20.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 13/8


Sommarju ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-2 ta' Lulju 2008

li tiddikjara konċentrazzjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni u t-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE

(Każ COMP/M.4942 — Nokia/Navteq)

(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(2009/C 13/06)

Fit-2 ta' Lulju 2008 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f'każ ta' amalgamazzjoni skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi  (1), u partikolarment l-Artikolu 8(1) ta' dak ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni sħiħa hija disponibbli fl-ilsien awtentiku tal-każ u fl-ilsna proċedurali tal-Kummissjoni fuq il-websajt tal-internet tad-Direttorat-Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fl-indirizz li ġej:

http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html

I.   IL-PARTIJIET

(1)

Il-Korporazzjoni Nokia (“Nokia, Finlandja”) tipprovdi tagħmir, soluzzjonijiet u servizzi għal netwerks ta' komunikazzjoni elettroniċi. Il-kumpanija hija magħrufa prinċipalment bħala produtturiċi ta' settijiet tat-telefown ċellulari (“telefowns ċellulari”). Nokia bi ħsiebha wkoll tiżviluppa servizzi online permezz tal-portal “OVI”, li jinkludi dawk li jissejħu Servizzi bbażati fuq il-post (“LBS”).

(2)

Il-Korporazzjoni Navteq (“Navteq”, l-Istati Uniti tal-Amerika, “l-Istati Uniti”) hija fornitriċi ta' dejta għal mapep diġitali li tintuża f'apparat ta' navigazzjoni u biex tipprovdi varjetà wiesgħa ta' LBS.

II.   KONĊENTRAZZJONI

(3)

Fl-1 ta' Ottubru 2007, Nokia ħabbret li ffirmat ftehim li bih kienet se takkwista l-ishma kollha u opzjonijiet pendenti f' Navteq. It-tranżazzjoni tikkostitwixxi konċentrazzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

III.   L-ARTIKOLU 4(5) RIFERIMENT

(4)

Il-partijiet tal-konċentrazzjoni ma jilħqux iż-żewġ limiti ta' fatturat alternattivi stabbiliti fl-Artikolu 1(2) u 1(3) tar-Regolament tal-Amalgamazzjoni. It-tranżazzjoni setgħet ġiet irriveduta taħt il-liġi nazzjonali għall-kontroll tal-amalgamazzjonijiet fil-11-il Stat Membru, [Sigrieti tan-Negozju].

(5)

Fit-22 ta' Novembru 2007, il-Kummissjoni rċeviet sottomissjoni motivata min-naħa ta' Nokia li biha l-Kumpanija talbet għal referenza lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. L-ebda Stat Membru m'għamel oġġezzjoni għar-referenza tat-tranżazzjoni lill-Kummissjoni. It-tranżazzjoni hija għalhekk ikkunsidrata li għandha dimensjoni fil-Komunità u ġiet eżaminata mill-Kummissjoni.

IV.   SWIEQ RILEVANTI

1.   Swieq “upstream”

(6)

Navteq tikkumerċjalizza databases tal-mapep diġitali navigabbli u ta' dawk mhux navigabbli. Iż-Żewġ kategoriji ta' mapep jistgħu jintużaw għall-inklużjoni ta' Servizzi bbażati fuq il-post fis-settijiet tat-telefown ċellulari. Permezz tal-mapep navigabbli huma possibbli applikazzjonijiet ta' navigazzjoni fil-pront spjegati pass pass. Madankollu databases ta' mapep diġitali mhux navigabbli jirrappreżentaw inqas minn 5 % tad-dawran ta' Navteq.

(7)

Wara l-analiżi tal-kompetizzjoni li wettqet, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ebda tħassib dwar kompetizzjoni mhu previst fis-suq “upstream” għal databases tal-mapep diġitali mhux navigabbli, notevolment peress li jeżistu numru ta' kompetituri, u minħabba li l-ostakoli għad-dħul fis-suq huma limitati. Għalhekk, il-Kummissjoni ffukat l-analiżi tal-kompetizzjoni tagħha fuq databases tal-mapep diġitali mhux navigabbli fis-suq “upstream”, u fis-swieq “downstream” relevanti.

Databases tal-Mapep Diġitali Navigabbli

(8)

Hekk kif għamlet fid-deċiżjoni reċenti TomTom/Tele Atlas, il-Kummissjoni ddefenit suq relevanti fejn ġew previsti databases tal-mapep diġitali navigabbli, fejn il-kopertura ġeografika tad-databases tiddertermina l-iskop tal-prodott fis-suq. Id-delinjazzjoni eżatta tal-prodotti relevanti fis-suq — jiġifieri jekk id-databases li jkopru l-pajjiżi individwali, ir-reġjuni jew iż-ŻEE sħiħa jikkonstitwixxu jew ma jikkonstitwixxux swieq separati tal-prodotti — tista' tibqa miftuħa peress li ma taffetwax l-evalwazzjoni. Is-suq ġeografika relevanti hija dinjija fl-iskop tagħha.

