikant huwa intitolat jagħmel talba li l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu jew tagħha jitkompla jew li tiġi ddepożitata applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali, li ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala applikazzjoni sussegwenti” (korsiv miżjud minni).