SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

23 ta’ Lulju 2025 ( *1 )

“Servizz pubbliku – Persunal tal-BĊE – Remunerazzjoni – Leave parentali – Taxxa għall-benefiċċju tal-Unjoni – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 260/68 – Interpretazzjonijiet letterali, kuntestwali u teleoloġika – Rata tat-taxxa – Stima tat-taxxa”

Fil-Kawża T‑180/24,

DO, irrappreżentat minn L. Levi u P. Baudoux, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentata minn O. Bubenzer, u B. Ehlers, bħala aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur, avukat,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn L. Truchot (Relatur), President, H. Kanninen u T. Perišin, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tad‑29 ta’ Jannar 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE u fuq l-Artikolu 50a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-rikorrent, DO, jitlob l-annullament tad-deċiżjoni li tinsab fir-rendikont tar-remunerazzjoni tiegħu tax-xahar ta’ Lulju 2023, dwar ir-rata ta’ taxxa applikata għar-remunerazzjoni rċevuta u għal-likwidazzjoni, mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), tat-taxxa dovuta għal dan ix-xahar (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Ir-rikorrent ġie rreklutat mill-BĊE mill‑1 ta’ Jannar 2001. Huwa għandu jeżerċita l-funzjonijiet ta’ awditur kap tat-tim ikkonfermat.

3

Fix-xahar ta’ Lulju 2023, li kellu 21 jum ta’ xogħol, ir-rikorrent ibbenefika minn leave parentali ta’ 11-il jum, mogħti skont l-Artikolu 29 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-BĊE, kif ippreċiżat mill-Artikolu 5.11 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BĊE, u ħadem 10 ijiem. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-leave parentali tal-membri tal-persunal tal-BĊE ma huwiex remunerat.

4

Fl‑14 ta’ Lulju 2023, il-BĊE kkomunika lir-rikorrent ir-rendikont tar-remunerazzjoni tiegħu tax-xahar ta’ Lulju 2023, li minnu jirriżulta li r-rata ta’ tassazzjoni applikata għar-remunerazzjoni rċevuta minn dan tal-aħħar għal dan ix-xahar hija l-istess bħal dik applikata meta dan ma jibbenefikax minn leave parentali.

5

Fil‑25 ta’ Awwissu 2023, ir-rikorrent, abbażi tal-Artikolu 41 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-BĊE, ippreżenta rikors amministrattiv kontra d-deċiżjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni tar-remunerazzjoni tiegħu tax-xahar ta’ Lulju 2023 dwar ir-rata ta’ tassazzjoni applikata għar-remunerazzjoni rċevuta u l-likwidazzjoni tat-taxxa dovuta, għal dan ix-xahar. Insostenn tar-rikors amministrattiv tiegħu, ir-rikorrent sostna li, skont l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 260/68 tal-Kunsill tad‑29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-proċedura għall-applikazzjoni tat-taxxa għall-benefiċċju tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 33), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1750/2002 tat‑30 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 136) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 260/68”), it-taxxa dovuta kellha tiġi kkalkolata abbażi tar-remunerazzjoni effettivament miġbura. Għalhekk, skont ir-rikorrent, peress li kien ħadem għaxart ijiem matul ix-xahar ta’ Lulju 2023, it-taxxa dovuta għal dan ix-xahar kellha tiġi kkalkolata fuq l-ammont tar-remunerazzjoni rċevuta għal dawn l-għaxart ijiem ta’ xogħol u mhux billi tiġi applikata r-rata ta’ taxxa applikata għar-remunerazzjoni mensili tiegħu meta huwa jaħdem xahar sħiħ.

6

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Ottubru 2023 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tar-rikors amministrattiv”), il-BĊE ċaħad ir-rikors amministrattiv tar-rikorrent minħabba li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 260/68, ir-rata ta’ tassazzjoni użata sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tat-taxxa dovuta bħala remunerazzjoni li tikkorrispondi għal perijodu ta’ inqas minn xahar għandha tkun l-istess bħal dik applikabbli għall-“ħlas tax-xahar korrispondenti”, jiġifieri, skont il-BĊE, għas-salarju fittizju li jikkorrispondi għal xahar sħiħ ta’ xogħol. Fil-fehma tagħha, din il-prattika hija konformi mal-approċċ adottat mill-Kummissjoni Ewropea.

