European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/666

10.2.2025

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Jannar 2025

li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju taċ-Ċekja

(C/2025/666)

Il-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Billi:

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(1)

Fit-30 ta' April 2024 daħal fis-seħħ qafas ta' governanza ekonomika tal-UE riformat. Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali (1), flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (2), u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri emendata (3) huma l-elementi ewlenin tal-qafas riformat ta' governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u li jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Huwa jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali u jiffoka aktar fuq terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti tar-regoli.

(2)

Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li l-Istati Membri jippreżentaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni huma fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika. Il-pjanijiet għandhom jimmiraw li jintlaħqu żewġ objettivi: i) l-iżgurar li, fost l-oħrajn, sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja ta' tnaqqis plawżibbli, jew jibqa' f'livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fuq it-terminu medju, u ii) l-iżgurar tat-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dak il-għan, kull pjan għandu jippreżenta impenn fuq terminu medju għal perkors tan-nefqa netta (4), li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għad-durata tal-pjan, li tkopri erba' jew ħames snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan għandu jispjega kif l-Istat Membru ser jiżgura t-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (inkluż dawk li jappartjenu għall-proċedura ta' żbilanċi makroekonomiċi (MIP), jekk applikabbli), u kif l-Istat Membru ser jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri perjodu ta' erba' snin, li jista' jiġi estiż sa tliet snin jekk l-Istat Membru jintrabat li jwettaq sett ta' riformi u investimenti rilevanti li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263.

(3)

Wara l-preżentazzjoni tal-pjan, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(4)

Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill irid imbagħad jadotta rakkomandazzjoni biex jistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta' impenji ta' riforma u ta' investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali.

KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR IL-PJAN FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI FUQ TERMINU MEDJU TAĊ-ĊEKJA

(5)

Fis-16 ta' Ottubru 2024, iċ-Ċekja ppreżentat il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali tagħha fuq terminu medju lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-preżentazzjoni saret wara estensjoni tal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, kif maqbul mal-Kummissjoni fl-24 ta' Settembru fid-dawl tar-raġunijiet ipprovduti miċ-Ċekja.

Proċess qabel il-preżentazzjoni tal-pjan

(6)

Qabel il-preżentazzjoni tal-pjan tagħha, iċ-Ċekja talbet informazzjoni teknika (5), li l-Kummissjoni pprovdiet fil-21 ta' Ġunju 2024, u ppubblikat fil-16 ta' Ottubru 2024 (6). F'konformità mal-Artikoli 9(1), il-punt (c), u 9(2) u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263, l-informazzjoni teknika tindika l-livell tal-bilanċ primarju strutturali fl-2028 li huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li d-defiċit tal-gvern estiż jinżamm taħt it-3 % tal-PDG fuq terminu medju u li d-dejn tal-gvern estiż jibqa' taħt is-60 % tal-PDG fuq terminu medju, fin-nuqqas ta' aktar miżuri baġitarji lil hinn mill-perjodu ta' aġġustament ta' 4 snin. It-terminu medju huwa definit bħala l-perjodu ta' għaxar snin wara t-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament.

L-informazzjoni teknika tħejjiet u ntbagħtet lill-Istat Membru permezz ta' żewġ xenarji: xenarju li jinkludi l-konsistenza mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit (7), f'konformità mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2024/1263, u xenarju mingħajr din is-salvagwardja. L-informazzjoni teknika għaċ-Ċekja tistabbilixxi li, għal konformità mar-regoli fiskali applikabbli fuq perjodu ta' aġġustament ta' 4 snin, u abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni li jsostnu l-gwida minn qabel trażmessa f'Ġunju 2024, il-bilanċ primarju strutturali għandu jammonta għal mill-inqas 0,4 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028; xenarju mingħajr is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit), skont it-tabella li ġejja. Għall-informazzjoni, meta titqies ukoll is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit, il-bilanċ primarju strutturali għandu jammonta għal mill-inqas 0,4 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028). Madankollu, is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit mhijiex rekwiżit għaċ-Ċekja, li hija eliġibbli għall-informazzjoni teknika.

Tabella 1: Informazzjoni teknika pprovduta mill-Kummissjoni liċ-Ċekja

L-aħħar sena tal-perjodu ta' aġġustament

2028

Valur minimu tal-bilanċ primarju strutturali (% tal-PDG), xenarju li ma jinkludix is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit

0,4

Għall-informazzjoni biss: Valur minimu tal-bilanċ primarju strutturali (% tal-PDG), xenarju li jinkludi s-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit

0,4

Sors: Kalkoli tal-Kummissjoni.