(9)

L-istess stampa toħroġ mill-analiżi tal-ishma fis-suq mingħajr kusiderazzjoni għall-liema tip ta' prodott alternattiv se jintuża. Is-suq dinji jew is-swieq dinjin għall-fornitura ta' databases tal-mapep diġitali navigabbli li jkopru ż-ŻEE jikkonstitwixxi/u duwopolju fejn Tele Atlas hija l-akbar attriċi kif evidenzjat minn numru akbar tal-ishma li għandha fis-suq globali tad-databases kollha li jkopru bis-sħiħ jew parzjalment iż-ŻEE (Navteq: 40-45 %, Tele Atlas: 55-60 %), fis-suq tad-databases li jkopru r-reġjuni u fis-swieq akbar tal-pajjiżi individwali bħal databases li jkopru Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja jew ir-Renju Unit.

(10)

L-investigazzjoni tas-suq fil-każ preżenti kkonfermat is-sejbiet li ħarġu fil-beraħ fid-deċiżjoni reċenti TomTom/Tele Atlas kemm fir-rigward il-ħin stmat u n-nefqa tad-dħul, kif ukoll fir-rigward il-probabbilità li se jseħħ id-dħul u li se jkollu impatt. Filwaqt li l-Kummissjoni ma teskludix li jista' jseħħ dħul marġinali, id-dħul fis-swieq għall-fornitura ta' databases tal-mapep diġitali navigabbli li jkopru ż-ŻEE mhu se jkun la f'waqtu, jiġifieri suffiċjentament fil-pront u kontinwu, u lanqas suffiċjenti, fir-rigward tal-iskop u d-daqs tiegħu, biex jostakola jew jeqred għal kollox kwalunkwe effett kontra l-kompetizzjoni marbut mal-akkwist ta' Navteq minn Nokia.

2.   Is-suq Intermedjarju

Softwer ta' navigazzjoni

(11)

Softwer ta' navigazzjoni jikkombina d-dejta li tinsab f'database ta' mappa diġitali mat-tfittix ta' pożizzjoni ġeografika minn-riċevitur ta' GPS. Is-softwer ta' navigazzjoni juża algoritmu biex jikkalkula r-rotot u jagħti direzzjonijiet spjegati pass pass fuq l-iskrin u bl-użu ta' gwida bil-vuċi. Ħafna mill-produtturi tas-settijiet tat-telefown ċellulari u l-biċċa l-kbira tal-MNOs ma' jipproduċux softwer ta' navigazzjoni fl-istabbilimenti tagħhom stess. Dawn il-kumpaniji tipikament jakkwistaw softwer ta' navigazzjoni minn partijiet terzi li jiżviluppaw softwer.

(12)

Bħalma ġara f'TomTom/Tele Atlas, il-Kummissjoni kkunsidrat li hu xieraq li tiddefenixxi suq uniku ta' prodott għal softwer ta' navigazzjoni li jħaddan it-tliet tipi ta' softwer kollha (abbord, mhux abbord, u ibrida) mingħajr kunsiderazzjoni għall-użu finali (jiġifieri softwer li jintuża f'PNDs, f'PDAs, f'settijiet tat-telefown ċellulari u f'applikazzjonijiet oħra). L-iskop ġeografiku ta' dan is-suq huwa dinji.

(13)

Nokia hija attiva fis-suq għall-fornitura ta' softwer ta' navigazzjoni permezz tas-sussidjarja tagħha gate5 AG li akkwistat fl-2006. Is-sehem tas-suq ta' Nokia/gate5 huwa limitat; [5-10] % tas-suq kummerċjali fl-2006 (l-akbar fornituri huma NAVIGON: [20-30] %, Nav N Go [15-20] % u Destinator:[15-20] %). Għadd kbir ta' kumpaniji huma attivi f'dan is-suq (Nokia telenka 23 fornituri fin-notifika) u l-ostakoli għad-dħul fis-suq jidhru li huma limitati.

3.   Zewġt iswieq “downstream”

(14)

Il-Kummissjoni identifikat zewġt iswieq “downstream” relevanti: (i) Applikazzjoni ta' navigazzjoni għal settijiet tat-telefown ċellulari; u (ii) Settitjiet tat-telefown ċellulari. Databases tal-mapep diġitali navigabbli jintużaw fl-applikazzjonijiet kollha ta' navigazzjoni, kif ukoll għal numru, li dejjem qiegħed jiżdied, ta' settijiet tat-telefown ċellulari b'funzjoni ta' navigazzjoni istallata minn qabel ġo fihom.

3.a.   Applikazzjonijiet ta' navigazzjoni għal settijiet tat-telefown ċellulari

(15)

Applikazzjonijiet ta' navigazzjoni għal settijiet tat-tlefown ċellulari jistgħu jinbiegħu flimkien mas-sett tat-telefown jew indipendentement bħala prodott adizzjonali fis-suq, u jikkonsistu f'database ta' mappa diġitali u softwer ta' navigazzjoni li juża d-database u l-informazzjoni minn riċevitur ta' GPS biex jipprovdi informazzjoni dwar il-pożizzjoni attwali tal-utent u, fil-każ ta' applikazzjonijiet aktar avvanzati, jipprovdi istruzzjonijiet grafiċi u bil-vuċi dwar kif wieħed għandu jagħmel biex jilħaq destinazzjoni li ntagħżlet.