7

Fl‑14 ta’ Diċembru 2023, ir-rikorrent, abbażi tal-Artikolu 41 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-BĊE, ressaq ilment kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tar-rikors amministrattiv, liema lment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-BĊE tal‑5 ta’ Frar 2024 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”).

It-talbiet tal-partijiet

8

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–

tannulla, sa fejn meħtieġ, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-azzjoni amministrattiva u d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment;

–

tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

9

Il-BĊE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors;

–

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq is-suġġett tar-rikors

10

Skont il-ġurisprudenza, talbiet għal annullament formalment indirizzati kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment għandhom l-effett li jressqu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-att li kontrih ikun tressaq l-ilment meta dawn ikunu, bħala tali, nieqsa minn kontenut awtonomu. L-istess japplika għal rikors amministrattiv ippreżentat minn membru tal-persunal tal-BĊE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2021, QB vs BĊE, T-555/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:552, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

11

F’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tar-rikors amministrattiv u d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment sempliċement jikkonfermaw id-deċiżjoni li tinsab fir-rendikont tar-remunerazzjoni tar-rikorrent ta’ Lulju 2023, it-talbiet għal annullament diretti kontra l-imsemmija deċiżjonijiet huma nieqsa minn kontenut awtonomu u għalhekk ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni speċifikament dwarhom, anki jekk, waqt l-eżami tal-legalità ta’ dan ir-rendikont tar-remunerazzjoni, għandha neċessarjament tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-azzjoni amministrattiva u tal-ilment imsemmija iktar ’il fuq. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2021, QB vs BĊE, T‑555/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:552, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq il-mertu

12

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tar-regoli ta’ kalkolu tat-taxxa stabbiliti mir-Regolament Nru 260/68 u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

13

Qabel kollox, għandu jiġi eżaminat it-tielet motiv, imbagħad l-ewwel u t-tieni motivi.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

14

Ir-rikorrent isostni li l-BĊE naqas mill-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu billi llimita ruħu li jindika, mingħajr ma sostna l-allegazzjoni tiegħu u mingħajr ma pprovda l-iċken prova, li huwa kien applika l-istess metodu ta’ kalkolu tat-taxxa bħal dak applikat mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-BĊE ma esponiex ir-raġuni għalfejn huwa japplika l-istess metodu ta’ kalkolu tat-taxxa għall-membri tal-persunal tiegħu li jieħdu leave parentali u għal dawk li jieħdu leave mingħajr ħlas, filwaqt li dawn is-sitwazzjonijiet ma humiex paragunabbli fil-fatt u fid-dritt.

15

Il-BĊE jikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

16

Madankollu, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni msemmi fl-Artikolu 296 TFUE u mfakkar fl-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea huwa prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni, li għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tevalwa l-fondatezza tal-att li jikkawżalha preġudizzju u l-opportunità li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha. Il-portata tiegħu għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi konkreti, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarju tal-att jista’ jkollu li jirċievi spjegazzjonijiet. (ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2024, EUIPO vs KD, C-5/23 P, EU:C:2024:575, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-14 ta’ Diċembru 2022, TM vs BĊE, T‑440/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:800, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17

Barra minn hekk, diġà ġie deċiż li l-amministrazzjoni ma hijiex obbligata timmotiva r-rendikonti tar-remunerazzjoni tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tagħha, sa fejn hija tapplika f’dawn ir-rendikonti atti ta’ portata ġenerali, mingħajr ma għandha ebda setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward. Madankollu, jekk, bħal f’dan il-każ, uffiċjali jew membri tal-persunal tal-BĊE jikkunsidraw li dikjarazzjoni ta’ remunerazzjoni waħda jew iktar jikkawżawlhom preġudizzju u jiddeċiedu li jippreżentaw rikors amministrattiv u sussegwentement ilment, l-amministrazzjoni hija obbligata timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha li jiċħdu l-imsemmi rikors u l-imsemmi lment, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li l-motivazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda hija meqjusa li tikkoinċidi mal-kontenut tar-rendikonti ta’ remunerazzjoni li kontrihom kienu diretti l-azzjoni amministrattiva u l-ilment (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2003, Lebedef et vs Il-Kummissjoni, T-221/02, EU:T:2003:239, punt 62).