(7)

F'konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, iċ-Ċekja u l-Kummissjoni kienu involuti fi djalogu tekniku minn Ġunju sa Settembru 2024. Id-djalogu ffoka fuq il-perkors tan-nefqa netta previst miċ-Ċekja u s-suppożizzjonijiet sottostanti (b'mod partikolari l-projezzjonijiet tat-tkabbir tal-PDG potenzjali), kif ukoll it-twettiq previst ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni fi tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u l-bini tal-kapaċitajiet tad-difiża.

(8)

F'Settembru u f'Ottubru 2024, f'konformità mal-Artikolu 11(3) u 36(1), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2024/1263, skont l-informazzjoni pprovduta miċ-Ċekja fil-pjan tagħha, iċ-Ċekja kienet involuta fi proċess ta' konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali, l-awtoritajiet reġjonali u partijiet ikkonċernati oħra. Skont l-informazzjoni pprovduta miċ-Ċekja fil-pjan tagħha, il-proċess kien jinkludi konsultazzjoni interministerjali xierqa li kienet tinvolvi s-sħab ekonomiċi u soċjali. Barra minn hekk, saret diskussjoni madwar mejda dwar l-abbozz tal-pjan mar-rappreżentanti tas-sħab ekonomiċi u soċjali, is-settur mingħajr skop ta' qligħ, ir-reġjuni, iż-żewġ kmamar tal-Parlament u istituzzjonijiet rilevanti oħra, inkluż il-Kunsill Fiskali Ċek. Barra minn hekk, ġie pprovdut abbozz ta' pjan lill-Kunsill tal-Gvern għall-Iżvilupp Sostenibbli u lill-Kunsill tal-Gvern għall-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi. Il-pjan ġie diskuss ukoll f'żewġ kumitati parlamentari. Fl-aħħar nett, ir-rappreżentanti tas-sħab ekonomiċi u soċjali setgħu jippreżentaw il-fehmiet tagħhom fil-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill tal-Ftehim Ekonomiku u Soċjali.

(9)

(9) Il-Kumitat għall-Previżjonijiet Baġitarji, bil-kompitu li jivvaluta t-tbassir makroekonomiku u baġitarju, ta opinjoni dwar it-tbassir makroekonomiku li jirfed il-perkors tan-nefqa netta pluriennali. Il-Kumitat ivvaluta t-tbassir makroekonomiku bħala realistiku.

(10)

Il-pjan ġie diskuss fil-parlament nazzjonali fit-8 ta' Ottubru 2024. Dan ġie adottat sussegwentement mill-gvern fis-16 ta' Ottubru 2024.

Proċessi relatati oħra

(11)

Fil-21 ta' Ottubru 2024, il-Kunsill indirizza liċ-Ċekja sensiela ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) fil-kuntest tas-Semestru Ewropew (8).

SOMMARJU TAL-PJAN U L-VALUTAZZJONI TIEGĦU MILL-KUMMISSJONI

(12)

F'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan kif ġej:

Kuntest: is-sitwazzjoni u l-prospetti makroekonomiċi u fiskali

(13)

L-attività ekonomika fiċ-Ċekja naqset b'0,1 % fl-2023, peress li l-inflazzjoni għolja naqqset il-kapaċità tal-akkwist u wasslet għal tnaqqis fil-konsum tal-unitajiet domestiċi. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, l-ekonomija hija mistennija tikber b'1,0 % fl-2024, minħabba rkupru gradwali fid-domanda domestika mmexxi minn tkabbir fil-pagi reali u tnaqqis fl-inflazzjoni. Fl-2025, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied bi 2,4 %, hekk kif il-konsum tal-unitajiet domestiċi u t-tkabbir fl-investiment jaċċelleraw, filwaqt li l-esportazzjoni netta tikkontribwixxi b'mod negattiv. Fl-2026, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied bi 2,7 %, xprunat mit-tkabbir fil-konsum tal-unitajiet domestiċi u l-formazzjoni grossa tal-kapital fiss kif ukoll irkupru fl-esportazzjonijiet. Matul il-perjodu ta' tbassir (jiġifieri, 2024–2026), it-tkabbir tal-PDG potenzjali fiċ-Ċekja huwa mistenni li jiżdied bi ftit, minn 1,6 % fl-2024 għal 1,8 % fl-2026, xprunat minn żieda fil-produttività u investimenti kapitali ogħla, filwaqt li l-kontribuzzjoni mill-pagi qed tonqos. Fl-2023 ir-rata tal-qgħad kienet ta' 2,6 % u l-Kummissjoni tipprojetta li fl-2024 tkun 2,6 %, fl-2025 tkun 2,7 % u fl-2026 tkun 2,7 %. L-inflazzjoni (deflatur tal-PDG) hija pprojettata li tonqos minn 8,2 % fl-2023 għal 4,0 % fl-2024, u li tilħaq 2,4 % fl-2025 u 2,4 % fl-2026.