(16)

Il-biċċa l-kbira tal-Operaturi tan-Netwerks Mobbili (MNOs) fiż-ŻEE pereżempju diġà bdew, jew bi ħsiebhom joffru, servizzi bħal dawn lill-klijenti tagħhom. Applikazzjonijiet ta' navigazzjoni għal settijiet tat-telefown ċellulari jistgħu jikkonsistu wkoll minn softwer ta' navigazzjoni li nxtara minn konsumaturi finali fil-ħwienet jew minn fuq il-websajts ta' dawk li żviluppaw is-softwer. (Pereżempju, in-navigatur mobbli TomTom 6). Dawn l-applikazzjonijiet jistgħu wkoll jiġu mkebbin ma' settijiet tat-telefown, pereżempju meta MNO jippromwovi sett tat-telefown u jinkludi fih it-tip ta' servizz ta' navigazzjoni li jaqa' taħt il-marka tiegħu. Aċċess għal applikazzjonijiet ta' navigazzjoni għal settijiet tat-telefown ċellulari jista' jsir permezz ta' programmi għall-użu tal-internet.

(17)

F'għajnejn l-utent finali, dawn l-applikazzjonijiet ta' navigazzjoni mwassla permezz ta' dawn il-mezzi differenti huma simili ħafna. Għal dawn ir-raġunijiet mhuwiex meħtieġ li jiġu definiti swieq separati għall-applikazzjonijiet ta' navigazzjoni li jiddependu fuq il-mezz ta' bejgħ.

(18)

Għall-kuntrarju ta' applikazzjonijiet fuq l-internet li joffru sistemi għall-identifikazzjoni ta' rotot bażiċi (Google Maps, Mappy.com, eċċ). l-applikazzjonijiet ta' navigazzjoni avvanzati joffru navigazzjoni fil-pront bi spjegazzjoni mogħtija pass pass u akkumpanjata minn istruzzjonijiet bil-vuċi. Jinħtieġu wkoll softwer ta' navigazzjoni speċjali li jridu jiġu istallati fl-apparat. Applikazzjonijiet ta' navigazzjoni bħal dawn jistgħu jiddaħħlu abbord is-sett tat-telefown ċellulari jew ikunu miżmuma fuq server ċentrali fejn jista' jsir aċċess mingħajr wajer għalihom permezz tas-sett tat-telefown (mhux abbord) Sistemi ibridi jikkombinaw l-elementi ta' applikazzjonijiet mhux abbord ma' elementi ta' applikazzjonijiet abbord. Fl-aħħar mill-aħħar mhuwiex neċessarju li jkunu definiti swieq separati għal applikazzjonijet ta' navigazzjoni, dawk ibridi, u dawk abbord jew mhux abbord.

(19)

Minkejja li differenzjazzjoni ulterjuri ma' tistax tkun eskluża fil-futur, għall-fini ta' din id-deċiżjoni suq uniku relevanti għall-applikazzjonijiet ta' navigazzjoni għas-settijiet tat-telefown ċellulari jistgħu jkunun definiti. B'kunsiderazzjoni għall-iskop ġeografiku, il-fornitura tal-applikazzjonijiet ta' navigazzjoni tikkostitwixxi minn tal-inqas suq mifrux maż-ŻEE u possibilment suq dinji.

Kundizzjonijiet tas-suq

(20)

Peress illi l-fornitura ta' servizzi ta' navigazzjoni marbutin mas-settijiet tat-telefown ċellulari hija industrija li għadha fl-infanzja tagħha, l-ebda dejta affidabbli, bħal ishma fis-suq, mhi disponibbli, mingħajr kunisderazzjoni għall-mezz ta' twassil. L-investigazzjoni tas-suq tindika li hemm għadd kbir ta' kompetituri. Il-MNOs igawdu mill-vantaġġ ta' relazzjoni diretta kummercjali mal-konsumaturi, li tibqa' għaddejja, u tista' tuża din il-pożizzjoni biex tbigħ applikazzjonijiet ta' navigazzjoni fuq is-settijiet tat-telefown ċellulari. Filwaqt li fornituri ta' softwer ta' navigazzjoni, minkejja li għandhom il-kompetenza teknika neċessarja, imorru minn taħt minħabba li m'għandomx kuntatt regolari mal-konsumaturi. Finalment, il-fornituri ta' applikazzjonijiet ta' navigazzjoni fuq l-internet igawdu mill-vantaġġ li huma aċċessibbli permezz ta' programmi mobbli għall-użu tal-internet (Google Maps, OVI minn Nokia).

(21)

L-ostakoli għad-dħul fis-suq tal-applikazzjonijiet ta' navigazzjoni tas-settijiet tat-telefown ċellulari, huma ftit. Numru ta' fornituri ta' softwer ta' navigazzjoni (li joperaw fis-suq intermedjarju) jiżviluppaw proddotti mingħajr marka li jistgħu jaqgħu taħt il-marka tal-MNOs jew ta' atturi oħra.