18

F’dan il-każ, kemm mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tar-rikors amministrattiv kif ukoll mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment jirriżulta li l-BĊE spjega lir-rikorrent li huwa kien interpreta l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 260/68 fis-sens li r-riferiment għall-kunċett ta’ “ħlas tax-xahar korrispondenti”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, kien jippreżupponi li jiġu applikati r-rati ta’ tassazzjoni previsti għal kull kategorija ta’ dħul, kif iddeterminati mill-Artikolu 4 tal-istess regolament, għas-salarju “fittizju” li jikkorrispondi għal xahar sħiħ ta’ xogħol. Il-BĊE indika wkoll li kkalkola t-taxxa dovuta mir-rikorrent għax-xahar ta’ Lulju 2023 pro rata għan-numru ta’ ġranet maħduma, billi applika għar-remunerazzjoni mħallsa lil dan tal-aħħar l-istess rata ta’ taxxa bħal dik applikata għar-remunerazzjoni abitwali tiegħu u li tikkorrispondi għal xahar sħiħ ta’ xogħol.

19

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni pprovduta mid-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tar-rikors amministrattiv u ta’ ċaħda tal-ilment turi b’mod ċar u inekwivoku l-metodu ta’ kalkolu tat-taxxa applikat mill-BĊE u r-raġunament segwit minn din l-istituzzjoni. Ir-rikorrent għalhekk tqiegħed f’pożizzjoni li jifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tiegħu u l-qorti tal-Unjoni tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

20

Għandu jingħad ukoll li motivazzjoni tista’ ma tkunx eżawrjenti u għandha tiġi kkunsidrata bħala suffiċjenti meta tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, CJ vs ECDC, T‑692/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:894, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, l-amministrazzjoni ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2007, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, C-404/04 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:6, punt 30).

21

Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrent li permezz tagħhom huwa jikkritika lill-BĊE li ma ssostanzjax b’mod suffiċjenti l-motiv li huwa applika l-istess metodu ta’ kalkolu tat-taxxa bħal dak applikat mill-Kummissjoni jew li ma spjegax ir-raġuni għalfejn huwa japplika l-istess metodu ta’ kalkolu tat-taxxa għall-membri tal-persunal tiegħu li jieħdu leave parentali u għal dawk li jieħdu leave mingħajr ħlas (ara l-punt 14 iktar ’il fuq) ma humiex ta’ natura li jikkontestaw il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 19 iktar ’il fuq, peress li l-BĊE ma kellu ebda obbligu li jwieġeb għall-argumenti kollha mqajma minn dan tal-aħħar.

22

Minn dan isegwi li t-tielet motiv, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli ta’ kalkolu tat-taxxa stabbiliti mir-Regolament Nru 260/68 u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

23

Ir-rikorrent isostni qabel kollox li, skont l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Nru 260/68, it-taxxa dovuta mill-uffiċjali u mill-aġenti tal-Unjoni għandha tiġi kkalkolata abbażi tar-remunerazzjoni rċevuta. Insostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu, ir-rikorrent jinvoka b’mod partikolari l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2009, Ramaekers-Jørgensen vs Il-Kummissjoni (F‑74/08, EU:F:2009:142). Huwa jippreċiża li l-qorti tal-Unjoni qatt ma ddeċidiet espliċitament fuq din il-kwistjoni. Huwa jżid li l-kunċett ta’ “ħlas tax-xahar korrispondenti”, li jinsab fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 260/68, ma huwiex iddefinit bi preċiżjoni u li l-interpretazzjoni li jagħmel il-BĊE fid-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ovvja. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li, f’każ ta’ dubju dwar l-interpretazzjoni ta’ regola fiskali, għandha tiġi adottata l-interpretazzjoni l-iktar favorevoli għall-persuna taxxabbli.