(14)

Fir-rigward tal-iżviluppi fiskali, fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż taċ-Ċekja ammonta għal 3,8 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, dan mistenni li jilħaq 2,5 % tal-PDG fl-2024 u li jkompli jonqos għal 2,3 % tal-PDG fl-2025 u, fuq bażi ta' ebda bidla fil-politika, għal 1,9 % fl-2026. It-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea jinkludi l-abbozz tal-baġit taċ-Ċekja għall-2025 li l-gvern ippropona lill-parlament nazzjonali f'Settembru. Id-dejn tal-gvern estiż kien ta' 42,4 % tal-PDG fi tmiem l-2023. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jiżdied għal 43,4 % tal-PDG fi tmiem l-2024. Huwa pprojettat li dan ikompli jiżdied għal 44,4 % tal-PDG fi tmiem l-2025 u 44,8 % fi tmiem l-2026. It-tbassir fiskali mill-Kummissjoni ma jqisx l-impenji ta' politika fil-pjanijiet fuq terminu medju bħala tali sakemm ma jkunux sostnuti minn miżuri ta' politika konkreti mħabbra b'mod kredibbli u speċifikati biżżejjed.

Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan

(15)

Il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju taċ-Ċekja jkopri l-perjodu 2025–2028 u jippreżenta aġġustament fiskali fuq erba' snin.

(16)

Il-pjan fih l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263, bl-eċċezzjoni tal-miżuri fiskali-strutturali ppjanati fis-snin aħħarin tal-pjan.

(17)

Il-pjan jintrabat għall-perkors tan-nefqa netta indikat fit-Tabella 2, li jikkorrispondi għat-tkabbir medju nett fin-nefqa ta' 3,1 % matul is-snin 2025–2028. L-informazzjoni teknika (jekk wieħed jassumi perkors ta' aġġustament lineari) hija konsistenti ma' tkabbir medju fin-nefqa netta ta' 3,5 % matul il-perjodu ta' aġġustament (2025-2028). Il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan huwa rrapportat li jwassal għal bilanċ primarju strutturali ta' 0,4 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028). Dan huwa ugwali għal-livell minimu tal-bilanċ primarju strutturali ta' 0,4 % tal-PDG fl-2028 ipprovdut mill-Kummissjoni fl-informazzjoni teknika fil-21 ta' Ġunju 2024 (9). Il-pjan jassumi li t-tkabbir tal-PDG potenzjali ser jonqos minn 2,0 % fl-2024 għal 1,4 % fl-2025 qabel jiżdied bi ftit biex jilħaq medja ta' 1,6 % matul il-perjodu ta' aġġustament (2025–2028). Barra minn hekk, il-pjan jistenna li r-rata ta' tkabbir tad-deflatur tal-PDG tonqos minn 3,4 % fl-2024 għal 2,7 % fl-2025, u li tkompli tonqos gradwalment sa 2,0 % sal-2028.

Tabella 2: Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan taċ-Ċekja

 

2024

2025

2026

2027

2028

Medja matul il-perjodu ta' validità tal-pjan 2025–2028

Tkabbir nett fin-nefqa (annwali, %)

5,3

4,5

2,5

2,6

2,9

3,1

Tkabbir nett fin-nefqa (kumulattiv, mis-sena bażi 2023, %)

5,3

10,1

12,9

15,8

19,2

mhux applikabbli

Tkabbir tal-PDG potenzjali (%)

2,0

1,4

1,5

1,8

1,5

1,6

Inflazzjoni (tkabbir tad-deflatur tal-PDG) (%)

3,4

2,7

2,2

2,1

2,0

2,2

Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju taċ-Ċekja u l-kalkoli tal-Kummissjoni.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għad-dejn tal-gvern estiż

(18)

Jekk il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan u s-suppożizzjonijiet sottostanti jimmaterjalizzaw, id-dejn tal-gvern estiż, skont il-pjan, jiżdied minn 44,1 % fl-2024 għal 45,3 % tal-PDG fl-2026, u wara jonqos għal 44,2 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028), skont it-tabella li ġejja. Fuq terminu medju, jiġifieri sal-2038, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li b'mod ġenerali jistabbilizza sal-2033 skont il-pjan u jiżdied minn hemm 'il quddiem għal 47,5 % tal-PDG fl-2038.