3.b.   Settijiet tat-telefown ċellulari

(22)

Settijiet tat-telefown li huma mgħammrin b'applikazzjonijiet ta' navigazzjoni huma fost it-tipi ta' apparat ta' navigazzjoni prinċipali. Apparat ieħor li għandu funzjoni ta' navigazzjoni huma l-PNDs u l-PDAs. PNDs, PDAs u settijiet tat-telefown b'funzjoni ta' navigazzjoni huma mmirati lejn il-ħtiġijiet differenti tal-konsumatur. F'għajnejn il-konsumaturi, hemm sostitwibilità limitata bejn is-settijiet tat-telefown ċellulari u tipi oħra ta' apparat għan-navigazzjoni. Sett tat-telefown ċellulari huwa apparat ta' komunikazzjoni multifunzjonali li jintuża prinċipalment għall-komunikazzjoni bit-telefown, fejn il-funzjoni ta' navigazzjoni hija biss waħda fost ħafna mill-funzjonalitajiet disponibbli. Minħabba li hemm funzjonalitajiet differenti, tipi differenti ta' apparat ta' navigazzjoni ma jistgħux jitpartu kif wieħed jixtieq. Għalhekk wieħed jista' jikkonkludi li s-settijiet tat-telefown ċellulari jagħmlu parti minn suq tal-prodott separat relevanti.

(23)

Huwa komuni li l-aktar funzjonalitajiet reċenti jkunu introdotti fis-settijiet tat-telefown l-aktar għaljin u jiġi adottati relattivament fil-pront f'varjetà akbar ta' settijiet tat-telefown ċellulari jekk il-funzjoni tintogħġob mill-konsumaturi. Il-moġġoranza tas-settijiet tat-telefown li jaqgħu bejn dawk bi prezz moderat u dawk bi prezz għoli attwalment għandhom sistemi operattivi li huma kapaċi jappoġġjaw soluzzjonijiet ta' navigazzjoni. Il-Kummissjoni kkunsidrat jekk inhux xieraq jew le, għall-fini tad-definizzjoni tas-suq, li tagħmel differenza bejn is-settijiet tat-telefown ċellulari li għandhom GPS inkorporat fihom u dawk li m'għandhomx, u kkonkludiet li ma kienx xieraq li jsir hekk. L-ewwel nett, il-maġġoranza tas-settijiet tat-telefown ċellulari li qegħdin jinbiegħu attwalment jistgħu jintużaw għal navigazzjoni grazzi għal sensuri GPS relattivament irħas li jistgħu jiġu konnessi mas-sett tat-telefown ċellulari permezz ta' konnessjoni Bluetooth. It-tieni nett, skond il-previżjonijiet tal-analista, fl-2011 madwar [65-75] % tas-settijiet tat-telefown ċellulari li nbiegħu fil-Punent tal-Ewropa se jkollhom sensur tal-GPS inkorporat fihom.

(24)

Għar-raġunijiet imsemmijin hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-prodott relevanti jħaddan is-settijiet tat-telefown kollha. Is-suq ġeografika relevanti hija dinjija fl-iskop tagħha.

Kundizzjonijiet tas-suq

(25)

Fis-swieq għall-fornitura tas-settijiet tat-telefown ċellulari, Nokia hija bla dubju l-akbar fornitriċi. Fl-2006 Nokia u l-kompetituri ewlenin tagħha laħqu l-ishma fis-swieq dinjin li ġejjin: Nokia [30-40] %, Motorola [15-25] %, Samsung [10-20] %, Sony Ericsson [0-10] %, LG [0-10] %, BenQ Mobile [0-10] % (2). Varjetà wiesgħa ta' settijiet tat-telefown ċellulari huma kumpatibbli mas-sistemi ta' navigazzjoni u Nokia mhijiex l-unika kumpanija li toffri settijiet tat-telefown ċellulari li jistgħu jintużaw għal navigazzjoni. Is-servizzi ta' navigazzjoni attwalment ma jagħtu l-edbda spinta sinifikanti lill-bejgħ tas-settijiet tat-telefown ċellulari Madankollu il-partijiet jistennew li s-servizzi ta' navigazzjoni se jsiru aktar popolari fil-futur.

(26)

Bħall-biċċa l-kbira tas-swieq elettroniċi, is-suq tas-settijiet tat-telefown ċellulari huwa kkaratterizzat minn kompetizzjoni intensa u d-dħul frekwenti ta' kompetituri ġodda. Barra mill-kompetituri tradizzjonali li l-origini tagħhom tinsab fil-produzzjoni u l-bejgħ tas-settijiet tat-telefown ċellulari, prodotti li qegħdin jikkompetu mas-settijiet tat-telefown ċellulari ta' Nokia qegħdin jiġu introdotti minn kompetituri li l-origini tagħhom tinsab fis-swieq elettroniċi u f'dawk tat-teknoloġija għolja. Eżempji ta' apparat li qegħdin imorru tajjeb fis-suq jinkludu RIM's Blackberry, Apple's iPhone, Garmin's Nuviphone u Palm.