24

Ir-rikorrent jesponi sussegwentement li, kuntrarjament għal dak li sostna l-BĊE fid-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tar-rikors amministrattiv u tal-ilment, il-metodu li huwa applika ma huwiex l-istess bħal dak implimentat mill-Kummissjoni, filwaqt li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 260/68 jobbliga lill-amministrazzjonijiet tal-Unjoni jikkonsultaw lil xulxin sabiex jiżguraw l-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament. Ir-rikorrent juri din l-allegazzjoni permezz ta’ kalkolu, imwettaq bl-għajnuna ta’ kalkolu finanzjarju mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persunal tal-Kummissjoni, li juri li din l-istituzzjoni, f’sitwazzjoni paragunabbli għal tiegħu, tikkalkola t-taxxa dovuta abbażi tar-remunerazzjoni effettivament riċevuta mill-uffiċjal jew mill-membru tal-persunal ikkonċernat. Huwa jsostni wkoll li l-BĊE rrikonoxxa, f’komunikazzjoni lill-persunal ippubblikata fuq l-intranet tal-istituzzjoni fid‑19 ta’ Jannar 2024, li l-metodu ta’ kalkolu tat-taxxa pro rata, għax-xhur mhux maħduma kompletament, huwa imperfett.

25

Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jallega li l-BĊE żbalja meta applika l-istess metodu sabiex jikkalkola t-taxxa dovuta minn uffiċjal jew membru tal-persunal fil-każ ta’ leave parentali jew fil-każ ta’ leave mingħajr ħlas, filwaqt li dawn iż-żewġ forom ta’ leave ma jistgħux jiġu assimilati. Fil-fatt, skont ir-rikorrent, membru tal-persunal li jibbenefika minn leave mingħajr ħlas huwa awtorizzat jeżerċita attivitajiet remunerati annessi matul l-imsemmi leave, filwaqt li dan ma huwiex il-każ ta’ membru tal-persunal li jibbenefika minn perijodu ta’ leave parentali.

26

Il-BĊE jikkontesta dawn l-argumenti.

27

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, permezz tal-ewwel motiv, minkejja li formalment ibbażat fuq il-ksur tar-regoli ta’ kalkolu tat-taxxa stabbiliti mir-Regolament Nru 260/68 u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, ir-rikorrent jikkritika lill-BĊE, fir-realtà, li wettaq żball ta’ liġi. Fil-fatt, permezz ta’ dan l-ewwel motiv, ir-rikorrent isostni li l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 260/68, adottata mill-BĊE, hija żbaljata. Issa, li kieku dan kien il-każ, għandu jiġi konkluż li l-BĊE wettaq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, fatt li, barra minn hekk, ir-rikorrent ftiehem dwaru waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali.

28

Għandu jiġi osservat ukoll li l-argument tar-rikorrent li permezz tiegħu dan tal-aħħar isostni li l-BĊE kien żbaljat meta applika l-istess metodu sabiex jikkalkola t-taxxa dovuta minn uffiċjal jew membru tal-persunal meta huwa f’pożizzjoni ta’ leave parentali jew f’pożizzjoni ta’ leave mingħajr ħlas, peress li dawn iż-żewġ forom ta’ leave ma jistgħux jiġu assimilati (ara l-punt 25 iktar ’il fuq), huwa ħaġa waħda ma’ dak żviluppat fit-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li ser jiġi eżaminat iktar ’il quddiem, wara l-eżami tal-ewwel motiv.

29

Fir-rigward tas-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2009, Ramaekers-Jørgensen vs Il-Kummissjoni (F-74/08, EU:F:2009:142), invokata mir-rikorrent insostenn tal-affermazzjoni li t-taxxa dovuta mill-uffiċjali u mill-membri tal-persunal tal-Unjoni għandha dejjem tiġi kkalkolata abbażi tar-remunerazzjoni rċevuta (ara l-punt 23 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel il-BĊE, li s-sitwazzjoni inkwistjoni f’din is-sentenza hija differenti minn dik ta’ din il-kawża. Fil-fatt, id-domanda magħmula fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza preċedenti kienet dik tad-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli, fid-dawl tal-kalkolu tat-taxxa dovuta, fil-każ partikolari ta’ rikorrent li, wara l-mewt tal-konjuġi tiegħu, kien jakkumula r-remunerazzjoni tiegħu ma’ pensjoni tas-superstiti, liema pensjoni tas-superstiti kienet, minħabba l-imsemmi kumulu, imposta b’mod iktar qawwi milli kieku din kienet ġiet intaxxata b’mod distint. F’din il-kawża, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li, f’ċirkustanzi simili, il-bażi taxxabbli kienet komposta mill-ammont li jirrappreżenta s-somma tas-salarju tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal u mill-pensjoni tas-superstiti mħallsa kull xahar (sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2009, Ramaekers-Jørgensen vs Il-Kummissjoni, F‑74/08, EU:F:2009:142, punti 48 sa 54). Issa, id-domanda magħmula f’din il-kawża hija dik tad-determinazzjoni tar-rata ta’ tassazzjoni applikabbli għas-somom imħallsa mill-Unjoni lil wieħed mill-uffiċjali jew mill-membri tal-persunal tagħha meta dawn is-somom jirrigwardaw perijodu ta’ xogħol ta’ inqas minn xahar. Din ma tirrigwardax id-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli.