Tabella 3: Dejn tal-gvern estiż u żviluppi tal-bilanċ fil-pjan taċ-Ċekja

 

2023

2024

2025

2026

2027

2028

2038

Dejn tal-gvern (% tal-PDG)

42,4

44,1

45,1

45,3

44,7

44,2

47,5

Bilanċ tal-gvern (% tal-PDG)

-3,8

-2,8

-2,5

-1,7

-0,9

-0,5

-2,6

Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju taċ-Ċekja.

Għalhekk, skont il-pjan, id-dejn tal-gvern estiż jibqa' taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 60 % tal-PDG fuq it-terminu medju. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-dejn kif stabbilit fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għall-bilanċ tal-gvern estiż

(19)

Fuq il-bażi tal-perkors u s-suppożizzjonijiet tan-nefqa netta tal-pjan, id-defiċit tal-gvern estiż jitjieb gradwalment minn 2,8 % tal-PDG fl-2024 għal 0,5 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028). Għalhekk, skont il-pjan, id-defiċit tal-gvern estiż ma jaqbiżx il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028). Barra minn hekk, fl-għaxar snin ta' wara l-perjodu ta' aġġustament (jiġifieri sal-2038), id-defiċit tal-gvern ma jaqbiżx it-3 % tal-PDG. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-defiċit kif stabbilit fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan

(20)

Il-pjan huwa bbażat fuq sett ta' suppożizzjonijiet li huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni mibgħuta liċ-Ċekja fil-21 ta' Ġunju 2024. B'mod partikolari, il-pjan juża suppożizzjonijiet differenti għal tmien varjabbli, jiġifieri l-punt tat-tluq (il-bilanċ primarju strutturali fl-2024), it-tkabbir tal-PDG potenzjali, it-tkabbir tal-PDG reali, it-tkabbir tad-deflatur tal-PDG, ir-rata tal-imgħax nominali (impliċita), il-multiplikatur fiskali, l-aġġustamenti bejn l-istokk u l-flussi, u s-suppożizzjonijiet tad-dħul (jiġifieri l-elastiċitajiet preżunti). Il-valutazzjoni ta' dawn is-suppożizzjonijiet differenti hija pprovduta hawn taħt.

(21)

Id-differenzi fis-suppożizzjonijiet bl-aktar impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju tan-nefqa netta huma elenkati hawn taħt, flimkien ma' valutazzjoni ta' kull differenza kkunsidrata b'mod iżolat.

—

Il-pjan jassumi l-punt tat-tluq (il-bilanċ strutturali primarju fl-2024) ta' -0,7 % tal-PDG, li huwa aktar baxx mis-suppożizzjoni tal-Kummissjoni ta' -0,1 % tal-PDG. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju aktar baxx fin-nefqa netta matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Dan huwa spjegat minn informazzjoni aktar reċenti meta mqabbla mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, inkluża stima aktar baxxa għall-bilanċ tal-gvern estiż fl-2024 (-2,8 % tal-PDG fil-pjan meta mqabbel ma' -2,4 % tal-PDG skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea). Dan huwa konformi b'mod ġenerali mat-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq.

—

Il-pjan jassumi tkabbir tal-PDG potenzjali ta' 1,6 % bħala medja matul il-perjodu ta' aġġustament (2025–2028). Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju fin-nefqa netta ogħla matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan minn dak indikat fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Wara tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2029-2038), is-serje ta' tkabbir potenzjali tikkonverġi lejn is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, li jirriżultaw fi tkabbir potenzjali medju ogħla għall-pjan milli mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni (1,4 % meta mqabbel ma' 1,3 %). Id-devjazzjoni sal-2028 hija spjegata mill-projezzjonijiet makroekonomiċi fuq terminu qasir aktar favorevoli fil-pjan taċ-Ċekja, u reviżjoni kemxejn 'il fuq fit-tkabbir tal-PDG għall-2023. Barra minn hekk, il-pjan jindika li l-istimi tat-tkabbir potenzjali jinkludu bħala input it-tbassir makroekonomiku tal-pjan ta' Awwissu 2024 għall-orizzont sal-2028. Barra minn hekk, it-tkabbir akkumulat matul il-perjodu ta' projezzjoni jibqa' ġeneralment konformi mar-riżultati tal-metodoloġija maqbula b'mod komuni. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq.