V.   L-EVALWAZZJONI KOMPETITTIVA

(27)

Fl-14 ta' Mejju 2008 il-Kummissjoni awtorizzat l-akkwist mingħajr impenji minn TomTom ta' Tele Atlas, il-kompetitur ta' Navteq fil-fornitura ta' databases tal-mapep diġitali navigabbli. Minkejja li amalgamazzjoni bejn Nokia u Navteq hija analizzatata b'mod indipendenti u tippreżenta karatteristiċi differenti — b'mod partikolari fis-swieq “downstream” — jeżistu numru ta' similaritajiet bejn iż-żewġ każi. L-analiżi fiż-żewg każijiet turi li x'ktarx esklużjoni vertikali mhijiex possibbli minħabba li l-entità li għadha kif ġiet amalgamata mhijiex se jkollha l-inċentiv li teskludi.

(28)

Il-Kummissjoni ffukat l-investigazzjoni tagħha tas-suq fuq valutazzjoni tal-possibilità li ssir ħsara għall-kompetizzjoni li toriġina bħala riżultat tat-tranżazzjoni dovuta għal (i) effetti mhux ikkoordinati (dħul ta' esklużjoni minn entitajiet li ġew amalgamati fis-swieq “downstream”; u l-aċċess mill-entità li ġiet amalgamata għall-informazzjoni kunfidenzjali dwar il-kompetituri tagħha U (ii) effetti kkoordinati.

1.   Esklużjoni ta' dħul

(29)

Il-Produtturi ta' settijiet tat-telefown ċellulari, l-MNOs, utenti ta' mapep minn fuq l-internet u fornituri ta' softwer ta' navigazzjoni wrew tħassib li Nokia u Navteq jistgħu jeskluduhom mis-suq tad-databases tal-mapep diġitali navigabbli. Strateġija ta' esklużjoni tista' tintlaħaq jew billi jiżdiedu l-prezzijiet, jew billi jiġu forniti settijiet ta' mapep inferjuri, jew billi jkun hemm dewmien għall-aċċess għal mapep jew attribuzzjonijiet l-aktar reċenti, jew billi jkunu riżervati funzjonalitajiet innovattivi f'isem Nokia. Esklużjoni ta' dħul totali ma ġietx ikkunsidrata bħala xenarju possibbli mir-rispondenti fl-investigazzjoni tas-suq.

(30)

Il-Kummissjoni eżaminat (i) jekk l-entità li ġiet amalgamata għandhiex il-kapaċità li teskludi l-aċċess għad-dħul wara li sseħħ l-amalgamazzjoni (ii) jekk se jkollha l-inċentiv li tagħmel dan u (iii) jekk strateġija ta' eżklużjoni hux se jkollha effett detrementali sinifikanti.

Abilità

(31)

Databases tal-mapep diġitali navigabbli huma komponent kritiku għall-fornitura ta' applikazzjonijiet ta' navigazzjoni tas-settijiet tat-telefown ċellulari bħala applikazzjonijiet ta' navigazzjoni u ma jistgħux jitwasslu mingħajr database ta' mappa diġitali navigabbli. Għall-kuntrarju, mhuwiex ċar jekk databases tal-mapep diġitali navigabbli humiex inseriment kritiku fis-suq tas-settijiet tat-telefown ċellulari peress li applikazzjonijiet ta' navigazzjoni huma biss servizz wieħed fost oħrajn. Il-konsumaturi jistgħu jiddeċiedu li jixtru sett tat-telefown ċellulari mingħajr ma jkollu fih applikazzjonijiet ta' navigazzjoni u minflok ikollhom aċċess għal soluzzjoni ta' navigazzjoni permezz pereżempju, ta' abbonament għal servizz ta' navigazzjoni tal-MNO li toffri s-soluzzjoni. Madanakollu, wieħed jista' jgħid li databases tal-mapep diġitali navigabbli huma komponent importanti għall-produtturi tas-settijiet tat-telefown ċellulari peress li l-partjiet li qegħdin jagħmlu n-notifika għarfu li applikazzjonijiet ta' navigazzjoni introdotti fis-settijiet tat-telefown ċellulari se jkunu fattur li se jkollu influwenza fuq il-bejgħ ta' dawn is-settijiet tat-telefown, fil-ġejjieni.

(32)

Navteq tgawdi minn qawwa sinifikanti fis-suq tad-databases tal-mapep diġitali navigabbli, fejn qiegħda tikkompeti biss ma' Tele Atlas.

(33)

Ma nistgħux neskludu l-fatt li jistgħu jeżistu kontrostrateġiji f'waqthom u effettivi li jrendu l-esklużjoni min-naħa ta' Nokia u Navteq mhux profitabbli. Garmin, produttriċi ta' PND, notelvolment iffirmat ftehim fit-tul ma' Navteq għall-fornitura ta' databases tal-mapep diġitali navigabbli. Hija awtorizzata biex tbigħhom mill-ġdid flimkien mas-softwer tagħha. Garmin tista' tkun sa ċertu punt fornitriċi ta' databases tal-mapep diġitali navigabbli għal dawk li jipproduċu s-settijiet tat-telefown ċellulari (3) jew MNOs, u b'hekk taġixxi bħala t-tielet fornitriċi tal-mapep fis-suq. B' dan il-mod, dawk li jipproduċu s-settijiet tat-telefown ċellulari u MNOs ikunu protetti b'mod indirett minn strateġija ta' esklużjoni min-naħa ta' Nokia. Madanakollu, Garmin mhix addattata biex tforni databases tal-mapep lill-fornituri ta' softwer ta' navigazzjoni u fornituri ta' servizzi ta' navigazzjoni fuq l-internet minħabba li dawn il-klijenti jiżviluppaw is-softwer ta' navigazzjoni tagħhom stess u Garmin hija awtorizzata biss biex tbigħ mapep integrati fl-applikazzjoni li żviluppat.