30

Fir-rigward tal-konklużjonijiet misluta mir-rikorrent mill-użu ta’ kalkolu finanzjarju pprovdut lill-persunal tal-Kummissjoni (ara l-punt 24 iktar ’il fuq), għandu jiġi osservat, minkejja l-kwistjoni tal-valur probatorju ta’ tali għodda, li l-kalkolu mwettaq mir-rikorrent huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li r-remunerazzjoni ta’ perijodu ta’ xogħol ta’ inqas minn xahar hija ekwivalenti għar-remunerazzjoni fix-xahar sħiħa ta’ uffiċjal jew membru tal-persunal li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu part-time. Fil-fatt, sabiex juri ċ-ċifri tiegħu, ir-rikorrent qabbel is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal fil-grad AD 10, skala 4, li kien jirċievi remunerazzjoni fix-xahar sħiħa ma’ dik ta’ uffiċjal tal-istess grad u skala, li jeżerċita l-attività abitwali tiegħu part-time, li tammonta għal 50 % full-time, fuq l-istess perijodu mensili. Issa, f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, ir-remunerazzjoni rċevuta mill-uffiċjal fil-grad AD 10 skala 4 hija remunerazzjoni fix-xahar sħiħa, minkejja li titħallas, f’wieħed miż-żewġ każijiet, għal attività eżerċitata part-time, u mhux remunerazzjoni mħallsa għal perijodu ta’ xogħol ta’ inqas minn xahar, kif previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 260/68.

31

Wara li ġew ifformulati dawn l-osservazzjonijiet preliminari, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tad-domanda magħmula mill-ewwel motiv, dwar id-determinazzjoni tar-rata ta’ taxxa applikabbli għas-somom imħallsa mill-Unjoni lil wieħed mill-uffiċjali jew membri tal-persunal tagħha meta dawn is-somom jirrigwardaw perijodu ta’ xogħol ta’ inqas minn xahar, jeħtieġ l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 260/68, li dwarha l-partijiet ma jaqblux.

32

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, G. K. et (Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew), C‑281/22, EU:C:2023:1018, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Fir-rigward tal-kliem tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 260/68, għandu jitfakkar li dan jipprovdi:

“Meta l-ħlas taxxabbli jkun għal perjodu ta’ anqas minn xahar, ir-rata tat-taxxa għandha tkun dik applikabbli għall-ħlas tax-xahar korrispondenti.”

34

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 260/68 għalhekk jissuġġetta r-rata ta’ tassazzjoni applikabbli għal “ħlas taxxabbli” li jirrigwarda perijodu ta’ xogħol ta’ inqas minn xahar għar-rata ta’ taxxa applikabbli għall-“ħlas tax-xahar korrispondenti”.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-sens u l-portata tal-kunċett ta’ “ħlas taxxabbli” jistgħu jiġu ddeterminati billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 260/68. Minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li huma taxxabbli, u jistgħu għalhekk jiġu kklassifikati bħala “ħlas taxxabbli” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, is-salarji, il-pagi u l-emolumenti ta’ kull tip imħallsa mill-Unjoni lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal tagħha jikkostitwixxu bażi taxxabbli li minnha, minn naħa, huma esklużi diversi somom u allowances li jirrappreżentaw il-kumpens ta’ spejjeż sostnuti minħabba l-funzjonijiet eżerċitati minnhom u, min-naħa l-oħra, jitnaqqsu diversi benefiċċji u allowances ta’ natura tal-familja jew soċjali, u li għalih jiġu applikati, skont is-sitwazzjoni tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal ikkonċernat, tnaqqis wieħed jew iktar.

36

Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “ħlas ta’ kull xahar korrispondenti” ma huwiex iddefinit fir-Regolament Nru 260/68.