—

Il-pjan jassumi li t-tkabbir tad-deflatur tal-PDG huwa aktar baxxa b'medja ta' 0,5 pp mis-suppożizzjoni tal-Kummissjoni matul il-perjodu ta' projezzjoni. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju aktar baxx fin-nefqa netta matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Din is-suppożizzjoni aktar kawta milli fil-gwida preċedenti tal-Kummissjoni hija spjegata fil-pjan bl-inkorporazzjoni ta' data aktar reċenti, billi jiġi preżunt li l-mira tal-inflazzjoni ta' 2 % (it-tkabbir tas-CPI) għandha tintlaħaq sa nofs l-2026, u billi jiġi preżunt li d-deflatur tal-PDG jikkonverġi għal dan il-valur fl-2028 u jibqa' stabbli fil-valuri tal-2028 matul il-perjodu ta' projezzjoni li jifdal. Din is-suppożizzjoni titqies li hija debitament ġustifikata.

—

Il-pjan jassumi li r-rata tal-imgħax nominali (impliċita) hija aktar baxxa b'medja ta' 0,6 pp mis-suppożizzjoni tal-Kummissjoni matul il-perjodu ta' projezzjoni. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju fin-nefqa netta ogħla matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan minn dak indikat fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Id-devjazzjoni ġejja mis-suppożizzjoni ta' rati tal-imgħax tas-suq aktar baxxi, b'madwar 1 pp, fuq terminu qasir u twil, li tirrappreżenta suppożizzjoni aktar ottimista meta mqabbla ma' dik tal-Kummissjoni. Dan huwa spjegat bl-inkorporazzjoni ta' data aktar reċenti u ta' metodu differenti, u huwa bbażat fuq l-aspettattiva ta' tnaqqis fir-rati tal-imgħax tas-suq f'konformità mal-perkors tar-rata bażi tal-bank ċentrali. Id-devjazzjoni tirriżulta wkoll minn suppożizzjoni kemxejn aktar favorevoli ta' tkabbir tal-PDG reali fil-pjan (l-effett tad-denominatur). Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq.

Id-differenzi li jifdal fis-suppożizzjonijiet ma għandhomx impatt sinifikanti fuq it-tkabbir tan-nefqa netta medja meta mqabbla mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni Ewopea. B'mod ġenerali, id-differenzi kollha meħudin flimkien iwasslu għal tkabbir medju fin-nefqa netta li huwa aktar baxx fil-pjan milli mit-tkabbir medju tan-nefqa netta implikata mill-informazzjoni teknika. Barra minn hekk, fil-pjan tagħha, iċ-Ċekja timpenja ruħha għal perkors tan-nefqa netta li huwa saħansitra aktar baxx minn dan il-limitu massimu. Il-Kummissjoni Ewropea ser tqis il-valutazzjoni ta' hawn fuq tas-suppożizzjonijiet tal-pjan fil-valutazzjonijiet futuri tal-konformità ma' din ir-rakkomandazzjoni.

Strateġija fiskali tal-pjan

(22)

Il-pjan ma jinkludix strateġija fiskali indikattiva biex jiġi implimentat il-perkors tan-nefqa netta tal-pjan, peress li dan il-perkors huwa stabbilit biss bħala limitu massimu tekniku li ċ-Ċekja timpenja ruħha li ma teċċedix. L-ispeċifikazzjoni preċiża tal-miżuri ta' politika rilevanti trid tiġi kkonfermata jew aġġustata u kkwantifikata fil-baġits annwali.

Intenzjonijiet ta' riforma u investiment fil-pjan biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew fejn jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni

(23)

Il-pjan jiddeskrivi l-intenzjonijiet ta' politika li jikkonċernaw ir-riformi u l-investimenti biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, speċjalment is-CSRs indirizzati liċ-Ċekja, u biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni tal-UE. Il-pjan jinkludi 128 riforma u investiment, li minnhom 78 huma appoġġati finanzjarjament mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u 85 mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni.