(34)

Motorola [għandha kuntratt] ma' Navteq It-tieni l-akbar produttriċi tas-settijiet tat-telefown ċellulari [se tkun f'pożizzjoni li tagħmel pressjoni kompetittiva fuq Nokia fir-rigward ta' servizzi ta' navigazzjoni istallati f'settijiet tat-telefown ċellulari].

(35)

Il-kwistjoni jekk il-partijiet li qegħdin jagħmlu n-notifka għandhomx il-kapaċità li jeskludu l-kompetituri tagħhom fis-suq “downstream” tista', fl-aħħar mill-aħħar, tibqa' miftuħa, peress illi kif se naraw hawn isfel, Nokia u Navteq m'għandhom l-ebda inċentiv li jagħmlu dan.

Inċentiv

(36)

Wara li jamalgamaw, Nokia u Navteq se jkkunsidraw kif il-bejgħ ta' databases tal-mapep li se jmur għall-kompetiruri ta' Nokia, se jaffettwa l-bejgħ tagħhom mhux biss fis-swieq “upstream” iżda f'ta' wara wkoll. Għalhekk, meta tiġi kkunsidrata l-profittabilità ta' strateġija ta' esklużjoni għad-dħul, l-entità li ġiet amalgamata se jkollha tagħżel bejn profitt li se jintilef fis-swieq “upstream” dovut għal nuqqas fil-bejgħ, u profitt li se jirnexxilha tagħmel fis-swieq “downstream” billi żżid l-ispejjez tar-rivali tagħha.

(37)

Il-Kummissjoni wettqet analiżi kwalitattiva u kwantitattiva fil-fond biex tikkaratterizza l-inċentiv li għandhom Nokia u Navteq f'dan ir-rispett, fis-suq tas-settijiet tat-telefown ċellulari. L-analiżi tagħna wasslet għall-konklużjoni li minkejja li l-profitti li saru minn fuq l-bejgħ ta' settijiet tat-telefown ċellulari huma ħafna iżjed għoljin minn dawk li saru fuq il-bejgħ ta' databases tal-mapep, l-entità li ġiet amalgamata mhijiex se jkollha incentivi biex teskludi l-kompetituri ta' Nokia fis-suq “downstream”. Filwaqt li din l-analiżi hija relatata biss mal-esklużjoni tal-kompetituri li qegħdin jipproduċu settijiet tat-telefown ċellulari, l-inċentiv li għandha l-entità li ġiet amalgamata biex timpenja ruħha f'esklużjoni għal dħul fir-rigward ta' kumpaniji li jfornu applikazzjonijiet ta' navigazzjoni f'settijiet tat-telefown ċellulari permezz ta' mezzi oħra, jidher immaterjali aktar minn qabel, b'mod partikolari meta tiġi kkunsidrata l-presenza limitata ta' Nokia f'dan is-suq u l-profitti limitati li jistgħu jsiru f'dan il-qasam.

(38)

Numru ta' elementi jillimitaw l-inċentiv li Nokia u Navteq għandhom biex jeskludu l-kompetituri tagħhom fis-suq “downstream” L-ewwel nett, databases tal-mapep jammontaw fuq medja, għal inqas minn 5 % tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut tas-Settijiet tat-telefown ċellulari. B'hekk żieda sostanzjali fil-prezzijiet tal-mapep biss jista' jkollha impatt fuq il-prezz tas-settijiet tat-telefown ċellulari. It-tieni nett, is-servizzi ta' navigazzjoni huma biss applikazzjoni waħda tas-settijiet tat-telefown ċellulari fost oħrajn It-tielet, Garmin tista' tbigħ mapep (istallati fis-softwer ta' navigazzjoni tagħha) lill-kompetituri li ġew esklużi minn Nokia u Navteq, u Motorola, li hija l-akbar kompetitriċi ta' Nokia, [li se tkun f'pożizzjoni li tagħmel pressjoni kompetittiva fuq Nokia fir-rigward ta' servizzi ta' navigazzjoni istallati f'settijiet tat-telefown ċellulari].

(39)

Barra minn hekk, l-analiżi ekonomika li twettqet mill-Kummissjoni kkonkludiet li Nokia u Navteq mhu se jagħmlu l-ebda profitt jekk jiżviluppaw kwalunkwe strateġija ta' esklużjoni. L-entità li ġiet amalgamata għandha takkwista biss bejgħ relattivament limitat fis-suq “downstream” jekk iżżid il-prezzijiet tad-databases tal-mapep għall-kompetituri ta' Nokia u t-telf fid-dħul dovut għal nuqqas fil-bejgħ tad-databases tal-mapep ma jistax jiġi rkuprat b'bejgħ adizzjonali ta' settijiet tat-telefown ċellulari.