37

Issa, dan il-kunċett, sa fejn jirreferi għal ħlas ikklassifikat kemm bħala ta’ “kull xahar” kif ukoll bħala “korrispondenti”, ma jistax jiġi interpretat bħala li jirreferi għal ħlas taxxabbli li ma għandux natura mensili. Għaldaqstant, skont il-formulazzjoni tiegħu, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 260/68 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta membru tal-persunal jirċievi remunerazzjoni li tikkorrispondi għal perijodu ta’ inqas minn xahar, ir-rata taxxabbli applikabbli għal din ir-remunerazzjoni parzjali hija kkalkolata abbażi tar-remunerazzjoni fix-xahar relatata ma’ xahar sħiħ tax-xogħol.

38

Għandu jiġi eżaminat jekk din l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 260/68, li tirriżulta mill-formulazzjoni tiegħu, hijiex ikkonfermata mill-interpretazzjoni tiegħu kemm kuntestwali kif ukoll teleoloġika.

39

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kuntest tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 260/68, għandu jiġi rrilevat, b’mod partikolari, li l-Artikoli 3 sa 7 u l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 260/68 jistabbilixxu r-regoli għall-bażi taxxabbli u għal-likwidazzjoni tat-taxxa. L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, in-natura mensili tat-taxxa u, barra minn hekk, flimkien mal-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, jiddefinixxi l-komponenti prinċipali tal-bażi taxxabbli. L-Artikoli 4 sa 6 tal-istess regolament jiddeterminaw il-metodu ta’ kalkolu tat-taxxa. L-Artikolu 4 jistabbilixxi b’mod partikolari, għal kull kategorija ta’ dħul, ir-rata ta’ taxxa progressiva minn 8 għal 45 %. Barra minn hekk, l-Artikolu 5 jippreċiża l-metodu ta’ kalkolu ta’ wħud minn dan id-dħul għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-bażi taxxabbli, filwaqt li l-Artikolu 6 jipprevedi ċerti derogi mill-Artikoli 3 u 4 għall-finijiet tal-iffissar, għal ċertu dħul, tar-rata ta’ taxxa.

40

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 260/68 sussegwentement jippreċiża ċerti modalitajiet għall-iffissar tar-rata ta’ tassazzjoni meta l-ħlas magħmul għall-benefiċċju tal-persuna taxxabbli jirrigwarda perijodu ta’ xogħol li ma huwiex perijodu ta’ xahar. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 260/68 jirregola l-każ ta’ ħlas li jirrigwarda perijodu ta’ xogħol ta’ inqas minn xahar. It-tieni paragrafu tal-imsemmi artikolu jirregola dak ta’ ħlas li jirrigwarda perijodu ta’ xogħol ta’ iktar minn xahar. It-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu jittratta l-każ tal-ħlasijiet korrettivi li ma jirrigwardawx ix-xahar li fih jitħallsu.

41

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 260/68 jirreferi għalhekk għal perijodu ta’ xahar b’mod partikolari sabiex issir distinzjoni bejn il-perijodi li huma jew inferjuri jew superjuri għalih. Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li, konformement mal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, it-taxxa hija dovuta kull xahar abbażi tar-remunerazzjoni mħallsa mill-Unjoni, lil kull persuna taxxabbli, għal perijodu ta’ xogħol ta’ xahar, il-modalitajiet għall-iffissar tar-rata ta’ tassazzjoni previsti fl-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament jidderogaw minn dawk li jirriżultaw mill-Artikoli 3 u 4 tal-istess regolament u li japplikaw meta jsir ħlas favur persuna taxxabbli bħala korrispettiv għal perijodu ta’ xogħol ta’ dan it-tul.

42

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 260/68, “[m]eta l-ħlas taxxabbli jkun għal perjodu ta’ aktar minn xahar it-taxxa għandha tkun kalkolata daqs li kieku dak il-ħlas kien maqsum indaqs għax-xhur li għalihom jirreferi”.

43

Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, fil-każ fejn il-ħlas taxxabbli jirrigwarda perijodu ta’ iktar minn xahar, għandu jitqies, għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-taxxa dovuta, li dan il-ħlas normalment ikun tqassam matul ix-xhur li għalihom jirreferi. Għalhekk, remunerazzjoni li titħallas eċċezzjonalment għal tali perijodu għandha tiġi imposta bl-istess rata bħal dik applikata għar-remunerazzjoni rċevuta minn persuna taxxabbli għal xahar sħiħ ta’ xogħol.