(24)

Fir-rigward tal-prijorità komuni ta' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inkluż l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jinkludi 63 miżura, li minnhom 52 huma appoġġati mill-RRF. Il-miżuri biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tranżizzjoni ekoloġika huma inklużi fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima tar-Repubblika Ċeka. L-aktar miżuri importanti jinkludu r-riformi LEX RES I u II, li jissimplifikaw l-għoti ta' permessi u l-kostruzzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, jintroduċu komunitajiet tal-enerġija, u jniedu ċ-Ċentru tad-Data tal-Enerġija. Dalwaqt, il-LEX RES III ser tipprevedi sistema tal-elettriku aktar flessibbli. Fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika, il-Programmi l-Ġodda tal-Iffrankar Ekoloġiku u tal-Iffrankar Ekoloġiku tad-Dawl jappoġġaw ir-rinnovazzjoni fil-fond tal-bini. Miżuri rilevanti oħra jinkludu l-elettrifikazzjoni tal-binarji tal-ferroviji u s-sostituzzjoni ta' vetturi b'oħrajn aktar effiċjenti fl-emissjonijiet. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs fil-qasam tal-politika tal-enerġija rinnovabbli, l-infrastruttura u n-networks tal-enerġija, u l-effiċjenza enerġetika (indirizzati liċ-Ċekja fl-2019, fl-2020, fl-2022 u fl-2023), u t-trasport sostenibbli (indirizzati liċ-Ċekja fl-2019, fl-2020 u fl-2023). Fir-rigward tal-isfidi tat-tranżizzjoni diġitali, l-aktar miżuri importanti jinkludu riformi u investimenti biex tiġi żviluppata l-infrastruttura tal-5G f'żoni rurali u ta' ħtieġa kbira, biex tiġi estiża l-kopertura tas-sinjali 5G, inkluż fil-kurituri tat-trasport u l-ferroviji, u biex jiġu appoġġati proġetti industrijali tar-R&Ż li jużaw il-5G. Dawn il-miżuri huma relatati ma' CSRs (2019 u 2020) fil-qasam tal-politika tal-konnettività u l-infrastruttura diġitali.

(25)

Rigward il-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jinkludi 48 miżura, li minnhom 23 huma appoġġati mill-RRF. Rigward l-isfidi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, l-aktar miżuri importanti jinkludu l-abbozz ta' liġi dwar ir-riċerka, l-iżvilupp, l-innovazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien, l-investimenti fid-diġitalizzazzjoni tal-intrapriżi, u l-Istrateġija Nazzjonali għall-Akkwist Pubbliku. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs (2019, 2020 u 2024) fil-qasam tal-politika tal-ambjent tan-negozju inkluż il-politiki tal-SMEs, u r-riċerka u l-innovazzjoni, u s-CSR tal-2019 dwar il-kompetizzjoni bbażata fuq il-kwalità fl-akkwist pubbliku. Fir-rigward tal-isfidi għall-koeżjoni soċjali u territorjali, l-aktar miżuri importanti jinkludu l-emenda tal-ewwel pilastru tas-sistema tal-pensjonijiet, l-ittestjar pilota ta' għodda ġdida “il-post tax-xogħol għall-integrazzjoni”, iż-żieda fil-kapaċità tas-servizzi tal-kura tat-tfal tal-preprimarja, it-taħriġ mill-ġdid fil-ħiliet diġitali, u l-iżvilupp tal-edukazzjoni diġitali. Miżuri rilevanti oħra jinkludu l-Att emendat dwar il-Kostruzzjoni, u l-abbozz tal-Att dwar l-Appoġġ għad-Djar. Dawn il-miżuri jikkonċernaw is-CSRs (2019, 2022, 2023 u 2024) biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fiskali fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet, CSRs tal-2020 fl-oqsma tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u tal-inklużjoni soċjali, is-CSR tal-2019 biex jittejjeb l-aċċess għall-indukrar tat-tfal affordabbli, is-CSRs tal-2019 u l-2020 biex jitrawmu l-ħiliet diġitali u l-aċċess għat-tagħlim diġitali, is-CSRs tal-2022 u tal-2023 dwar il-provvista ta' akkomodazzjoni soċjali u affordabbli u s-CSR tal-2024 dwar il-promozzjoni ta' parteċipazzjoni ogħla tan-nisa fis-suq tax-xogħol billi jitnaqqsu d-diżinċentivi fiskali biex il-ġenituri jidħlu lura x-xogħol. Fir-rigward tal-isfidi għas-saħħa, u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali, l-aktar miżuri importanti jinkludu l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Informaturi, u l-abbozz tal-Att dwar ir-Regolament dwar il-Lobbying, pjan ta' azzjoni għar-riżorsi umani għall-awtoritajiet tal-gvern ċentrali, u ż-żieda u l-indiċjar tat-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà immobbli. Dawn il-miżuri jindirizzaw is-CSR tal-2019 biex jiġu adottati miżuri pendenti kontra l-korruzzjoni, is-CSR tal-2024 biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika taċ-Ċekja li tattira, iżżomm u tiżviluppa t-talent, u s-CSR tal-2024 biex jiżdied id-dħul minn taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà. Fir-rigward tal-politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss, l-aktar miżuri importanti jinkludu ż-żieda fil-kwalità u l-aċċessibbiltà tal-edukazzjoni preprimarja, l-appoġġ għall-integrazzjoni tat-tfal ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, ir-riforma kontinwa tat-taħriġ tal-għalliema, u t-tisħiħ tal-inklużjoni fl-edukazzjoni. Dawn il-miżuri jindirizzaw is-CSR tal-2019 biex jiżdiedu l-kwalità u l-inklużività tal-edukazzjoni.