(40)

Fid-dawl ta' x'qegħdin ngħidu hawn fuq, l-entità li ġiet amalgamata m'għandha l-ebda inċentiv biex iżżid il-prezzijiet b'tali mod li jwassal għal effetti li jmorru kontra l-kompetizzjoni fi kwalunkwe suq “downstream”.

L-effetti fis-suq “downstream”

(41)

Għar-raġunijiet imsemmijin hawn fuq, l-effetti ta' kwalunkwe strateġija ta' esklużjoni fis-swieq “downstream” għandhom ikunu limitati ħafna. Il-persentaġġ baxx li d-databases ta' mapep jirrappreżentaw fil-prezz tas-settijiet tat-telefown ċellulari, flimkien mal-ispejjeż involuti fit-tibdil tal-fornitur u l-kompetizzjoni ma' Tele Atlas, għandhom ilkoll l-effett li jillimitaw iż-żieda fil-prezz li Navteq tista' timponi fuq il-kompetituri ta' Nokia.

(42)

Barra minn hekk, x'aktarx li l-eliminazzjoni ta' profitt doppju se jnaqqas il-prezz tas-settijiet tat-telefown ċellulari ta' Nokia li jinbiegħu flimkien ma' applikazzjonijiet ta' navigazzjoni, anke jekk b'mod limitat ħafna. B' kunsiderazzjoni għal x'intqal hawn fuq, it-tranżazzjoni x'aktarx illi mhijiex se twassal għal ħsara kontra l-kompetizzjoni fis-swieq “downstream”.

(43)

Il-partijiet li qegħdin iressqu n-notifika ddikjaraw ukoll li effiċjenza fil-prezzijiet u mhux fil-prezzijiet se tkun riżultat tal-amalgamazzjoni L-analiżi li saret mill-Kummissjoni effettivament ikkonkludiet li l-effiċjenza fil-prezzijiet, għalkemm limitata ħafna, tista' titqies bħala riżultat marbut mal-amalgamazzjoni. Għall-kuntrarju, effiċjenza mhux fil-prezzijiet (l-iżvilupp ta' mapep għall-persuna miexja fit-triq) x'aktarx li mhijiex speċifikament marbuta mal-amalgamazzjoni, iżda x'aktarx hija relatata ma' tkabbir fis-suq tal-applikazzjonijiet ta' navigazzjoni tas-settijiet tat-telefown ċellulari.

2.   Aċċess min-naħa tal-Entità li ġiet Amalgamata għal informazzjoni kunfidenzjali

(44)

Tħassib dwar kunfidenzjalità, kif muri minn xi partijiet terzi, huwa bbażat fuq il-premissjoni li l-konsumaturi ta' Navteq iridu bilfors jikkondividu informzzajoni dwar l-azzjonijiet kompettitivi tal-ġejjieni tagħhom mal-fornitur tal-mappa tagħhom. Huma jibżgħu li din l-informazzjoni tista' tintuża għall-iżvantaġġ tagħhom minn dik il-kumpanija assoċjata mal-kumpanija li ġiet amalgamata, fis-suq “downstream”.

(45)

Il-Kummissjoni stabbiliet li l-ammont ta' informazzjoni li għandha valur kompettitiv li tista' tgħaddi bejn Navteq u l-klijenti tagħha hija limitata u tista' titnaqqas aktar. Għalhekk, x'aktarx illi mhuwiex probabbli li l-entità li ġiet amalgamata se tkun f'pożizzjoni li takkwista informazzjoni kompetittiva mill-klijenti tagħha, jekk ikun hemm il-biża' li informzzjoni bħal din tista' tintuża għall-vantaġġ tal-entità li ġiet amalgamata fis-swieq “downstream” tas-settijiet tat-telefown ċellulari jew ta' applikazzjonijiet ta' navigazzjoni. Barra minn hekk, l-entità li ġiet amalgamata mhi se jkollha l-ebda inċentiv li ttaffi it-tħassib tal-partijiet terzi dwar kunfidenzjalità. Fid-dwal tan-nuqqas ta' inċentivi li l-partijiet għandhom biex jinpenjaw ruħhom f'esklużjoni għal dħul, x'aktarx li l-partijiet se jirreaġixxu għat-tħassib ta' kunfidenzjalità f'modi diversi, l-aktar importanti billi joffru kundizzjonijiet vantaġġużi lill-klijenti tagħhom li jwaqqfuhom milli jsiru minflok klijenti ta' Tele Atlas.

3.   Effetti kkoordinati

(46)

Il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk l-integrazzjoni vertikali ta' Nokia u Navteq hix se toħloq tħassib fir-rigward tal-effetti kkordinati, u sabet li huwa huwa improbabbli li t-tranżazzjoni se twassal għal effetti kontra l-kompetizzjoni permezz ta' koordinazzjoni għar-raġunijiet spjegati hawn isfel.

