21.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 158/5


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1091

tal-10 ta' April 2017

li jemenda l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista ta' sustanzi li jistgħu jiġu miżjuda ma' ikel proċessat biċ-ċereali u ikel tat-trabi u ma' ikel għal skopijiet mediċi speċjali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' sustanzi li jistgħu jiġu miżjuda ma' kategorija tal-ikel waħda jew aktar imsemmija fl-Artikolu 1(1). Skont l-Artikolu 22 ta' dak ir-Regolament, il-lista tal-Unjoni se tapplika mid-data tal-applikazzjoni tal-atti delegati kkonċernati, adottati skont l-Artikolu 11 tal-istess Regolament. Il-lista tal-Unjoni tista' tiġi emendata skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16 ta' dak ir-Regolament.

(2)

Fl-Opinjoni tagħha tas-6 ta' Jannar 2006 (2), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li l-użu tal-bisgliċinat ferruż, bħala sors ta' ħadid fl-ikel maħsub għall-popolazzjoni ġenerali, fis-supplimenti tal-ikel u fl-ikel għal użi nutrizzjonali partikolari inkluż ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ma jippreżenta l-ebda tħassib dwar sikurezza.

(3)

Il-bisgliċinat ferruż ma kienx inkluż fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 għall-użu, bħala sors ta' ħadid, f'ikel proċessat biċ-ċereali u ikel tat-trabi, sakemm issir ir-reviżjoni tar-regoli applikabbli għal dawn il-prodotti. Peress li din ir-reviżjoni teħtieġ aktar valutazzjonijiet xjentifiċi kontinwi li mhumiex se jiġu konklużi fi żmien qasir, fid-dawl tal-prassi amministrattiva tajba, mhux xieraq li jkun hemm aktar dewmien fl-aġġornament tal-lista tal-Unjoni fir-rigward tal-inklużjoni tal-bisgliċinat ferruż bħala sors ta' ħadid f'ikel proċessat biċ-ċereali u ikel tat-trabi.

(4)

Wara applikazzjoni, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità tipprovdi opinjoni dwar is-sikurezza u l-bijodisponibilità tal-oligosakkaridi tal-kalċju fosforil POs-Ca ®), bħala sors ta' kalċju miżjud fl-ikel għal skopijiet nutrizzjonali, fis-supplimenti tal-ikel u fl-ikel għal skopijiet mediċi speċjali. Fl-Opinjoni tagħha tas-26 ta' April 2016 (3), l-Awtorità kkonkludiet li ma hemm l-ebda tħassib dwar is-sikurezza għall-użu ta' din is-sustanza fil-kategoriji tal-ikel imsemmija sakemm ċerti kundizzjonijiet iddettaljati fl-opinjoni tagħha jiġu rispettati. L-awtorità qalet li din is-sustanza tkun kontributur ewlieni fil-konsum globali medju ta' kuljum tal-kalċju.

(5)

Għalhekk, l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-partijiet interessati ġew ikkonsultati u tqiesu l-kummenti li ġew ipprovduti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' April 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35.

(2)  Il-Bord tal-AFC tal-EFSA (Bord Xjentifiku tal-EFSA dwar l-addittivi tal-ikel, il-ħwawar, addittivi awżiljari u materjali għall-ipproċessar f'kuntatt mal-ikel), l-Opinjoni relatata mal-Bisgliċinat ferruż bħala sors ta' ħadid għall-użu fil-manifattura tal-ikel u fis-supplimenti tal-ikel, EFSA Journal (2006) 299, 1-17.

(3)  Il-Bord tal-ANS tal-EFSA (il-Bord tal-EFSA dwar l-Addittivi tal-Ikel u s-Sorsi tan-Nutrijenti miżjuda mal-Ikel), 2016, l-Opinjoni Xjentifika dwar l-Oligosakkaridi tal-kalċju fosforil (POs-Ca ®) bħala sors ta' kalċju miżjud fl-ikel għal skopijiet nutrizzjonali, fis-supplimenti tal-ikel u fl-ikel għal skopijiet mediċi speċjali, EFSA Journal 2016;14(6):4488.


ANNESS

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 huwa emendat kif ġej:

(a)

fis-sustanza “Kalċju”, l-entrata li ġejja tiddaħħal wara l-entrata għal “L-pidolat tal-kalċju”:

“oligosakkaridi tal-kalċju fosforil

 

 

X”

 

(b)

fis-sustanza “Ħadid”, l-entrata “bisgliċinat ferruż” tinbidel b'dan li ġej:

“bisgliċinat ferruż

X

X

X

X”