(26)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jinkludi miżuri li għandhom l-għan li jindirizzaw din il-prijorità komuni, li l-ebda waħda minnhom ma hija appoġġata mill-RRF. L-aktar miżuri importanti jinkludu l-kiri tal-kapaċitajiet tat-terminals tal-LNG u t-tlestija tal-proġett TAL+ fid-dawl tat-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili Russi. Dawn il-miżuri huma mistennija jindirizzaw is-CSR tal-2022 biex jiddiversifikaw l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili. Barra minn hekk, il-gvern qed jieħu passi biex jissostitwixxi l-unitajiet eżistenti tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta' Dukovany.

(27)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-kapaċitajiet tad-difiża, il-pjan jinkludi żieda fl-infiq għad-difiża għal madwar 2 % tal-PDG fl-2024, f'allinjament mal-impenji tan-NATO.

(28)

Il-pjan jipprovdi informazzjoni dwar il-konsistenza u, fejn xieraq, il-komplementarjetà mal-fondi tal-politika ta' koeżjoni u mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP) taċ-Ċekja. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri inklużi fil-pjan huma ffinanzjati mill-RRF. Il-pjan u l-anness tal-pjan jimmappjaw b'mod komprensiv ir-riformi u l-investimenti dwar il-fondi tal-politika ta' koeżjoni u l-RRP.

(29)

Il-pjan jipprovdi ħarsa ġenerali tal-ħtiġijiet tal-investiment pubbliku taċ-Ċekja fir-rigward tal-prijoritajiet komuni tal-UE. Fir-rigward tal-prijorità komuni ta' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inkluża l-konsistenza mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, il-ħtiġijiet ta' investiment jinkludu t-trasformazzjoni tas-settur tal-enerġija, l-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u tal-emissjonijiet tal-bini, l-iżvilupp ta' infrastruttura tan-network mobbli tal-5G, u s-simplifikazzjoni tal-aċċess għas-servizzi pubbliċi diġitali. Biex tiżgura r-reżiljenza soċjali u ekonomika, iċ-Ċekja qed tippjana li tinvesti f'negozji ġodda innovattivi u kumpaniji li qed jikbru, tiffaċilita t-taħriġ mill-ġdid u l-edukazzjoni ulterjuri, u żżid il-kapaċità tal-indukrar tat-tfal. Biex iżżid is-sigurtà tal-enerġija, iċ-Ċekja beħsiebha tappoġġa r-riċerka applikata fl-enerġija.

Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni

(30)

B'mod ġenerali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan taċ-Ċekja jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

KONKLUŻJONI ĠENERALI TAL-KUNSILL

(31)

Il-Kunsill jilqa' l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju taċ-Ċekja u jqis li l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu twassal biex jiġu żgurati finanzi pubbliċi sodi u tiġi appoġġata s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku kif ukoll tkabbir sostenibbli u inklużiv.

(32)

Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjan. Madankollu, il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tal-pjanijiet futuri f'dokument separat mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.

(33)

Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan, inkluż fir-rigward tal-gwida minn qabel mill-Kummissjoni, kif ukoll l-implikazzjonijiet tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan għad-defiċit u d-dejn tal-gvern. Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi u fiskali, filwaqt li f'xi każijiet huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, inkluż biex jipprovdu għal data makroekonomika u fiskali aġġornata, huma ġeneralment debitament ġustifikati u sostnuti minn argumenti ekonomiċi sodi. Il-Kunsill jieħu nota tal-istrateġija fiskali wiesgħa tal-pjan u r-riskji għall-prospettiva, li jistgħu jaffettwaw il-materjalizzazzjoni tax-xenarju makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet sottostanti u t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan. B'mod partikolari, il-Kunsill jilqa' wkoll li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kienu involuti fil-livell nazzjonali qabel il-preżentazzjoni tal-pjan. Il-Kunsill jinnota wkoll li r-riskji ġeopolitiċi jistgħu jagħmlu pressjoni fuq in-nefqiet tad-difiża.