(47)

TomTom u Nokia mhumiex attivi fl-istess swieq “downstream” u jappellaw għal kategoriji ta' klijenti differenti. TomTom hija l-akbar distributur ta' PNDs fl-Ewropa u għandha preżenza marġinali fis-suq tas-softwer ta' navigazzjoni tas-settijiet tat-telefown ċellulari. Nokia hija l-akbar produttur ta' settijiet tat-telefown ċellulari u bi ħsiebha tiżviluppa l-preżenza tagħha fis-suq tal-applikazzjonijiet ta' navigazzjoni fis-settijiet tat-telefown ċellulari permezz tal-iżvilupp tal-portal tal-internet tagħha OVI, u għandha preżenza marġinali fil-bejgħ tal-PNDs Għalhekk il-konċentrazzjoni la tkabbar, u lanqas toħloq inċentiv għal Nokia u TomTom biex jikkoordinaw l-imġiba tagħhom fis-swieq “downstream”.

(48)

L-istruttura tas-suq, fis-suq “upstream” tad-databases tal-mapep diġitali ssir, bħala riżultat tat-tranżazzjoni, aktar simettrika b'żewg fornituri tal-mapep li huma integrati b'mod vertikali. Madanakollu, l-investigazzjoni wriet li din l-istruttura tas-suq ma twassalx għal koordinazzjoni minħabba li TomTom u Nokia huma attivi fi swieq “downstream” differenti u minħabba f'hekk għandhom struttura ta' inċentiv differenti.

(49)

Nistgħu ngħidu li TomTom u Nokia għandhom ilkoll l-inċentiv komuni li jwaqqgħu l-kundizzjonijiet kummerċjali taħt liema Tele Atlas u Navteq jikkumerċjalizzaw il-mapep diġitali tagħhom, bl-għan li l-apparat u s-servizzi offruti minn TomTom u Nokia jsiru jappellaw aktar lill-klijenti meta mqabbla ma' dawk tal-kompetituri tagħhom. Madankollu huwa improbabbli ħafna li strateġija bħal din tkun sostenibbli.

(50)

Id-diviżjoni tas-suq bejn PNDs fuq naħa u settijiet tat-telefown ċellulari u applikazzjonijiet ta' navigazzjoni fuq in-naħa l-oħra, tidher improbabbli fid-dawl tal-istenniji ta' tkabbir differenti għall-aħħar. Pereżempju, TomTom/Tele Atlas għandha preżenza lmitata ħafna fis-suq tas-soluzzjonijiet ta' navigazzjoni fis-settijiet tat-telefown ċellulari. Għalkemm dan is-suq huwa attwalment limitat fil-valur, huwa mistenni li se jikber b'mod sostenzjali fil-futur. Għalhekk TomTom/Tele Atlas għandhom ikollhom inċentiv qawwi biex ibigħu mapep diġitali ta' navigazzjoni bi prezzijiet irħas minn dawk offruti minn Navteq, li se jkunu preżenti f'dan is-suq li hu mistenni li se jikber aktar mis-suq PND, li jirrapreżenta wkoll is-suq tradizzjonali ta' TomTom. Inkella TomTom/Tele Atlas se tkun fil-periklu li Navteq toħdilha l-bejgħ, u b'hekk tkun eskluża minn bejgħ ta' mapep li ma jkunx kompensat minn nuqqas fil-kompettitività tal-kompetituri diretti tagħha, jiġifieri il-produtturi PND. Għalhekk, l-asimetrija fl-istruttura tal-inċentiv taż-żewġ kumpaniji li huma integrati vertikalment ma twassalx għall-koordinazzjoni, peress illi x'aktarx kooperazzjoni bħal din hija insostenibbli.

(51)

Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet għal koordinazzjoni ma ntlaħqux. Hemm trasparenza limitata ħafna fil-prezzijiet tal-mapep diġitali navigabbli u hemm kuntratti kbar u li ma jsirux ta' spiss, li jagħmlu devjazzjoni minn arranġament kollużiv potenzjali aktar probabbli. Barra min dan, Garmin x'aktarx illi tkun f'pożizzjoni li tfixxkel kwalunkwe koordinazzjoni bejn Navteq u Tele Atlas permezz tal-kuntratt fit-tul li għandha ma' Navteq li jiggarantixxi l-fornitura tagħha tal-mapep diġitali. Kif diġà indikat, Garmin diġà ħabbret li bi ħsiebha tniedi sett tat-telefown ċellulari b'funzjoni ta' navigazzjoni u ħabbret li s-soluzzjonijiet ta' navigazzjoni tagħha se jkunu disponibbli f'settijiet tat-telefowm Samsung, fl-Ewropa. [Sigrieti tan-negozju].

(52)

Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonjiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li huwa improbabbli li l-operazzjoni se twassal għal effetti kontra l-kompetizzjoni permezz ta' koordinazzjoni.

VI.   KONKLUŻJONI

(53)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-konċentrazzjoni proposta mhux ser twassal għal xi tħassib dwar kompetizzjoni li minħabba fih il-kompetizzjoni se tiġi mxekkla b'mod sinifikanti fis-Suq Komuni jew f'parti sostanzjali minnu. Għalhekk, il-Kummissjoni ddikjarat li t-tranżazzjoni hija kompatibbli mas-Suq Komuni u l-Ftehim taż-ŻEE, skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim taż-ŻEE.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(2)  Sors: notifika.

(3)  Is-sħubija bejn Garmin u Samsung li tħabbret dan l-aħħar turi n-natura tas-sħubijiet li jistgħu jiffurmaw.