44

L-istess għandu japplika fir-rigward tar-rata applikata għar-remunerazzjoni li titħallas għal perijodu ta’ inqas minn xahar.

45

Il-kuntest li fih jaqa’ l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 260/68 jikkorrobora għalhekk l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tirriżulta mill-formulazzjoni tagħha, ippreżentata fil-punt 37 iktar ’il fuq.

46

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti l-imsemmija dispożizzjoni, għandu jitfakkar li mill-preambolu tar-Regolament Nru 260/68 jirriżulta li dan għandu b’mod partikolari l-għan li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-uffiċjali u l-impjegati tal-Unjoni huma suġġetti għat-taxxa fuq salarji, pagi u emolumenti stabbilita mill-Artikolu 13 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet.

47

Barra minn hekk, għalkemm l-għanijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 260/68 ma jistgħux jiġu identifikati b’mod ċar mill-qari ta’ din id-dispożizzjoni jew ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi enfasizzat li interpretazzjoni tagħha fis-sens, propost mir-rikorrent, tal-applikazzjoni għal remunerazzjoni relatata ma’ perijodu inqas minn xahar tal-modalitajiet ta’ kalkolu tat-taxxa previsti fl-Artikoli 3 u 4 tal-istess regolament iċċaħħad lill-imsemmija dispożizzjoni minn kull effett utli peress li din twassal sabiex tiġi applikata remunerazzjoni li tirrigwarda perijodu ta’ inqas minn xahar, kundizzjoni li minnha tiddependi l-applikazzjoni tar-rata tat-taxxa stabbilita mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 260/68, l-istess modalitajiet ta’ kalkolu tat-taxxa, inkluża r-rata tagħha, bħal dawk previsti fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Nru 260/68.

48

Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-interpretazzjoni teleoloġika tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 260/68 tikkorrobora wkoll il-konklużjoni ppreżentata fil-punt 37 iktar ’il fuq.

49

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 260/68 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ ħlas ta’ remunerazzjoni relatata ma’ perijodu ta’ xogħol ta’ inqas minn xahar, għandha tiġi applikata għas-somma inkwistjoni r-rata ta’ taxxa li għaliha huwa suġġett id-dħul irċevut mill-uffiċjal jew mill-membru tal-persunal ikkonċernat meta dan ikun ħadem xahar sħiħ. Għalhekk, meta uffiċjal jew membru tal-persunal jirċievi remunerazzjoni li tirrigwarda perijodu ta’ xogħol ta’ inqas minn xahar, it-taxxa hija kkalkolata, minn naħa, billi tiġi applikata l-istess rata ta’ taxxa bħal dik li kienet tiġi applikata li kieku l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal ikkonċernat kien ħadem xahar sħiħ u, min-naħa l-oħra, pro rata għall-ġranet effettivament maħduma.

50

Għaldaqstant, billi adotta d-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 260/68, kif għandu jiġi interpretat konformement mar-raġunijiet li jinsabu fil-punti 33 sa 48 iktar ’il fuq, il-BĊE ma wettaqx żball ta’ liġi, b’tali mod li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

51

Ir-rikorrent jikkritika lill-BĊE talli ma għamilx differenza, mill-perspettiva tal-kalkolu tat-taxxa, bejn żewġ sitwazzjonijiet li huwa jqis li huma differenti, bi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. F’dan ir-rigward, huwa jindika li l-BĊE juża b’mod żbaljat l-istess metodu sabiex jikkalkola t-taxxa meta uffiċjal jew membru tal-persunal jieħu leave parentali u meta jieħu tip ieħor ta’ leave mingħajr ħlas, filwaqt li, fil-fehma tiegħu, dawn iż-żewġ forom ta’ leave ma jistgħux jiġu assimilati. Insostenn tal-allegazzjoni tiegħu, ir-rikorrent essenzjalment isostni li membru tal-persunal li jibbenefika minn leave mingħajr ħlas minbarra leave parentali huwa awtorizzat jeżerċita attivitajiet remunerati anċillari matul l-imsemmi leave, filwaqt li dan ma huwiex il-każ għal membru tal-persunal li jibbenefika minn perijodu ta’ leave parentali u li tali differenza fuq il-livell finanzjarju għandu jkollha effett fuq il-kalkolu tat-taxxa dovuta.