(34)

Il-Kunsill jistenna li ċ-Ċekja tkun lesta taġġusta l-istrateġija fiskali tagħha kif meħtieġ biex tiżgura t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tagħha. Il-Kunsill huwa determinat li jissorvelja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u fiskali, inkluż dawk sottostanti għax-xenarju tal-pjan.

(35)

Il-Kunsill iqis li aktar diskussjonijiet biex jinstab fehim komuni dwar l-implikazzjonijiet ta' sorveljanza annwali tar-rati ta' tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta huma meħtieġa fil-ħin għaċ-ċiklu li jmiss ta' sorveljanza fiskali.

(36)

Il-Kunsill jieħu nota tad-deskrizzjoni tal-Kummissjoni tar-riformi u l-ħtiġijiet u l-intenzjonijiet ta' investiment b'reazzjoni għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, u jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat it-twettiq ta' tali riformi u investimenti. Il-Kunsill, abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni, ser jivvaluta tali riformi u investimenti u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

(37)

Il-Kunsill jistenna b'interess ir-rapporti ta' progress annwali miċ-Ċekja li għandu jkun fihom, b'mod partikolari, informazzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill, u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti usa' fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

(38)

F'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit fil-pjan għandu jiġi rrakkomandat mill-Kunsill liċ-Ċekja.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li ċ-Ċekja:

1.

Tiżgura li t-tkabbir fin-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness I ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. DOMAŃSKI


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta' April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta' April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj).

(4)  In-nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jiġifieri n-nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax, (ii) miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) nefqa fuq il-programmi tal-Unjoni ffinanzjata kompletament minn dħul minn fondi tal-Unjoni, (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(5)  Gwida minn qabel trażmessa lill-Istati Membri u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tinkludi informazzjoni teknika i) mingħajr u b'estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament (li jkopri 4 u 7 snin, rispettivament), u ii) mingħajr u bis-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit. Dan jinkludi wkoll il-kundizzjonijiet inizjali ewlenin u s-suppożizzjonijiet sottostanti użati fil-qafas tal-projezzjoni tad-dejn tal-gvern fuq terminu medju tal-Kummissjoni. It-trajettorja referenzjarja ġiet ikkalkolata abbażi tal-metodoloġija deskritta fid-Debt Sustainability Monitor 2023 tal-Kummissjoni (https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/debt-sustainability-monitor-2023_en). Din hija bbażata fuq it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea u l-estensjoni tiegħu fuq terminu medju sal-2033, u t-tkabbir tal-PDG fit-tul u l-ispejjeż tat-tixjiħ huma konformi mar-rapport konġunt tal-Kummissjoni u tal-Kunsill 2024 Ageing Report(https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/2024-ageing-report-economic-and-budgetary-projections-eu-member-states-2022-2070_en).

(6)   https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/national-medium-term-fiscal-structural-plans_en#czechia.

(7)  Is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit stabbilita fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263 tistabbilixxi li t-titjib annwali fil-bilanċ primarju strutturali huwa ta' 0,4 punti perċentwali tal-PDG (jew 0,25 punti perċentwali tal-PDG f'każ ta' estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament) sakemm id-defiċit strutturali jkun inqas minn 1,5 % tal-PDG.

(8)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2024 dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali taċ-Ċekja. (ĠU C, C/2024/6810, 29.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6810/oj).

(9)  Fix-xenarju mingħajr is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit.


ANNESS I

Rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta

(rati ta' tkabbir annwali u kumulattivi, f'termini nominali)

Iċ-Ċekja

Snin

2025

2026

2027

2028

Rati ta' tkabbir (%)

Annwali

4,5

2,5

2,6

2,9

Kumulattiv (*1)

10,1

12,9

15,8

19,2


(*1)  Ir-rati ta' tkabbir kumulattivi huma kkalkolati b'referenza għas-sena bażi tal-2023. Ir-rati kumulattivi ta' tkabbir jintużaw fil-monitoraġġ annwali tal-konformità ex post fil-kont ta' kontroll.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/666/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)