52

Il-BĊE jikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

53

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Differenza fit-trattament hija ġġustifikata meta tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta tkun marbuta ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni kkonċernata, u meta din id-differenza tkun proporzjonata għall-għan imfittex permezz tat-trattament ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2023, MG vs BEI, C-173/22 P, EU:C:2023:932, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

L-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għalhekk in-natura paragunabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u apprezzati fid-dawl tal-iskop tad-dispożizzjonijiet. L-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għalhekk in-natura paragunabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tal-għan tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni u tal-għan imfittex minnhom, filwaqt li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal dan l-għan, il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ l-att inkwistjoni (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2023, MG vs BEI, C-173/22 P, EU:C:2023:932, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal li jibbenefika minn leave parentali skont l-Artikolu 29 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-BĊE, kif ippreċiżat fl-Artikolu 5.11 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BĊE, hija, mill-perspettiva tar-remunerazzjoni rċevuta, simili għal dik ta’ membru tal-persunal li jibbenefika minn forma oħra ta’ leave mingħajr ħlas, kif prevista fl-Artikolu 30 tal-imsemmija Kundizzjonijiet tal-Impjieg u speċifikata fl-Artikolu 5.12 tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, tkun xi tkun il-bażi legali tal-leave inkwistjoni, kemm fir-rigward tal-Artikolu 29 kif ukoll tal-Artikolu 30 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-BĊE, dan il-leave huwa msejjaħ “mingħajr ħlas”, jiġifieri li jimplika li l-membru tal-persunal ikkonċernat ma jirċievi, fiż-żewġ każijiet u matul dan il-perijodu ta’ leave, ebda remunerazzjoni min-naħa tal-BĊE marbuta mal-eżerċizzju tal-attività professjonali tiegħu. Barra minn hekk, xejn ma jipprekludi li l-leave parentali kif ukoll il-leave ieħor mingħajr ħlas jingħataw, fi ħdan il-BĊE, għal perijodu ta’ inqas minn xahar jew jibdew matul xahar, b’tali mod li l-membri tal-persunal ikkonċernati minn tali leave jistgħu, fiż-żewġ każijiet, jirċievu remunerazzjoni għal perijodu ta’ inqas minn xahar.

56

Konsegwentement, ir-rikorrent ma huwiex fondat meta jsostni li l-leave parentali u l-forom l-oħra ta’ leave mingħajr ħlas previsti mill-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-BĊE ma jistgħux jiġu assimilati, b’tali mod li huwa ma jistax validament jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament marbut ma’ applikazzjoni identika, mill-BĊE, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 260/68 fil-każ ta’ leave parentali jew mingħajr ħlas mogħti għal perijodu ta’ inqas minn xahar jew li jibda matul ix-xahar u li jagħti lok għall-ħlas ta’ remunerazzjoni li tirrigwarda perijodu ta’ inqas minn xahar.

57

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-allegazzjoni tar-rikorrent li membru tal-persunal tal-BĊE li jibbenefika minn leave mingħajr ħlas minbarra leave parentali huwa awtorizzat jeżerċita attivitajiet bi ħlas anċillari matul l-imsemmi leave, filwaqt li dan ma huwiex il-każ għal membru tal-persunal tal-BĊE li jibbenefika minn leave parentali, b’tali mod li s-sitwazzjonijiet tagħhom ma jistgħux jiġu assimilati. Fil-fatt, il-possibbiltà, għal ċerti membri tal-persunal li jibbenefikaw minn leave mingħajr ħlas li ma huwiex leave parentali, li jeżerċitaw attività professjonali anċillari, ma taffettwax is-sitwazzjoni pekunjarja tagħhom fir-rigward tal-BĊE, peress li l-ħlas tar-remunerazzjoni tagħhom huwa sospiż, bħal dak tal-membri tal-persunal li jibbenefikaw minn leave parentali.

58

Għalhekk, it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi miċħud, kif ukoll, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

59

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Billi r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-BĊE.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

DO huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Truchot

Kanninen

Perišin

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑23 ta’ Lulju 2025.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.